KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fit‑3ta’ Lulju 2025 ( 1 )

Kawża C‑210/24

Asociación de Empresas de Servicios para la Dependencia (AESTE)

vs

Ayuntamiento de Ortuella

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Bord Amministrattiv responsabbli għar-Rikorsi Relatati mal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-País Vasco, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Kuntratt ta’ servizzi soċjali lill-persuna – Kuntratt taħt il-livell massimu –Artikolu 67 – Offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża – Kriterju ta’ għoti ta’ natura soċjali – Żieda tal-pagi tal-persunal li jeżegwixxi s-servizzi – Rabta mas-suġġett tal-kuntratt – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 28 – Dritt għal ftehim kollettiv”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawża ineżami toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-użu tal-kuntratti pubbliċi sabiex jintlaħqu għanijiet orizzontali ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ għanijiet soċjali. Il-kuntratti pubbliċi, li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tal-Prodott Domestiku Gross (GDP) tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), qegħdin jiġu rrikonoxxuti dejjem iktar bħala strument strateġiku li jista’ jintuża, lil hinn mis-sempliċi xiri ta’ oġġetti jew servizzi bl-aħjar prezz, sabiex jintlaħqu għanijiet politiċi usa’, b’mod partikolari għanijiet ta’ natura soċjali (Socially responsible Public Procurement) ( 3 ).

2.

Id-Direttiva 2014/24 ( 4 ), li hija s-suġġett tat-talba għal interpretazzjoni fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ineżami, saħħet, permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet tagħha, il-possibbiltà li l-kuntratti jintużaw sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ natura soċjali. Din il-kawża tikkonċerna speċifikament il-possibbiltà, diġà rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza u issa kkodifikata fl-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, għall-awtoritajiet kontraenti li jużaw kriterji li jirrigwardaw l-aspetti soċjali għall-għoti ta’ kuntratti.

3.

It-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima dwar kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kriterju kontenzjuż”) previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati ma’ proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija mill-Ayuntamiento de Ortuella (il-Komun ta’ Ortuella, Spanja) dwar servizzi ta’ għajnuna fid-dar favur il-familji u/jew persuni f’diffikultà ( 5 ).

4.

Il-kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt kontenzjuża, imsejjaħ iż-“[ż]ieda fil-kont tal-pagi”, jipprevedi li, bil-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali bħala punt ta’ riferiment, għall-għan tal-għoti tal-kuntratt, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ogħla pagi li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt ( 6 ). In-numru massimu ta’ punti li jistgħu jingħataw fuq il-bażi tal-kriterju kontenzjuż lill-offerti li jipproponu żieda perċentwali tal-paga li għandha tiġi applikata għall-persuni msemmija huwa ta’ 40 punt. 0 punti jingħataw lill-offerti li ma jipproponu l-ebda żieda ( 7 ).

5.

Barra minn hekk, dan il-kriterju jipprevedi li, f’terminu massimu ta’ xahar mill-konklużjoni tal-kuntratt, għandhom jiġu stabbiliti, wara negozjar mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-elementi li skonthom għandha sseħħ din iż-żieda fil-pagi li l-impriża kontraenti għandha wkoll tagħmel ħilitha sabiex tikkonkludi ftehim (imsejjaħ ftehim kollettiv tas-servizz ta’ għajnuna fid-dar ta’ Ortuella) li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal assenjat fil-kuntratt.

6.

L-Asociación de Empresas de Servicios para la Dependencia (l-Assoċjazzjoni ta’ Impriżi li joffru Servizzi ta’ Għajnuna, iktar ’il quddiem l-“AESTE”) ippreżentat rikors quddiem l-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Bord Amministrattiv responsabbli għar-Rikorsi Relatati mal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-País Vasco, Spanja, iktar ’il quddiem l-“OARC”), il-qorti tar-rinviju, fejn talbet, b’mod partikolari, it-tħassir tal-kriterju kontenzjuż.

7.

Peress li kellu dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan il-kriterju ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-OARC iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizzi bħal dak [ineżami], li:

—

iqis ż-żieda fil-kont tal-pagi lil hinn minn dak previst mill-konvenzjoni settorjali applikabbli li l-offerent jipproponi li japplika fir-rigward tal-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt u

—

jimponi fuq l-offerent magħżul l-obbligu kemm li jispeċifika, wara negozjati kollettivi mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, il-kunċetti li taħthom għandha tiġi implimentata ż-żieda fil-pagi kif ukoll li jikkonkludi ftehim kollettiv li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkun il-persunal assenjat għall-kuntratt,

1. huwa xieraq sabiex tiġi identifikata l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża kif meħtieġ mill-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE?

2. jipprekludi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew jillimita l-kompetizzjoni ħielsa bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttivi 2014/24/UE u 96/71/KE [ ( 8 )] […]?

3. Jikser id-dritt ta’ negozjar kollettiv irrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

II. Evalwazzjoni

8.

Qabel ma jiġi indirizzat l-mertu ta’ kull waħda mid-domandi magħmula fit-tliet partijiet tad-domanda preliminari, għandhom isiru xi osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din il-kwistjoni kif ukoll dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

9.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE tal-OARC, li kienet is-suġġett ta’ dibattitu waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nirrileva fil-qosor li din diġà ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20ta’ Settembru 2018, Montte (C‑546/16, EU:C:2018:752) ( 9 ).

