|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2545 |
20.11.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2545
tat-13 ta’ Novembru 2026
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/119/UE fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) il-punti (c) u (d), tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-ġbir ta’ data u t-tfassil jew rieżami ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT u l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom
(notifikata bid-dokument C(2026) 7990)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali u l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE (2) tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-gwida dwar il-ġbir tad-data u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) (BREFs) u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fl-Artikolu 13(3), il-punti (c) u (d), tad-Direttiva 2010/75/UE. |
|
(2) |
Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċiet emendi sostanzjali għad-Direttiva 2010/75/UE. Dawk l-emendi jipprevedu, b’mod partikolari, għal: objettivi ambjentali ġodda; rwoli msaħħa għall-Kummissjoni — b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE) — kif ukoll għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA); durata ta’ żmien definita għall-iskambju ta’ informazzjoni u għaċ-ċiklu ta’ rieżami tal-BREFs; regoli msaħħa dwar it-trattament ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni kummerċjalment sensittiva; u rekwiżiti ġodda għall-permessi li l-Istati Membri jagħtu lill-operaturi tal-impjanti industrijali. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-konklużjonijiet tal-BAT stabbiliti fil-BREFs iridu jkunu r-referenza biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-permessi. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-emendi tad-Direttiva (UE) 2024/1785, u f’konformità mal-Artikolu 13(1a) tad-Direttiva 2010/75/UE, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/119/UE jridu jiġu aġġornati sal-1 ta’ Lulju 2026. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 13(3), il-punt (c), tad-Direttiva 2010/75/UE, il-Kummissjoni kisbet l-opinjoni tal-forum dwar din id-Deċiżjoni fit-2 ta’ Marzu 2026. |
|
(5) |
Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbiliti bl-Artikolu 75 tad-Direttiva, |
ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/119/UE huwa sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Jessika ROSWALL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/119/UE tal-10 ta’ Frar 2012 li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 63, 2.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/119/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj).
ANNESS
Gwida dwar l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(3), il-punti (c) u (d) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-ġbir ta’ data, it-tfassil jew ir-rieżami tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom
|
1 |
KAPITOLU 1: PROĊEDURA GĦAT-TFASSIL U GĦAR-RIEŻAMI TA’ DOKUMENT TA’ REFERENZA TAL-AQWA TEKNIKI DISPONIBBLI (BAT) | 7 |
|
1.1 |
Kuntest | 7 |
|
1.1.1 |
Kuntest leġiżlattiv | 7 |
|
1.1.2 |
Għan ta’ BREF | 9 |
|
1.1.3 |
BREFs “orizzontali” u “vertikali” | 9 |
|
1.2 |
Proċedura għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs | 9 |
|
1.2.1 |
Proċedura ġenerali għat-tfassil ta’ BREF ġdid | 9 |
|
1.2.2 |
Proċedura ġenerali għar-rieżami ta’ BREF | 10 |
|
1.2.3 |
Rieżami parzjali ta’ BREF | 10 |
|
1.2.4 |
Objettiv ta’ rieżami ta’ BREF | 11 |
|
1.2.5 |
Fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs | 11 |
|
1.3 |
Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tal-IED riveduta | 13 |
|
1.4 |
Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tal-IED riveduta | 14 |
|
2 |
KAPITOLU 2: KONTENUT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ BREF | 14 |
|
2.1 |
Introduzzjoni | 14 |
|
2.2 |
Struttura ta’ BREF | 14 |
|
2.3 |
Kontenut ta’ BREF | 15 |
|
2.3.1 |
Informazzjoni ġenerali dwar il-kontenut ta’ BREF | 15 |
|
2.3.2 |
Daħla | 15 |
|
2.3.3 |
Kamp ta’ applikazzjoni | 15 |
|
2.3.4 |
Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat | 16 |
|
2.3.5 |
Proċessi u tekniki applikati | 16 |
|
2.3.6 |
Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum | 17 |
|
2.3.7 |
Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET | 17 |
|
2.3.7.1 |
Informazzjoni ġenerali dwar it-tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET | 17 |
|
2.3.7.2 |
Informazzjoni mogħtija dwar kull teknika | 19 |
|
2.3.7.2.1 |
Deskrizzjoni | 19 |
|
2.3.7.2.2 |
Deskrizzjoni teknika | 19 |
|
2.3.7.2.3 |
Benefiċċji ambjentali miksuba (jew benefiċċji ambjentali mistennija fil-każ ta’ ET) | 19 |
|
2.3.7.2.4 |
Data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali | 19 |
|
2.3.7.2.5 |
Effetti transmedjali | 20 |
|
2.3.7.2.6 |
Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà | 21 |
|
2.3.7.2.7 |
Ekonomija | 21 |
|
2.3.7.2.8 |
Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni | 22 |
|
2.3.7.2.9 |
Eżempji ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi | 22 |
|
2.3.7.2.10 |
Riċensjoni ta’ referenza | 22 |
|
2.3.7.2.11 |
Livell ta’ maturità teknoloġika tal-ET | 22 |
|
2.3.8 |
Konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) | 23 |
|
2.3.9 |
Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura | 23 |
|
2.3.10 |
Referenzi | 23 |
|
2.3.11 |
Glossarju tat-termini u tal-abbrevjazzjonijiet | 23 |
|
2.3.12 |
Annessi | 24 |
|
3 |
KAPITOLU 3: KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT | 24 |
|
3.1 |
Introduzzjoni | 24 |
|
3.2 |
Elementi f’BAT jew f’ET individwali | 25 |
|
3.2.1 |
Ġenerali | 25 |
|
3.2.2 |
Deskrizzjoni tat-tekniki | 25 |
|
3.2.3 |
Informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tat-tekniki | 25 |
|
3.3 |
BAT individwali b’livelli ta’ emissjonijiet assoċjati, livelli ta’ prestazzjoni ambjentali jew parametri referenzjarji | 25 |
|
3.3.1 |
Ġenerali | 25 |
|
3.3.2 |
BAT individwali bil-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati | 26 |
|
3.3.3 |
BAT individwali b’livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati jew b’parametri referenzjarji | 27 |
|
3.4 |
Sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMS) | 27 |
|
3.5 |
Tekniki emerġenti | 28 |
|
3.5.1 |
Il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AELs) jew il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AEPLs) | 28 |
|
3.6 |
Trasformazzjoni industrijali profonda | 28 |
|
4 |
KAPITOLU 4: SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI | 28 |
|
4.1 |
Introduzzjoni | 28 |
|
4.2 |
Ir-rwol tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs) | 28 |
|
4.2.1 |
Stabbiliment tat-TWGs | 28 |
|
4.2.2 |
Responsabbiltajiet u kompiti tat-TWG | 29 |
|
4.2.3 |
Sottogruppi tat-TWG | 30 |
|
4.2.4 |
Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi | 30 |
|
4.2.5 |
Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent | 30 |
|
4.2.6 |
Żjarat fuq il-post | 30 |
|
4.2.7 |
Involviment tal-fornituri tat-tekniki (eż. fornituri tat-tagħmir) fl-iskambju ta’ informazzjoni | 31 |
|
4.3 |
Ir-rwol tal-EU-BRITE | 31 |
|
4.4 |
Ir-rwol taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali | 32 |
|
4.5 |
Attivitajiet preparatorji għall-iskambju ta’ informazzjoni | 32 |
|
4.5.1 |
Front-loading bikri | 32 |
|
4.5.2 |
Front-loading | 33 |
|
4.6 |
Objettivi għall-iskambju ta’ informazzjoni | 34 |
|
4.6.1 |
Laqgħa tat-TWG | 34 |
|
4.6.1.1 |
Ġenerali | 34 |
|
4.6.1.2 |
Laqgħa tal-bidu | 34 |
|
4.6.1.2.1 |
Identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali ewlenin (KEIs) | 34 |
|
4.6.1.3 |
Laqgħat interim tat-TWG | 36 |
|
4.6.1.4 |
Laqgħa finali | 36 |
|
4.6.1.4.1 |
Ġenerali | 36 |
|
4.6.1.4.2 |
Opinjonijiet diverġenti | 36 |
|
4.6.2 |
Żvilupp tal-kwestjonarju għall-ġbir ta’ data | 37 |
|
4.6.3 |
Ġbir u analiżi tad-data u tal-informazzjoni | 37 |
|
4.6.3.1 |
Ġbir tad-data u tal-informazzjoni | 37 |
|
4.6.3.2 |
Analiżi tad-data u tal-informazzjoni | 38 |
|
4.6.3.3 |
Workshops tal-valutazzjoni tad-data | 38 |
|
4.6.3.4 |
Identifikazzjoni tal-BAT u d-derivazzjoni tal-BAT-AELs/BAT-AEPLs | 38 |
|
4.6.4 |
Abbozzi ta’ BREF u kummenti tat-TWG | 39 |
|
4.7 |
Għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni | 40 |
|
4.7.1 |
Sistema ta’ informazzjoni tal-BAT (BATIS) | 40 |
|
4.8 |
Sigurtà tad-data personali | 40 |
|
5 |
KAPITOLU 5: ĠBIR U SOTTOMISSJONI TA’ DATA U TA’ INFORMAZZJONI | 41 |
|
5.1 |
Introduzzjoni | 41 |
|
5.2 |
Prinċipji ġenerali għall-ġbir u għas-sottomissjoni ta’ data u ta’ informazzjoni għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs | 41 |
|
5.2.1 |
Tip ta’ data/informazzjoni | 41 |
|
5.2.2 |
Format tad-data | 42 |
|
5.2.3 |
Kwalità tad-data | 42 |
|
5.3 |
Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità | 42 |
|
5.4 |
Id-data dwar il-prestazzjoni ambjentali u d-data operazzjonali meħtieġa għall-kapitoli “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” u “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” | 43 |
|
5.4.1 |
Informazzjoni ġenerali dwar id-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali | 43 |
|
5.4.2 |
Effiċjenza fir-riżorsi | 43 |
|
5.4.2.1 |
Informazzjoni ġenerali dwar l-effiċjenza fir-riżorsi | 43 |
|
5.4.2.2 |
Konsum ta’ materja prima u ta’ materjali awżiljarji | 43 |
|
5.4.2.3 |
Użu tal-ilma | 44 |
|
5.4.2.4 |
Użu tal-enerġija | 44 |
|
5.4.3 |
Emissjonijiet fl-ilma | 45 |
|
5.4.4 |
Emissjonijiet fl-arja | 45 |
|
5.4.5 |
Emissjonijiet fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art | 46 |
|
5.4.6 |
Residwi | 46 |
|
5.4.7 |
Aktar informazzjoni | 46 |
|
5.4.8 |
Informazzjoni ta’ referenza li trid takkumpanja d-data ta’ emissjoni | 47 |
|
5.4.8.1 |
Ġenerali | 47 |
|
5.4.8.2 |
Monitoraġġ | 47 |
|
5.4.8.3 |
Medji, firxiet u distribuzzjonijiet tal-valuri tal-emissjonijiet | 47 |
|
5.5 |
Kwistjonijiet speċifiċi taħt il-missjoni ta’ kull grupp ta’ ħidma tekniku | 48 |
|
6 |
KAPITOLU 6: ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAT-TFASSIL U TAR-RIEŻAMI TAL-BREFS | 49 |
1 KAPITOLU 1: PROĊEDURA GĦAT-TFASSIL U GĦAR-RIEŻAMI TA’ DOKUMENT TA’ REFERENZA TAL-AQWA TEKNIKI DISPONIBBLI (BAT)
1.1 Kuntest
1.1.1 Kuntest leġiżlattiv
Fl-2024, id-Direttiva (UE) 2024/1785 (1) tal-Parlament u tal-Kunsill emendat id-Direttiva 2010/75/UE (2) tal-Parlament u tal-Kunsill (“l-IED riveduta”), li tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet industrijali. Tistabbilixxi wkoll regoli ddisinjati għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattikabbli, għat-tnaqqis kontinwu ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, għat-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi, u għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u tad-dekarbonizzazzjoni, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent inġenerali (ara l-Artikolu 1 tal-IED riveduta).
L-Artikolu 13(1) tal-IED riveduta, jeżiġi li l-Kummissjoni torganizza skambju ta’ informazzjoni bejnha u l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi sabiex tfassal, tirrieżamina u, fejn ikun hemm bżonn, taġġorna dokumenti ta’ referenza tal-BAT (“BREFs”). Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni, fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jibbenefika mill-għarfien espert tal-Aġenzija (3).
L-Artikolu 13(1) jistipula wkoll li “Dak l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jimmira għal ċiklu ta’ rieżami ta’ tmien snin tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT li jagħtu prijorità lid-dokumenti li għandhom l-ogħla potenzjal biex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent. It-tul ta’ żmien tal-iskambju ta’ informazzjoni ... ma għandux jaqbeż l-erba’ snin għal kull dokument ta’ referenza tal-BAT individwali.”
L-iskambju ta’ informazzjoni jkopri l-passi bejn il-laqgħa tal-bidu (KoM) u l-laqgħa finali tal-grupp ta’ ħidma tekniku (TWG). L-attivitajiet preparatorji għall-iskambju ta’ informazzjoni (ara t-Taqsima 4.5) huma mistennija li jqassru dan il-perjodu għal inqas minn 4 snin.
L-Artikolu 13(2) tal-IED riveduta jeżiġi wkoll li “L-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’mod partikolari jindirizza dan li ġej:
|
(a) |
il-prestazzjoni tal-installazzjonijiet u l-metodi tekniċi f’termini ta’ emissjonijiet, espressi bħala medji għal perjodu qasir u perjodu twil, fejn xieraq, u l-kundizzjonijiet ta’ referenza assoċjati, il-konsum u n-natura tal-materja prima, il-konsum tal-ilma, l-użu tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart; |
|
(b) |
il-metodi tekniċi użati, il-monitoraġġ assoċjat, l-effetti transmedjali, il-vijabbiltà ekonomika u teknika u l-iżviluppi fihom; |
|
(c) |
l-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-metodi tekniċi emerġenti identifikati wara li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b).” |
BREF, li jirriżulta minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, huwa ddefinit fl-Artikolu 3, il-punt 11 tal-IED riveduta. Dan huwa dokument imfassal għal attivitajiet definiti u jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-proċessi u t-tekniki applikati, il-livelli kurrenti ta’ emissjoni u tal-konsum, it-tekniki meqjusin għad-determinazzjoni tal-BAT kif ukoll il-konklużjonijiet tal-BAT u kwalunkwe teknika emerġenti, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-kriterji elenkati fl-Anness III tal-IED riveduta (4). Għalhekk, bħala definizzjoni, BREF huwa dokument deskrittiv u ma jippreskrivix l-użu ta’ kwalunkwe teknika jew teknoloġija speċifika, u lanqas ma jinterpreta l-IED riveduta.
“L-aqwa tekniki disponibbli (BAT)” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 10 tal-IED riveduta bħala l-istadju l-aktar effettiv u avvanzat fl-iżvilupp tal-attivitajiet u l-metodi ta’ tħaddim tagħhom li jindika l-adegwatezza prattika ta’ tekniki partikolari biex tiġi pprovduta l-bażi għall-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet u kundizzjonijiet oħra għall-permessi ddeżinjati biex jipprevjenu u, fejn dan ma jkunx prattiku, inaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent inġenerali:
|
a. |
“Tekniki” tinkludi kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, imħaddma u dekummissjonata. |
|
b. |
“Tekniki disponibbli” tfisser tekniki żviluppati fuq skala li tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur industrijali rilevanti, skont kundizzjonijiet ekonomikament u teknikament vijabbli, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet u l-vantaġġi, irrispettivament minn jekk dawn it-tekniki jintużawx jew jiġux prodotti fl-Unjoni, dment li dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur. |
|
c. |
“L-aqwa” tfisser l-aktar waħda effettiva biex jinkiseb livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali, inklużi s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-klima. |
L-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta jiddefinixxi “konklużjonijiet tal-BAT” bħala l-partijiet ta’ BREF li jistabbilixxu l-konklużjonijiet dwar il-BAT u t-tekniki emerġenti (ET), id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ dawk it-tekniki, il-livelli tal-prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ dawk it-tekniki, il-kontenut ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali inklużi l-parametri referenzjarji, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju tas-siti. Il-konklużjonijiet tal-BAT iridu jiġu adottati permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 75(2) tal-IED riveduta. Dawn għandhom ikunu r-referenza biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-permessi għall-installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu II tal-IED (l-Artikolu 14(3) tal-IED riveduta). Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jidentifikaw ukoll l-ET u l-BAT li l-operaturi ta’ installazzjonijiet industrijali jistgħu jimplimentaw biex jittrasformaw l-installazzjonijiet biex ikunu konsistenti mal-objettiv tal-Unjoni ta’ ekonomija sostenibbli, nadifa, ċirkolari u newtrali għall-klima.
Il-“livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 13 tal-IED riveduta bħala l-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ BAT jew b’taħlita ta’ BAT, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, espressi bħala medja fuq perjodu ta’ żmien partikolari, f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati.
Il-“livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 13a tal-IED riveduta bħala l-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ BAT jew bl-użu ta’ kombinazzjoni ta’ BAT, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT.
Il-“prestazzjoni ambjentali” hija definita fl-Artikolu 3, il-punt 13aa tal-IED riveduta bħala l-prestazzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ konsum, l-effiċjenza fir-riżorsi fir-rigward tal-materjali, ir-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija, l-użu mill-ġdid tal-materjali u tal-ilma, u l-ġenerazzjoni tal-iskart.
