SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Regolament (UE) Nru 269/2014 – Artikolu 2(1) – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kostituzzjoni ta’ trust – Settlor tat-trust inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 – Iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust – Kunċetti ta’ ‘appartenenza’ u ta’ ‘kontroll’”
Fil-Kawża C‑483/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
A,
B,
C,
D,
T
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Comitato di Sicurezza Finanziaria,
Agenzia del Demanio
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A, B, C, D u T, minn F. Centonze, F. Ciancio, G. Lovaste, M. Magnano, A. Neri, A. Saccucci u F. Sciaudone, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili u L. Paolucci, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn A. De Brouwer, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, E. Timmermans u B. Travard, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi, M. Carpus-Carcea, H. Krämer u L. Puccio, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 51, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A, B, C, D u T u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), u l-Comitato di Sicurezza Finanziaria (il-Kumitat tas-Sigurtà Finanzjarja, l-Italja) u l-Agenzia del Demanio (l-Awtorità Pubblika, l-Italja) dwar l-iffriżar tal-ishma u tal-beni tal-kumpanniji A, B, C u D. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għat-Trusts u r-Rikonoxximent tagħhom, konkluża f’Den Haag fl‑1 ta’ Lulju 1985 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), iffirmata u rratifikata mir-Repubblika Taljana, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‘trust’ jirreferi għar-relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa - kemm jekk permezz ta’ att inter vivos jew causa mortis - minn persuna, is-settlor, billi jqiegħed assi taħt il-kontroll ta’ fiduċjarju fl-interess ta’ benefiċjarju jew għal skop speċifiku. It-trust ikollha l-karatteristiċi li ġejjin:
Il-fatt li s-settlor iżomm ċerti prerogattivi jew li l-fiduċjarju jkollu ċerti drittijiet bħala benefiċjarju ma huwiex neċessarjament inkompatibbli mal-eżistenza ta’ trust.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni: “It-trust hija rregolata mil-liġi magħżula mis-settlor. L-għażla għandha tkun espressa jew tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-istrument li bih tinħoloq it-trust jew tingħata prova tal-eżistenza tagħha, interpretati, meta jkun meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 11 tal-konvenzjoni msemmija jipprovdi: “Kwalunkwe trust maħluqa skont il-liġi msemmija fil-kapitolu preċedenti għandha tiġi rrikonoxxuta bħala tali. Dan ir-rikonoxximent għandu jimplika, mill-inqas, li l-assi tat-trust ikunu distinti mill-assi personali tal-fiduċjarju u li dan ikun jista’ jaġixxi bħala rikorrent jew konvenut u jkun jista’ jidher bħala fiduċjarju quddiem nutar jew kwalunkwe persuna li teżerċita funzjoni pubblika. Sakemm il-liġi applikabbli għat-trust tkun teħtieġ jew tistabbilixxi hekk, dan ir-rikonoxximent għandu jinvolvi b’mod partikolari:
Madankollu, id-drittijiet u l-obbligi tal-parti terza li żżomm l-assi tat-trust ikomplu jiġu rregolati mil-liġi ddeterminata mir-regoli tal-kunflitt tal-forum.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK
|
6 |
Il-premessi 1, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2014, L 78, p. 16), jipprovdu:
[…]
|
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/337
|
7 |
B’reazzjoni għall-aggressjoni kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022 u fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fit‑28 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/337, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), li permezz tagħha żdiedu sitta u għoxrin persuna u entità waħda fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145. |
Ir-Regolament Nru 269/2014
|
8 |
Il-premessi 4 sa 6 tar-Regolament Nru 269/2014 jipprovdu:
|
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati. 2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.” |
|
11 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprevedi: “Anness I għandu jinkludi:
[…]
u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014: “Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita.” |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/336
|
13 |
Fit‑28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/336, li jimplimenta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113), li permezz tiegħu żdiedu sitta u għoxrin persuna u entità waħda mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
14 |
Il-premessi 5 sa 11 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdu:
|
Id-Direttiva 2015/849
|
15 |
Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 156, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”), tipprovdi, fil-premessa 14 tagħha: “Il-ħtieġa għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sid benefiċjarju hija fattur importanti fil-lokalizzazzjoni ta’ kriminali li inkella jkunu jistgħu jaħbu l-identità tagħhom wara struttura korporattiva. […]” |
|
16 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
L-aħjar prattiki
|
17 |
Il-Kunsill stabbilixxa dokument dwar l-aħjar prattiki li għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Istati Membri differenti dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi, li ġie aġġornat b’mod partikolari fl‑4 ta’ Mejju 2018 (dokument 8519/18), fis‑27 ta’ Ġunju 2022 (dokument 10572/22) u fit‑3 ta’ Lulju 2024 (dokument 11623/24). |
|
18 |
Id-Dokument tal-Kunsill 11623/24, intitolat “L-aħjar prattiki tal-[Unjoni Ewropea] fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi”, fil-verżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Lulju 2024 (iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiki”), jipprevedi, fil-punt 3 tiegħu, li l-aħjar prattiki għandhom jitqiesu bħala rakkomandazzjonijiet mhux eżawrjenti ta’ natura ġenerali, intiżi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi konformement mad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Dawn ma jorbtux legalment u ma għandhomx jinftiehmu bħala dispożizzjonijiet li jirrakkomandaw azzjoni li tkun inkompatibbli mal-liġijiet fis-seħħ tal-Unjoni jew mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli, inklużi dawk dwar il-protezzjoni tad-data. |