10.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għal kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ qabel xejn li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-paragrafu 3 tiegħu, dan il-kuntratt għandu bħala suġġett l-għoti ta’ servizzi soċjali skont l-Anness XV tad-Direttiva 2014/24 ( 10 ). Isegwi, minn naħa, li din id-direttiva hija applikabbli biss jekk il-valur ta’ dan il-kuntratt ikun daqs jew ogħla mil-livell massimu ta’ EUR 750000 previst mill-Artikolu 4(d) tagħha, u, min-naħa l-oħra, li, jekk tali livell massimu jinqabeż, il-kuntratt inkwistjoni għandu jkun suġġett għar-“reġim anqas strett” ( 11 ) previst mill-Artikoli 74 sa 77 tad-direttiva msemmija.

11.

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni għandu valur stmat ta’ EUR 166250, u għalhekk inqas mill-imsemmi livell massimu. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/24 ma hijiex applikabbli għal dan il-kuntratt.

12.

Il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, tirrileva madankollu, li, minkejja li l-valur tal-kuntratt huwa taħt il-livell massimu msemmi iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 saru applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet li, bħal dik tal-kuntratt inkwistjoni, normalment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

13.

Din il-qorti ppreċiżat li, kif irrileva wkoll il-Gvern Spanjol, b’mod ġenerali, u bi ftit eċċezzjonijiet, il-Liġi Spanjola dwar il-Kuntratti Pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“LCSP” ( 12 )) tagħżel li timponi, għall-kuntratti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 minħabba l-valur stmat tagħhom, l-istess sistema legali bħal dik prevista għall-kuntratti suġġetti għal din id-direttiva. B’mod partikolari, l-Artikolu 145 tal-LCSP, li jikkonċerna r-rekwiżiti u t-tipi ta’ kriterji tal-għoti tal-kuntratti b’mod ġenerali u li jittrasponi fid-dritt Spanjol l-Artikolu 67(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24, huwa applikabbli għall-kuntratti għal servizzi soċjali (imsemmija fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24) bil-karatteristiċi speċifiċi tas-seba’ u erbgħin dispożizzjoni addizzjonali tal-LCSP (li tittrasponi l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 li jinsab fid-dispożizzjonijiet dwar ir-“reġim inqas strett” imsemmi iktar ’il fuq).

14.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, b’mod dirett u inkundizzjonat, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet mhux koperti minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan l-att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet riprodotti fl-imsemmi att jiġu interpretati b’mod uniformi Fil-fatt dan jippermetti li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ( 13 ).

15.

F’dan il-każ, mill-punti 12 u 13 għandu jitqies li fil-kawża ineżami jeżisti, konformement ma’ din il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 12, interess ċert tal-Unjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

16.

Sussegwentement, fit-tielet lok, għandha tiġi vverifikata l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttiva 96/71 għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17.

Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt li, fid-dawl tal-valur tiegħu, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari, l-Artikolu 56 tiegħu, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni jkollu interess transkonfinali ċert ( 14 ).

18.

Skont il-ġurisprudenza, fost il-kriterji oġġettivi li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, hemm, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ċertu daqs tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew, ukoll, il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati ( 15 ).

19.

Fil-kawża prinċipali, il-valur stmat tal-kuntratt huwa b’mod ċar taħt il-livell massimu meħtieġ mill-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, il-kuntratt għandu bħala suġġett is-servizzi soċjali mogħtija lill-persuna, li min-natura tagħhom għandhom dimensjoni transkonfinali limitata ( 16 ). Servizzi lill-persuna b’valuri taħt il-livell massimu msemmi tipikament mhux ser ikunu ta’ interess għall-fornituri minn Stati Membri oħra, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet konkreti għall-kuntrarju ( 17 ). Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, l-Artikolu 56 TFUE ma huwiex applikabbli għal kuntratt bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali ( 18 ).

20.

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 96/71, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda element li jippermetti li jitqies li, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, fil-kawża prinċipali, jista’ jkun hemm, anki potenzjalment, sitwazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-miżuri transkonfinali msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva li tiġġustifika l-applikazzjoni tagħha ( 19 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li lanqas id-Direttiva 96/71 ma hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

21.

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, għandha tiġi vverifikata l-applikabbiltà tal-Artikolu 28 tal-Karta.

22.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, “jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti diretti ta’ suġġett fuq ieħor” ( 20 ).

23.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali rabta teżisti meta, bħal f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni jsiru applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, permezz ta’ riferiment magħmul mid-dritt nazzjonali, li effettivament jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux direttament f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, f’ħafna minn dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta ( 21 ), billi qieset għalhekk li anki f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru kien qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 28 tal-Karta huwa applikabbli fil-kawża ineżami.

24.

Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li tingħata risposta esklużivament għall-ewwel u għat-tielet parti tad-domanda preliminari, li jirrigwardaw rispettivament l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24 u tal-Artikolu 28 tal-Karta.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24

25.

Permezz tal-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24. Din il-qorti tistaqsi jekk jikkostitwixxix kriterju xieraq għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-“offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kriterju ta’ għoti, għal kuntratt li għandu bħala suġġett servizzi soċjali lill-persuna, li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni taż-żidiet fil-pagi li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt, meta mqabbla mal-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali.

26.

L-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti fuq il-bażi tal-“offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża”. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jippreċiża li “[m]ill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, […] u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni”.

27.