It-“tekniki emerġenti (ET)” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 14 tal-IED riveduta bħala tekniki ġodda għal attività industrijali li, jekk żviluppata kummerċjalment, tista’ tipprovdi jew livell ġenerali ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u ffrankar tal-kostijiet akbar mill-BAT eżistenti.
Il-“livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-ET” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 48 tal-IED riveduta bħala l-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksuba skont kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu ta’ ET jew b’kombinazzjoni ta’ ET, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, espressi bħala medja fuq perjodu ta’ żmien partikolari, skont kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati.
Il-“livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-ET” huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 49 tal-IED riveduta bħala l-firxa ta’ livelli ta’ prestazzjoni ambjentali, miksuba f’kundizzjonijiet normali tat-tħaddim, bl-użu ta’ ET jew taħlita ta’ ET kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT.
Il-parametri referenzjarji huma definiti fl-Artikolu 3, il-punt 13b tal-IED riveduta bħala l-firxa indikattiva tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT, li għandha tintuża bħala referenza fis-sistema ta’ ġestjoni ambjentali.
1.1.2 Għan ta’ BREF
L-għan ta’ BREF huwa li jiġu ddeterminati l-BAT u l-ET, u li jiġu limitati żbilanċi fl-Unjoni fir-rigward tal-livell ta’ emissjonijiet minn attivitajiet industrijali. Il-BREFs għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-operaturi industrijali, lill-Kummissjoni u lill-pubbliku inġenerali dwar liema BAT u ET huma għall-attivitajiet koperti bl-Anness I tal-IED riveduta. Il-proċess għad-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET għandu jkun trasparenti u oġġettiv, ibbażat fuq informazzjoni teknika u ekonomika affidabbli. BREF huwa fattur ewlieni lejn protezzjoni mtejba tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni kollha.
Sabiex iservi l-għan ewlieni tiegħu u sabiex jiġi żgurat li jkun faċli biex jintuża, il-kontenut tal-BREF għandu jkun limitat għall-informazzjoni rilevanti li tippermetti d-determinazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT stabbiliti fil-Kapitolu 3 (5). BREF ma huwiex maħsub bħala ktieb akkademiku dwar it-tekniki għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis. Dwar dan is-suġġett teżisti riċensjoni estensiva li l-BREF jista’ jirreferi għaliha fejn meħtieġ. Madankollu, huwa essenzjali li l-BREF jipprovdi informazzjoni dwar it-tekniki ewlenin li ġew ikkunsidrati mill-grupp ta’ ħidma tekniku (TWG) (ara t-Taqsima 4.2 (6)) għad-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET, u dwar ir-raġunijiet għall-konklużjonijiet tal-BAT, flimkien ma’ kwistjonijiet miftuħa ewlenin jew nuqqas ta’ għarfien li jeħtieġ li jiġu esplorati għar-rieżami sussegwenti tal-BREF.
1.1.3 BREFs “orizzontali” u “vertikali”
Il-BREFs huma ġeneralment ristretti għal kwistjonijiet relatati ma’ attivitajiet industrijali partikolari (il-BREFs “vertikali”). F’xi każijiet, il-BREFs jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet bejn is-setturi li huma komuni għall-attivitajiet kollha tal-IED jew għal ħafna minnhom (il-BREFs” orizzontali”).
Il-BREFs “orizzontali” u “vertikali” għandhom jiġu żviluppati sabiex ikunu kumplementari għall-fini tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għall-permessi għall-installazzjonijiet koperti bl-IED riveduta.
Il-BREFs “vertikali” għandhom jinkludu informazzjoni speċifika għas-settur. Konsegwentement, il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmija fl-Artikolu 21(3) tal-IED riveduta, jiġifieri l-konklużjonijiet tal-BAT relatati mal-attività ewlenija ta’ installazzjoni, għandhom ikunu parti mill-BREFs “vertikali” biss.
Il-BREFs “orizzontali” għandhom jinkludu informazzjoni ta’ natura ġenerika li tista’ tintuża f’ħafna attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED riveduta. Fil-BREFs “orizzontali” għandha tiġi inkluża informazzjoni fejn din tkun tissupplimenta l-informazzjoni li hemm fil-BREFs “vertikali” dwar aspetti li jolqtu ħafna setturi industrijali.
Dan ma għandux jirriżulta f’konklużjonijiet kunfliġġenti bejn BREFs “vertikali” u “orizzontali”. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu kemm tal-BREFs “vertikali” kif ukoll ta’ dawk “orizzontali” b’mod kumplementari, iridu jsiru kontroreferenzi xierqa fi BREF għal BREFs “vertikali” u “orizzontali” oħra rilevanti.
1.2 Proċedura għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs
Il-Kummissjoni torganizza u tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u attivitajiet preparatorji (il-frontloading bikri). Il-partijiet ikkonċernati involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni kif previst fl-Artikolu 13(1) tal-IED riveduta (l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, l-NGOs li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Kummissjoni) jissorveljaw il-proċess permezz tal-Forum stabbilit f’konformità mal-Artikolu 13(3) tal-IED riveduta. Dawn jikkontribwixxu għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs billi jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs). Aktar informazzjoni dwar ir-rwol tal-partijiet ikkonċernati u l-funzjonament tal-Forum u t-TWGs hija mogħtija fit-Taqsimiet 1.3 u 4.2, rispettivament.
Id-deċiżjoni li jitfassal BREF jew li jinbeda rieżami ta’ BREF tittieħed mill-Kummissjoni u tqis l-opinjoni tal-Forum dwar il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 13(3), il-punt (b) tal-IED riveduta.
1.2.1 Proċedura ġenerali għat-tfassil ta’ BREF ġdid
Peress li l-attivitajiet il-ġodda huma inklużi fl-Anness I tal-IED riveduta, iridu jitfasslu BREFs ġodda. Barra minn hekk, BREFs ġodda jistgħu jitfasslu wkoll għal attivitajiet li ma humiex diġà koperti mill-BREFs eżistenti jew wara riorganizzazzjoni tal-BREFs eżistenti (eż. l-inkorporazzjoni tal-BREFs eżistenti f’BREF ġdid).
Il-fluss tax-xogħol għat-tfassil ta’ BREF ġdid jippreżenta ħafna similaritajiet mal-fluss tax-xogħol għar-rieżami ta’ BREF u huwa deskritt fit-Taqsima 1.2.5. Madankollu, għal BREF ġdid, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-attivitajiet preparatorji deskritti fit-Taqsima 4.5: jista’ jkun hemm bżonn li jinġabar ammont sostanzjali ta’ informazzjoni fil-fażi tal-frontloading, u dan jista’ jieħu kemxejn aktar żmien milli għal rieżami ta’ BREF.
1.2.2 Proċedura ġenerali għar-rieżami ta’ BREF
Ir-rieżami tal-BREFs huwa proċess kontinwu, minħabba n-natura dinamika tal-BAT. Ix-xjenza u t-teknoloġiji qed jiżviluppaw kontinwament, jistgħu jfeġġu tekniki ġodda, proċessi ġodda jew emerġenti qed jiġu introdotti b’suċċess fl-industrija, jista’ jinħoloq tħassib ambjentali ġdid u jista’ jsir disponibbli għarfien ġdid dwar is-sustanzi emessi u l-proprjetajiet perikolużi tagħhom. Sabiex jirriflettu tali bidliet u l-konsegwenzi tagħhom għall-BAT, il-BREFs iridu jiġu rieżaminati perjodikament u, jekk ikun hemm bżonn, aġġornati bix-xieraq. Dan huwa indirizzat b’mod espliċitu mill-Artikolu 13(1) tal-IED riveduta, li jindika li l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkollu l-għan ta’ ċiklu ta’ rieżami ta’ 8 snin tal-BREFs.
Id-deċiżjoni li jiġi rieżaminat BREF għandha tqis:
|
(i) |
informazzjoni fit-taqsima tal-BREF intitolata “Rimarki u Rakkomandazzjonijiet tal-Aħħar għall-Ħidma Futura” (ara t-Taqsima 2.2); u |
|
(ii) |
informazzjoni li ġejja mill-INCITE (ara t-Taqsima 4.4), flimkien ma’ fatturi oħra bħal:
|
1.2.3 Rieżami parzjali ta’ BREF
Meta jiġi rieżaminat BREF eżistenti bħala parti miċ-ċiklu ta’ rieżami programmat, jista’ jkun possibbli li tiġi rieżaminata biss parti mill-BREF, li tiffoka, pereżempju, fuq proċess jew fuq sottosettur industrijali speċifiku, fuq kwistjoni ambjentali speċifika, jew fuq proċess ġdid li ħareġ mill-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT.
Għalkemm dan l-approċċ jippermetti rieżami aktar rapidu, dan jista’ jkun possibbli biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ hawn taħt.
|
— |
Xi partijiet tal-BREFs jistgħu jibqgħu l-istess, pereżempju, jekk sottosettur jew proċess tal-produzzjoni jkun baqa’ fil-biċċa l-kbira mhux mibdul jew jekk il-prestazzjoni tat-tekniki tat-tnaqqis għal sustanza niġġiesa partikolari osservata fil-qasam ma tkunx tjiebet b’mod sinifikanti. |
|
— |
L-approċċ integrat tal-IED huwa ssalvagwardjat. Pereżempju, jekk ir-rieżami parzjali jiffoka fuq kwistjoni ambjentali speċifika (eż. sustanza niġġiesa speċifika), ma għandux ikun limitat għall-BAT jew għal-livelli ta’ emissjonijiet jew ta’ prestazzjoni assoċjati relatati ma’ dik il-kwistjoni. Ir-rieżami għandu jinkludi wkoll effetti transmedjali possibbli (eż. impatt potenzjali tat-tekniki tat-tnaqqis użati biex titnaqqas din is-sustanza niġġiesa fuq il-konsum tal-ilma jew tal-enerġija, il-ġenerazzjoni tal-iskart, jew l-emissjonijiet potenzjali ta’ sustanzi niġġiesa oħra) u kwistjonijiet ambjentali oħra li jirriżultaw mit-tnaqqis jew mill-prevenzjoni ta’ din il-kwistjoni ambjentali speċifika. |
|
— |
Tinżamm il-konsistenza ġenerali tal-konklużjonijiet tal-BAT. Pereżempju, jekk tiġi żviluppata aqwa teknika disponibbli għal proċess ġdid f’sett ta’ konklużjonijiet eżistenti tal-BAT, il-konklużjonijiet rigward l-aqwa teknika disponibbli l-ġdida jridu jibqgħu konsistenti mal-konklużjonijiet dwar il-BAT li ma humiex parti mir-rieżami (eż. jekk l-aqwa teknika disponibbli l-ġdida tkun l-aqwa teknika disponibbli ġenerika, irid jiġi vverifikat li hija applikabbli għall-proċessi kollha tas-settur industrijali kkonċernat, u mhux biss għal dan il-proċess il-ġdid). |
It-twettiq ta’ rieżami parzjali ta’ BREF ippubblikat qabel l-2026 ma huwiex maħsub peress li t-TWG ikun jeħtieġ li jiżgura li l-parti mhux indirizzata fir-rieżami parzjali wkoll tallinja (permezz ta’ eżerċizzju speċifiku ta’ ġbir ta’ data) mal-objettivi u mar-rekwiżiti tal-IED riveduta, b’mod partikolari l-kapitolu dwar il-konklużjonijiet tal-BAT.
Il-konklużjonijiet dwar liema partijiet tal-BREF jibqgħu l-istess u liema partijiet jeħtieġ li jiġu rieżaminati jittieħdu fil-laqgħa tal-bidu tat-TWG (ara t-Taqsima 4.6.1.2).
1.2.4 Objettiv ta’ rieżami ta’ BREF
L-objettiv ta’ rieżami ta’ BREF huwa li jiġi vvalutat sa liema punt il-konklużjonijiet tal-BAT adottati qabel għadhom adegwati għall-użu, u, fejn meħtieġ, li dawn il-konklużjonijiet jiġu aġġornati u li jiġu identifikati l-evoluzzjonijiet fil-BAT u fl-ET. Dan jinkiseb primarjament bl-eżaminazzjoni tal-partijiet tal-BREF li jistabbilixxu l-konklużjonijiet dwar il-BAT, billi tiġi vvalutata kemm hija effettiva l-implimentazzjoni tagħhom u billi dawk il-konklużjonijiet jiġu riveduti jew aġġornati fejn ikun hemm informazzjoni ġdida li tippermetti li dan isir.
Għalhekk, ir-rieżami ta’ BREF ma huwiex mistenni li jinvolvi kitba mill-ġdid jew modifika kompleta tal-BREF kollu. Madankollu, huwa rikonoxxut li f’ċerti każijiet, l-ewwel rieżamijiet tal-BREFs jistgħu jinvolvu ferm aktar modifiki mir-rieżamijiet sussegwenti.
Huwa ċar li l-informazzjoni l-ġdida l-aktar rilevanti li teħtieġ li tiġi identifikata, tinġabar u tiġi sottomessa fil-qafas tal-iskambju ta’ informazzjoni għal rieżami ta’ BREF hija dik li tista’ twassal għal konklużjonijiet riveduti jew aġġornati tal-BAT. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li d-data u l-informazzjoni jinġabru abbażi tal-gwida stabbilita fil-Kapitolu 5.
Barra minn hekk, ir-rieżami ta’ BREF għandu jinkludi:
|
1. |
|
|
2. |
|
|
3. |
|
Ir-rieżami ta’ BREF għandu jiffoka prinċipalment fuq il-kapitoli tal-BREF intitolati “Tekniki li Għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT u tal-ET”, “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” u “Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum” u, fuq livell inqas, għandu jiffoka fuq il-kapitoli tal-BREF intitolati “Proċessi u tekniki applikati” (fil-każ ta’ bidliet importanti f’dan il-kapitolu). Ir-rieżami tal-kapitoli l-oħra tal-BREF għandu jingħata prijorità aktar baxxa.
B’mod ġenerali, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-informazzjoni kollha li tibqa’ fil-BREF tkun aġġornata, b’mod kemm jista’ jkun konsistenti u akkurat sa punt li jkun raġonevolement possibbli.
1.2.5 Fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs
Il-fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs jinkludi bħala objettivi intermedji ewlenin, laqgħa ta’ tnedija, fażi tal-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni, abbozz wieħed tal-BREF u laqgħa finali (ara t-Taqsima 4.6.1.4). Il-passi ewlenin għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs huma deskritti f’aktar dettall fit-Tabella 1.
Dawn il-passi jqisu:
|
— |
l-għan stabbilit fl-Artikolu 13(1) tal-IED riveduta li BREF għandu jiġi aġġornat mhux aktar tard minn 8 snin wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti; |
|
— |
l-għan stabbilit fl-Artikolu 13(1) tal-IED riveduta li “It-tul ta’ żmien tal-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż l-erba’ snin għal kull dokument ta’ referenza tal-BAT individwali”. |
Il-passi eżatti u t-twaqqit tax-xogħol għal kull BREF jiddependu fuq għadd ta’ fatturi, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREF (u l-estensjoni possibbli tal-ambitu fil-każ ta’ rieżamijiet tal-BREFs), l-għadd u l-kumplessità ta’ suġġetti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, ir-riżorsi tal-Uffiċċju Ewropew għar-Riċerka dwar it-Trasformazzjoni Industrijali u l-Emissjonijiet - EU-BRITE - minħabba r-rwol ċentrali tiegħu fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni u, fuq kollox, il-livell ta’ parteċipazzjoni attiva u effettiva tat-TWG. Il-flessibbiltà li teżisti għall-adattament tal-fluss tax-xogħol għall-ispeċifiċitajiet ta’ BREF partikolari tapplika mingħajr preġudizzju għall-objettiv ġenerali li x-xogħol jitlesta fil-limiti ta’ żmien indikati hawn fuq, filwaqt li tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-BREF prodott.
Huwa mistenni li, fil-prinċipju, matul ir-rieżami ta’ BREF, isiru żewġ laqgħat plenarji tat-TWG (il-laqgħa tal-bidu u l-laqgħa finali għandhom (ara t-Taqsima 4.6.1)). Madankollu, f’ċertu każijiet (eż. fejn tkun ġiet ipprovduta ħafna informazzjoni ġdida, jew fejn id-determinazzjoni tal-BAT hija partikolarment kontroversjali), jistgħu jsiru laqgħat tat-TWG interim (ara t-Taqsima 4.6.1.3). Minbarra dawn il-laqgħat plenarji tat-TWG, jiġu organizzati workshops tal-valutazzjoni tad-data (ara t-Taqsima 4.6.3.3) u jistgħu jiġu organizzati laqgħat tas-sottogruppi biex tiġi ffaċilitata l-ħidma (ara t-Taqsima 4.2.3).
Sabiex isir l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi minn dawk kollha involuti fit-tfassil jew fir-rieżami ta’ BREF, jeħtieġ li jkun hemm skadenza ċara għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni f’daqqa mwiegħda jew identifikata fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.1.2). L-informazzjoni sottomessa wara din l-iskadenza tista’ tiġi aċċettata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, wara konsultazzjoni mat-TWG, u tista’ titqies biss mill-EU-BRITE meta tkun tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għad-derivazzjoni jew għall-aġġornament tal-konklużjonijiet tal-BAT jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet kontroversjali jew teknikament ikkumplikati.
