European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2427

17.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2427

tas-16 ta’ Settembru 2024

dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Is-sustanza, iż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L., ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Sussegwentement, dik is-sustanza ddaħħlet fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodott eżistenti li tagħmel parti mill-kategorija “addittivi sensorjali” u mill-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-applikant talab li l-addittiv jiġi awtorizzat biex jintuża wkoll fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ “komposti aromatizzanti” għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, jenħtieġ li ma jiġix permess l-użu ta’ dan l-addittiv fl-ilma tax-xorb.

(5)

Fl-opinjoni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li ż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. huwa sikur għall-ispeċijiet kollha tal-annimali f’ċerti konċentrazzjonijiet massimi speċifikati aktar għal kull speċi. Barra minn hekk, ikkonkludiet li ż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. huwa sikur għall-konsumaturi u għall-ambjent fil-livell tal-użu propost fl-għalf. Ikkonkludiet ukoll li ż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. jenħtieġ li jitqies bħala irritant għall-ġilda u għall-għajnejn, u bħala sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li peress li l-frott tal-Coriandrum sativum L. u ż-żejt tiegħu huma magħrufa li jagħtu t-togħma lill-ikel u l-funzjoni tagħhom fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, mhija meqjusa neċessarja l-ebda prova oħra tal-effikaċja. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li ż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza. Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-istabbiliment ta’ kontenuti massimi għaż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L. Sabiex ikun hemm kontroll aħjar, jenħtieġ li l-kontenut massimu rrakkomandat jiġi indikat fuq it-tikketta tal-addittivi tal-għalf. Meta jinqabżu tali kontenuti, jenħtieġ li ċerta informazzjoni tiġi indikata fuq it-tikketta tal-premixxeli kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għaż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L., huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorji” u mill-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-ikel, iż-żejt essenzjali tal-kosbor mill-Coriandrum sativum L., kif awtorizzat skont id-Direttiva 70/524/KEE, u l-premixxeli li fihom dik is-sostanza, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ April 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Ottubru 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Ottubru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Ottubru 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1). ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1970/524/oj.

(3)  EFSA Journal 2023;21(10):8349.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-additiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

 

mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

2b154-eo

Żejt essenzjali tal-kosbor

Kompożizzjoni tal-addittiv

Żejt essenzjali tal-kosbor mill-frott tal-Coriandrum sativum L.

Forma likwida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Żejt essenzjali tal-kosbor

Żejt essenzjali kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (1)mill-frott tal-Coriandrum sativum L. prodott permezz tad-distillazzjoni bil-fwar.

Numru CAS: 8008-52-4

Numru EINECS: 283-880-0

Numru FEMA: 2334

Numru CoE:154

Speċifikazzjonijiet

—

Linalol: 65,78 %

—

α-Pinen: 4-8,5 %

—

γ-Terpinen: 3,7 %

—

Ganfra: 3,6 %

—

Aċetat tal-geranil: 0,5-6,1 %

—

d-Limonen: 0,5,4 %

—

Geranjol: 0,1,3 %

—

Mirċen: 0,1,2 %

—

α-Terpineol: massimu ta’ 1 %

Metodu analitiku  (2)

Għad-determinazzjoni tal-linalol (markatur fitokimiku) fl-addittiv tal-għalf: kromatografija b’fażi gassuża abbinata ma’ individwazzjoni tal-jonizzazzjoni bi fjamma (GC-FID) (ISO 3516)

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

-

-

-

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ premixxela.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

“Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

—

26 mg għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd u għat-tnissil

—

18 mg għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd u għat-tnissil;

—

18 mg għat-tiġieġ tas-simna u għall-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna;

—

24 mg għad-dundjani tas-simna;

—

18 mg għall-għasafar ornamentali;

—

30 mg għas-Suidae kollha;

—

30 mg għar-ruminanti u għall-Camelidae kollha;

—

30 mg għall-Equidae;

—

30 mg għas-salmonidi u għall-ħut minuri bil-pinen;

—

30 mg għall-ħut ornamentali;

—

28 mg għall-fniek;

—

30 mg għall-klieb;

—

14 mg għall-qtates;

—

14 mg għal speċijiet jew kategoriji oħra ta’ annimali”.

4.

Il-grupp funzjonali, in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tal-premixxela meta l-livell tal-użu fuq it-tikketta tal-premixxela jwassal biex jinqabeż il-livell imsemmi fil-punt 3.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi ta’ negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

Is-7 ta’ Ottubru 2034


(1)  Natural sources of flavourings — Report No. 2 (2007).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2427/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)