Preliminarjament, nirrileva, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 fil-kawża ineżami għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv partikolari li fih jaqa’ l-kuntratt inkwistjoni. Minn naħa, kif ġie rrilevat, minħabba s-suġġett tiegħu (servizzi soċjali lill-persuna) u l-valur tiegħu taħt il-livell massimu, dan il-kuntratt bħala prinċipju ma huwiex suġġett għal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-għoti ta’ kuntratti prevista mid-Direttiva 2014/24. L-applikazzjoni tal-kriterju tal-“offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża” għal dan il-kuntratt tiddependi biss mill-għażla tal-leġiżlatur Spanjol li jestendi din il-leġiżlazzjoni ġenerali għal dan it-tip partikolari ta’ kuntratti. Min-naħa l-oħra, għall-kuntratti li għandhom bħala suġġett is-servizzi soċjali, id-Direttiva 2014/24 tipprevedi, preċiżament minħabba s-suġġett tagħhom, ir-reġim partikolari “inqas strett” previst fl-Artikoli 74 sa 77. Dan ir-reġim jimponi fuq l-Istati Membri “biss l-osservanza ta’ prinċipji bażiċi ta’ trasparenza u trattament ugwali” u jħallilhom, espliċitament, “diskrezzjoni wiesgħa”, billi jagħtihom il-fakultà li “jkunu jistgħu japplikaw kriterji ta’ kwalità speċifiċi għall-għażla tal-fornituri tas-servizz” u l-libertà li jistabbilixxu proċeduri għall-għoti ta’ dawn is-servizzi ( 22 ).

28.

F’dan il-kuntest, għalkemm ir-rekwiżit iċċitat iktar ’il fuq ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ) jeżiġi li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża” ma tistax tkun differenti minn dik li tkun applikabbli għal kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, huwa madankollu neċessarju li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kawża ineżami tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ speċifiċità tas-servizzi soċjali li huma s-suġġett tal-kuntratt u ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri għall-kuntratti li jirrigwardaw dawn is-servizzi. Barra minn hekk, mid-Direttiva 2014/24 jirriżulta espliċitament li l-imsemmija elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki meta l-Istat Membru jiddeċiedi li japplika għal dawn it-tipi ta’ kuntratti l-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża ( 24 ).

29.

Fit-tieni lok, nirrileva li, fil-kawża ineżami, mhux biss il-kuntratt jirrigwarda s-servizzi soċjali, iżda anki l-kriterju kontenzjuż huwa kriterju li jikkonċerna “aspetti soċjali” fis-sens tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24.

30.

F’dan ir-rigward, imqabbla mad-direttivi preċedenti dwar il-kuntratti, id-Direttiva 2014/24 saħħet il-possibbiltajiet li jintużaw l-kuntratti pubbliċi b’mod strateġiku, biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari, ta’ natura soċjali ( 25 ). Barra minn hekk dan huwa konformi mad-dispożizzjonijiet, introdotti bit-Trattat ta’ Lisbona, tal-Artikolu 3(3) TUE u tal-Artikolu 9 TFUE ( 26 ).

31.

Għal dan l-għan, id-Direttiva 2014/24 tipprevedi diversi possibbiltajiet għall-integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali fil-kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, sabiex jiġu osservati jew promossi l-istandards tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Minbarra r-reġim “inqas strett” diġà msemmi għall-kuntratti li għandhom bħala suġġett is-servizzi soċjali u t-teħid inkunsiderazzjoni espliċitu tal-“aspetti soċjali” fil-kuntest tal-kriterji ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 ( 27 ), għandu fuq kollox jiġi rrilevat l-Artikolu 18(2) fejn jipprevedi li l-operaturi ekonomiċi għandhom josservaw, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti, l-obbligi applikabbli fil-qasam tad-dritt, b’mod partikolari, dak soċjali u tax-xogħol. Fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ “valur kardinali” fl-istruttura ġenerali tad-Direttiva, billi stabbilixxietu bħala prinċipju, bl-istess mod bħall-prinċipji l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu ( 28 ), jiġifieri l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità. Dan il-valur kardinali għandu, għalhekk, jikkaratterizza l-interpretazzjoni tad-Direttiva fl-intier tagħha.

32.

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata risposta għad-domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 magħmula mill-qorti tar-rinviju. Din id-domanda tqajjem, essenzjalment, erba’ punti li ser niddiskuti iktar ’il quddiem: (i) il-kapaċità tal-kriterju kontenzjuż li jidentifika l-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża; (ii) il-kwistjoni dwar jekk dan il-kriterju huwiex “marbut” mas-suġġett tal-kuntratt; (iii) il-proporzjonalità ta’ dan il-kriterju; u, (iv) in-natura diskriminatorja possibbli tiegħu.

1. Fuq il-kapaċità tal-kriterju kontenzjuż li jidentifika l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża

33.

Kif tfakkar, l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, li sar applikabbli għal kuntratt ta’ servizzi soċjali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz tal-Artikolu 145 tal-LCSP, jippermetti espliċitament lill-awtoritajiet kontraenti jinkludu fid-determinazzjoni tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża, iddeterminata fuq il-bażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, kriterji li jikkonċernaw aspetti soċjali marbuta mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

34.

Il-ġurisprudenza kienet diġà rrikonoxxiet, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kontraenti fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ għoti ( 29 ), il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti soċjali fid-determinazzjoni tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. B’hekk, fis-sentenza Nord-Pas-de-Calais, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-possibbiltà li jintuża kriterju bħall-kundizzjoni marbuta mal-ġlieda kontra l-qgħad ma kinitx eskluża għall-awtoritajiet kontraenti ( 30 ). Sussegwentement, fis-sentenza magħrufa bħala “Fair Trade”, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat b’mod espliċitu, b’mod ġenerali, li l-awtoritajiet kontraenti huma “awtorizzati li jagħżlu kriterji ta’ għoti bbażati fuq kunsiderazzjoni ta’ ordni soċjali” ( 31 ).

