European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1181

27.10.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1181

tat-13 ta’ Ġunju 2025

dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mazzola griża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 (2) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (3). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

L-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet annwali biex jaqblu, sal-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll il-kwistjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 498(4) tal-Ftehim inkluża lista ta’ stokkijiet li għalihom huwa pprojbit is-sajd, id-determinazzjoni tat-TAC għal kwalunkwe stokk li mhuwiex elenkat fl-Anness 35 jew fl-Anness 36 u l-ishma rispettivi tal-Partijiet ta’ dawk l-istokkijiet, kif ukoll miżuri għall-ġestjoni tas-sajd.

(3)

L-Unjoni twettaq il-konsultazzjonijiet annwali f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 28 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolamenti (UE) 2019/472 (4) u (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li jistabbilixxu rispettivament il-pjanijiet pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fil-Baħar tat-Tramuntana, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 (6).

(4)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni matul il-konsultazzjonijiet annwali hija bbażata fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, jiġifieri prinċipalment dak mogħti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) f’konformità mal-Artikolu 494(3)(c) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(5)

Fis-6 ta’ Diċembru 2024, l-Unjoni qablet mar-Renju Unit dwar l-istabbiliment ta’ għadd sostanzjali ta’ TACs għall-2025 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub (7) għall-2025, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 498(6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2021/1875.

(6)

Il-mazzola griża (Squalus acanthias) hija stokk taħt ġestjoni kondiviża mill-Unjoni u mir-Renju Unit. Matul il-konsultazzjonijiet annwali, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar il-livelli rilevanti tat-TAC, dokumentati fir-Rekord bil-Miktub u sussegwentement implimentati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 (8).

(7)

L-Unjoni u r-Renju Unit qablu wkoll li, sabiex jiġi protett komponent ta’ dan l-istokk li huwa partikolarment vulnerabbli għall-mortalità mis-sajd, huwa xieraq li jiġi skoraġġut is-sajd dirett immirat lejn aggregazzjonijiet ta’ ħut nisa maturi.

(8)

Għal dan l-għan, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu li, sakemm isir ir-rieżami ta’ din il-miżura skont il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, jenħtieġ li jiġi rrispettat daqs massimu tal-qbid ta’ 100 cm għall-mazzola griża.

(9)

Sakemm jiġi adottat tali daqs massimu tal-qbid fid-dritt tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-miżura miftiehma mar-Renju Unit ġiet stabbilita fl-Anness IA tar-Regolament (UE) 2025/202. Il-miżura kienet marbuta b’mod funzjonali mat-TAC għall-mazzola griża, peress li mingħajr miżura bħal din, il-livell tat-TAC waħdu ma jiżgurax protezzjoni suffiċjenti għall-ħut nisa li jbid, li jikkostitwixxi grupp partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni.

(10)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jeskludi l-mazzola griża akbar minn 100 cm mill-obbligu ta’ ħatt l-art, u b’hekk jiżgura li meta jinqabad b’mod aċċidentali, dan l-eżemplari jenħtieġ li ma ssirlux ħsara u li jinħeles minnufih lura fil-baħar.

(11)

Dan ir-Regolament jipprovdi qafas legali aktar stabbli, minħabba n-natura temporanja tal-miżuri adottati mill-Kunsill li, f’konformità mal-Artikolu 63, it-tielet paragrafu, il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2025/202, mhux se jibqa’ japplika fid-data li fiha jsir applikabbli att delegat li jintroduċi miżuri korrispondenti u li jirregola t-trattament tal-qabdiet tal-mazzola griża ta’ dawk l-istokkijiet akbar minn 100 cm.

(12)

Sadanittant, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu li jkomplu d-diskussjonijiet tekniċi biex jivvalutaw l-effettività tal-limitu massimu tad-daqs fil-protezzjoni tal-mazzola griża femminili matura u biex jesploraw miżuri ta’ ġestjoni alternattivi potenzjali. Ġiet ippreżentata talba konġunta mill-UE u r-Renju Unit lill-ICES biex jiġi evalwat l-impatt ta’ diversi xenarji ta’ ġestjoni fuq il-parametri ewlenin tal-popolazzjoni, b’parir finali mistenni aktar tard fl-2025.

(13)

Dan ir-Regolament jiżgura l-konformità mill-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u joħloq ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-Unjoni.

(14)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq il-konservazzjoni tal-istokk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(15)

Barra minn hekk, il-miżuri maqbula fir-Rekord bil-Miktub bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2025. Għal dawn ir-raġunijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jieqaf japplika wkoll f’dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilita fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward ta’ stokkijiet kondiviżi soġġetti għall-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Dan ir-Regolament japplika għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Mazzola griża (Squalus acanthias)

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li tiġi mmirata, li tinżamm abbord jew li tiġi ttrasbordata, li tinħatt l-art, li tiġi ttrasportata, li tinħażen, li tintwera jew li tiġi offruta għall-bejgħ, li tinbiegħ jew li titqiegħed fis-suq mazzola griża itwal minn 100 cm.

Kwalunkwe mazzola griża ta’ aktar minn dak it-tul meta tinqabad b’mod aċċidentali, ma għandhiex issirilha ħsara u l-eżemplari għandhom jinħelsu minnufih lura fil-baħar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).

(3)  Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/472/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/973/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1875/oj).

(7)  Rekord bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għall-2025 (https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/document/download/37482168-1e2d-4511-bef5-04ebbcf2e9ba_en?filename=2025-EU-UK-agreed-record-fisheries-consultation_en.pdf).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 tat-30 ta’ Jannar 2025 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/257 fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 (ĠU L, 2025/202, 31.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/202/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1181/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)