Jekk ikun hemm bżonn, l-EU-BRITE jitlob informazzjoni addizzjonali jew kjarifiki mingħand it-TWG sabiex jiġbor kwalunkwe informazzjoni importanti nieqsa li titqies neċessarja, b’mod partikolari għad-derivazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT f’konformità mal-gwida stabbilita fil-Kapitoli 3 u 5.
|
Pass Nru |
Stadju tat-tfassil/tar-rieżami ta’ BREF |
Deskrizzjoni |
|
Attivitajiet preparatorji qabel l-iskambju ta’ informazzjoni |
||
|
0.1 |
Front-loading bikri |
Ara t-Taqsima 4.5.1. |
|
0.2 |
Attivazzjoni/riattivazzjoni tat-TWG |
It-TWG jiġi attivat/riattivat, bl-identifikazzjoni u bil-konferma tas-sħubija u tad-dettalji tal-kuntatt (ara t-Taqsima 4.2.1). |
|
0.3 |
Front-loading |
Il-membri tat-TWG jissottomettu input inizjali (ara t-Taqsima 4.5.2). |
|
Attivitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni |
||
|
1.1 |
Laqgħa tal-bidu (KoM) |
Tiġi organizzata KoM (ara t-Taqsima 4.6.1.2) abbażi ta’ dokument ta’ sfond ipprovdut lit-TWG minn qabel. Il-konklużjonijiet tal-KoM u rapport tal-KoM jiġu ċċirkolati wara l-KoM. |
|
1.2 |
Ġbir u analiżi tad-data/tal-informazzjoni |
It-TWG jiġbor u jissottometti l-maġġoranza tal-informazzjoni identifikata fil-konklużjonijiet tal-KoM (ara t-Taqsima 4.6.3.1). Il-maġġoranza tal-informazzjoni tirreferi għall-informazzjoni kollha skambjata fil-“proċess ta’ Sevilja” ħlief dik riċevuta permezz ta’ kwestjonarji. |
|
Jitħejja kwestjonarju (ara t-Taqsima 4.6.2) mill-EU-BRITE għall-ġbir ta’ data speċifika għall-installazzjonijiet, għall-impjanti u għall-proċessi u dan jiġi ffinalizzat mat-TWG (inkluż permezz ta’ workshop dwar l-iżvilupp tal-kwestjonarju u fażi ta’ ttestjar). Il-kwestjonarju jintbagħat lill-installazzjonijiet jew lill-impjanti li jipparteċipaw fil-ġbir ta’ data/ta’ informazzjoni (ara wkoll it-Taqsima 4.6.3.1). |
||
|
Tinġabar data speċifika għall-installazzjonijiet, għall-impjanti u għall-proċessi (ara t-Taqsima 4.6.3.1). |
||
|
L-informazzjoni u d-data jiġu analizzati (ara t-Taqsima 4.6.3.2) u jiġu diskussi fit-TWG (inkluż permezz tal-ewwel workshop tal-valutazzjoni tad-data). |
||
|
1.3 |
L-ewwel abbozz |
L-ewwel abbozz (ara t-Taqsima 0) jitfassal u jiġi sottomess għall-kummenti tat-TWG. |
|
1.4 |
Analiżi tal-kummenti u aġġornament tal-ewwel abbozz |
Il-kummenti tat-TWG jiġu analizzati u diskussi mat-TWG (inkluż permezz tat-tieni workshop tal-valutazzjoni tad-data). Il-kummenti tat-TWG jitqiesu għall-aġġornament tal-BREF (jew il-kapitoli rilevanti tiegħu) għal-laqgħa finali. Jistgħu jiġu organizzati workshops oħra tal-valutazzjoni tad-data jekk ikun meħtieġ. |
|
1.5 |
Laqgħa finali |
Jiġi żviluppat dokument ta’ sfond għal-laqgħa finali tat-TWG. Verżjoni aġġornata tal-kapitoli rilevanti tal-BREF tiġi ċċirkolata lit-TWG (ara t-Taqsima 4.6.1.4). Tiġi organizzata laqgħa finali (ara t-Taqsima 4.6.1.4). Il-konklużjonijiet tal-laqgħa finali jiġu ċċirkolati wara l-laqgħa finali. |
|
Abbozz finali |
||
|
2. |
Abbozz finali |
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-laqgħa finali, jiġi prodott abbozz finali tal-BREF. Dan huwa disponibbli għall-opinjoni tal-Forum tal-Art. 13 (ara t-Taqsima 1.3). |
Sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-preparazzjoni tax-xogħol, l-EU-BRITE għandu jinforma lill-Forum (ara t-Taqsima 1.3) kemm jista’ jkun kmieni bid-dati/perjodi li fihom TWG huwa mistenni li jiġi riattivat jew stabbilit. Bl-istess mod, l-EU-BRITE se jinforma lill-membri tat-TWG bil-passi li jmiss u bl-iskadenzi possibbli b’mod tempestiv.
1.3 Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tal-IED riveduta
Il-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13(3) tal-IED riveduta huwa grupp ta’ esperti mlaqqa’ u ppresedut mill-Kummissjoni u jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri, mill-industriji kkonċernati u minn organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent. Il-ħatra tal-membri fil-Forum titwettaq f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 146/03 li tistabbilixxi l-Forum (7), li tistabbilixxi wkoll il-kompitu tal-Forum.
Ir-rwol tal-Forum, kif spjegat fil-premessa 14 u deskritt fl-Artikolu 13(3) tal-IED riveduta, huwa li jiżgura skambju effettiv, attiv u trasparenti ta’ informazzjoni li tirriżulta fi BREFs ta’ kwalità għolja billi jiddiskuti u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni.
Speċifikament, f’konformità mal-Artikolu 13(3) tal-IED riveduta, il-Forum għandu jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, dwar:
|
1. |
ir-regoli ta’ proċedura tal-Forum; |
|
2. |
il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni; |
|
3. |
gwida dwar il-ġbir ta’ data; |
|
4. |
gwida dwar it-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom, inkluża l-adegwatezza tal-kontenut u tal-format tagħhom. |
Il-membri tal-Forum huma responsabbli għan-nominazzjoni tar-rappreżentanti tagħhom fit-TWGs (ara b’mod partikolari t-Taqsima 4.2.2 li tindirizza l-kompiti u l-profil tal-membri tat-TWG) u għaż-żamma ta’ kuntatt magħhom matul il-proċess ta’ abbozzar kollu sabiex jiżguraw skambju ta’ informazzjoni attiv u effettiv.
Il-Forum jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni (jiġifieri l-programm ta’ ħidma tal-BREF) fi stadju bikri (eż. sentejn minn qabel) biex jagħti lill-partijiet ikkonċernati biżżejjed żmien biex iwettqu l-ħidma preparatorja qabel ma jibda l-proċess ta’ rieżami/tfassil tal-BREF, b’mod partikolari l-frontloading bikri (ara t-Taqsima 4.5.1).
Il-Forum huwa wkoll il-post fejn il-kwistjonijiet ġenerali relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni jiġu diskussi. Tul il-Forum, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi t-tagħlimiet meħuda mill-aspetti tal-proċess u tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Il-Forum jista’, jekk meqjus neċessarju, jissuġġerixxi titjib jew aspetti speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati matul it-tfassil jew matul ir-rieżami ta’ BREF.
Il-kompitu ewlieni tal-Forum huwa li jevalwa r-riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan it-TWGs b’kunsiderazzjoni ta’ dan id-dokument ta’ gwida u li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kontenut propost tal-BREFs li jirriżulta mill-ħidma mwettqa fil-livell tekniku. Biex isir dan, wara l-finalizzazzjoni tal-ħidma fit-TWG, l-abbozz finali aġġornat ta’ BREF jintbagħat lill-Forum mhux aktar tard minn 8 ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Forum fejn ikun se jiġi diskuss id-dokument (8). Il-Membri tal-Forum għandhom jissottomettu l-kummenti tagħhom kollha dwar l-abbozz tal-verżjoni finali tal-BREF bil-miktub qabel il-laqgħa.
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tal-IED riveduta, l-opinjoni tal-Forum dwar il-kontenut propost tal-BREFs “għandha tiġi ppreżentata fi żmien 6 xhur mil-laqgħa finali tal-grupp ta’ ħidma tekniku” (ara t-Taqsima 4.6.1.4). Meta jitqies il-perjodu minimu ta’ 8 ġimgħat imsemmi hawn fuq, dan ifisser li l-abbozz finali ta’ BREF għandu jintbagħat lill-Forum mhux aktar tard minn 4 xhur wara l-laqgħa finali.
Il-Forum jista’ jindirizza, fost affarijiet oħra:
|
1. |
kwistjonijiet li jirriżultaw fit-TWG li għalihom, l-opinjoni diverġenti (ara t-Taqsima 4.6.1.4.2) tal-membru tat-TWG ikkonċernat ma hijiex riflessa b’mod akkurat fit-test tal-abbozz finali; |
|
2. |
proposti motivati tal-membri tal-Forum għat-tneħħija jew għall-modifika ta’ opinjoni diverġenti mfissra mir-rappreżentant tat-TWG tagħhom stess; |
|
3. |
kjarifika ta’ test; |
|
4. |
reviżjonijiet testwali li jirriflettu b’mod aktar akkurat il-konklużjoni milħuqa mit-TWG; |
|
5. |
korrezzjonijiet ta’ żbalji tipografiċi fl-abbozz finali; |
|
6. |
proposti biex jiġu inklużi kwistjonijiet importanti, li huma diġà rrapportati fil-korp tal-BREF, fit-Taqsima “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” (ara t-Taqsima 2.3.9). |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tal-IED riveduta, il-Kummissjoni tagħmel l-opinjoni tal-Forum dwar il-kontenut propost tal-BREF disponibbli pubblikament u tikkunsidra l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT u l-BREF finali ppubblikat.
1.4 Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tal-IED riveduta
L-Artikolu 75(1) tal-IED riveduta jipprevedi l-istabbiliment ta’ kumitat, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), li jikkonsisti f’rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, biex jassisti lill-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.
Skont l-Artikolu 13(3) tal-IED riveduta, il-kumitat huwa involut fid-diskussjoni u fl-adozzjoni tal-“gwida dwar il-ġbir ta’ data” u tal-“gwida dwar it-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT, u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom, inkluża l-adegwatezza tal-kontenut u l-format tagħhom” [(jiġifieri dan id-dokument)].
L-Artikolu 13(5) tal-IED riveduta jistipula li d-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami kif stabbilita fl-Artikolu 75(2) tal-IED riveduta. Għalhekk, il-kumitat għandu jkun involut fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li jirriżultaw mill-iskambju ta’ informazzjoni.
Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-“Konklużjonijiet tal-BAT”, l-EU-BRITE jimmodifika, jekk ikun hemm bżonn, il-BREF f’konformità mad-deċiżjoni adottata dwar il-konklużjonijiet tal-BAT u jagħmel il-verżjoni bl-Ingliż tal-BREF finali disponibbli pubblikament. Id-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
F’konformità mal-Artikolu 13(6) tal-IED riveduta, il-BREF finali u d-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT iridu jsiru disponibbli għall-pubbliku mill-aktar fis possibbli.
2 KAPITOLU 2: KONTENUT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ BREF
2.1 Introduzzjoni
BREF huwa dokument tekniku li jippreżenta informazzjoni fattwali teknika u ekonomika, li jirrifletti r-riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tal-IED riveduta u li fih l-elementi neċessarji li jwasslu għall-konklużjonijiet tal-BAT għall-attivitajiet ikkonċernati.
Jekk iservi l-iskop speċifiku li jgħin lill-qarrej ifittex informazzjoni ulterjuri dwar kwistjoni, il-kumpaniji (jiġifieri installazzjonijiet jew fornituri), l-ismijiet kummerċjali, il-kontributuri jew il-membri tat-TWG jistgħu jissemmew fi BREF sakemm dan ma jmurx kontra d-drittijiet tal-kompetizzjoni u regoli dwar il-protezzjoni tad-data.
2.2 Struttura ta’ BREF
Id-definizzjoni ta’ BREF mogħtija fl-Artikolu 3, il-punt 11 tal-IED riveduta tistipula li BREF jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-proċessi u t-tekniki applikati, il-livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum, it-tekniki kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-BAT kif ukoll il-konklużjonijiet tal-BAT u kwalunkwe ET.
BREF għandu b’mod ġenerali jkun fih il-partijiet mogħtija fit-tabella hawn taħt:
|
Daħla |
|
Kamp ta’ applikazzjoni |
|
Kapitolu: Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat |
|
Kapitolu: Proċessi u tekniki applikati |
|
Kapitolu: Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum |
|
Kapitolu: Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET |
|
Kapitolu: Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) |
|
Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura |
|
Referenzi |
|
Glossarju tat-termini u tal-abbrevjazzjonijiet |
|
Annessi (skont ir-rilevanza għas-settur u d-disponibbiltà tal-informazzjoni) |
L-istruttura tal-BREFs kollha għandha ssegwi l-prinċipji ġenerali stabbiliti f’din it-taqsima. Madankollu, l-ordni tal-kapitoli mogħti hawnhekk huwa illustrattiv u kwalunkwe BREF jista’ jiġi strutturat b’mod differenti fejn dan huwa aktar xieraq għas-suġġett tal-BREF. Il-BREFs “orizzontali” (ara t-Taqsima 1.1.3) jistgħu jitbiegħdu sostanzjalment minn din l-istruttura u ċerti kapitoli jistgħu ma jkunu rilevanti xejn. Madankollu, għall-BREFs “orizzontali” ukoll, it-TWG għandu jipprova jaqbel fuq il-konklużjonijiet tal-BAT sa fejn dawn ikunu rilevanti u possibbli.
Jekk BREF ikopri sottosetturi differenti jew passi ta’ proċess(i) distinti b’mod ċar fi ħdan settur, jista’ jkun aktar xieraq li jkun hemm kapitoli separati għal kull wieħed minn dawn is-setturi jew passi ta’ proċess(i) u li tiġi applikata l-istruttura msemmija hawn fuq (“Informazzjoni ġenerali” sa “Konklużjonijiet tal-BAT”) ta’ kull wieħed minn dawn il-kapitoli.
2.3 Kontenut ta’ BREF
2.3.1 Informazzjoni ġenerali dwar il-kontenut ta’ BREF
It-tfassil u r-rieżami tal-BREFs għandhom jimmiraw li jirrilaxxaw dokumenti konċiżi, li jiffokaw fuq il-konklużjonijiet tal-BAT u li jżommu l-partijiet deskrittivi fil-qosor kemm jista’ jkun. Sabiex tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, jistgħu jsiru kontroreferenzi għal BREFs oħra.
2.3.2 Daħla
It-taqsima standard konċiża tal-BREF intitolata “Daħla” tiddeskrivi l-istruttura tad-dokument, tfakkar fil-qosor il-kuntest leġiżlattiv, u l-mod kif id-dokument ġie abbozzat (eż. kif inġabret u kif ġiet ivvalutata l-informazzjoni). It-test irid jitfassal apposta biex jirrifletti l-istruttura individwali ta’ kull BREF.
2.3.3 Kamp ta’ applikazzjoni
It-taqsima tal-BREF intitolata “Kamp ta’ applikazzjoni”, hija ġeneralment konċiża, għandha tiddeskrivi b’mod kemm jista’ jkun preċiż liema attivitajiet huma koperti mid-dokument. Il-kamp ta’ applikazzjoni jrid jiġi stabbilit b’mod li jipprevjeni lakuni jew irduppjar mhux mixtieq mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ BREFs oħra, b’mod partikolari bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-BREFs vertikali.
Din it-taqsima trid tinkludi mill-inqas referenza għall-kategoriji rilevanti ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness I tal-IED riveduta. Fejn rilevanti, dettalji ulterjuri dwar il-proċessi u s-sottoproċessi tal-produzzjoni li jappartjenu għal dawk il-kategoriji ta’ attivitajiet għandhom jiġu inklużi. Għandha ssemmi wkoll l-attivitajiet ewlenin “assoċjati direttament” koperti bid-dokument, anke meta dawn ma jkunux fihom infushom attivitajiet tal-Anness I.
Din it-taqsima għandha tindika wkoll attivitajiet, proċessi tal-produzzjoni jew sottoproċessi li huma esklużi b’mod intenzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREF, filwaqt li tipprovdi r-raġunijiet għal tali esklużjonijiet (eż. biex jiġu evitati lakuni, jew biex jiġi evitat irduppjar ma’ BREFs, regolamenti jew biċċiet ta’ leġiżlazzjoni oħra li diġà jistgħu jkopru dawk l-attivitajiet, il-proċessi jew is-sottoproċessi).
Id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ BREF ma tikkostitwix interpretazzjoni legali tad-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet li hemm fl-Anness I għal-IED riveduta.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREFs “orizzontali” u “vertikali” għandu jsegwi l-prinċipji deskritti fit-Taqsima 1.1.3. Għall-BREFs “orizzontali”, il-kwistjonijiet koperti għandhom jiġu deskritti kif ukoll l-interfaċċa tagħhom mal-BREFs “vertikali” għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tal-IED riveduta. Ir-rilevanza ta’ BREFs oħra għandha tissemma meta dan jitqies neċessarju, permezz ta’ kontroreferenza għal dawn il-BREFs rilevanti.
Fir-rieżamijiet tal-BREFs fejn il-konklużjonijiet tal-BAT diġà jkunu ġew adottati, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT għandu jibqa’ l-bażi għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREF rivedut. L-aġġustamenti fil-kamp ta’ applikazzjoni għandhom jiffokaw primarjament fuq l-iċċarar tal-interazzjonijiet ma’ BREFs oħra (eż. biex jiġu evitati lakuni jew irduppjar) u l-allinjament tal-kopertura mal-proċessi tal-produzzjoni u mas-sottoproċessi applikati mis-settur fiż-żmien tar-rieżami. Dan jista’ jinkludi t-tneħħija ta’ proċessi jew ta’ sottoproċessi skaduti u l-inkorporazzjoni ta’ proċessi ġodda li ħarġu mill-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT.