35.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li jiġu stabbiliti l-limiti tal-fakultà għall-awtoritajiet kontraenti li jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti soċjali fid-determinazzjoni tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

36.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “aspetti soċjali” jinkludi, b’mod ġenerali, kemm fatturi relatati mal-proċess ta’ produzzjoni jew mal-għoti tas-servizz (bħal, pereżempju, fatturi relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista jew mal-provvista responsabbli tal-materja prima) kif ukoll fatturi rilevanti għall-utenti finali (bħal, pereżempju, fatturi relatati mal-aċċessibbiltà tas-servizz jew mad-disinn tas-servizz biex jintlaħqu utenti vulnerabbli jew opportunitajiet ta’ impjieg) ( 32 ).

37.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterji ta’ għoti bbażati fuq kunsiderazzjonijiet soċjali jistgħu jikkonċernaw mhux biss lill-utenti jew lill-benefiċjarji tax-xogħlijiet, tal-provvisti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt, iżda wkoll entitajiet oħra ( 33 ), bħall-ħaddiema li jeżegwixxu l-kuntratt ( 34 ).

38.

Barra minn hekk, mid-Direttiva 2014/24 u mill-ġurisprudenza jirriżulta li awtorità kontraenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kriterji relatati ma’ aspetti soċjali, sakemm dawn il-kriterji: fl-ewwel lok, ikunu huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt ( 35 );fit-tieni lok, ma jagħtux lil din l-awtorità libertà ta’ għażla mingħajr limitu ( 36 ); fit-tielet lok, josservaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza, u għalhekk, minn naħa, jissemmew espressament fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż ta’ kuntratt ( 37 ) flimkien mal-kunsiderazzjoni tagħhom ( 38 ) u l-eventwali sottokriterji u, min-naħa l-oħra, li jkunu ċari biżżejjed sabiex jiżguraw li l-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu jistgħu jifhimhom ( 39 ); u, fir-raba’ lok, josservaw il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni ( 40 ).

39.

Mid-Direttiva jirriżulta wkoll li l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża fuq il-bażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità għandha dejjem tinkludi element dwar il-prezz jew l-ispiża ( 41 ), b’tali mod li d-determinazzjoni ta’ din l-offerta ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq kriterji kwalitattivi u/jew soċjali. Barra minn hekk, mhux il-kriterji kollha ta’ għoti magħżula mill-awtorità kontraenti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża għandhom neċessarjament ikunu ta’ natura purament ekonomika. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li fatturi li ma humiex purament ekonomiċi jista’ jkollhom effett fuq il-valur ta’ offerta fir-rigward tal-awtorità kontraenti ( 42 ).

40.

Fil-kawża ineżami, mill-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-kriterju kontenzjuż jikkonċerna ż-żieda fil-paga, meta mqabbla ma’ dik stabbilita mill-ftehim kollettiv settorjali, li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt.

41.

Sa fejn jikkonċerna l-paga u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan huwa kriterju ta’ għoti relatat mal-“aspetti soċjali” fis-sens tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37, jikkonċerna lill-ħaddiema li jeżegwixxu l-kuntratt. Barra minn hekk, minbarra l-kwistjonijiet dwar ir-rabta tiegħu mas-suġġett tal-kuntratt u l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ diskriminazzjoni, diskussi iktar ’il quddiem, ma jidhirx li hemm dubju li dan il-kriterju ta’ għoti jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 38. F’dan ir-rigward mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni għandu jinkludi wkoll kriterju relatat mal-prezz skont ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 39.

42.

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat ukoll li, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-kuntratti li għandhom bħala suġġett is-servizzi soċjali, minn naħa, mill-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti huma awtorizzati, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-servizzi, li jenfasizzaw l-aspetti li jikkonċernaw “il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi [u] il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti”. Min-naħa l-oħra, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, l-Istati Membri jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ( 43 ) fir-rigward ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kriterji ta’ għoti. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, validi għall-kuntratti għal servizzi soċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, japplikaw a fortiori għall-kuntratti, bħal dak inkwistjoni, li lanqas ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva 2014/24, iżda li għalihom din id-direttiva tapplika biss minħabba għażla volontarja tal-Istat Membru inkwistjoni. Għal dawn it-tipi ta’ kuntratti, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni ser tkun saħansitra usa’ ( 44 ).

43.

F’dan il-kuntest partikolari, inqis għalhekk li, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar ir-rabta mas-suġġett tal-kuntratt u l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, id-Direttiva 2014/24 ma tillimitax is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-Istat Membru inkwistjoni u ma tipprekludix li awtorità kontraenti tista’ tikkunsidra, fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizzi soċjali taħt il-livell massimu u għalhekk barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, li għalih l-Istat Membru japplika volontarjament, kriterju dwar aspetti soċjali bħall-kriterju kontenzjuż għad-determinazzjoni tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

2. Fuq ir-rabta tal-kriterju kontenzjuż mas-suġġett tal-kuntratt

44.

Madankollu, mill-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-kriterju ta’ għoti għandu jkun marbut mas-suġġett tal-kuntratt. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jippreċiża li “[l]-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku fejn huma relatati [mas]-servizzi li għandhom jingħataw taħt dak il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti [li] ma jagħmlux parti mis-sustanza materjali tagħhom”.

45.

Huwa preċiżament l-element tar-rabta bejn il-kriterju tal-għoti kontenzjuż u s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni li huwa wieħed mill-aspetti li dwarhom il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji. Hija tqis li r-relazzjoni bejn iż-żieda fil-paga u t-titjib tal-provvista tas-servizz tidher eċċessivament ipotetika sabiex jiġi identifikat aspett vantaġġuż li jista’ jwassal għall-għoti tal-kuntratt.

46.

