|
20.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 49/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta' Frar 2009
dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2008 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, l-Olanda u s-Slovenja bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1013)
(It-testi Olandiżi, Ġermaniżi u Sloveni biss huma awtentiċi)
(2009/147/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont id-Direttiva 2000/29/KE, tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Istati Membri biex ikopru n-nefqa relatata direttament mal-miżuri meħtieġa li jkunu ttieħdu, jew huma ppjanati li jittieħdu, bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara introdotti minn pajjiżi terzi jew minn żoni oħra fil-Komunità, biex jinqerdu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex jiġu ristretti. |
|
(2) |
Il-Ġermanja, l-Olanda u s-Slovenja lkoll stabbilixxew programm ta’ azzjonijiet biex jeqirdu organiżmi ta’ ħsara lill-pjanti li jkunu ġew introdotti fit-territorji tagħhom. Dawn il-programmi jispeċifikaw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-miżuri mwettqa, it-tul tagħhom u kemm jiswew. Il-Ġermanja, l-Olanda u s-Slovenja applikaw għall-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal dawn il-programmi fil-limitu taż-żmien stabbilit fid-Direttiva 2000/29/KE u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1040/2002 tal-14 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-kontroll fuq is-saħħa tal-pjanti u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2051/97 (2). |
|
(3) |
It-tagħrif tekniku mogħti mill-Ġermanja, l-Olanda u s-Slovenja ppermetta lill-Kummissjoni biex tanalizza s-sitwazzjoni b’mod akkurat u komprensiv u biex tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità, kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2000/29/KE, intlaħqu. Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità biex tkopri n-nefqa fuq dawn il-programmi. |
|
(4) |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tkopri sa 50 % tan-nefqa eliġibbli. Madankollu, skont l-Artikolu 23(5) it-tielet paragrafu tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal parti mill-programm ippreżentat mill-Olanda għall-kontroll ta’ Diabrotica virgifera virgifera Le Conte, għandha titnaqqas ladarba l-programm innotifikat minn dan l-Istat Membru diġà kien suġġett għal fondi mill-Komunità taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/877/KE (3). |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE l-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk l-introduzzjoni tal-organiżmu ta’ ħsara rilevanti ġietx ikkawżata minn eżaminazzjonijiet jew spezzjonijiet inadegwati u tadotta l-miżuri meħtieġa mis-sejbiet tal-verifika tagħha. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (4), il-miżuri għas-saħħa tal-pjanti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Garanzija. Għall-finijiet ta’ kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2008 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, l-Olanda u s-Slovenja relatata mal-miżuri meħtieġa kif speċifikat fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2000/29/KE u li ttieħdet bl-għan li jiġu miġġielda l-organiżmi kkonċernati mill-programmi ta’ eradikazzjoni elenkati fl-Anness hija hawnhekk approvata.
Artikolu 2
1. Is-somma totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 871 953.
2. Is-somma massima tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal kull programm għandha tkun kif indikata fl-Anness.
Artikolu 3
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif stabbilit fl-Anness għandha titħallas skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
evidenza tal-miżuri meħuda tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1040/2002. |
|
(b) |
talba għall-ħlas tkun tressqet mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1040/2002. |
Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja hija mingħajr preġudizzju għall-verifiki mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju tal-Olanda u lir-Repubblika Slovena.
Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Frar 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) ĠU L 157, 15.6.2002, p. 38.
ANNESS
PROGRAMMI TA’ ERADIKAZZJONI
Tifsira:
a= Is-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ eradikazzjoni.
Taqsima I — Programmi li għalihom il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità hija ta’ 50 % tan-nefqa eliġibbli.
|
L-Istat Membru |
L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda |
Il-pjanti milquta |
Sena |
Nefqa eleġibbli (EUR) |
Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Komunità (EUR) Għal kull programm |
|
Il-Ġermanja, ir-reġjun ta’ Baden-Württemberg |
Diabrotica virgifera |
Zea mays |
2007 |
481 817 |
240 908 |
|
Il-Ġermanja, ir-reġjun tal-Bavarja |
Diabrotica virgifera |
Zea mays |
2007 |
197 319 |
98 659 |
|
L-Olanda |
Diabrotica virgifera |
Zea mays |
2006 |
125 320 |
62 660 |
|
L-Olanda |
PSTVd |
Brugmansia spp, Solanum jasminoides |
2006, 2007 |
687 606 |
343 803 |
|
L-Olanda |
TRSV |
Hemerocallis spp, Iris spp. |
2006 |
148 589 |
74 294 |
|
Is-Slovenja |
Dryocosmus kuriphilus |
Castanea sp. |
2007 |
41 307 |
20 653 |
Taqsima II — Programmi li għalihom ir-rati tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità jvarjaw, bl-applikazzjoni tad-digressività.
|
L-Istat Membru |
L-organiżmi ta’ ħsara miġġielda |
Il-pjanti milquta |
Sena |
a |
Nefqa eleġibbli (EUR) |
Rata (%) |
Il-massimu tal-kontribuzzjoni mill-Komunità (EUR) |
|
L-Olanda |
Diabrotica virgifera |
Zea mays |
2007 |
3 |
68 837 |
45 |
30 976 |
|
It-total tal-kontribuzzjoni mill-Komunità (EUR) |
871 953 |