2.3.4 Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat
Dan il-kapitolu introduttorju qasir tal-BREF intitolat “Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat” jipprovdi informazzjoni ġenerali reċenti dwar is-settur industrijali indirizzat mill-BREF, pereżempju f’termini tal-għadd u tad-daqs tal-installazzjonijiet, id-distribuzzjoni ġeografika, il-kapaċità u l-ekonomija tal-produzzjoni. Dan għandu jagħti indikazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali ewlenin għas-settur, fejn possibbli, b’xi data ġenerali dwar l-emissjonijiet u l-konsum bħala informazzjoni ġenerali kif ukoll, fejn possibbli, informazzjoni dwar il-progress fin-newtralità klimatika u ċ-ċirkolarità.
2.3.5 Proċessi u tekniki applikati
Dan il-kapitolu tal-BREF intitolat “Proċessi u tekniki applikati” jiddeskrivi fil-qosor il-proċessi tal-produzzjoni applikati bħalissa fis-settur(i) industrijali kopert(i) mill-BREF flimkien ma’ indikazzjoni tat-tekniki użati fis-settur.
L-attivitajiet koperti għandhom jinkludu l-attivitajiet deskritti fl-Anness I tal-IED riveduta u l-attivitajiet assoċjati direttament filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ BREFs oħra għal ċerti aspetti ta’ wħud mill-attivitajiet assoċjati. Għandu jkun hemm deskrizzjonijiet tal-varjanti tal-proċessi, tat-tendenzi tal-iżvilupp u tal-proċessi alternattivi sa fejn dawn ikunu rilevanti għad-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET.
Dan il-kapitolu għandu jirrifletti l-passi sekwenzjali fi proċess tipiku. Uħud mill-kwistjonijiet li ġejjin jew kollha kemm huma (possibbilment aġġustati biex jissodisfaw il-pekuljarità tal-unitajiet tal-ipproċessar) għandhom jiġu inklużi, għaliex dawn jistgħu jkunu rilevanti fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET:
|
— |
il-materja prima (inkluż dik sekondarja/riċiklata) u l-materjal konsumabbli użati, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-materja prima kritika; |
|
— |
il-konsum ta’ enerġija u ilma; |
|
— |
is-sustanzi kimiċi/materjali awżiljari użati; |
|
— |
il-preparazzjoni tal-materja prima (inkluż il-ħżin u l-manipulazzjoni); |
|
— |
l-ipproċessar tal-materjali; |
|
— |
il-manifattura tal-prodott; |
|
— |
il-finitura tal-prodott; |
|
— |
il-ħżin u manipulazzjoni tal-prodott intermedju u finali; |
|
— |
l-immaniġġar u d-destin tar-residwi (inklużi l-prodotti sekondarji). |
Għandhom jiġu deskritti r-relazzjonijiet u r-rabtiet reali jew possibbli bejn l-attivitajiet/passi tal-proċessi differenti, b’mod partikolari fejn dawn jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni ambjentali ġenerali (eż. fejn ir-residwi (inklużi l-prodotti sekondarji) minn attività waħda jistgħu jintużaw bħala feedstock għal oħra).
2.3.6 Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum
Dan il-kapitolu tal-BREF intitolat “Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum” jirrapporta dwar il-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet u konsum osservati kurrentament għall-proċess (jew proċessi) inġenerali u għas-sottoproċessi tiegħu (tagħhom) flimkien ma’ indikazzjoni tat-tekniki użati għall-prevenzjoni/tnaqqis tal-emissjonijiet u għaż-żieda fl-effiċjenza fir-riżorsi. L-informazzjoni li tinsab fis-settijiet tad-data msemmija fit-Taqsima 5.2 tista’ tintuża għal dan il-għan, kif ukoll informazzjoni dwar l-emissjonijiet mill-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Sabiex tiġi pprovduta idea tal-prestazzjoni ambjentali relattiva ta’ attivitajiet komparabbli, hija meħtieġa informazzjoni dwar il-livelli ta’ produzzjoni u l-konfigurazzjoni tal-proċess sabiex il-livelli ta’ emissjonijiet/konsum ikunu jistgħu jiġu espressi għal kull proċess jew għal kull unità ta’ produzzjoni.
Sa fejn ikun possibbli, id-data tinġabar f’konformità mal-informazzjoni kuntestwali rilevanti, eż. it-tip ta’ installazzjoni, impjant jew proċess, it-tip ta’ prodott, il-materja prima (filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-materja prima kritika), id-daqs tal-installazzjoni.
L-informazzjoni għandha tinkludi l-użu osservat kurrentament ta’ enerġija, ilma, sustanzi kimiċi u materja prima. Id-data għandha tinkludi l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa prinċipali fl-arja u fl-ilma u l-ġenerazzjoni ta’ residwi li jirriżultaw mill-attivitajiet kif ukoll informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u dwar l-emissjonijiet ta’ storbju u rwejjeħ, fejn rilevanti. Sa fejn ikun hemm informazzjoni disponibbli, l-inputs għas-sottoproċessi u l-outputs minnhom għandhom jiġu indikati, biex b’hekk jiġu enfasizzati s-sottoproċessi l-aktar sinifikanti f’termini ambjentali u jiġu indirizzati l-opzjonijiet għar-riċiklaġġ tal-iskart u għall-użu mill-ġdid tal-materjali fil-proċess sħiħ jew lil hinn. L-informazzjoni u d-data f’dan il-kapitolu jipprovdu l-bażi għall-valutazzjoni tal-effetti u tal-interdipendenzi ewlenin transmedjali.
Id-data dwar l-emissjonijiet u l-konsum ippreżentata f’dan il-kapitolu tal-BREF għandha tiġi kkwalifikata kemm jista’ jkun b’dettalji dwar it-tip ta’ proċess jew ta’ prodott, il-materja prima użata (filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-materja prima kritika), il-proporzjon ta’ skart riċiklat jew materjali rkuprati/użati mill-ġdid fil-feedstock (jekk rilevanti għall-emissjonijiet jew għall-konsum), il-kundizzjonijiet tat-tħaddim (eż.l-perċentwal tal-kapaċità sħiħa, l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali, il-kundizzjonijiet ta’ referenza), il-metodu ta’ kampjunar u metodi analitiċi. Il-preżentazzjonijiet statistiċi (eż. li juru l-firxiet medji, massimi u minimi) jistgħu jintużaw għal dan l-iskop.
Id-data dwar l-emissjonijiet u l-konsum għandha tiġi ppreżentata b’mod li d-data tkun tista’ tiġi vvalutata faċilment u b’mod effettiv (rilevanza għal ċerti sottosetturi, attivitajiet, proċessi kkonċernati, ċirkostanzi operazzjonali, eċċ.).
2.3.7 Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET
2.3.7.1 Informazzjoni ġenerali dwar it-tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET
Il-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom titqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” huwa kruċjali fl-iżvilupp tal-konklużjonijiet tal-BAT. Dan jipprovdi katalgu ta’ tekniki relevanti u l-monitoraġġ assoċjat użati għal:
|
— |
il-prevenzjoni tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma (inkluż l-ilma ta’ taħt l-art) u fil-ħamrija jew, fejn dan ma huwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet; |
|
— |
it-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi, eż. il-materja prima, l-ilma u l-effiċjenza enerġetika; |
|
— |
il-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni, inkluża t-trasformazzjoni industrijali profonda; |
|
— |
il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart; |
|
— |
il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, eż. billi jittejjeb l-irkupru tal-iskart jew l-użu ta’ materja prima sekondarja (filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-materja prima kritika); |
|
— |
il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi perikolużi; |
|
— |
il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impatt tal-emissjonijiet fuq il-bijodiversità. |
It-tekniki deskritti f’dan il-kapitolu tal-BREF (bl-użu tal-istruttura deskritta fit-Taqsima 2.3.7.2) jitqiesu l-aktar rilevanti għad-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET għall-attivitajiet ikkonċernati. Dawn għandhom jinkludu kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, mħaddma u dekummissjonati. Għal finijiet ta’ ċarezza, il-BAT u l-ET għandhom jiġu deskritti f’taqsimiet separati.
Fil-kuntest tat-tfassil u tar-rieżami tal-BREFs, fejn il-konklużjonijiet tal-BAT diġà ġew adottati għas-settur speċifiku kkonċernat mill-BREF, it-tekniki li diġà ġew stabbiliti bħala BAT għandhom jibqgħu l-bażi għall-iżvilupp ta’ dan il-kapitolu. F’dak il-każ, ma hija mistennija l-ebda evalwazzjoni ulterjuri ta’ dawk it-tekniki, li diġà huma kkunsidrati bħala BAT, skont it-taqsima “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET”. Minflok, il-proċess ta’ tfassil jew ta’ rieżami għandu jiffoka biss fuq bidliet speċifiċi għas-settur, bħall-eliminazzjoni ta’ tekniki skaduti jew l-inkorporazzjoni ta’ kwalunkwe teknika ġdida li tkun ħarġet mill-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT.
It-tekniki deskritti għandhom ikopru wkoll il-miżuri użati biex jipprevjenu jew jillimitaw il-konsegwenzi ambjentali tal-aċċidenti u tal-inċidenti u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedjazzjoni tas-siti. Dawn għandhom ikopru wkoll il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tat-tniġġis f’kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħall-bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim).
It-taqsima tal-BREF intitolata “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” għandha tidentifika wkoll l-ET.
Bħala minimu, l-informazzjoni għal kull teknika emerġenti trid tinkludi d-deskrizzjoni tagħha, il-prestazzjoni potenzjali tagħha meta mqabbla mal-BAT eżistenti, id-data operazzjonali, effetti transmedjali possibbli, stima preliminari tal-kost-benefiċċji, kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà u indikazzjoni tal-livell ta’ żvilupp tagħha, inkluż l-iskala ta’ żmien ta’ meta t-teknika tista’ ssir “disponibbli” kummerċjalment.
Minħabba li l-BREFs ma humiex maħsuba biex ikunu kotba akkademiċi dwar it-tekniki ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tat-tniġġis, it-tekniki f’dan il-kapitolu għandhom jiġu deskritti b’mod konċiż.
Jekk teknika diġà hija deskritta b’mod adegwat fi BREF ieħor, tista’ ssir kontroreferenza għal dak il-BREF. Meta jeżistu varjazzjonijiet speċifiċi għas-settur, dawn għandhom jiġu rrapportati taħt “Deskrizzjoni teknika” fil-BREF li jkun qiegħed jiġi aġġornat. Il-BREF għandu jinkludi wkoll informazzjoni speċifika għas-settur f’konformità mal-istruttura deskritta fit-Taqsima 2.3.7.2, jiġifieri taħt l-intestaturi “Data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali”, “Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà”, “Ekonomija, “Effetti transmedjali” u “Eżempji ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi”.
Dan ir-raggruppament ta’ tekniki possibbli għandu jkopri l-prevenzjoni tal-impatt ambjentali u miżuri ta’ kontroll, filwaqt li jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tal-impatt ambjentali, fejn prattikabbli, hija ppreferuta mit-tnaqqis tiegħu. Prattiki tat-tħaddim tajba għandhom jiġu indirizzati u għandhom jitqiesu sistemi ta’ manutenzjoni (preventiva), metodi ta’ kontroll tal-proċessi u dispożizzjonijiet ta’ kontinġenza. It-tekniki li huma emerġenti fil-prattika fi ħdan is-settur u li huma tekniki stabbiliti f’setturi oħra jistgħu jiġu inklużi fejn rilevanti u jekk dan ikun appoġġat minn informazzjoni suffiċjenti (ara t-Taqsima 4.4).
Dan il-kapitolu tal-BREF għandu jkollu l-għan li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex issir valutazzjoni ta’ jekk it-teknika tistax tikkwalifika, waħidha jew flimkien ma’ oħrajn, bħala BAT jew ET għas-settur ikkonċernat, kif ukoll sabiex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħha fis-settur. B’mod partikolari, l-informazzjoni relatata mad-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali, l-effetti transmedjali, il-kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà, l-ekonomija u eżempji ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi huma importanti għal din il-valutazzjoni. F’dan il-kapitolu, kull teknika għandha tiġi diskussa mingħajr preġudizzju dwar jekk tissodisfax il-kriterji kollha tal-BAT jew tal-ET (ara l-Artikoli 3, il-punti 10 u 14 tal-IED riveduta u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva).
2.3.7.2 Informazzjoni mogħtija dwar kull teknika
L-informazzjoni dwar kull teknika għandha preferibbilment tinkludi l-elementi kollha murija fit-tabella hawn taħt.
|
Deskrizzjoni |
|
Deskrizzjoni teknika |
|
Benefiċċji ambjentali miksuba (jew benefiċċji ambjentali mistennija fil-każ ta’ ET) |
|
Data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali |
|
Effetti transmedjali |
|
Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà |
|
Ekonomija |
|
Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni |
|
Eżempji ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi (installazzjonijiet, impjanti u proċessi pilota jew ta’ ttestjar, fil-każ ta’ ET) |
|
Riċensjoni ta’ referenza |
|
Livell ta’ maturità teknoloġika (rilevanti biss għal ET) |
Il-prinċipji ġenerali għall-ġbir tad-data inkluż l-informazzjoni msemmija hawn fuq huma stabbiliti fil-Kapitlu 5.
2.3.7.2.1 Deskrizzjoni
Għandha tiġi inkluża deskrizzjoni fil-qosor tat-teknika bl-għan li tintuża fil-konklużjonijiet tal-BAT (ara t-Taqsima 3.2) .
2.3.7.2.2 Deskrizzjoni teknika
Għandha tiġi inkluża deskrizzjoni teknika aktar dettaljata iżda madankollu konċiża li tuża, skont kif ikun xieraq, ekwazzjonijiet kimiċi jew oħrajn, stampi, dijagrammi u flow-charts.
2.3.7.2.3 Benefiċċji ambjentali miksuba (jew benefiċċji ambjentali mistennija fil-każ ta’ ET)
Għandhom jiġu rapportati l-benefiċċji ambjentali potenzjali ewlenin li għandhom jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tat-teknika. Dan jinkludi, pereżempju, tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u tal-ilma; tnaqqis fl-emissjonijiet fl-ilma, fl-arja u fil-ħamrija; tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; tnaqqis fil-konsum tal-materja prima – speċjalment tal-materja prima kritika; tnaqqis fl-użu ta’ sustanzi kimiċi jew sostituzzjoni permezz/żieda fl-użu ta’ sustanzi kimiċi aktar sikuri; tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart; żieda fiċ-ċirkolarità.
Għall-ET, il-benefiċċji ambjentali mistennija għandhom jistabbilixxu wkoll kif il-prestazzjonijiet ambjentali tat-teknika jitqabblu ma’ dawk tal-BAT.
2.3.7.2.4 Data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali
Għandha tissemma’ d-data dwar il-prestazzjoni reali speċifika għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess (10) (inklużi l-livelli ta’ emissjonijiet (11), il-livelli ta’ konsum – ta’ materja prima (speċjalment materja prima kritika), tal-ilma, tal-enerġija – u tal-ammonti ta’ residwi ġġenerati) minn installazzjonijiet, impjanti jew proċessi bi prestazzjoni tajba (fir-rigward tal-ambjent meqjus fl-intier tiegħu) li japplikaw it-teknika akkumpanjata bl-informazzjoni kuntestwali rilevanti kif deskritt fit-Taqsima 5.4.
Għall-ET, l-informazzjoni dwar id-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali tista’ ma tkunx disponibbli bl-istess mod għat-tekniki kkunsidrati fid-determinazzjoni tal-BAT. F’każijiet bħal dawn, l-informazzjoni disponibbli, pereżempju, mill-installazzjonijiet, mill-impjanti jew mill-proċessi pilota, ta’ ttestjar jew li huma tal-ewwel tat-tip tagħhom (FOAK), tista’ tkun akkumpanjata jew kompletata minn kunsiderazzjonijiet dwar il-benefiċċji ambjentali u l-prestazzjoni ambjentali mistennija (inkluż meta mqabbla mal-prestazzjoni kurrenti tal-BAT).
Kwalunkwe informazzjoni utli oħra dwar il-punti li ġejjin għandha tiġi inkluża:
|
— |
kif tiġi ddisinjata, mħaddma, miżmuma, ikkontrollata u dekummissjonata t-teknika (ara wkoll it-Taqsima 5.4); |
|
— |
kwistjonijiet ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet relatati mal-użu tat-teknika (ara wkoll it-Taqsima 5.4.8); |
|
— |
is-sensittività u d-durabbiltà tat-teknika; |
|
— |
kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-aċċidenti ambjentali. |
Ir-rabtiet bejn l-inputs (eż. in-natura u l-kwantità ta’ materja prima u l-karburanti, l-enerġija, l-ilma, is-sustanzi kimiċi) u l-outputs (emissjonijiet, residwi, prodotti) għandhom jiġu enfasizzati, b’mod partikolari fejn dawn huma rilevanti għat-titjib tal-fehim tal-impatti ambjentali differenti u l-interazzjoni tagħhom, pereżempju fejn ikun sar ċertu kompromess bejn outputs differenti b’tali mod li ċerti livelli ta’ prestazzjoni ambjentali ma jistgħux jinkisbu fl-istess ħin.
Id-data dwar l-emissjonijiet u l-konsum għandha tkun kwalifikata kemm jista’ jkun bid-dettalji tal-kundizzjonijiet tat-tħaddim rilevanti (eż. il-perċentwal tal-kapaċità sħiħa, il-kompożizzjoni tal-karburanti, in-nuqqas ta’ użu tat-teknika, l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim li ma humiex normali, il-kundizzjonijiet ta’ referenza), il-metodi ta’ kampjunar u dawk analitiċi, u l-preżentazzjonijiet statistiċi (eż. il-medji, il-massini, il-firxiet u d-distribuzzjonijiet fuq perjodu qasir u fit-tul; ara b’mod partikolari t-Taqsima 5.4.8).