|
19 |
It-Taqsima B tal-Aħjar Prattiki tinkludi Parti III, intitolata “Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri finanzjarji restrittivi”, tinkludi fiha l-punti 34 u 35, li huma fformulati kif ġej:
|
|
20 |
L-imsemmija Taqsima B tinkludi wkoll Parti VIII, li tinkludi, b’mod partikolari, il-punti 62 sa 67 tal-aħjar prattiki, li jipprovdu: “Ġustifikazzjoni
Proprjetà
Kontroll
|
Id-dritt Taljan
|
21 |
Fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-possibbiltà li jintuża l-istrument tat-trust hija prevista mil-legge n. 364 – Ratifica ed esecuzione della convenzione sulla legge applicabile ai trusts e sul loro riconoscimento, adottata a L’Aja il 1o luglio 1985 (il-Liġi Nru 364 li tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għat-Trusts u r-Rikonoxximent tagħha, konkluża f’Den Haag fl‑1 ta’ Lulju 1985), tas‑16 ta’ Ottubru 1989 (GURI Nru 261, tat‑8 ta’ Novembru 1989, suppliment ordinarju Nru 84). |
|
22 |
Skont l-Artikolu 3(6) tad-decreto legislativo n. 109 – Misure per prevenire, contrastare e reprimere il finanziamento del terrorismo e l’attività dei Paesi che minacciano la pace e la sicurezza internazionale, in attuazione della direttiva 2005/60/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 109 tat‑22 ta’ Ġunju 2007 dwar Miżuri għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u s-Soppressjoni tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u tal-Attività tal-Pajjiżi li Jheddu l-Paċi u s-Sigurtà Internazzjonali, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE) (GURI Nru 172, tas‑26 ta’ Lulju 2007), kif emendat bid-decreto legislativo n. 90 – Attuazione della direttiva (UE) 2015/849 relativa alla prevenzione dell’uso del sistema finanziario a scopo di riciclaggio dei proventi di attività criminose e di finanziamento del terrorismo e recante modifica delle direttive 2005/60/CE e 2006/70/CE e attuazione del regolamento (UE) n. 2015/847 riguardante i dati informativi che accompagnano i trasferimenti di fondi e che abroga il regolamento (CE) n. 1781/2006 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 90, li jittrasponi d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE u li jimplimenta r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006), tal‑25 ta’ Mejju 2017 (GURI Nru 140, tad‑19 ta’ Ġunju 2017, suppliment ordinarju Nru 28 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 109/2007”), il-kumitat tas-sigurtà finanzjarja għandu jadotta l-miżuri ta’ ffriżar deċiżi mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), mill-Unjoni Ewropea u mill-ministeru abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. |
|
23 |
L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/2007 jipprevedi li l-fondi ffriżati la jistgħu jiġu ttrasferiti, la ċeduti u lanqas użati bi kwalunkwe mod u li huwa pprojbit li fondi jew riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni ta’ persuni jew ta’ entitajiet indikati jew li jużawhom għall-benefiċċju tagħhom. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
24 |
Il-kumpanniji A u B, ikkostitwiti, rispettivament, fix-xahar ta’ Settembru 1970 u fix-xahar ta’ Marzu 1983, huma attivi fis-settur tal-proprjetà immobbli, filwaqt li l-kumpanniji C u D, ikkostitwiti t-tnejn fix-xahar ta’ Ġunju 2014, jipprovdu, l-ewwel waħda, servizzi ta’ kiri ta’ karozzi u ta’ parkeġġ u, it-tieni waħda, servizzi ta’ assistenza turistika staġjonali. |
|
25 |
Il-kumpanniji A, B, C u D huma kkontrollati minn kumpannija omm li għandha s-sede tagħha f’Bermuda, li ngħatat lit-trust inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-amministratur (fiduċjarju) attwali tagħha hija T, kumpannija fiduċjarja rregolata mid-dritt Svizzeru. |
|
26 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-trust inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkostitwita mis-settlor permezz ta’ att tat‑18 ta’ Lulju 2007, li ġie emendat fit‑22 ta’ Diċembru 2014, u li hija rregolata mil-Liġi ta’ Bermuda. L-istruttura tagħha tipprevedi wkoll il-funzjoni ta’ protettur (protector), eżerċitata minn terza persuna, li hija responsabbli biex tiżgura l-eżekuzzjoni korretta tal-programm stabbilit fl-att kostituttiv tat-trust, kif ukoll dik ta’ awtur tal-ħatra (appointor), li huwa responsabbli għall-ħatra ta’ protetturi flimkien ma’ jew minflok il-protettur oriġinali f’każ ta’ terminazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu. |
|
27 |
Il-kompitu prinċipali tal-fiduċjarju huwa li jiġġestixxi u li jamministra l-assi kontribwiti lit-trust skont id-dispożizzjonijiet tal-att kostituttiv tat-trust u tal-liġi li tirregola t-trust, kif ukoll li jittrasferixxi dawn l-assi lill-benefiċjarji mal-iskadenza tat-trust jew skont it-termini tagħha. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, abbażi tal-att kostituttiv tat-trust, il-fiduċjarju ma huwiex awtorizzat, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti minn dan l-att, li jittrasferixxi l-assi ttrasferiti lit-trust mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-protettur, fatt li jikkonferma, skont il-qorti tar-rinviju, li huwa ma għandux id-drittijiet kollha li jappartjenu, bħala regola ġenerali, lill-proprjetarju ta’ oġġett. |
|
28 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, inizjalment, is-settlor kien fost il-benefiċjarji tat-trust, flimkien ma’ oħtu, man-neputi u mad-dixxendenti tiegħu, li, fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma kinux jeżistu, kif ukoll benefiċjarji oħra. |
|
29 |
Permezz ta’ att tad‑19 ta’ Diċembru 2017, oħt u n-neputi tas-settlor ġew esklużi miċ-ċirku tal-benefiċjarji tat-trust. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ att tas‑7 ta’ Frar 2022, is-settlor ġie eskluż miċ-ċirku tal-benefiċjarji tat-trust u li, fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, mill-att kostituttiv tat-trust la jirriżulta li s-settlor jista’ jiġi integrat mill-ġdid fost il-benefiċjarji tiegħu u lanqas li huwa għandu setgħat ta’ ġestjoni jew ta’ użu tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kkontribwiti lit-trust, liema ġestjoni ngħatat lill-fiduċjarju. Peress li ġie definittivament eskluż miċ-ċirku tal-benefiċjarji tat-trust, is-settlor ma għadx għandu dritt għat-trasferiment tar-riżorsi ttrasferiti lit-trust, skont l-att kostituttiv tiegħu. |