F’dan ir-rigward, il-kuntratt inkwistjoni jikkonċerna servizzi soċjali lill-persuna. Dawn is-servizzi normalment jiġu pprovduti minn persuna għal oħra u jeħtieġu t-twettiq ta’ attivitajiet li jirrikjedu ħafna ħaddiema ( 45 ). Fir-rigward tal-paga li l-operatur li jipprovdi s-servizz jirċievi sabiex jipprovdi s-servizz, il-kriterju kontenzjuż jikkonċerna fl-aħħar mill-aħħar il-paga għas-servizz innifsu, jiġifieri l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni ( 46 ) u, għaldaqstant, element b’mod ċar marbut mas-servizz.

47.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex neċessarju li l-kriterju ta’ għoti jirrigwarda karatteristika intrinsika għas-servizz ( 47 ), li huwa kkonfermat mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 67(3), u mill-premessa 97 tad-Direttiva 2014/24, li, kif imsemmi fil-paragrafu 44, tipprevedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rabta bejn il-kriterju u s-servizz, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi li ma jifformawx parti mis-“sustanza materjali” tas-servizz. Barra minn hekk, kif irrilevat fil-punt 39, il-kriterju ma għandux neċessarjament jagħti vantaġġ ta’ natura purament ekonomika.

48.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ servizzi li fihom l-element personali għandu rwol predominanti, ma jidhirx irraġonevoli li jitqies li, b’mod ġenerali, tista’ teżisti korrelazzjoni pożittiva, bejn is-sodisfazzjon professjonali tal-fornituri ta’ servizzi soċjali, influwenzata wkoll mill-paga, u l-kwalità tas-servizz ipprovdut.

49.

Fl-aħħar nett, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kontraenti użat il-kriterju kontenzjuż fir-rigward tal-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet kunfliġġenti fil-qasam tal-impjieg, inklużi dawk marbuta mal-livell tal-pagi, li kienu mmaterjalizzaw f’perijodu twil ta’ protesti min-naħa tal-persuni inkarigati li jipprovdu s-servizz. L-użu ta’ dan il-kriterju kien intiż sabiex jiżgura l-kontinwità u l-adegwatezza tas-servizz.

50.

F’dan ir-rigward, minbarra l-verifiki fattwali neċessarji li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, inqis li tali evalwazzjonijiet min-naħa tal-awtorità kontraenti huma kunsiderazzjonijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ kriterju speċifiku ta’ għoti, b’mod partikolari f’kuntest partikolari bħal dak tal-kawża ineżami, fejn, kif indikat fil-punt 42, minn naħa, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt, kunsiderazzjonijiet dwar il-kontinwità u d-disponibbiltà tas-servizz għandhom rwol primarju u fejn, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’, a fortiori fil-każ ta’ kuntratti taħt il-livell massimu.

3. Fuq il-proporzjonalità tal-kriterju kontenzjuż

51.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tiddubita l-kompatibbiltà tal-kriterju kontenzjuż mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni għandha dubji b’mod partikolari dwar il-proporzjonalità tal-livell ta’ kunsiderazzjoni li għandu l-imsemmi kriterju meta mqabbel mal-kriterji l-oħra previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li wieħed jifhem kompletament il-kunsiderazzjoni tal-kriterji differenti fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni ( 48 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina b’mod konkret liema huwa l-livell effettiv ta’ kunsiderazzjoni tal-kriterju kontenzjuż sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tiegħu.

52.

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jiżgura li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kontraenti huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti u li dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. L-analiżi tal-proporzjonalità bejn il-kriterji ta’ għoti previsti għal kuntratt partikolari għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ u tiddependi minn diversi fatturi, fosthom ċertament is-suġġett tal-kuntratt.

53.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-kriterji tal-għoti li jikkonċernaw aspetti soċjali, ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi ddeterminat b’mod astratt perċentwal massimu jew minimu li jkun proporzjonat. Għall-kuntratti fejn ir-riskji soċjali (pereżempju. ksur tad-drittijiet tal-bniedem) jew, bħal fil-każ tal-kuntratti inkwistjoni, il-benefiċċji soċjali potenzjali (pereżempju, it-titjib tal-benesseri ta’ grupp vulnerabbli) ikunu għoljin, jista’ jkun xieraq li tingħata kunsiderazzjoni għolja lill-kriterji tal-għoti soċjali ( 49 ). L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest partikolari msemmi fil-punt 42 fir-rigward tal-kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi soċjali, b’mod partikolari meta dawn ikunu taħt il-livell massimu.

54.

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-prezz, minbarra r-rekwiżit imsemmi fil-punt 39, id-Direttiva 2014/24 ma tidhirx li timponi rekwiżiti preċiżi sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjonalità ta’ dan il-kriterju, li ser tiddependi minn diversi fatturi relatati mat-tip ta’ kuntratt.

55.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li awtorità kontraenti tista’ tagħti kunsiderazzjoni ta’ 45 % lil kriterju ta’ għoti bbażat fuq aspetti ambjentali ( 50 ) u ma oġġezzjonatx li l-kriterji kwalitattivi jistgħu jikkorrispondu, fit-total, għal 60 % tan-numru ta’ punti li jistgħu jingħataw għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerta ( 51 ).

56.

Fl-aħħar nett, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar jekk, għall-applikazzjoni tal-kriterju kontenzjuż fil-kuntest tad-diversi dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, huwiex previst limitu massimu għaż-żidiet fil-pagi li l-impriża offerenti tista’ tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt. Kieku kien possibbli li jiġu proposti żidiet fil-pagi manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-valur tas-servizz, dan joħloq problemi mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57.