Fil-każ ta’ data għall-emissjonijiet fl-ilma, l-informazzjoni kuntestwali dwar il-post/il-karatteristiċi tal-kampjunar hija utli (eż. fluss tal-ilma mormi awtonomu jew ikkombinat/imħallat, attivitajiet assoċjati upstream, il-punt tal-iskariku finali).
Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi li jfixklu l-użu tat-teknika (inkluża t-teknika tat-tnaqqis) fil-kapaċità sħiħa, li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika u l-miżuri meħudin sabiex tiġi rrestawrata l-effettività operazzjonali sħiħa.
L-informazzjoni f’din il-parti tal-BREF hija essenzjali għad-derivazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet u ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT u mal-ET.
2.3.7.2.5 Effetti transmedjali
L-effetti ambjentali negattivi rilevanti minħabba l-implimentazzjoni tat-teknika jew, għall-ET, l-effetti transmedjali mistennija, li jippermettu paragun fost it-tekniki sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq l-ambjent b’mod ġenerali, għandhom jissemmew. Dawn jistgħu jinkludu kwistjonijiet bħal:
|
— |
il-konsum u n-natura tal-materja prima (speċjalment il-materja prima kritika) inklużi s-sustanzi kimiċi; |
|
— |
il-konsum tal-ilma; |
|
— |
il-konsum tal-enerġija; |
|
— |
il-kontribuzzjoni għat-tibdil fil-klima; |
|
— |
il-potenzjal ta’ tnaqqis tal-ożonu stratosferiku; |
|
— |
il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku; |
|
— |
l-aċidifikazzjoni li tirriżulta mill-emissjonijiet fl-arja; |
|
— |
il-materja partikolata fl-arja ambjentali (inkluż mikropartikoli u metalli); |
|
— |
l-ewtrofikazzjoni tal-art u tal-ilmijiet li tirriżulta mill-emissjonijiet fl-arja jew fl-ilma; |
|
— |
il-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ ossiġenu fl-ilma; |
|
— |
il-komponenti persistenti/tossiċi/bijokumulattivi (inkluż metalli); |
|
— |
il-ġenerazzjoni u t-tip ta’ residwi; |
|
— |
il-limitazzjoni tal-kapaċità għall-użu mill-ġdid, l-irkupru tar-residwi jew għar-riċiklaġġ tal-iskart; |
|
— |
il-ġenerazzjoni ta’ storbju,vibrazzjonijiet jew riħa; |
|
— |
l-impatt fuq il-bijodiversità; |
|
— |
l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem; |
|
— |
iż-żieda tar-riskju ta’ aċċidenti. |
Ir-Reference Document on Economics and Cross-media Effects (ECM) huwa dokument li għandu jitqies fejn hemm effetti sinifikanti transmedjali.
2.3.7.2.6 Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà
Sakemm ma tkunx tista’ tiġi applikata teknika fis-settur industrijali kollu kopert mill-BREF (ara t-Taqsima 2.3.3), għandhom jiġu indikati r-restrizzjonijiet tekniċi ġenerali ewlenin dwar l-użu tat-teknika fis-settur.
Ir-restrizzjonijiet ewlenin speċifiċi għas-settur li huma mistennija li jiġu ċċitati huma:
|
— |
indikazzjoni tat-tip ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi fis-settur li għalihom ma tistax tiġi applikata t-teknika; |
|
— |
limitazzjonijiet għall-implimentazzjoni f’ċerti każijiet ġeneriċi, b’kunsiderazzjoni ta’, pereżempju:
|
Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu indikati flimkien mar-raġunijiet għalihom.
Dawn ir-restrizzjonijiet ma humiex maħsuba bħala lista tal-kundizzjonijiet lokali possibbli li jistgħu jaffettwaw l-applikabbiltà tat-teknika għal installazzjoni, impjant jew proċess individwali.
2.3.7.2.7 Ekonomija
Għandha tiġi inkluża l-informazzjoni dwar il-kostijiet tat-tekniki (kapital/investiment, tħaddim u manutenzjoni inkluż dettalji dwar kif dawn il-kostijiet ġew ikkalkulati/stmati) u kwalunkwe tfaddil possibbli wara l-applikazzjoni tagħhom (eż. żieda fl-effiċjenza tal-materja prima jew tal-enerġija/idrika, l-imposti fuq l-iskart, it-tnaqqis tal-ħin għall-ħlas lura meta mqabbel ma’ tekniki oħra), id-dħul jew benefiċċji oħra inklużi dettalji dwar kif dawn ġew ikkalkulati/stmati. Barra minn hekk, għandha tiġi inkluża informazzjoni kuntestwali dwar il-parametri li jaffettwaw id-data tal-kostijiet, bħall-kundizzjonijiet lokali (eż. l-ipprezzar tal-ilma/tal-enerġija).
Għall-ET, għandhom jiġu pprovduti stimi preliminari tal-kostijiet - inklużi suppożizzjonijiet u inċertezzi - fejn disponibbli.
Id-data dwar il-kostijiet għandha preferibbilment tingħata f’euro. Jekk issir konverżjoni minn munita oħra, id-data fil-munita oriġinali u s-sena ta’ meta tkun inġabret id-data għandhom jiġu indikati, peress li r-rati ta’ konverżjoni jvarjaw maż-żmien. Il-prezz/kost tat-tagħmir jew tas-servizz għandu jkun akkumpanjat mis-sena li fih ikun inxtara. Meta l-informazzjoni dwar il-kostijiet ta’ teknika tinkiseb minn installazzjonijiet li jkunu jinsabu barra mill-Unjoni, din għandha tkun akkumpanjata minn stima ta’ xi jkun il-kost ekwivalenti, bħala medja, għall-implimentazzjoni ta’ din it-teknika fl-Unjoni.
Id-data dwar il-kostijiet għandha preferibbilment tingħata fil-forma ta’ kostijiet marġinali sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-bidla fil-kost totali.
L-informazzjoni dwar is-suq għas-settur għandha tiġi indikata fejn disponibbli sabiex il-kostijiet tat-tekniki jitpoġġew f’kuntest.
L-informazzjoni rilevanti kemm għall-installazzjonijiet, l-impjanti jew il-proċessi ġodda kif ukoll għal dawk eżistenti għandha tiġi inkluża. Din għandha tippermetti l-valutazzjoni, fejn possibbli, tal-vijabbiltà ekonomika tat-teknika għas-settur ikkonċernat u l-limitazzjonijiet ekonomiċi possibbli għall-applikabbiltà tagħha.
L-informazzjoni dwar il-kosteffettività tat-teknika (eż. f’EUR għal kull massa ta’ sustanza niġġiesa mnaqqsa) għandha tiġi rrapportata fejn rilevanti sabiex issir valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika, f’konformità mal-Artikolu 3, il-punt 10(b) u l-punt 14 tal-IED riveduta.
Ir-Reference Report on Monitoring of emissions to air and water from IED installations (ROM) jista’ jitqies fir-rigward tal-kostijiet ta’ monitoraġġ.
Meta jqumu kwistjonijiet rigward il-kunfidenzjalità, dawn għandhom jiġu ttrattati kif stabbilit fit-Taqsima 5.3.
2.3.7.2.8 Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni
Fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet lokali speċifiċi, ir-rekwiżiti (eż. il-leġiżlazzjoni, il-miżuri tas-sikurezza), il-wegħdiet u l-impenji ta’ sostenibbiltà, jew l-eventi skattaturi mhux ambjentali (eż. rendiment miżjud, kwalità tal-prodott imtejba, inċentivi ekonomiċi – eż. is-sussidji, il-ħelsien mit-taxxa jew finanzjament ieħor) li jmexxu jew li jistimulaw l-implimentazzjoni tat-teknika għandhom jiġu inklużi.
2.3.7.2.9 Eżempji ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi
Referenzi għall-installazzjonijiet, għall-impjanti jew għall-proċessi fejn ġiet implimentata t-teknika u li minnhom inġabret l-informazzjoni u ntużat fl-abbozzar tat-taqsima tal-BREF rigward dik it-teknika għandhom jiġu elenkati, inkluża indikazzjoni rigward kemm it-teknika qiegħda tintuża fl-Unjoni jew fid-dinja.
Għall-ET, għandhom jiġu elenkati r-referenzi għall-installazzjonijiet, għall-impjanti jew għall-proċessi pilota, ta’ ttestjar jew li huma tal-ewwel tat-tip tagħhom (FOAK). Tista’ tintuża wkoll informazzjoni mill-INCITE (ara t-Taqsima 4.4).
2.3.7.2.10 Riċensjoni ta’ referenza
Ir-riċensjoni jew materjal ieħor ta’ referenza (eż. kotba, rapporti, studji, siti web) li ntuża fil-kitba tat-taqsima u li fih informazzjoni aktar dettaljata dwar it-teknika għandu jiġi inkluż. Meta l-materjal ta’ referenza jikkonsisti f’għadd kbir ta’ paġni, għandha ssir referenza għall-paġni jew għat-taqsimiet rilevanti.
Ir-riċensjoni ta’ referenza għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tal-BAT (ara t-Taqsima 4.7.1) fejn possibbli.
2.3.7.2.11 Livell ta’ maturità teknoloġika tal-ET
Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-maturità tal-ET, bħal:
|
— |
il-livell kurrenti u mistenni ta’ tħejjija teknoloġika (TRL) mat-tlestija tal-iżvilupp teknoloġiku; |
|
— |
il-limitazzjonijiet u l-potenzjal għall-espansjoni tat-teknika; |
|
— |
il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-istat ta’ tħejjija tas-suq (eż. id-data tal-ikkummissjonar mistennija f’installazzjoni industrijali fuq skala sħiħa); |
|
— |
id-disponibbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni ambjentali miksuba minn provi industrijali fuq il-post, u minn impjanti pilota ta’ dimostrazzjoni. |
2.3.8 Konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT)
Il-kapitolu tal-BREF intitolat “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar x’inhuma l-BAT għas-settur, abbażi tal-informazzjoni skambjata kif riflessa fil-kapitoli preċedenti u filwaqt li tiġi kkunsidrata d-definizzjoni tal-“aqwa tekniki disponibbli” tal-Artikolu 3, il-punt 10 tal-IED riveduta flimkien mal-kriterji elenkati fl-Anness III tal-istess Direttiva.
Il-konklużjonijiet tal-BAT fihom ukoll konklużjonijiet dwar l-ET għas-settur. Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq l-iskambju ta’ informazzjoni rifless fil-kapitoli preċedenti u jqisu d-definizzjoni ta’ “tekniki emerġenti”. Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiddistingwu b’mod ċar bejn il-BAT u l-ET.
Taqsima speċifika tal-konklużjonijiet tal-BAT issemmi wkoll il-BAT u l-ET identifikati li jistgħu jippermettu li tinkiseb trasformazzjoni industrijali profonda, u ċ-ċirkostanzi li fihom tali trasformazzjoni tista’ tkun possibbli (ara wkoll it-Taqsima 3.6).
Fil-proċess tal-istabbiliment ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT, il-kriterji globali tal-prestazzjoni ambjentali tat-tekniki, inkluż l-implikazzjonijiet transmedjali, l-applikabbiltà, u l-kostijiet tagħhom, huma kkunsidrati fir-rigward tas-settur industrijali kkonċernat mill-BREF.
Għandu jiġi nnotat li l-evidenza (jiġifieri informazzjoni teknika u ekonomika li hija affidabbli) biex tappoġġa teknika bħala BAT tista’ tiġi minn installazzjoni waħda jew iżjed minn waħda li japplikaw it-teknika xi mkien fid-dinja. Fil-każijiet fejn l-informazzjoni dwar it-teknika tiġi minn installazzjoni waħda biss jew minn installazzjonijiet li jinsabu barra mill-Unjoni, għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-applikabbiltà fis-settur mit-TWG.
Aktar informazzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT u l-elementi li għandhom jinkludu fihom f’konformità mal-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta hija mogħtija fil-Kapitolu 3.
2.3.9 Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura
Din it-taqsima qasira tal-BREF intitolata “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” tagħti d-data tal-bidu u d-durata tal-proċess sa meta tfassal jew ġie rieżaminat il-BREF kif ukoll l-objettivi ewlenin (eż. il-laqgħat tat-TWG, l-abbozzi tad-dokumenti maħruġa).
Jissemmew l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet irrappreżentati fit-TWG li kkontribwew b’mod attiv għall-iskambju ta’ informazzjoni u tas-sorsi prinċipali ta’ informazzjoni li fuqha ġie bbażat il-BREF, b’enfasi fuq kwalunkwe rapporti jew sottomissjonijiet partikolarment ta’ min jiġu kkunsidrati li kkontribwew għall-affidabbiltà tar-riżultati.
Il-livell ta’ konsensus milħuq fl-iskambju ta’ informazzjoni għandu jiġi indikat permezz tar-rappurtar tal-opinjonijiet diverġenti validi espressi (12) mill-membri tat-TWG u l-livell ta’ appoġġ għalihom mill-membri tat-TWG.
Referenza għall-opinjoni tal-Forum dwar il-kontenut propost tal-BREF u indikazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni li kellha tiġi solvuta matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jingħataw f’din it-taqsima.
Kwalunkwe kwistjoni ewlenija miftuħa jew diskrepanza fl-għarfien għandha tiġi identifikata. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu inklużi għal riċerka jew ġbir ta’ informazzjoni ulterjuri minħabba r-rieżami li jmiss tad-dokument.
2.3.10 Referenzi
It-taqsima tal-BREF intitolata “Referenzi” telenka s-sorsi ta’ informazzjoni użati mill-EU-BRITE fl-abbozzar tad-dokument u b’mod partikolari d-dokumenti pprovduti mill-membri tat-TWG fl-iskambju ta’ informazzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-membri tat-TWG permezz tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1), sakemm ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali (ara t-Taqsima 5.3) jew sakemm ma jkunux jistgħu jiġu ddistribwiti ulterjorment minħabba drittijiet tal-awtur.
2.3.11 Glossarju tat-termini u tal-abbrevjazzjonijiet
It-taqsima tal-BREF intitolata “Glossarju tat-termini u tal-abbrevjazzjonijiet”, bi struttura u b’introduzzjoni standard, tagħti fil-qosor u tiddefinixxi t-termini tekniċi speċifiċi u tiddefinixxi l-akronomi kollha użati fid-dokument.
2.3.12 Annessi
Skont ir-rilevanza għas-settur u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, il-parti ewlenija tal-BREF tista’ tiġi ssupplimentata bl-annessi li fihom informazzjoni ta’ appoġġ meħuda mir-riċensjoni jew mill-istudji tal-każijiet.
Sommarji tal-leġiżlazzjoni ma għandhomx jiġu inklużi fil-BREF.
3 KAPITOLU 3: KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT
3.1 Introduzzjoni
Kif imsemmi fit-Taqsima 1.1.1, il-“Konklużjonijiet tal-BAT” huma ddefiniti fl-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta bħala “dokument li jkun fih il-partijiet ta’ dokument ta’ referenza tal-BAT li jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-metodi tekniċi emerġenti, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ dawk il-metodi t-tekniċi, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ dawk il-metodi tekniċi, il-kontenut ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali inklużi l-parametri referenzjarji assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju tas-siti”.
Għalhekk, il-kapitolu intitolat “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)”, irid jiġi abbozzat biex ikopri l-aspetti kollha msemmija hawn fuq u li t-test jista’ jintuża direttament għall-istabbiliment u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT skont l-Artikolu 13(5) tal-IED riveduta.
Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-attivitajiet soġġetti għall-konklużjonijiet tal-BAT iridu jiġu ddefiniti b’mod mhux ambigwu fid-dokument. Barra minn hekk, għandu jissemma li l-lista ta’ tekniki deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT la hija preskrittiva u lanqas eżawrjenti. Jistgħu jintużaw tekniki oħrajn li jiżguraw mill-inqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Definizzjonijiet speċifiċi għas-settur jistgħu jiġu inklużi wkoll jekk ikun meħtieġ.
Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jikkonsistu minn għadd ta’ BAT jew ET individwali li jindikaw liema teknika jew kombinazzjoni ta’ tekniki huma l-BAT jew l-ET għall-ilħuq ta’ objettiv ambjentali partikolari. Dawk it-tekniki huma deskritti fil-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET”.
Kull BAT individwali tista’ tissemma bil-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati, livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati jew parametri referenzjarji jew mingħajrhom.
Il-konklużjonijiet tal-BAT jista’ jkun fihom ukoll, meta meqjusin utli għall-awtoritajiet u għall-operaturi kompetenti, dikjarazzjonijiet li jindikaw meta ċerti tekniki ma humiex BAT u b’hekk ġew esklużi deliberatament mill-konklużjonijiet tal-BAT minħabba fatturi bħal prestazzjoni ambjentali batuta jew mhux kredibbli, in-nuqqas ta’ disponibbiltà, l-ekonomija, kunsiderazzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi għal modifika retroattiva, l-effetti transmedjali, jew l-affidibbiltà operazzjonali.
Skont l-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta, il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jindirizzaw ukoll il-monitoraġġ assoċjat mal-BAT (frekwenza u metodi ta’ monitoraġġ). Il-konklużjonijiet tal-BAT jispeċifikaw ukoll il-kontenut ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali (ara t-Taqsima 3.4) u, fejn xieraq, miżuri rilevanti ta’ rimedjazzjoni tas-siti.