|
31 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-data tagħha, ebda benefiċjarju ieħor tat-trust ma ġie eskluż miċ-ċirku ta’ benefiċjarji tat-trust. |
|
32 |
Permezz tad-Deċiżjoni 2022/337 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/336, il-Kunsill inkluda lis-settlor fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
33 |
Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fis‑16 ta’ Marzu 2022 lir-rappreżentant legali tal-kumpanniji A, B, C u D, il-Kumitat tas-Sigurtà Finanzjarja ddikjara, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014 u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/2007, l-iffriżar tal-ishma u tal-assi li jappartjenu lil dawn il-kumpanniji, sa fejn dawn kienu “attribwibbli indirettament [lis-settlor]”. Dan il-kumitat qies li r-riżorsi ekonomiċi imputabbli fl-Italja lil dawn il-kumpanniji, bħala kumpanniji kompletament ikkontrollati mill-kumpannija parent, kienu fir-realtà sostanzjalment attribwibbli lis-settlor, peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Guardia di Finanza (il-pulizija doganali u finanzjarja, l-Italja), li joriġinaw mill-komunikazzjonijiet trażmessi lil din tal-aħħar minn bank Taljan, is-settlor kien is-sid benefiċjarju tal-kumpanniji msemmija. |
|
34 |
Fl‑11 ta’ Mejju 2022, il-kumpanniji A, B, C, D u T ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ffriżar, billi sostnew li, peress li s-settlor kien ġie eskluż miċ-ċirku tal-benefiċjarji tat-trust, il-kontribuzzjoni tal-kumpannija omm lit-trust timplika s-separazzjoni sħiħa tal-kumpanniji A, B, C u D mill-patrimonju tas-settlor u mill-isfera ta’ influwenza tiegħu. Il-proprjetà tal-assi ta’ dawn il-kumpanniji tiġi ttrasferita lill-fiduċjarju sakemm dawn jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarji tat-trust u s-settlor ma jkollu ebda setgħa diretta jew indiretta ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fuq dawn l-assi. |
|
35 |
Il-ministeru jsostni, min-naħa tiegħu, li l-kontribuzzjoni lit-trust, li ma għandhiex effett traslattiv, ma twassalx għal terminazzjoni kompleta tar-rabta bejn is-settlor u l-assi u r-relazzjonijiet ġuridiċi miġjuba lit-trust. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 6(b)(i) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849. Barra minn hekk, anki jekk, fil-preżent, is-settlor ma jibqax jitqies bħala benefiċjarju tat-trust, huwa jista’ madankollu jirkupra l-proprjetà jew it-trasferiment tal-assi ttrasferiti lilu, fil-każ li dawn l-assi ma jiġux ittrasferiti mal-iskadenza lill-benefiċjarji tat-trust, pereżempju, fil-każ tar-rinunzja ta’ dawn tal-aħħar jew fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tat-trust. |
|
36 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assi, ir-riżorsi ekonomiċi u r-relazzjonijiet ġuridiċi li huma s-suġġett tal-kontribuzzjoni lit-trust mis-settlor inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament jistgħux jitqiesu li “jappartjenu” lis-settlor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li la huwa l-utent jew l-amministratur u lanqas il-benefiċjarju finali, jew bħala li jappartjenu lil persuna “assoċjata” mas-settlor jew, fl-aħħar mill-aħħar, bħala “kkontrollati” mis-settlor innifsu. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li t-trust timplika bidla provviżorja tal-proprjetarju formali ta’ beni u mhux trasferiment ġenwin ta’ proprjetà fis-sens sostanzjali. Il-kostituzzjoni tat-trust ma hijiex intiża biex iżżid id-drittijiet patrimonjali tal-fiduċjarju, peress li l-assi u d-drittijiet ikkontribwiti lit-trust huma separati mill-patrimonju tal-fiduċjarju, iżda għandha l-għan prinċipali li tissodisfa l-interess tas-settlor, permezz tas-separazzjoni tal-assi personali tiegħu mill-patrimonju tal-assi u tad-drittijiet ikkontribwiti lill-fiduċjarju, filwaqt li fl-istess ħin teħles mill-ispejjeż tal-ġestjoni, ittrasferiti, bl-investiment formali ta’ dawn l-assi u drittijiet, lill-fiduċjarju. |
|
38 |
Madankollu, l-indikazzjoni formali f’isem il-fiduċjarju tal-assi ttrasferiti lit-trust ma tistax tiġi totalment injorata, peress li, skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, din l-inklużjoni hija waħda mill-karatteristiċi tat-trust. Fil-fatt, il-fiduċjarju, li huwa persuna distinta mis-settlor, huwa awtorizzat jiddisponi minn dawn l-assi, li jikkostitwixxi l-prerogattiva prinċipali tal-proprjetarju, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tar-restrizzjonijiet previsti fl-att kostituttiv tat-trust, u li jittrasferixxi l-assi lill-benefiċjarji, konformement ma’ dan l-att. |
|
39 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “appartenenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014, jista’ jkopri mhux biss il-proprjetà sħiħa u esklużiva, iżda wkoll sitwazzjonijiet “atipiċi” jew “ibridi”, bħall-kontribuzzjoni tal-proprjetà lil trust li tista’ tiġi kklassifikata bħala “appartenenza sostanzjali jew indiretta”. Din il-kontribuzzjoni ma għandhiex l-effett li tneħħi b’mod definittiv ir-rabta ta’ “appartenenza” bejn l-assi ttrasferiti lit-trust u s-settlor, li huwa oġġettivament f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza sostanzjali fuqhom. Tali influwenza tirriżulta mill-possibbiltà li tiġi rkuprata l-proprjetà formali ta’ dawn l-assi fil-każ ta’ waqfien antiċipat tat-trust jew ta’ rifjut mill-benefiċjarji li jaċċettaw it-trasferiment tal-imsemmija assi, kif ukoll mill-fatt li, billi jikkostitwixxi t-trust u billi jafda l-ġestjoni u l-kontroll tagħha lil persuni li jgawdu mill-fiduċja tiegħu u magħżula minnu, is-settlor huwa f’pożizzjoni li jorjenta minn qabel l-użu u d-destinazzjoni finali tagħha. Min-naħa l-oħra, il-fiduċjarju ma jistax jitqies bħala l-proprjetarju effettiv tal-assi ttrasferiti lit-trust, peress li huwa nieqes mis-setgħa sħiħa kompleta ta’ dispożizzjoni, li normalment tikkaratterizza d-dritt tal-proprjetà. |
|
40 |
Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “appartenenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014, hija konformi mal-għan imfittex minn dan l-Artikolu 2 u tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li trust, tal-inqas sakemm l-assi ttrasferiti lilu jiġu definittivament attribwiti lil terzi, jikkostitwixxi mekkaniżmu, li jintuża faċilment, biex jiġu evitati l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, din hija kkorroborata mill-punt 6(b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, li jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn is-settlor tat-trust, flimkien ma’, b’mod partikolari, il-fiduċjarju jew il-benefiċjarji tat-trust, iżomm rabta sinjifikattiva mal-assi ttrasferiti lit-trust, li fuq il-ġestjoni tagħhom b’mod jew ieħor huwa jinsab f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza. |
|
41 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “appartenenza” ma jistax ikopri s-sitwazzjoni tas-settlor, jibqa’ madankollu li jiġi vverifikat jekk is-settlor jistax jitqies li huwa persuna “assoċjata”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014, jew bħala li jeżerċita “kontroll”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fuq l-assi ttrasferiti lit-trust. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-settlor jista’ jitqies li huwa f’pożizzjoni li jeżerċita fuq l-assi ttrasferiti lit-trust influwenza determinanti, li tirriżulta mis-setgħa li tiġi kkostitwita t-trust u, f’dan il-kuntest, li jaħtar il-persuni inkarigati mill-ġestjoni u mis-sorveljanza tat-trust, li jiddetermina l-programm finali tat-trust u li jistabbilixxi r-regoli ta’ trasferiment tal-assi kif ukoll dawk relatati mal-possibbiltà li tiġi rkuprata l-proprjetà tal-assi ttrasferiti lit-trust. |
|
42 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li, fid-determinazzjoni jekk is-settlor “jikkontrollax” l-assi ttrasferiti lit-trust, huwa irrilevanti l-fatt li, skont l-att kostituttiv tat-trust, matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, għal raġunijiet ordinarji jew straordinarji, il-persuni inkarigati mill-amministrazzjoni tat-trust, b’mod partikolari l-fiduċjarju jew il-protettur, jistgħu jinbidlu, peress li l-persuni li eventwalment jintalbu jissostitwixxuhom jaġixxu skont ir-regoli stabbiliti mis-settlor fl-att kostituttiv tat-trust. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
44 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan sostna li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta r-Regolament Nru 269/2014, adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 215 TFUE u d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE. |
|
45 |
Mistoqsi mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Neves 77 Solutions (C‑351/22, EU:C:2024:723, punti 39 u 40), dan il-gvern irtira espressament l-imsemmija eċċezzjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
46 |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ ffriżar tista’ tiġi adottata fir-rigward ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust minn settlor inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
47 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 f’kuntest fejn l-awtoritajiet Taljani, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, iddikjaraw l-iffriżar tal-ishma u tal-beni li jappartjenu lil erba’ kumpanniji Taljani, ikkontrollati minn kumpannija omm li għandha s-sede tagħha f’Bermuda, ikkontribwiti lit-trust irrevokabbli kkostitwita skont id-dritt ta’ Bermuda mis-settlor, inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
|
48 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Repubblika Taljana rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Den Haag. |
|
49 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu “trust” jirreferi għar-relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa minn persuna, is-settlor – permezz ta’ att inter vivos jew causa mortis – meta l-proprjetà tkun tqiegħdet taħt il-kontroll ta’ fiduċjarju fl-interess ta’ benefiċjarju jew għal għan speċifiku. |
|
50 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 2 tal-konvenzjoni msemmija jirriżulta li t-trust għandha bħala karatteristiċi li l-assi tat-trust jikkostitwixxu patrimonju distint u ma jifformawx parti mill-patrimonju tal-fiduċjarju, li t-titolu relattiv għall-assi tat-trust huwa stabbilit f’isem il-fiduċjarju jew ta’ persuna oħra għan-nom tal-fiduċjarju u li l-fiduċjarju għandu s-setgħa u huwa inkarigat bl-obbligu, li għandu jagħti rendikont tiegħu, li jamministra, li jiġġestixxi jew li jiddisponi mill-assi skont it-termini tat-trust u r-regoli partikolari imposti mil-liġi fuq il-fiduċjarju. L-imsemmi Artikolu 2 jipprovdi wkoll li l-fatt li s-settlor iżomm ċerti prerogattivi jew li l-fiduċjarju għandu ċerti drittijiet bħala benefiċjarju ma jipprekludix neċessarjament l-eżistenza ta’ trust. |
|
51 |
Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li t-trust inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkostitwita konformement mal-iskema abitwali, li tipprovdi li t-titolu relativ għall-assi ttrasferiti lit-trust mis-settlor huwa stabbilit f’isem il-fiduċjarju, li jamministrahom u jiġġestihom konformement mal-att kostituttiv tat-trust, li għandu josserva l-liġi li tirregola t-trust, u li għandu jwettaq it-trasferiment finali tagħhom lill-benefiċjarji li jakkwistaw il-proprjetà sħiħa ta’ dawn l-assi fid-data tat-trasferiment. |
|
52 |
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-settlor ittrasferixxa fit-trust lill-kumpannija omm li tikkontrolla b’mod sħiħ lill-kumpanniji A, B, C u D, b’tali mod li dawn tal-aħħar ukoll tpoġġew taħt il-kontroll tat-trust. Is-settlor ma għandu l-ebda setgħa ta’ ġestjoni fuq l-assi u fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li huma s-suġġett tat-trasferiment lit-trust, peress li din is-setgħa hija fdata lill-fiduċjarju, u ma għandu ebda dritt għat-trasferiment tal-assi favurih skont l-att kostituttiv, peress li ġie eskluż definittivament miċ-ċirku tal-benefiċjarji tat-trust. Is-settlor ma huwiex l-utent tal-beni u tar-relazzjonijiet ġuridiċi ttrasferiti lit-trust u ma jeżerċitax funzjonijiet oħra, bħal dik ta’ protettur. Madankollu, huwa jista’, sakemm il-beni u r-relazzjonijiet ġuridiċi jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarji, jirkupra l-proprjetà tagħhom, fil-każ ta’ terminazzjoni antiċipata tat-trust jew ta’ rifjut tal-benefiċjarji li jaċċettaw it-trasferiment tal-imsemmija beni u relazzjonijiet ġuridiċi. |
|
53 |
Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni dawn il-konstatazzjonijiet fattwali, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, u tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Bulgarian posts, C‑785/23, EU:C:2025:462, punt 40), li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
54 |
Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani qiesu li r-riżorsi ekonomiċi tal-kumpanniji A, B, C u D ttrasferiti lit-trust, bħala kumpanniji kompletament ikkontrollati mill-kumpannija omm, kienu fir-realtà sostanzjalment attribwibbli lis-settlor, peress li, skont l-informazzjoni li kellhom, is-settlor kien is-“sid benefiċjarju” ta’ dawn il-kumpanniji, li ġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-kunċett ta’ “sid benefiċjarju” ma jidhirx fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 269/2014, dan jinsab, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2015/849. |
|
56 |
Din id-direttiva tipprovdi, fil-punt 6(b) tal-Artikolu 3 tagħha, li, għall-finijiet tagħha, is-“sid benefiċjarju” huwa ddefinit bħala l-persuna jew il-persuni fiżiċi li finalment, jippossjedu jew jikkontrollaw il-klijent u/jew il-persuna jew il-persuni fiżiċi li f’isimhom tkun qed titwettaq tranżazzjoni jew attività u tinkludi mill-inqas, fil-każ ta’ trusts, is-settlor/s, il-fiduċjarju/i, il-protettur/i, il-benefiċjarji jew, fejn l-individwi li jibbenefikaw mill-arranġament jew mill-entità ġuridika jkunu għad iridu jiġu ddeterminati, il-klassi ta’ persuni li fl-interess ewlieni tagħhom huwa stabbilit jew operat l-arranġament jew l-entità ġuridika, kif ukoll kull persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll finali fuq it-trust permezz ta’ proprjetà diretta jew indiretta jew b’mezzi oħra. |
|
57 |
Tali definizzjoni, li tammetti li persuni involuti fit-trust, minbarra l-fiduċjarju, bħas-settlor, il-benefiċjarji jew il-protettur jistgħu jippossjedu jew jikkontrollaw l-assi ttrasferiti lit-trust hija, ċertament, stabbilita għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849, iżda madankollu tirrifletti r-rikonoxximent mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-karatteristika essenzjali tat-trust, jiġifieri s-separazzjoni bejn il-proprjetà legali u l-proprjetà effettiva tal-assi tat-trust. |
|
58 |
Issa, tali separazzjoni tipproduċi effetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss fil-qasam tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, iżda wkoll fil-qasam tal-miżuri restrittivi meħuda abbażi tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
59 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel u t-tielet domanda jirrigwardaw il-kunċetti ta’ “appartenenza” u ta’ “kontroll”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 u għalhekk jirrigwardaw ir-relazzjoni bejn is-settlor tat-trust u l-assi u r-riżorsi ttrasferiti lilha, filwaqt li t-tieni domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ persuna “assoċjata” u tirrigwarda r-relazzjoni bejn is-settlor u din il-persuna. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet domanda għandhom jiġu eżaminati flimkien, qabel ma tingħata risposta, jekk ikun il-każ, għat-tieni domanda. |
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
|
60 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust mis-settlor tagħha, inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandhom jitqiesu li “jappartjenu” lil dan is-settlor jew li huma “kkontrollati” minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprovdi li għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi, jew lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minn dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi. |
|
62 |
Għalkemm il-kunċetti ta’ “riżorsi ekonomiċi”, ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”, ta’ “ffriżar ta’ fondi” u ta’ “fondi” huma ddefiniti rispettivament fil-punti (d) sa (g) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 269/2014, dan ir-regolament ma jinkludix definizzjoni tal-kunċetti użati fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li jirrigwardaw ir-rabta bejn il-persuna inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament u l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li għandhom jiġu ffriżati, u lanqas ma jirreferi għad-drittijiet nazzjonali sabiex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom. |
|
63 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tkun tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu, għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tal‑11 ta’ Settembru 2025, Banco Santander (Riżoluzzjoni bankarja Banco Popular III), C‑687/23, EU:C:2025:687, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżenta diverġenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha. Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardaw, għal uħud minnhom, bħal dawk bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana u Rumena (“Eigentum, Besitz, gehalten oder kontrolliert werden”; “belonging to, owned, held or controlled”; “appartenenti a, posseduti, detenuti o controllati”; “īpašumā, valdījumā, turējumā vai pārziņā” u “aparțin, se află în proprietatea ori posesia sau sunt controlate”), erba’ tipi ta’ relazzjonijiet bejn il-persuna, l-entità jew l-organu inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u l-beni kif ukoll ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Spanjola tal-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss tliet tipi ta’ relazzjonijiet bejniethom (“propiedad, tenencia o control”). |
|
65 |
Barra minn hekk, mill-paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi li jirrigwardaw erba’ tipi ta’ rapporti jirriżulta li kull kunċett użat f’waħda minn dawn il-verżjonijiet ma jikkorrispondix neċessarjament għal kunċett ekwivalenti f’oħra minn dawn il-verżjonijiet. Għalhekk, għalkemm il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Taljana u Latvjana jirreferu għall-kunċetti ta’ “proprjetà”, ta’ “pussess”, ta’ “detenzjoni” u ta’ “kontroll” (“Eigentum, Besitz, gehalten oder kontrolliert werden”, “belonging to, owned, held or controlled”, “appartenenti a, posseduti, detenuti o controllati” u “īpašumā, valdījumā, turējumā vai pārziņā”), il-verżjoni Rumena tuża l-kliem “aparțin, se află în proprietatea ori posesia sau sunt controlate” li jidher li jeskludi l-kunċett ta’ “detenzjoni”. |
