6.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/5

tal-5 ta' Jannar 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 748/2012 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' rekwiżiti essenzjali għall-ħarsien tal-ambjent

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeżiġi li l-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent li jinsabu fil-Volumi I u II tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni ta' Chicago”) kif applikabbli fis-17 ta' Novembru 2011, ħlief għall-Appendiċijiet ta' dak l-Anness. Dawk ir-rekwiżiti ġew implimentati fil-liġi tal-Unjoni bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2).

(2)

Il-Volumi I u II tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago ġew emendati fl-2014 bl-introduzzjoni ta' standards ġodda tal-istorbju.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I (Parti-21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, il-punt 21.A.18(a) qed jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Ir-rekwiżiti tal-istorbju li huma applikabbli għall-ħruġ ta' ċertifikat tat-tip għal inġenju tal-ajru huma preskritti b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tal-Anness 16, Volum I, Parti II tal-Konvenzjoni ta' Chicago u:

1.

għal ajruplani ġett subsoniċi, fil-Volum I, Parti II, Kapitoli 2, 3, 4 u 14, kif applikabbli;

2.

għal ajruplani li jaħdmu bl-iskrejjen, fil-Volum I, Parti II, Kapitoli 3, 4, 5, 6, 10 u 14, kif applikabbli;

3.

għal ħelikopters, fil-Volum I, Parti II, Kapitoli 8 u 11, kif applikabbli;

4.

għal ajruplani supersoniċi, fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 12, kif applikabbli; kif ukoll

5.

għal rotors inklinati, fil-Volum I, Parti II, Kapitolu 13, kif applikabbli.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 79, 13.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).