Skont l-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta, il-konklużjonijiet tal-BAT jista’ jkun fihom ukoll ET, b’livelli ta’ emissjonijiet assoċjati jew b’livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati jew mingħajrhom. Aktar dettalji huma pprovduti fit-Taqsima 3.5.
Skont l-Artikolu 3, il-punt 9a, u l-Artikolu 27 tal-IED riveduta, il-konklużjonijiet tal-BAT huma li jiġu identifikati l-BAT jew l-ET li jippermettu t-trasformazzjoni industrijali profonda. Aktar dettalji huma pprovduti fit-Taqsima 3.6.
Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jindirizzaw kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim) fejn dawn jitqiesu ta’ tħassib fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent.
Il-konklużjonijiet tal-BAT huma strutturati b’tali mod li ħafna BAT individwali huma raggruppati skont karatteristiċi komuni, pereżempju kwistjonijiet ambjentali, passi tal-proċessi tal-produzzjoni, jew il-prodotti finali, skont kif ikun meqjus xieraq.
3.2 Elementi f’BAT jew f’ET individwali
3.2.1 Ġenerali
Kull BAT jew ET individwali għandha tiġi ppreżentata bl-użu ta’ format standard, li l-istruttura tiegħu tiddependi minn jekk livell ta’ emissjonijiet, livell ta’ prestazzjoni ambjentali jew parametru referenzjarju jiġix assoċjat mal-BAT jew mal-ET.
Kull BAT jew ET individwali għandha tiġi nnumerata sabiex jiġi ffaċilitat ir-referenzjar u għandha tibda bl-indikazzjoni tal-objettivi/benefiċċji ambjentali mmirati (eż. il-prevenzjoni/tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ trab, il-prevenzjoni/tnaqqis tal-konsum tal-ilma, il-prevenzjoni/tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart) segwita b’“il-BAT għandha” jew l-“ET għandha” u t-teknika jew taħlita ta’ tekniki li jistgħu jintużaw għall-ksib ta’ dawn l-objettivi.
Kull BAT jew ET għandu jkun fiha deskrizzjoni tat-tekniki jew kombinazzjoni ta’ tekniki għas-sodisfazzjon tal-objettivi/benefiċċji ambjentali msemmija u għandha tinkludi l-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tagħha fis-settur ikkonċernat.
3.2.2 Deskrizzjoni tat-tekniki
Id-deskrizzjoni tat-tekniki għandha tkun qasira iżda informattiva biżżejjed sabiex tkun utli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-operaturi. Akronimi u kliem tekniku mhux definiti għandhom jiġu evitati. Id-deskrizzjonijiet fil-qosor tat-tekniki inklużi fil-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” (ara t-Taqsima 2.3.7) għandhom jipprovdu l-bażi għad-deskrizzjonijiet fil-konklużjonijiet tal-BAT.
Fejn rilevanti, din id-deskrizzjoni għandha tkopri wkoll l-aspetti msemmija fid-definizzjoni tal-BAT (eż. il-manutenzjoni, id-disinn, it-tħaddim, id-dekumissjonar).
3.2.3 Informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tat-tekniki
Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, it-tekniki msemmija fil-konklużjonijiet tal-BAT huma ġeneralment applikabbli għall-attività konċernata. “Ġeneralment applikabbli” tfisser li t-tekniki huma adattati għall-użu fil-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet u għall-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet fis-settur industrijali kkonċernat, anke jekk jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi speċifiċi fejn l-implimentazzjoni ta’ dawn it-tekniki tista’ ma tkunx fattibbli jew prattika.
Fejn hemm restrizzjonijiet fuq l-applikabbiltà għal ċertu teknika, dan għandu jissemma’ b’mod espliċitu. L-informazzjoni inkluża fil-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” (ara t-Taqsima 2.3.7, speċjalment informazzjoni taħt l-intestaturi “Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà”, “Ekonomija” u “Effetti Transmedjali”) għandha tipprovdi l-bażi għall-indikazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ applikabbiltà fil-konklużjonijiet tal-BAT.
L-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tat-tekniki għandha tindirizza b’mod partikolari dan li ġej, jekk rilevanti: installazzjonijiet, impjanti jew proċessi “ġodda” kontra dawk “eżistenti”, id-daqs tal-installazzjoni jew tal-impjant, it-tip ta’ proċess użat, it-tip ta’ karburant jew ta’ materja prima użata (filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-materja prima kritika), il-livelli ta’ konsum, il-fattur tat-tagħbija, l-għadd ta’ sigħat ta’ tħaddim, ir-rendiment jew il-produttività, il-kundizzjonijiet klimatiċi u r-rekwiżiti ta’ spazju. Ebda effett transmedjali ma għandu jissemma sakemm ma jirriżultax f’restrizzjonijiet fl-applikabbiltà.
3.3 BAT individwali b’livelli ta’ emissjonijiet assoċjati, livelli ta’ prestazzjoni ambjentali jew parametri referenzjarji
3.3.1 Ġenerali
Għandu jiġi inkluż livell ta’ emissjonijiet assoċjat mal-BAT, livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjat mal-BAT jew parametru referenzjarju fejn ikun hemm bażi soda biex isir dan. Dan għandu jsir abbażi tal-informazzjoni skambjata mit-TWG filwaqt li jitqiesu l-kwantità u l-kwalità tad-data speċifika għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess, riċevuta matul l-iskambju ta’ informazzjoni.
Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT u l-parametri referenzjarji jistgħu jinkludu:
|
— |
il-livelli ta’ effiċjenza fir-riżorsi għall-materjali, għall-ilma u għall-enerġija; |
|
— |
il-livelli ta’ użu mill-ġdid tal-ilma, il-livelli ta’ użu mill-ġdid u rkupru tar-residwi jew tar-riċiklaġġ tal-iskart; |
|
— |
il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-livelli ta’ skariku ta’ ilma mormi; |
|
— |
livelli oħra (eż. l-effiċjenza tat-tnaqqis). |
Dawn il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u l-parametri referenzjarji għandhom jiġu ppreżentati bil-kundizzjonijiet ta’ referenza assoċjati.
Il-livelli ta’ emissjonijiet/livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT u l-parametri referenzjarji għandhom jitfissru bħala firxiet, minflok bħala valuri uniċi. Firxa tista’ tirrifletti d-differenzi fi ħdan tip partikolari ta’ proċess jew installazzjoni (eż. differenzi fil-grad/purità u fil-kwalità tal-prodott finali, differenzi fid-disinn, differenzi fil-proċessi applikati, fil-kostruzzjoni, fid-daqs u fil-kapaċità tal-installazzjoni) li jirriżultaw f’varjazzjonijiet fil-prestazzjoni ambjentali miksuba meta jiġu applikati l-BAT.
Huwa preferibbli li tintuża firxa vera minflok espressjoni tat-tip “<X”, minħabba li din tagħti inqas informazzjoni.
L-EU-BRITE u t-TWG għandhom jivvalutaw id-data miġbura matul l-iskambju ta’ informazzjoni (ara l-Kapitolu 5) biex jagħmlu derivazzjoni tal-limitu l-aktar strett u dak l-inqas strett tal-firxa.
Meta jiġu stabbiliti l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT, jistgħu jintużaw valuri ttondjati sabiex jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet tal-ġbir tad-data miġbura jew kwistjonijiet tekniċi (eż. l-użu ta’ metodi ta’ monitoraġġ differenti, l-inċertezza tal-qisien, flutwazzjonijiet tad-data f’kundizzjonijiet normali tat-tħaddim).
3.3.2 BAT individwali bil-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati
BAT individwali bil-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati (BAT-AELs) fiha firxa numerika tal-livelli ta’ emissjonijiet. L-unitajiet, il-kundizzjonijiet ta’ referenza (eż. il-livell ta’ ossiġenu tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, it-temperatura, il-pressjoni) – jekk applikabbli – u l-perjodu tal-medja (eż. medja fis-siegħa/kuljum/fil-ġimgħa/fix-xahar, annwali) iridu jiġu ddefiniti b’mod mhux ambigwu. Jekk jitqies xieraq, u jekk id-data sottomessa tippermetti dan, il-firxa tal-BAT-AELs tista’ tiġi espressa bħala medji fuq terminu medju u terminu twil (ara wkoll it-Taqsima 5.4.8).
Sabiex jiġi stabbilit il-limitu l-aktar strett tal-firxa tal-BAT-AELs, huwa meħtieġ li tittieħed il-prestazzjoni tal-installazzjonijiet, tal-impjanti jew tal-proċessi li japplikaw il-BAT u li tinkiseb l-aħjar prestazzjoni ambjentali ġenerali f’kundizzjonijiet normali tat-tħaddim, kif previst fl-iskambju ta’ informazzjoni (il-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET”).
Il-limitu l-aktar strett tal-firxa tal-BAT-AELs għandu jiġi ddefinit b’mod akkurat, b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-kwalità u lill-affidabbiltà tad-data ta’ sostenn. Għandu jkun kwantifikabbli b’akkuratezza suffiċjenti u sa fejn ikun possibbli għandu jkun jista’ jinkiseb b’mod konsistenti f’kundizzjonijiet normali tat-tħaddim għal kampjun rappreżentattiv ta’ installazzjonijiet, impjanti jew proċessi komparabbli li japplikaw il-BAT.
Il-konklużjonijiet tal-BAT għandu jkun fihom, sa fejn ikun possibbli, informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jinkisbu livelli aktar baxxi ta’ emissjonijiet fil-firxa tal-BAT-AELs għal kategoriji ta’ installazzjonijiet b’karatteristiċi simili. Iċ-ċirkostanzi li għandhom jitqiesu jinkludu: in-natura tal-proċess, il-karatteristiċi tal-materja prima, l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, il-kundizzjonijiet tat-tħaddim, it-tekniki applikati, restrizzjonijiet operazzjonali, effetti transmedjali possibbli.
L-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintlaħqu livelli aktar baxxi fil-firxa tal-BAT-AELs għandha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din il-firxa fil-permessi u fir-regoli ġenerali vinkolanti. Il-livelli aktar baxxi msemmija f’dawk iċ-ċirkostanzi huma pprovduti għall-informazzjoni biss u ma jbiddlux il-firxa tal-BAT-AELs.
Il-limitu l-inqas strett tal-firxa tal-livelli ta’ emissjonijiet u tal-firxa tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT huwa miksub billi tiġi kkunsidrata l-firxa ta’ prestazzjoni assoċjata mal-applikazzjoni tal-BAT (13) skont kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim.
L-unità tal-BAT-AELs tista’ tiġi espressa b’mod wieħed jew aktar skont l-informazzjoni li tkun disponibbli, inklużi l-modi mogħtija hawn taħt.
|
— |
Bħala konċentrazzjonijiet (massa tas-sustanza niġġiesa rilaxxata għal kull volum). Dan ġeneralment huwa l-mod l-aktar komuni biex jitfissru l-livelli ta’ emissjonijiet, iżda l-kundizzjonijiet ta’ referenza u l-perjodi tal-medja huma kruċjali għall-komparabbiltà tagħhom. |
|
— |
Bħala tagħbijiet speċifiċi (massa ta’ sustanza niġġiesa rilaxxata għal kull massa tal-prodott immanifatturat jew massa ta’ materja prima użata). F’ċerti każijiet, it-tagħbijiet speċifiċi huma indikatur aħjar tal-prestazzjoni mill-konċentrazzjonijiet, pereżempju fejn il-konċentrazzjonijiet tas-sustanza niġġiesa huma miżjuda bħala riżultat ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-volumi ta’ effluwent u għall-konservazzjoni tal-enerġija, eż. għeluq taċ-ċirkwiti tal-ilma. Barra minn hekk f’dan il-każ, il-perjodi tal-medja huma kruċjali għall-komparabbiltà. |
Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, il-BAT-AELs għall-emissjonijiet fl-ilma jirreferu kemm għar-rilaxxi diretti kif ukoll għal dawk indiretti.
3.3.3 BAT individwali b’livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati jew b’parametri referenzjarji
Il-BAT-AEPLs u l-parametri referenzjarji jistgħu jiġu espressi b’mod wieħed jew aktar, skont l-informazzjoni disponibbli. Pereżempju, fir-rigward tal-livelli ta’ konsum (eż. tal-materja prima, tal-enerġija, tal-ilma) u tal-ġenerazzjoni tal-iskart, il-BAT-AEPLs u l-parametri referenzjarji jistgħu, pereżempju, jiġu espressi għal kull massa ta’ prodott manifatturat jew għal kull massa ta’ materja prima (eż. f’kg/t, MJ/t, m3/t).
B’mod partikolari, għall-BAT-AEPLs u għall-parametri referenzjarji, il-limiti tal-proċess u l-parametri li jinfluwenzaw il-prestazzjoni għandu jsir qbil fuqhom u għandhom jiġu ddefiniti bl-aktar mod preċiż possibbli fil-laqgħa tal-bidu sabiex tiġi mmassimizzata l-komparabbiltà bejn il-proċessi b’karatteristiċi simili.
Eżempju ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT huwa pprovdut hawn taħt.
BAT YY. Sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika ġenerali, il-BAT għandha tuża waħda mit-tekniki elenkati hawn taħt jew kombinazzjoni tagħhom.
|
|
Teknika |
Deskrizzjoni |
Applikabbiltà |
|
a |
aa |
[deskrizzjoni aa] |
Applikabbli b’mod ġenerali. |
|
b |
bb |
[deskrizzjoni bb] |
Applikabbli b’mod ġenerali. |
|
c |
cc |
[deskrizzjoni cc] |
Applikabbli biss għal installazzjonijiet, impjanti jew proċessi ġodda u aġġornamenti kbar għal installazzjonijiet, impjanti jew proċessi. |
Tabella YY: Livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT (BAT-AEPLs) għal konsum speċifiku nett tal-enerġija
|
Proċess |
BAT-AEPL (medja annwali) |
Unità |
|
Proċess 1 |
X - Y |
kWh/t tal-prodott manifatturat |
|
Proċess 2 |
W - Z |
3.4 Sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMS)
L-operaturi tal-installazzjoni huma meħtieġa jistabbilixxu u jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMS) f’konformità mal-IED riveduta u mal-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT. L-EMS tippermetti li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu indirizzati b’mod sistematiku u dimostrabbli, bl-għan li jittejbu kontinwament il-prestazzjoni u s-sikurezza ambjentali ta’ installazzjoni. It-titjib jista’ jinkludi l-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, l-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-ilma, u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tar-riskji assoċjati mal-użu ta’ sustanzi perikolużi.
F’konformità mal-Artikolu 3, il-punt 12 tal-IED riveduta, il-konklużjonijiet tal-BAT jiddeskrivu l-kontenut ta’ EMS, inklużi l-parametri referenzjarji. L-EMS, li għandha tiġi stabbilita u implimentata mill-operatur, għandha tinkludi l-elementi minimi elenkati fl-Artikolu 14a(2) tal-IED riveduta u trid tikkonforma mal-konklużjonijiet rilevanti tal-BAT li jiddeterminaw l-aspetti li għandhom jiġu koperti fl-EMS. B’mod partikolari, l-EMS fiha indikaturi li jqisu l-parametri referenzjarji stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-BAT (ara t-Taqsima 3.3.3).
Sabiex jiġu appoġġati t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-EMS, il-konklużjonijiet tal-BAT jistgħu jiddeterminaw aspetti li għandhom jiġu koperti fl-EMS u li huma speċifiċi għas-settur ikkonċernat.
Kif imsemmi fl-Artikolu 14a(3) tal-IED riveduta, il-livell ta’ dettall tal-EMS għandu jkun konsistenti man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tal-installazzjonijiet ikkonċernati, u mal-firxa tal-impatti ambjentali li jista’ jkollhom.
Matul l-iskambju ta’ informazzjoni, l-UE-BRITE u t-TWG iridu jiġbru u jivvalutaw id-data u l-informazzjoni meħtieġa biex jiddefinixxu, fil-konklużjonijiet tal-BAT, il-parametri referenzjarji (ara t-Taqsima 3.3.3), u aspetti addizzjonali rilevanti għas-settur.
3.5 Tekniki emerġenti
B’mod ġenerali, dak li huwa deskritt fit-Taqsimiet 3.2 u 3.3 għal BAT individwali japplika wkoll għall-ET, ħlief għall-parametri referenzjarji peress li huma assoċjati biss mal-BAT (l-Artikolu 3, il-punt 13b tal-IED riveduta).
Id-differenza bejn l-ET u l-BAT hija l-grad tal-iżvilupp tagħhom, peress li l-ET għadhom ma humiex żviluppati kummerċjalment (ara t-Taqsima 2.3.7.1).
Huwa essenzjali li l-ET jiġu identifikati b’mod ċar bħala tali fil-konklużjonijiet tal-BAT.
3.5.1 Il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AELs) jew il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AEPLs)
It-termini “tekniki emerġenti”, “livelli ta’ emissjonijiet assoċjati” u “livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati” huma spjegati fit-Taqsima 1.1.1. Il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AELs) jew il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati ma’ tekniki emerġenti (ET-AEPLs) huma ġeneralment definiti bl-użu ta’ approċċ simili għal dak użat għall-BAT-AELs u għall-BAT-AEPLs (ara t-Taqsima 3.3), bid-differenza fundamentali tkun id-disponibbiltà aktar limitata tad-data.
Skont id-definizzjoni, l-ET ma humiex żviluppati kummerċjalment, u dan neċessarjament jirrestrinġi d-disponibbiltà tad-data għall-appoġġ tad-determinazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet jew tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali b’mod sinifikanti. It-TWG irid jivvaluta jekk id-data hijiex affidabbli biżżejjed, anke jekk ikunu disponibbli biss ftit ċifri minn dimostrazzjoni ta’ prototip f’ambjent rilevanti (mill-inqas TRL 6-7). It-TWG għandu jikseb ET-AELs u ET-AEPLs affidabbli mid-data u mill-informazzjoni miġbura jew permezz tal-użu ta’ ġudizzju espert jekk ikun meħtieġ.