Bħala konklużjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali li hija għandha tagħmel, jekk, għal kuntratt ta’ servizzi soċjali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kuntest partikolari msemmi fil-punt 42, kriterju bħal dak kontenżjuż huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4. Fuq in-natura diskriminatorja tal-kriterju kontenzjuż

58.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk il-kriterju kontenzjuż jistax jippreġudika b’mod diskriminatorju lill-operaturi li għandhom inqas kapaċità ekonomika li jħallsu pagi għoljin, bħal, pereżempju, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jistgħu jippreżentaw offerti kompetittivi preċiżament minħabba l-ispejjeż tal-pagi iktar baxxi tagħhom.

59.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u b’mod nondiskriminatorju. Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, għandhom l-għan li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku u jaqgħu taħt l-essenza stess tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Konformement ma’ dawn il-prinċipji, l-offerenti għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod kemm fil-mument meta jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn l-offerti jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti ( 52 ). Dawn il-prinċipji jirrikjedu li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 53 ).

60.

B’mod partikolari, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, kif jirriżulta essenzjalment mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, l-assenza ta’ diskriminazzjoni timplika li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jadottaw kriterji jew regoli li jiffavorixxu jew jisfavorixxu indebitament operaturi ekonomiċi speċifiċi minħabba karatteristiċi proprji jew li joħolqu ostakoli artifiċjali għal ċerti tipi ta’ operaturi, bħalma huma l-SMEs.

61.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/24 għandha bħala wieħed mill-għanijiet konklużivi tagħha l-faċilitazzjoni tal-SMEs fil-kuntratti pubbliċi ( 54 ). F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ rekwiżiti jew kriterji ta’ għoti eċċessivament severi, mhux relatati u sproporzjonati għas-suġġett tal-kuntratt jista’ jikkostitwixxi ostakolu inġustifikat għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kuntratti pubbliċi ( 55 ). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi, wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-regoli tal-Unjoni huwa l-ftuħ massimu għall-kompetizzjoni, li jiżgura l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli ta’ offerenti f’sejħa għal offerti.

62.

Fil-kawża ineżami, ma huwiex eskluż li, fl-astratt, kriterju bħal dak kontenzjuż, skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, jista’ jkollu effett diskriminatorju fir-rigward ta’ operaturi li għandhom kapaċità ekonomika inqas li jħallsu pagi għoljin, speċjalment fil-każ fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 56, dan ma kienx jipprevedi limitu massimu għaż-żidiet tal-pagi teoretikament possibbli.

63.

Madankollu, inqis li, fil-każ konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk tali effett diskriminatorju jeżistix jew le. Fid-dawl tas-suġġett speċifiku tal-kuntratt u tal-valur limitat tiegħu, jidher, barra minn hekk, improbabbli li impriżi li ma humiex SMEs jipparteċipaw effettivament fis-sejħa għal offerti relatata ma’ dan il-kuntratt, li jistgħu konkretament jiġu ffavoriti minn dan il-kriterju għad-detriment ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti inkwistjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali relatati f’dan ir-rigward.

5. Konklużjoni dwar id-Direttiva 2014/24

64.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’din il-kawża, l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni jirrigwarda servizzi soċjali lill-persuna u li anki jekk għandu ammont taħt il-livell massimu previst minn din id-direttiva għal dawn it-tipi ta’ servizzi, l-Istat Membru għamel applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. F’dan il-kuntest, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux kriterju ta’ għoti bħal dak kontenzjuż għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-“offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża”, bil-kundizzjoni li josserva l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.

C.   Fuq l-Artikolu 28 tal-Karta

65.

Permezz tat-tielet parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizzi li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni taż-żidiet fil-paga li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt, meta mqabbla mal-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali u li jipprevedi li l-offerent rebbieħ għandu jiddefinixxi, wara ftehim kollettiv mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-elementi li jimmaterjalizzaw iż-żieda fil-paga u jagħmel ħiltu biex jikkonkludi ftehim kollettiv applikabbli għall-persunal assenjat għall-kuntratt, jiksirx id-dritt għal negozjar kollettiv irrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta.

66.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju kontenzjuż jikkostitwixxix indħil fid-dritt għan-negozjar kollettiv irrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta sa fejn dan jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim fis-seħħ tal-persunal inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jista’ joħloq differenzi fil-pagi bejn ħaddiema tal-istess impriża li jwettqu l-istess kompiti, iġġustifikati biss mill-persuna li tikkummissjona x-xogħol li għaliha jitwettqu dawn il-kompiti.

67.

Skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, b’mod partikolari d-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa.

68.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni, interpretata fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE, tippreżupponi awtonomija tal-imsieħba soċjali li timplika li, matul il-fażi ta’ negozjar ta’ ftehim bejniethom, li hija “l-kawża esklużiva” ta’ dawn tal-aħħar, dawn jistgħu jiddjalogaw u jaġixxu liberament, mingħajr ma jirċievu ordni jew struzzjoni minn kwalunkwe persuna, u b’mod partikolari mhux mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 56 ).

69.

Fil-kawża ineżami, il-kriterju kontenzjuż jinkludi żewġ stadji. Fl-ewwel lok, f’terminu massimu ta’ xahar mill-konklużjoni tal-kuntratt, għandhom jiġu ddefiniti, wara negozjar mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-elementi li jikkonkretizzaw iż-żieda fil-pagi li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt, meta mqabbla mal-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali. Fit-tieni lok, l-impriża kontraenti għandha tagħmel ħilitha sabiex tikkonkludi ftehim kollettiv speċifiku li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal assenjat għall-kuntratt.

70.