|
66 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat u teżiġi għall-kuntrarju li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht, 19/67, EU:C:1967:49, p. 456, u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media, C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 36, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media, C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tad‑9 ta’ Ottubru 2025, On Air Media Professionals u Different Media, C‑416/24 u C‑417/24, EU:C:2025:765, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu jista’ jiġi dedott li din id-dispożizzjoni tkopri varjetà ta’ relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-persuna jew l-entità inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni, li jvarjaw mir-relazzjoni ġuridika l-iktar wiesgħa, li hija dik tal-proprjetà, għas-sitwazzjonijiet li fihom il-persuna jew l-entità tista’ teżerċita setgħa de facto fuq l-imsemmija fondi u riżorsi, u dan b’mod dirett jew indirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 69) jew tikseb profitt minnhom. |
|
70 |
L-imsemmija dispożizzjoni tkopri għalhekk is-sitwazzjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt li fihom persuna għandha setgħa li tippermettilha tuża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati, li tikseb profitt minnhom, li tiddisponi minnhom jew li jkollha influwenza fuqhom. |
|
71 |
Issa, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-istess dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “appartenenza” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri mhux biss is-sitwazzjonijiet li fihom tali setgħa fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati tista’ tiġi kkonfermata legalment, iżda wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom persuna jew entità fil-fatt ikollha din is-setgħa, minkejja l-fatt li, legalment, id-detentur tal-imsemmija setgħa huwa persuna jew entità oħra. |
|
72 |
Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “kontroll” jinkludi s-sitwazzjonijiet kollha li fihom persuna fiżika jew ġuridika tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet ta’ persuna oħra, u dan anki fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika, ta’ proprjetà u ta’ holding fil-kapital bejn waħda u l-oħra minn dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 71 u 75). |
|
73 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni li tinvolvi l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust minn settlor inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, il-fatt li t-titolu relatat ma’ dawn il-fondi u ma’ dawn ir-riżorsi jiġi stabbilit f’isem il-fiduċjarju ma jipprekludix li l-imsemmija fondi u l-imsemmija riżorsi jitqiesu li jappartjenu lil dan is-settlor jew li huma kkontrollati minnu, meta l-imsemmi settlor ikollu setgħa li tippermettilu li juża dawn l-istess fondi u riżorsi, li jikseb profitt minnhom, li jiddisponi minnhom jew li jkollu influwenza fuqhom jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil din it-trust mill-istess settlor. |
|
74 |
Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. |
|
75 |
Fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 1(e) u (f) tar-Regolament Nru 269/2014 jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċetti, rispettivament, ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” u ta’ “ffriżar ta’ fondi” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah, C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 45). |
|
76 |
Fil-fatt, l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 269/2014 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi” bħala “il-prevenzjoni ta’ kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi li b’kull mod jirriżulta fi xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew kull bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta’ portafolji”. |
|
77 |
Minn din id-definizzjoni jsegwi li l-iffriżar ta’ fondi huwa intiż biex jillimita kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fuq fondi ffriżati, kif jixhdu n-numru kbir ta’ sitwazzjonijiet imsemmija u l-użu tat-terminu “kull”. Fir-rigward tal-mezzi biex jintlaħaq l-għan li dawn l-operazzjonijiet jiġu limitati, dawn huma wkoll iddefiniti b’mod estensiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah, C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 43). |
|
78 |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 269/2014, bħala “il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux biss, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah,C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 44). |
|
79 |
Tali definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” u ta’ “ffriżar ta’ fondi” tkun nieqsa minn effett utli jekk ir-rabtiet bejn, minn naħa, il-persuni u l-entitajiet u, min-naħa l-oħra, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi, suġġetti għall-iffriżar, jiġu interpretati b’mod li jeskludi s-sitwazzjonijiet li, fil-fatt, jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet ta’ appartenenza jew ta’ kontroll, iżda li, fuq livell formali, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala tali. |
|
80 |
It-tieni nett, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprovdi li l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. |
|
81 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità biex tikkonstata li din il-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni hija fformulata, hija wkoll, b’mod partikolarment wiesa’, kif juri l-użu tal-kliem “direttament jew indirettament”, u li tiddeċiedi li din tinkludi, konsegwentement, kull att li t-twettiq tiegħu huwa neċessarju, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, biex jippermetti lill-persuna inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 tikseb effettivament is-setgħa li tiddisponi kompletament mill-fondi jew mir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, SH, C‑168/17, EU:C:2019:36, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
It-tielet nett, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014, il-parteċipazzjoni, konxjament u volontarjament, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament hija pprojbita. |
|