L-informazzjoni mill-INCITE (ara t-Taqsima 4.4) dwar il-prestazzjoni ambjentali tat-teknika għandha titqies meta tkun disponibbli.
3.6 Trasformazzjoni industrijali profonda
“Trasformazzjoni industrijali profonda” hija definita fl-Artikolu 3, il-punt 9a tal-IED riveduta bħala “l-implimentazzjoni mill-operaturi industrijali ta’ metodi tekniċi ġodda jew l-aħjar metodi tekniċi disponibbli li jinvolvu bidla kbira fid-disinn jew fit-teknoloġija tal-installazzjoni kollha jew parti minnha jew is-sostituzzjoni ta’ installazzjoni eżistenti b’installazzjoni ġdida, li tippermetti tnaqqis estremament sostanzjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika u tottimizza l-kobenefiċċji ambjentali, mill-inqas għal-livelli li jistgħu jintlaħqu mill-metodi tekniċi identifikati fil-konklużjonijiet tal-BAT applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-effetti transmedjali”.
Għalhekk, huwa essenzjali li l-konklużjonijiet tal-BAT jinkludu taqsima speċifika li tidentifika dawk il-BAT u l-ET li jistgħu jippermettu li tinkiseb trasformazzjoni industrijali profonda, u ċ-ċirkostanzi li fihom tali trasformazzjoni tista’ tkun possibbli.
4 KAPITOLU 4: SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
4.1 Introduzzjoni
Il-passi differenti fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-IED riveduta huma deskritti fit-Taqsima 1.2.5.
Dan il-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni spiss jissejjaħ il-“proċess ta’ Sevilja”.
Ir-rwoli tal-parteċipanti ewlenin involuti f’dan il-proċess huma deskritti fit-Taqsimiet 4.2 u 4.3.
Objettivi importanti tal-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni, l-għodod tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kwistjonijiet tas-sigurtà tad-data personali huma deskritti fit-Taqsimiet 4.6, 4.7 u 4.8.
4.2 Ir-rwol tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs)
4.2.1 Stabbiliment tat-TWGs
Għat-tfassil jew għar-rieżami ta’ BREF, il-Kummissjoni tistabbilixxi (jew tirriattiva) TWG. Kull TWG jikkonsisti f’esperti tekniċi li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, lill-industriji kkonċernati, lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent, esperti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u esperti mill-Kummissjoni.
Il-membri tat-TWG huma nnominati biex jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni primarjament abbażi tal-kompetenza teknika, ekonomika, ambjentali jew regolatorja tagħhom (speċjalment fil-ħruġ tal-permessi jew fl-ispezzjonar ta’ installazzjonijiet industrijali) kif ukoll abbażi tal-kapaċità tagħhom li jġibu fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni l-perspettiva tal-utent aħħari tal-BREF.
L-esperti ta’ kull TWG huma nnominati mir-rappreżentanti fil-Forum. Għal dan l-għan, il-membri tal-Forum jibagħtu l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tan-nominati tagħhom għat-TWG lill-EU-BRITE.
Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-parteċipazzjoni tas-setturi industrijali u tal-NGOs li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fit-TWGs, in-nominazzjoni tagħhom tista’ tiġi kkoordinata mill-assoċjazzjonijiet Ewropej rilevanti.
Matul il-laqgħat tat-TWG, id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jridu jitmexxew minn impjegat taċ-ċivil jew minn impjegat pubbliku li jkun preżent matul il-laqgħa kollha.
4.2.2 Responsabbiltajiet u kompiti tat-TWG
It-TWG huwa s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għat-tfassil u għar-rieżami ta’ BREF. Għalhekk huwa essenzjali li l-membri tat-TWG jkunu attivi fl-iskambju ta’ informazzjoni. Meta jissieħbu fit-TWG, il-membri jimpenjaw ruħhom li jiġbru u li jagħtu b’mod attiv informazzjoni sal-iskadenzi miftiehma mit-TWG jew proposti mill-EU-BRITE, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.
Il-membri tat-TWG huma responsabbli għar-rappurtar lura lir-rappreżentant tal-Forum li jkun innominahom, b’mod partikolari meta jirriżultaw kwistjonijiet rigward l-iskambju ta’ informazzjoni.
Il-kompiti ewlenin ta’ membru tat-TWG huma:
|
1. |
li jikseb għarfien u fehim tal-gwida f’dan id-dokument; |
|
2. |
li jidentifika u li jelenka data u kwistjonijiet prinċipali ġodda/aġġornati rilevanti għall-kisba u għall-aġġornament tal-konklużjonijiet tal-BAT għas-settur; |
|
3. |
li jiġbor b’mod attiv informazzjoni teknika u ekonomika mmirata li hija importanti għat-tfassil/ir-rieżami ta’ BREF, inkluż b’mod partikolari data ġdida jew aġġornata dwar l-emissjonijiet u l-livell tal-prestazzjoni ambjentali minn installazzjonijiet koperti mill-BREF (għas-settur/l-Istat Membru rrappreżentat mill-membri tat-TWG), f’konformità mal-proċess maqbul mit-TWG abbażi tal-gwida ġenerali tal-EU-BRITE, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 5 ta’ dan id-dokument, anke bil-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, kunflitti ta’ interess u kwistjonijiet oħra relatati; |
|
4. |
li jivverifika l-kwalità tad-data u tal-informazzjoni miġbura qabel ma jissottomettihom lill-EU-BRITE, b’mod partikolari l-kompletezza u l-konsistenza tad-data li hemm fil-mudelli/kwestjonarji mimlijin użati għall-ġbir ta’ informazzjoni speċifika għal installazzjoni, għal impjant u għal proċess (ara t-Taqsimiet 5.4 u 5.5); |
|
5. |
li jikkondividi d-data miġbura ma’ membri oħra tat-TWG u l-EU-BRITE billi jippubblika l-informazzjoni direttament fuq il-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1), bl-eċċezzjoni possibbli ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni sensittiva skont id-dritt tal-kompetizzjoni; |
|
6. |
li jwieġeb fi ħdan l-iskadenzi stabbiliti għat-talbiet għal informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali mill-EU-BRITE (ara t-Taqsima 1.2.5); |
|
7. |
li jikkummenta fi ħdan l-iskadenzi stabbiliti dwar l-abbozz tal-BREFs u dokumenti oħra ppreparati mill-EU-BRITE; |
|
8. |
li jattendi l-laqgħat tat-TWG u li jipparteċipa attivament fihom; |
|
9. |
li jikkondividi l-esperjenza mal-EU-BRITE u ma’ membri oħra tat-TWG (eż. matul iż-żjarat fuq il-post); |
|
10. |
li jidentifika u jistabbilixxi kuntatti/networks ma’ membri mhux tat-TWG (eż. gruppi ta’ esperti, awtoritajiet kompetenti, operaturi jew gruppi ta’ operaturi, gruppi nazzjonali, fornituri tat-tekniki) biex jikseb aktar esperjenza li għandha tiġi kondiviża mal-bqija tat-TWG u mal-EU-BRITE; għal dan il-għan, il-membri tat-TWG jistgħu jistabbilixxu u jikkoordinaw “shadow groups”, jiġifieri gruppi ta’ esperti li l-kompitu tagħhom huwa li jappoġġaw lill-membri tat-TWG fil-ġbir ta’ informazzjoni u fil-preparazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għat-tfassil jew għar-rieżami tal-BREFs; |
|
11. |
li jmexxi jew li jmexxi b’mod konġunt kompiti jew sottogruppi speċifiċi (ara t-Taqsima 4.2.3) u jirrapporta lura lit-TWG. |
Il-maġġoranza tax-xogħol għall-membri tat-TWG jista’ jkun mistenni li jseħħ barra mil-laqgħat tat-TWG fis-sottomissjoni ta’ informazzjoni u fir-rieżami tal-abbozzi ta’ proposti tat-test. B’mod partikolari, l-iżvilupp b’suċċess ta’ BREF jeħtieġ li t-TWG iwieġeb fid-dettall għal abbozzi ta’ dokumenti sostanzjali f’perjodu ta’ żmien limitat. Filwaqt li l-konsensus ġenerali tat-TWG huwa mfittex matul ix-xogħol kollu, dan ma huwiex prerekwiżit u huwa l-kompitu tal-EU-BRITE li jirrifletti l-informazzjoni disponibbli rilevanti fil-BREF, filwaqt li jitqiesu d-diskussjonijiet tat-TWG.
4.2.3 Sottogruppi tat-TWG
Sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidma, it-TWG jista’ jistabbilixxi sottogruppi sabiex iwettqu kompiti speċifiċi bħall-ġbir, l-analiżi, l-istrutturar u d-diskussjoni dwar l-informazzjoni u d-data, sabiex jiddiskutu kummenti dwar l-abbozzi tat-testi proposti, jew sabiex jippreparaw u jiżviluppaw mudelli jew dokumenti. Il-funzjonament ta’ sottogruppi bħal dawn huwa ġestit b’mod trasparenti mill-EU-BRITE, li jiżgura t-tfassil ta’ mandat ċar tas-sottogrupp u jippermetti lill-membri kollha tat-TWG ikollhom aċċess għas-sottogruppi u jsegwu u jifhmu l-attivitajiet tas-sottogruppi u r-riżultat tagħhom (eż. l-aġendi u l-minuti u r-rapporti tal-laqgħat jittellgħu fuq il-BATIS fil-ħin).
Il-laqgħat tas-sottogruppi tat-TWG jistgħu jsiru f’format ibridu (wiċċ imb wiċċ u online) jew online. Id-diskussjonijiet u l-ħidma fis-sottogruppi ma jistgħux jissostitwixxu l-laqgħat tat-TWG.
4.2.4 Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha rwol formali fl-attivitajiet tat-TWGs, filwaqt li tappoġġa l-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni matul il-fażi tal-frontloading u l-passi sussegwenti, inkluż billi:
|
1. |
tidentifika sustanzi kimiċi użati f’setturi jew fi proċessi differenti, eż. billi jiġu pprovduti listi rilevanti mill-bażi tad-data tal-ECHA (jiġifieri d-data ta’ REACH (14), CLP (15) u BPR (16)), speċjalment fil-fażi tal-frontloading tal-proċess ta’ tfassil jew ta’ rieżami tal-BREFs, u l-prijoritizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kimiċi abbażi ta’ profili ta’ periklu/riskju (fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem) u aspetti oħra (eż. volum/użi/livelli ta’ emissjonijiet) kif rilevanti; |
|
2. |
tagħti input dwar tekniki u prattiki speċifiċi għas-settur għall-ġestjoni u għall-użu ta’ sustanzi kimiċi, fejn rilevanti, inkluża informazzjoni dwar l-istatus regolatorju tas-sustanzi kimiċi (eż. klassifikazzjoni armonizzata, restrizzjoni); |
|
3. |
tagħti għarfien espert dwar l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, inklużi alternattivi aktar sikuri (fejn disponibbli), f’kapitoli differenti tal-BREFs. |
4.2.5 Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
Il-premessa 21 tad-Direttiva (UE) 2024/1785 tispjega li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni, fejn l-iskambju ta’ informazzjoni jibbenefika mill-għarfien espert tal-EEA.
Il-parteċipazzjoni tal-EEA hija partikolarment ta’ benefiċċju għat-tfassil jew għar-rieżami tal-BREF, peress li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar l-emissjonijiet, il-volumi ta’ produzzjoni jew indikaturi oħra ta’ prestazzjoni ambjentali (eż. il-konsum tal-ilma, tal-enerġija, tal-materja prima) relatati mas-setturi koperti mill-BREF u rrapportati lill-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Din għandha tinforma d-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-bidu, u diskussjonijiet ulterjuri matul il-proċess tar-rieżami jew tat-tfassil tal-BREF, hekk kif tiġi rrapportata informazzjoni ġdida lill-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Minbarra l-għarfien espert tagħha dwar id-data dwar l-emissjonijiet industrijali, l-EEA tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-għarfien usa’ tagħha.
4.2.6 Żjarat fuq il-post
Iż-żjarat fuq il-post jistgħu jkunu strumentali għall-ġbir u għall-validazzjoni tal-informazzjoni għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs. Iż-żjarat fuq il-post jistgħu jiġu proposti mill-membri tat-TWG lill-EU-BRITE u lil membri oħra tat-TWG. L-informazzjoni dwar iż-żjarat fuq il-post tiġi kondiviża mat-TWG kollu biżżejjed minn qabel id-dati taż-żjarat sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti lokali u l-membri tat-TWG interessati sa fejn possibbli u b’mod li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Rapporti fil-qosor ta’ tali żjarat fuq il-post jitħejjew mill-EU-BRITE u għandhom ikunu magħmulin disponibbli għat-TWG kollu permezz tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1).
4.2.7 Involviment tal-fornituri tat-tekniki (eż. fornituri tat-tagħmir) fl-iskambju ta’ informazzjoni
Il-“fornituri tat-tekniki” (eż. fornituri tat-tagħmir) li jistgħu jipprovdu data u informazzjoni teknika u ekonomika ta’ valur għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs għandhom jiġu mistiedna biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-iskambju ta’ informazzjoni, jew direttament bħala membri tat-TWG, jew inkella indirettament bħala esperti li jipprovdu informazzjoni lill-EU-BRITE jew lil membri oħra tat-TWG.
It-terminu “fornituri tat-tekniki” għandu jinftiehem f’sens pjuttost wiesa’ sabiex jestendi l-konfini tal-għarfien tal-iskambju ta’ informazzjoni. Il-kriterju ewlieni għall-involviment tagħhom fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni huwa li huma għandu jkollhom l-għarfien/informazzjoni teknika u ekonomika rilevanti li tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-BAT, dwar l-ET u dwar il-livelli ta’ emissjonijiet/ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati, il-parametri referenzjarji u l-monitoraġġ. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, esperti speċjalizzati f’BAT jew f’ET partikolari. Il-“fornituri tat-tekniki”għandhom, fil-prinċipju, jeskludu lis-sempliċi intermedjarji kummerċjali (bejjiegħa bl-ingrossa) li jbigħu tagħmir jew servizzi lill-operaturi/sidien tal-installazzjonijiet għal profitt mingħajr ma neċessarjament ikollhom fehim tekniku biżżejjed tat-teknika u tal-għarfien tal-prestazzjoni operazzjonali tagħha.
L-għarfien jew l-informazzjoni teknika u ekonomika li jkollhom il-“fornituri tat-teknika” tista’ tapplika għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bħall-kunċettwalizzazzjoni, id-disinn, il-ħruġ ta’ liċenzji, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, il-provvista, it-tħaddim, il-manutenzjoni, il-monitoraġġ u d-dekummissjonar ta’ installazzjoni/impjant, jew parti minnhom (pereżempju, proċess, sistema jew komponent). L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’mod newtrali u ma tirreklamax prodotti kummerċjali jew trademarks speċifiċi.
Rappreżentant ta’ kumpanija ta’ “fornituri tat-tekniki” nnominat għal TWG għandu de facto jaġixxi bħala rappreżentant tal-“fornituri tat-tekniki” b’mod ġenerali jew ta’ sottosettur partikolari (mhux biss bħala rappreżentant tal-kumpanija li huwa impjegat tagħha) sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni xierqa tas-settur.
Għalhekk huwa rrakkomandat li jiġu involuti rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ fornituri tat-tekniki, kull meta dan ikun possibbli, li permezz tagħhom il-kumpaniji individwali jistgħu jipprovdu informazzjoni.
4.3 Ir-rwol tal-EU-BRITE
Ir-rwol tal-EU-BRITE huwa li jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u li jiżgura li l-informazzjoni tinġabar u tiġi pproċessata f’konformità mal-gwida f’dan id-dokument sabiex jitfasslu u jiġu rieżaminati l-BREFs.
Għal kull BREF, il-persunal xjentifiku tal-EU-BRITE jmexxi l-ħidma tat-TWG stabbilit għal dan il-għan.
L-EU-BRITE jmexxi l-ħidma għad-determinazzjoni tal-BAT, kif definit fl-IED riveduta, iggwidat bil-prinċipji ta’ għarfien espert tekniku, trasparenza u newtralità. Il-ħidma tiegħu tinvolvi l-verifika u l-analiżi indipendenti tal-informazzjoni miġbura biex jiġu dderivati l-konklużjonijiet tal-BAT.
Jekk il-membri tat-TWG jipprovdu informazzjoni li ma hijiex kompleta jew li hija insuffiċjenti, l-EU-BRITE jinforma lit-TWG dwar dan u jitlob li din tiġi kkompletata. Barra minn hekk, l-EU-BRITE jipprova jelimina n-nuqqasijiet ta’ informazzjoni billi jfittex b’mod attiv id-data nieqsa jew mhux kompluta (eż. matul iż-żjarat fuq il-post – ara t-Taqsima 4.2.6 – jew billi jikkuntattja persuni/istituzzjonijiet li ma humiex irrappreżentati direttament fit-TWG). Barra minn hekk, jistgħu jiġu organizzati konferenzi telefoniċi jew vidjokonferenzi jew laqgħat/workshops tal-esperti online mill-EU-BRITE jekk ikun hemm bżonn li jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet dwar it-tfassil jew ir-rieżami ta’ BREF, speċjalment f’każ ta’ kwistjonijiet kontroversjali, ġodda jew kumplessi.