F’dan ir-rigward, inqis li iktar milli jippreġudika d-dritt għan-negozjar kollettiv, il-kriterju kontenzjuż pjuttost jinċentivah. Fil-fatt, minn naħa, dan jimponi fuq l-impriża li rebħet il-kuntratt li tinnegozja mar-rappreżentanti tal-ħaddiema l-elementi taż-żieda fil-pagi inkwistjoni, u għalhekk ma jħallix lill-impriża l-għażla libera li tiddetermina dawn l-elementi. Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju jimponi fuq l-imsemmija impriża kontraenti sempliċement l-obbligu li “tagħmel ħilitha” sabiex tikkonkludi ftehim kollettiv għas-servizz inkwistjoni. Dan ma jimponi l-ebda obbligu ta’ riżultat u ma jidher li bl-ebda mod jintervjeni fuq l-awtonomija tal-imsieħba soċjali kkonċernati.

71.

Fir-rigward tal-fatt li l-kriterju kontenzjuż jista’ jwassal għal differenzi fil-pagi billi jeskludi ċerti ħaddiema mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv settorjali, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt speċifiku għall-Komun ta’ Ortuella huma iktar favorevoli minn dawk tal-ftehim kollettiv settorjali, ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandu jinkiser l-Artikolu 28 tal-Karta. Għall-kuntrarju, il-kriterju kontenzjuż iservi bħala standard ta’ referenza (benchmark) minimu, u għalhekk il-kunsiderazzjoni tiegħu għandha valur.

72.

Għalhekk inqis li l-Artikolu 28 tal-Karta ma jipprekludix kriterju ta’ għoti bħal dak kontenzjuż.

III. Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Órgano Administrativo de Recursos Contractuales de la Comunidad Autónoma de Euskadi (il-Bord Amministrattiv Responsabbli għar-Rikorsi Relatati mal-Kuntratti Pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-País Vasco, Spanja):

L-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett servizzi soċjali lill-persuna, ta’ ammont taħt il-livell massimu previst minn din id-direttiva għal dawn it-tipi ta’ servizzi, iżda li għalih l-Istat Membru għamel applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, ma jipprekludix kriterju ta’ għoti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni taż-żidiet fil-paga li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt, meta mqabbla mal-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali, bil-kundizzjoni li dan il-kriterju josserva l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizzi li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni taż-żidiet fil-paga li l-impriża offerenti tipproponi li tapplika għall-persuni li jeżegwixxu l-kuntratt, meta mqabbla mal-pagi stabbiliti mill-ftehim kollettiv settorjali u li jipprevedi li l-offerent rebbieħ għandu jiddefinixxi, wara ftehim kollettiv mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-elementi li jimmaterjalizzaw iż-żieda fil-paga u jagħmel ħiltu biex jikkonkludi ftehim kollettiv applikabbli għall-persunal assenjat għall-kuntratt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Mir-Rapport Speċjali Nru 28/2023 tal-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li madwar EUR 2000 biljun jintefqu kull sena fuq kuntratti pubbliċi, jiġifieri 14 % tal-GDP tal-Unjoni (ara paġna 4).

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-istudju tal-Parlament Ewropew intitolat “The social impact of public procurement, can the EU do more?”, ippubblikat f’Ottubru 2023; il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2021) 3573 finali, tas‑26ta’ Mejju 2021, “Ix-Xiri Soċjali – Gwida biex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwisti pubbliċi – It-tieni edizzjoni” (ĠU 2021, C 237, p. 1, u l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata Making Socially Responsible Public Procurement Work (2020).

( 4 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU 2023, L, p. 2023/90063, u fil-ĠU 2025, L, p. 2025/90115).

( 5 ) Dan is-servizz, imsejjaħ “[s]ervizz ta’ għajnuna fid-dar tal-Komun ta’ Ortuella” jaqa’ taħt is-“Servizzi ta’ għajnuna soċjali mingħajr akkomodazzjoni” (Kodiċi CPV – 85312000-9). Għal iktar dettalji, ara t-talba għal deċiżjoni preliminari, punt 6.

( 6 ) Il-perċentwal ta’ żieda fil-paga hija evalwata skont formula stabbilita (ara fid-dettall il-punt 7 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 7 ) Dwar il-kunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ għoti, ara l-punt 51 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66).

( 9 ) Ara l-punti minn 20 sa 25. Inqis li l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma toffri ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata din l-evalwazzjoni.

( 10 ) Il-Kodiċi CPV – 85312000-9, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fatt jagħmel parti mill-kodiċijiet elenkati f’dan l-anness.

( 11 ) Ara l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24.

( 12 ) Ley 9/2017, de 8 de noviembre, de Contratos del Sector Público (il-Liġi tat‑8ta’ Novembru 2017, Nru 9, dwar il-Kuntratti Pubbliċi).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37), u tas‑16ta’ Ġunju 2022, Obshtina Razlog (C‑376/21, EU:C:2022:472, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tal‑4ta’ April 2019, Allianz Vorsorgekasse (C‑699/17, EU:C:2019:290, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet tal‑5ta’ Lulju 2024, EUROCASH1, C‑788/23, EU:C:2024:589, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza tas‑6ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet tal‑5ta’ Lulju 2024, EUROCASH1 (C‑788/23, EU:C:2024:589, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara l-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24. Dawk is-servizzi jingħataw f’kuntest partikolari li jvarja ħafna fost l-Istati Membri, minħabba tradizzjonijiet kulturali differenti. Ara s-sentenza tal‑14ta’ Lulju 2022, ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:559, iktar ’il quddiem is-“sentenza ASADE”, punt 75)

( 17 ) Ibidem.

( 18 ) Fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, is-sempliċi fatt li s-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt għandhom jiġu pprovduti fil-Komun ta’ Ortuella, li tinsab madwar 130 km mill-fruntieri ta’ Franza, ma huwiex ta’ natura li, waħdu, juri l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert. Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal‑5ta’ Lulju 2024, EUROCASH1 (C‑788/23, EU:C:2024:589, punt 26).