83 |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014 jirrigwarda l-attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala riżultat li jeskludu lill-awtur tagħhom mill-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament u li ma jistgħux jitqiesu bħala atti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni pprojbiti mill-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, EU:C:2011:874, punti 60 u 61). |
|
84 |
L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014 jikkostitwixxu, flimkien mal-Artikolu 2(1) tiegħu, sistema koerenti ta’ dispożizzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti minn dan ir-regolament. |
|
85 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat b’mod li ma jpoġġix indiskussjoni l-effett utli tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 9 tal-istess regolament. |
|
86 |
F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 45 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħolqien ta’ trust jippermetti li tiġi sseparata l-proprjetà legali u l-proprjetà effettiva tal-beni ttrasferiti lit-trust. |
|
87 |
Peress li din is-separazzjoni kif ukoll karatteristiċi oħra tat-trust, jiġifieri n-natura privata ta’ dan il-mekkaniżmu, il-faċilità u l-flessibbiltà tal-kostituzzjoni u tal-emenda tiegħu, jistgħu jwasslu għan-nuqqas ta’ trasparenza u għall-kumplessità strutturali ta’ tali mekkaniżmu, jippermettu l-użu tagħha għal għanijiet leġittimi, iżda wkoll sabiex tinħeba r-rabta li s-settlor iżomm mal-fondi u mar-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust. |
|
88 |
Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jitqiesu li jappartjenu lis-settlor tat-trust jew li huma kkontrollati minnu, meta dan is-settlor ikompli jkollu setgħa li tippermettilu juża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi, li jikseb profitt minnhom, li jiddisponi minnhom jew li jkollu influwenza fuqhom jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward ta’ dawn il-fondi u riżorsi ekonomiċi, tippermetti li jiġi evitat li t-trust tintuża bl-għan li jiġu evitati l-miżuri stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, u għalhekk għandha titqies li hija konformi mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
89 |
Fir-rigward tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar, minn naħa, li dan ġie adottat wara l-ksur, fl‑2014, mill-Federazzjoni Russa tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, u li minn dak iż-żmien ġie emendat diversi drabi b’reazzjoni għall-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, fl‑24 ta’ Frar 2022. |
|
90 |
Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/336 li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-inklużjoni tas-settlor tat-trust inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-lista msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 ġie adottat fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni wara din l-aggressjoni militari. Kif tfakkar il-premessa 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/336, permezz tal-azzjonijiet militari illegali tagħha, il-Federazzjoni Russa tikser b’mod flagranti d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u tippreġudika s-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u dinjija. |
|
91 |
L-importanza tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 269/2014, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-waqfien tal-ksur, mill-Federazzjoni Russa, tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, ma hijiex biss ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150), iżda jitlob ukoll li dan ir-regolament jiġi interpretat b’mod li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri restrittivi stabbiliti minnu u li jiġi evitat li l-effett ta’ dawn il-miżuri jiġi nnewtralizzat jew li l-miżuri msemmija jiġu evitati. |
|
92 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust mis-settlor tagħha, inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, jistgħu jitqiesu li jappartjenu lil dan is-settlor jew li huma kkontrollati minnu, li jiġġustifika, konsegwentement, li miżura ta’ ffriżar tista’, jekk ikun il-każ, tiġi adottata fir-rigward ta’ dawn il-fondi u ta’ dawn ir-riżorsi ekonomiċi. |
|
93 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li s-settlor ma għandux setgħa ta’ ġestjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust u li ma huwiex l-utent tagħhom. |
|
94 |
Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE, li għandha tpoġġi indiskussjoni tali evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi ppreċiżat, sabiex tingħata risposta utli għal din tal-aħħar, li sabiex jiġi ddeterminat jekk, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-settlor tat-trust żammx is-setgħa li tippermettilu juża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust, li jikseb profitt minnhom, li jiddisponi minnhom jew li jkollu influwenza fuqhom jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward ta’ dawn il-fondi u ta’ dawn ir-riżorsi ekonomiċi, il-qorti tar-rinviju tista’ tirreferi għad-dritt applikabbli għat-trust, mingħajr madankollu ma tillimita ruħha biss għalih. |
|
95 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-trust inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkostitwita u rregolat skont id-dritt ta’ Bermuda. F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 sa 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-prerogattivi rrikonoxxuti minn dan id-dritt lis-settlor, bħall-possibbiltà li jirrevoka t-trust kollha jew parti minnha, is-setgħa li jagħti istruzzjonijiet vinkolanti lill-fiduċjarju f’dak li jirrigwarda x-xiri, iż-żamma, il-bejgħ jew tranżazzjonijiet oħra ta’ kummerċ jew ta’ investiment li jirrigwardaw beni tat-trust, jew fir-rigward ta’ kull investiment jew kull investiment mill-ġdid ta’ dawn l-assi, kif ukoll għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ kull setgħa jew dritt li jirriżulta mill-assi msemmija, il-possibbiltà li jinħatar, jiżdied, jiġi revokat jew sostitwit kull fiduċjarju jew protettur tat-trust, il-possibbiltà li jiżdied, jitneħħa jew jiġi eskluż benefiċjarju jew klassi ta’ benefiċjarji kif ukoll il-possibbiltà li jiddeċiedi li jkun kobenefiċjarju tat-trust huwa stess. |
|
96 |