( 19 ) Il-miżuri transkonfinali huma elenkati rispettivament fil-punti minn (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni u essenzjalment jikkonċernaw il-każ tal-kollokament ta’ ħaddiem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li twettaq il-kollokament, u d-destinatarju tas-servizzi (punt a), il-każ tal-kollokament ta’ ħaddiem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fi stabbiliment jew f’impriża li tappartjeni għall-grupp (punt b) u l-każ tal-kollokament ta’ ħaddiem minn aġenzija ta’ impjieg temporanju (punt c).

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑28ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-Prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑13ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 35 sa 39 u 53), tat‑30ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 22 sa 29, 41 u 137), u tal‑11ta’ Ġunju 2020, JI (C‑634/18, EU:C:2020:455, punti 24 sa 30 u l-punt 43). B’mod iktar ġenerali, dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Prokuratura Rejonowa wSłupsku (C‑634/18, EU:C:2020:29, punti 34 sa 44).

( 22 ) Ara l-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24. Fuq dan ir-reġim, ara s-sentenza ASADE, punti 73 et seq.

( 23 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.

( 24 ) Fil-fatt, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 76(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizzi soċjali, “[l]-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-tali regoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi [soċjali] inkwistjoni.”. L-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-istess artikolu tipprevedi li “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu […] li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.” (enfasi miżjuda minni). F’dan ir-rigward, ara s-sentenza ASADE, punti 84 u 85.

( 25 ) F’dan ir-rigward, mill-premessa 2 tagħha jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti kien preċiżament li x-xerrejja jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-kuntratti pubbliċi “b’appoġġ għall-għanijiet soċjali komuni”. Ara wkoll l-istudju tal-Parlament Ewropew (p. 10) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (p. 8), C(2021) 3573 finali (Kapitlu 1.1), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 26 ) Skont l-ewwel dispożizzjoni, l-Unjoni “għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali […] u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali”. Skont it-tieni dispożizzjoni, “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa”.

( 27 ) Fost id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-Direttiva 2014/24 hemm il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti rriżervati fis-sens tal-Artikolu 20, il-possibbiltà li jkunu meħtieġa kundizzjonijiet partikolari dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, inklużi kunsiderazzjonijiet soċjali fis-sens tal-Artikolu 70.

( 28 ) Ara s-sentenza tat‑30ta’ Jannar 2020, Tim (C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 38).

( 29 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑4ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C‑448/01, EU:C:2003:651, punt 37).

( 30 ) Sentenza tas‑26ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑225/98, EU:C:2000:494, punti 49 u 50).

( 31 ) Sentenza tal‑10ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 85).

( 32 ) Bħala eżempju, ara l-għanijiet soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jsegwu permezz ta’ kuntratti pubbliċi identifikati fil-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Making socially responsible public procurement work” iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Sentenza tal‑10ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 85 fl-aħħar).

( 34 ) Barra minn hekk, id-Direttiva stess tipprevedi bħala eżempji ta’ aspetti soċjali kriterji li jikkonċernaw il-persuni inkarigati mit-twettiq tal-kuntratt sabiex jiddeterminaw l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Ara l-premessi 93 u 94 u l-Artikolu 67(2)(b)

( 35 ) Ara l-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 u, qabel dan, is-sentenza tas‑17ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 64).

( 36 ) Ara l-Artikolu 67(4) u l-premessa 92 tad-Direttiva 2014/24 u s-sentenza tal‑20ta’ Settembru 2018, Montte (C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara l-punt 18 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24 u, qabel dan, is-sentenza tas‑17ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 64).

( 38 ) Ara l-Artikolu 67(5) tad-Direttiva 2014/24.

( 39 ) Sentenza tat‑18ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction (C‑19/00, EU:C:2001:553, punt 42).

( 40 ) Ara l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 u, qabel dan, is-sentenza tas‑17ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 64).

( 41 ) Premessa 90 tad-Direttiva 2014/24.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 64).

( 43 ) Ara l-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 145(2) tal-LCSP jidentifika sensiela ta’ għanijiet li għalihom jirreferu l-karatteristiċi soċjali tal-kuntratt, fosthom it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi.

( 45 ) F’dan ir-rigward, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3573 final, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 39.

( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:77, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 91).

( 48 ) Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, il-kriterju kontenzjuż għandu kunsiderazzjoni ta’ 27 % tat-total tal-punti mogħtija (40 punt minn 145 punt), filwaqt li l-offerta finanzjarja u dik teknika jingħataw rispettivament massimu ta’ 15 u ta’ 45 punt. L-analiżi tal-Anness I tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt madankollu ma tikkonfermax li t-total tal-punti mogħtija huwa ta’ 145. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-kriterju kontenzjuż jingħata 40 punt, l-offerta teknika 45 punt, u dik finanzjarja 15‑il punt, jiġifieri total ta’ 100 punt. Madankollu, it-test ta’ spjegazzjoni (paġna 45) tal-kriterju finanzjarju jindika li dan il-kriterju jingħata 55 punt.

( 49 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3573 final, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 52.

( 50 ) Sentenza tal‑4ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C‑448/01, EU:C:2003:651, punti 42 u 43).

( 51 ) Sentenza tas‑17ta’ Novembru 2022, Antea Polska et (C‑54/21, EU:C:2022:888, punt 92).

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13ta’ Ġunju 2024, BibMedia (C‑737/22, EU:C:2024:495, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, ara s-sentenza ASADE, punti 86 et seq.

( 53 ) Sentenza tas‑6ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2014/24.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 83 tad-Direttiva 2014/24.

( 56 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑15ta’ Diċembru 2022, TimePartner Personalmanagement (C‑311/21, EU:C:2022:983, punti 71 sa 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).