Dawn il-prerogattivi jistgħu jindikaw li s-settlor għandu influwenza fuq il-fondi u fuq ir-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward ta’ dawn il-fondi u ta’ dawn ir-riżorsi ekonomiċi, irrispettivament minn jekk dawn il-prerogattivi humiex previsti b’mod espliċitu fl-att kostituttiv tat-trust jew fl-emendi tiegħu. |
|
97 |
Fil-fatt, peress li l-att kostituttiv tat-trust kif ukoll l-emendi tiegħu ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ pubbliċità, l-identifikazzjoni abbażi ta’ dan l-att tan-natura vera tar-relazzjoni ġuridika koperta minn dan il-mekkaniżmu tista’ tirriżulta diffiċli, peress li l-verżjonijiet fis-seħħ ta’ dan l-att kostituttiv u tal-emendi tiegħu jistgħu ma jkunux disponibbli u jistgħu, fi kwalunkwe każ, jiġu emendati. |
|
98 |
Is-settlor jista’ jeżerċita influwenza fuq il-fondi u fuq ir-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward tagħhom, kif ukoll jista’ juża dawn il-fondi u dawn ir-riżorsi ekonomiċi, jikseb profitt minnhom jew jiddisponi minnhom, madankollu mingħajr ma din l-influwenza jew din il-possibbiltà jiġu fformalizzati f’atti legali, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll mill-qorti tar-rinviju. |
|
99 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet bejn is-settlor, minn naħa, u l-persuni l-oħra involuti fit-trust, bħall-fiduċjarju jew il-protettur, min-naħa l-oħra, u tiddetermina, b’mod partikolari, jekk is-settlor ħatarx, fir-rwol tal-fiduċjarju jew tal-protettur, persuni ta’ fiduċja, marbuta b’rabtiet professjonali jew personali mas-settlor, li jistgħu jsegwu l-istruzzjonijiet jew is-suġġerimenti tas-settlor fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-trust u tal-assi tagħha. |
|
100 |
Barra minn hekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-allokazzjoni tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kkontribwiti lit-trust għal attivitajiet li tagħhom is-settlor jew persuni jew entitajiet li jappartjenu lilu, ikkontrollati minnu jew marbuta miegħu, huma l-uniċi destinatarji jew id-destinatarji prinċipali jew benefiċjarji tista’ tikkostitwixxi indizju tal-influwenza tas-settlor fuq it-trust u fuq l-assi u r-riżorsi ttrasferiti lilha, kif ukoll tal-possibbiltà tas-settlor li jikseb profitt minnhom jew li jiddisponi minnhom. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-settlor ma huwiex l-utent tal-assi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi ttrasferiti lit-trust, ikun għad irid jiġi vverifikat jekk il-kumpanniji ttrasferiti lit-trust jipprovdux assi jew servizzi lill-entitajiet li huma miżmuma esklużivament jew fil-parti l-kbira mis-settlor jew ikkontrollati minnu. |
|
102 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ strutturi kumplessi mingħajr bżonn kif ukoll ta’ trusts marbuta ma’ persuna inkluża fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 jista’ fih innifsu jikkostitwixxi indizju tal-kontroll ta’ tali persuna fuq entità mhux inkluża f’din il-lista. Barra minn hekk, tali konstatazzjoni hija riflessa fl-aħjar prattiki, b’mod partikolari fil-punti 63, 64 u 67 tagħhom. |
|
103 |
Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li influwenza tas-settlor fuq il-fondi u fuq ir-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lit-trust tista’ tiġi kkonstatata, mill-qorti tar-rinviju, jekk is-settlor ikollu, direttament jew indirettament, il-maġġoranza tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-fiduċjarju jew id-dritt li jaħtar jew li jeskludi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-fiduċjarju jew inkella d-dritt li jeżerċita influwenza determinanti fuq il-fiduċjarju bis-saħħa b’mod partikolari ta’ ftehim milħuq bejniethom, inkluż permezz ta’ kumpanniji fittizji. |
|
104 |
Għalhekk, jikkostitwixxu indizji tal-kontroll ta’ persuni inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 fuq entitajiet mhux inklużi f’din il-lista, il-fatt li xi wħud minn dawn l-entitajiet inħolqu jew bidlu l-identità tagħhom ftit qabel l-adozzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet jew l-indikazzjoni tal-persuna, u/jew ma jeżerċitaw ebda attività kummerċjali kredibbli, il-fatt li trust waħda jew iktar jintużaw bħala destinatarji tal-assi ta’ entità li għandha jew li tikkontrolla lil persuna indikata kif ukoll il-fatt li l-ġestjoni tat-trusts tinvolvi lil professjonisti tal-ġurisdizzjoni li fiha ġew ikkostitwiti t-trusts. |
|
105 |
Barra minn hekk, fis-sitwazzjonijiet fejn, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpanniji jiġu ttrasferiti lit-trust, influwenza tas-settlor tat-trust fuq dawn tista’ tiġi kkonstatata, b’mod partikolari, meta l-fiduċjarju ma jkunx l-amministratur ta’ dawn il-kumpanniji, iżda biss id-detentur tal-kapital tagħhom. F’tali ipoteżi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika s-setgħat tal-amministraturi tal-kumpanniji msemmija kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn dawn l-amministraturi u s-settlor. |
|
106 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust mis-settlor tagħha, li huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandhom jitqiesu li “jappartjenu” lil dan is-settlor jew li huma “kkontrollati” minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn l-imsemmi settlor ikompli jkollu setgħa li tippermettilu juża dawn il-fondi u dawn ir-riżorsi ekonomiċi, li jikseb profitt minnhom, li jiddisponi minnhom jew li jkollu influwenza fuqhom jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward tal-imsemmija fondi u tal-imsemmija riżorsi ekonomiċi. |
Fuq it-tieni domanda
|
107 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
108 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal‑25 ta’ Frar 2022, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ttrasferiti lil trust mis-settlor tagħha, li huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat, għandhom jitqiesu li “jappartjenu” lil dan is-settlor jew li huma “kkontrollati” minnu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn l-imsemmi settlor ikompli jkollu setgħa li tippermettilu juża dawn il-fondi u dawn ir-riżorsi ekonomiċi, li jikseb profitt minnhom, li jiddisponi minnhom jew li jkollu influwenza fuqhom jew fuq l-għażliet magħmula mill-fiduċjarju fir-rigward tal-imsemmija fondi u tal-imsemmija riżorsi ekonomiċi. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.