Sabiex jissodisfa r-rwol tiegħu, l-EU-BRITE jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:
|
1. |
jieħu sehem b’mod attiv fil-ġbir tal-informazzjoni u jappoġġjaha, u jabbozza l-BREFs; |
|
2. |
jikkontrolla/jivverifika d-data/l-informazzjoni sottomessa u jitlob għal aktar tagħrif/kjarifiki mingħand il-fornitur tad-data/informazzjoni skont kif jitqies meħtieġ; |
|
3. |
imexxi diskussjonijiet tekniċi fil-laqgħat tat-TWG, fil-laqgħat tas-sottogruppi u fil-workshops tal-valutazzjoni tad-data u jippresjedi dawk il-laqgħat (ara wkoll it-Taqsimiet 4.6.1 u 4.2.3); |
|
4. |
jiżgura l-ġestjoni ġenerali tal-għodda kollaborattiva tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1) sabiex jiżgura t-trasparenza tal-iskambju ta’ informazzjoni; |
|
5. |
jippreżenta l-abbozzi finali tal-BREFs fil-laqgħat tal-Forum (ara t-Taqsima 1.3). |
Kompiti oħra mwettqa mill-EU-BRITE jissemmew f’partijiet oħra ta’ dan id-dokument, b’mod partikolari fit-Taqsima 4.5.
Membri tal-persunal tal-EU-BRITE li jmexxu l-iskambju ta’ informazzjoni fuq BREF speċifiku huma mistennija li jkollhom fehim tajjeb ħafna tal-inġinerija tal-proċess, tal-kwistjonijiet ambjentali, tar-regolamenti tal-industrija, tal-proċessi tal-ħruġ tal-permessi ambjentali, tal-politika ambjentali fl-Unjoni u għarfien u fehim partikolari tas-settur industrijali rilevanti.
Il-ħiliet prinċipali meħtieġa huma għarfien tekniku, ħiliet organizzattivi, ħiliet komunikattivi, ħiliet fl-abbozzar, in-newtralità, l-integrità u l-kapaċità li jaħdmu u li jiktbu dokument tekniċi bl-Ingliż.
4.4 Ir-rwol taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali
F’konformità mal-Artikolu 27a(2) tal-IED riveduta, iċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE) jiġbor u janalizza informazzjoni dwar tekniki innovattivi, li jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra, għall-minimizzazzjoni tat-tniġġis, għad-dekarbonizzazzjoni, għall-effiċjenza fir-riżorsi u għal ekonomija ċirkolari li tuża inqas sustanzi kimiċi jew li tuża sustanzi kimiċi aktar sikuri. Din l-informazzjoni hija relatata mal-prestazzjoni ambjentali tat-tekniki, mal-livell ta’ żvilupp tagħhom, u ma’ informazzjoni rilevanti oħra, eż. dwar id-data ekonomika, ir-restrizzjonijiet possibbli tal-applikabbiltà, il-kunsiderazzjonijiet transmedjali. It-tekniki innovattivi jinkludu kemm dawk li diġà huma żviluppati kummerċjalment kif ukoll dawk li għadhom qed jiġu żviluppati. Dan jinkludi ET li jippermettu trasformazzjoni industrijali profonda.
L-INCITE ġie stabbilit għal dan l-għan u huwa responsabbli għaż-żamma ta’ pjattaforma tal-informazzjoni globali u disponibbli pubblikament li tippermetti l-ġbir ta’ fluss kontinwu ta’ informazzjoni dwar tekniki innovattivi (17). Din il-pjattaforma tiffaċilita wkoll l-immappjar tal-installazzjonijiet, tal-impjanti jew tal-proċessi ta’ dimostrazzjoni u li huma tal-ewwel tat-tip tagħhom (FOAK).
L-INCITE jinvolvi direttament lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha speċifikati fl-Artikolu 27a(3) tal-IED riveduta biex jiskatta s-sottomissjoni ta’ informazzjoni direttament bil-miktub jew permezz tal-pjattaforma tal-informazzjoni. Dawn il-partijiet ikkonċernati jgħinu lill-INCITE fil-ġbir ta’ data dwar tekniki innovattivi u jinkludu lill-fornituri tat-tekniki, lil organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, lil assoċjazzjonijiet industrijali, lil istituti tar-riċerka u lil rappreżentanti tal-Istati Membri.
Ir-rwol tal-INCITE huwa li jiġbor l-informazzjoni kollha riċevuta, li janalizza u li jippubblika s-sejbiet f’rapporti regolari li għandhom jintużaw, pereżempju, mill-Forum tal-Artikolu 13 biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-proċess tal-BREF.
Is-sejbiet tal-INCITE jintużaw mit-TWG biex jiggwida l-valutazzjoni tagħhom tat-tekniki innovattivi li għandhom jitqiesu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ BREF, għad-determinazzjoni tal-BAT jew tal-ET u tal-livelli jew tal-parametri referenzjarji assoċjati potenzjali fil-BREF u fil-konklużjonijiet tal-BAT. Din il-valutazzjoni tqis il-grad ta’ żvilupp, il-benefiċċji ambjentali u l-kosteffettività tagħhom. Għat-tekniki innovattivi magħżula, għandu jitwettaq ġbir ta’ data matul il-perjodu tat-tfassil jew tar-rieżami ta’ BREF bl-użu ta’ installazzjonijiet industrijali rilevanti, inkluż l-FOAK. L-informazzjoni disponibbli lill-INCITE għal setturi oħra relatata ma’ tekniki innovattivi tista’ tkun utli wkoll għat-TWG attiv.
Skont l-Artikolu 27a(4) tal-IED riveduta, l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati għall-INCITE se jiġu stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.
4.5 Attivitajiet preparatorji għall-iskambju ta’ informazzjoni
4.5.1 Front-loading bikri
Il-fażi tal-frontloading bikri tibda bit-tfassil tal-programm ta’ ħidma tal-BREF u tispiċċa bl-attivazzjoni jew bir-riattivazzjoni tat-TWG (ara t-Taqsima 4.5.2).
Hekk kif jiġi ddefinit il-programm ta’ ħidma tal-BREF, il-membri tal-Forum tal-Artikolu 13 (ara t-Taqsima 1.3) jiġu mistiedna jipprovdu informazzjoni utli għall-iżvilupp/ir-rieżami tal-BREFs kollha inklużi fil-programm ta’ ħidma, qabel il-bidu tal-iskambju ta’ informazzjoni. Il-membri tal-Forum se jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli f’fowlders speċifiċi fuq il-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1).
Din l-informazzjoni tista’ tinkludi:
|
(i) |
il-kamp ta’ applikazzjoni; |
|
(ii) |
il-proċessi mwettqa; |
|
(iii) |
it-tekniki applikati; |
|
(iv) |
kwistjonijiet ambjentali ewlenin (ara t-Taqsima 4.6.1.2.1); |
|
(v) |
tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet eżistenti tal-BAT (jekk rilevanti); |
|
(vi) |
informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija magħmula disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 24(3)(b) tal-IED riveduta; |
|
(vii) |
informazzjoni mill-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali; u |
|
(viii) |
kwalunkwe kwistjoni speċifika għas-setturi kkonċernati. |
Dan ma jipprekludix milli l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq il-BATIS jew lill-INCITE (ara t-Taqsima 4.4) fi kwalunkwe ħin ieħor, indipendentement minn rieżami ta’ BREF.
Din l-informazzjoni se tgħin lill-EU-BRITE fl-attivazzjoni jew fir-riattivazzjoni tat-TWG u tappella għal kontribut inizjali. Dan se jottimizza l-fażi tal-frontloading u jqassar id-durata tagħha (ara t-Taqsima 4.5.2).
4.5.2 Front-loading
Meta jitfassal jew jiġi rieżaminat BREF, fil-ħin tal-attivazzjoni jew tar-riattivazzjoni tat-TWG, il-membri tal-Forum jintalbu jinnominaw ir-rappreżentant(i) tat-TWG tagħhom. Flimkien mal-ittra ta’ attivazzjoni/riattivazzjoni, jew wara li tintbagħat l-ittra, l-EU-BRITE se jibgħat talba għal “input inizjali” jew “talba għall-frontloading” (eż. stħarriġ). Din l-informazzjoni se tintuża biex jiġu organizzati u strutturati d-diskussjonijiet fil-laqgħa ta’ tnedija (ara t-Taqsima 4.6.1.2).
Is-“sejħa għal input inizjali” jew it-“talba għall-frontloading” fiha proposti u talbiet għal informazzjoni dwar is-suġġetti li huma mistennija li jiġu diskussi fil-laqgħa ta’ tnedija. Dawn is-suġġetti normalment jinkludu:
|
— |
il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREF; |
|
— |
il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin għas-settur industrijali kkonċernat (eż. f’termini ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, l-użu tal-ilma u l-konsum tal-enerġija, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-ekonomija ċirkolari, id-dekarbonizzazzjoni, l-użu tas-sustanzi kimiċi), ara t-Taqsima 4.6.1.2.1; f’rieżami ta’ BREF eżistenti, dan għandu jinkludi mill-inqas il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin diġà identifikati fil-BREF eżistenti; |
|
— |
it-tip u l-format tad-data speċifika għall-impjant jew għall-installazzjoni li għandha tinġabar; |
|
— |
il-proċedura għall-ġbir tad-data u tal-informazzjoni; |
|
— |
l-istruttura tal-BREF. |
F’rieżami ta’ BREF, it-talba tista’ tibni wkoll fuq l-informazzjoni disponibbli fil-kapitolu dwar “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura”, li huwa disponibbli fil-BREF eżistenti.
B’mod ġenerali, l-EU-BRITE għandu joħloq proposti ċari b’raġunament rilevanti fir-rigward tas-suġġetti msemmija hawn fuq. Meta jkun hemm dubji dwar xi kwistjonijiet, għandhom isiru mistoqsijiet (talbiet) ċari sabiex jiġu ċċarati l-proposti.
Barra minn hekk, is-“sejħa għal input inizjali” jew it-“talba għall-frontloading” tista’ tinkludi talbiet għal informazzjoni dwar dan li ġej:
|
— |
informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat, eż. l-għadd u d-daqs ta’ installazzjonijiet relatati; |
|
— |
ħarsa ġenerali lejn il-proċessi ewlenin/tipiċi użati fis-settur; |
|
— |
ħarsa ġenerali lejn it-tekniki użati biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent meħuda b’mod ġenerali; tali tekniki jista’ jkollhom l-għan li jipprevjenu u li jnaqqsu l-emissjonijiet, li jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart, li jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi, u li jippromwovu l-ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni; |
|
— |
tekniki eżistenti u tekniki ġodda li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT kif ukoll ET u proċessi ġodda, li l-implimentazzjoni tagħhom kieku ġġib benefiċċji ambjentali jew ekonomiċi lis-settur; |
|
— |
titjib fit-tekniki u fil-proċessi eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew f’aspetti ekonomiċi, bħall-użu ta’ sustanzi kimiċi aktar sikuri; tista’ tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar tekniki skaduti. |
4.6 Objettivi għall-iskambju ta’ informazzjoni
4.6.1 Laqgħa tat-TWG
4.6.1.1 Ġenerali
Il-laqgħat tat-TWG huma organizzati u ppreseduti mill-EU-BRITE u preferibbilment isiru f’format ibridu (wiċċ imb wiċċ u online). L-Ingliż huwa l-lingwa użata f’dawn il-laqgħat. Kemm il-laqgħat tal-bidu kif ukoll dawk finali huma lkoll appoġġati minn dokument ta’ sfond ippreparat mill-EU-BRITE li jistabbilixxi l-kwistjonijiet proposti għal diskussjoni u li jintbagħat qabel il-laqgħa lill-membri kollha tat-TWG (ara t-Taqsimiet 1.2.5, 4.6.1.2 u 4.6.1.4).
4.6.1.2 Laqgħa tal-bidu
Id-dokument ta’ sfond għandu jkun il-bażi li fuqha għandhom jiġu organizzati u strutturati d-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-bidu. Għandu jqis l-informazzjoni miġbura fil-fażijiet tal-front-loadingfrontloading bikri (ara t-Taqsima 4.5.1) u tal-frontloading (ara t-Taqsima 4.5.2) u għandu jiġi distribwit lit-TWG mill-inqas 4 ġimgħat qabel il-laqgħa.
Il-laqgħa tal-bidu għandha b’mod partikolari tindirizza u tasal għal konklużjonijiet dwar il-punti li ġejjin.
|
1. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-istruttura tal-BREF. |
|
2. |
Il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin tas-settur relatat (ara t-Taqsima 4.6.1.2.1). |
|
3. |
In-natura u l-firxa tal-informazzjoni li trid tinġabar matul l-iżvilupp jew matul ir-rieżami tal-BREF. |
|
4. |
Proċess għat-TWG biex jidentifika fejn rilevanti u jagħmel ċar fil-BREF:
|
|
5. |
Skeda ta’ żmien ġenerali għax-xogħol, ibbażata fuq il-fluss tax-xogħol tipiku indikat fit-Taqsima 1.2.5, b’mod partikolari dwar l-iskadenza biex tiġi rċevuta l-maġġoranza tal-informazzjoni wara l-laqgħa tal-bidu. |
|
6. |
Il-kompiti speċifiċi li għandhom jitwettqu mit-TWG, inkluż minn kwalunkwe sottogrupp tat-TWG, jekk rilevanti (ara t-Taqsima 4.2.3), filwaqt li jiġi indikat b’mod speċjali liema membru tat-TWG wiegħed li jagħti liema informazzjoni. |
|
7. |
Il-laqgħa tal-bidu għandha tipprovdi wkoll l-opportunità biex jiġu informati l-membri tat-TWG dwar kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu trattati b’mod konsistenti fost il-BREFs, b’mod partikolari dan li ġej:
|
Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu u r-rapport tal-laqgħa jiġu ċċirkolati wara. Ir-rapport tal-laqgħa jkun magħmul disponibbli għall-pubbliku.
4.6.1.2.1 Identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali ewlenin (KEIs)
Sabiex jiġi ffaċilitat proċess effettiv u effiċjenti, l-iżvilupp ta’ BREF jiffoka fuq il-kwistjonijiet ambjentali ewlenin (KEIs) li jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-iskambju ta’ informazzjoni u fil-konklużjonijiet tal-BAT. Il-KEIs jistgħu jkunu relatati ma’, pereżempju, l-emissjoni ta’ sustanza niġġiesa partikolari, il-ġenerazzjoni tal-iskart jew l-effiċjenza fir-riżorsi bħall-effiċjenza idrika, l-effiċjenza enerġetika.
KEI hija mifhuma li hija kwistjoni ambjentali li titqies importanti biżżejjed fil-kuntest ta’ ċertu BREF biex tiġġustifika l-ġbir ta’ informazzjoni permezz ta’ kwestjonarji speċifiċi għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess u, jekk ikun meħtieġ, bħala informazzjoni f’daqqa. L-għan tal-ġbir ta’ tali informazzjoni huwa li jiġu derivati l-BAT u, fejn possibbli u xieraq, il-BAT-AELs, il-BAT-AEPLs jew il-parametri referenzjarji biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.
L-għan ta’ BREF huwa li jindirizza kwistjonijiet li huma rilevanti fil-livell Ewropew u ma jistax jindirizza l-kwistjonijiet lokali kollha fl-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu jiggwida wkoll lit-TWG fl-identifikazzjoni tal-KEIs. F’dan il-kuntest, kwistjoni mhux identifikata bħala KEI għall-fini tal-iżvilupp ta’ BREF (u konsegwentement li għaliha ma huwa stabbilit l-ebda BAT-AEL/BAT-AEPL/parametru referenzjarju) xorta tista’ tkun importanti fil-livell nazzjonali, lokali jew tal-installazzjoni u jista’ jkun li tkun teħtieġ li tiġi indirizzata mill-awtoritajiet kompetenti (18).
L-identifikazzjoni tal-KEIs għandha ssir fl-aktar stadju bikri possibbli tal-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni. Għandu jintlaħaq konsensus wiesa’ mit-TWG dwar il-KEIs fil-laqgħa tal-bidu u dan għandu jkun il-bażi għall-bini ta’ kwestjonarju dettaljat biex tinġabar id-data u l-informazzjoni kuntestwali meħtieġa għad-determinazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT. It-TWG jista’ jinkludi kwistjonijiet ambjentali addizzjonali fil-ġbir ta’ data u jista’ jivvaluta r-rilevanza tagħhom għas-settur fi stadju aktar tard. L-inklużjoni ta’ tali data addizzjonali għandha tiġi appoġġata minn argumenti robusti u għandu jiġi żgurat li l-valutazzjoni sussegwenti tagħhom ma għandhiex toħloq ammont ta’ xogħol sproporzjonat għat-TWG.
L-identifikazzjoni tal-KEIs tqis kriterji u sorsi ta’ informazzjoni bħal:
|
— |
ir-rilevanza tat-tniġġis ikkawżat mill-attività jew mill-proċess kif ukoll impatti oħra li jista’ jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent kollu kemm hu (eż. impatti fuq ir-riżorsi, il-ġenerazzjoni tal-iskart); |
|
— |
is-sinifikanza tal-attività (l-għadd ta’ installazzjonijiet affettwati mill-KEI, il-firxa ġeografika, il-kontribuzzjoni għall-emissjonijiet (industrijali) totali fl-Unjoni); |
|
— |
il-potenzjal għall-identifikazzjoni ta’ tekniki ġodda jew addizzjonali li jkomplu jnaqqsu t-tniġġis; |
|
— |
il-potenzjal li jiġu stabbiliti l-BAT-AELs, il-BAT-AEPLs jew il-parametri referenzjarji li jtejbu l-livell ta’ protezzjoni ambjentali meta mqabbel mal-livelli ta’ emissjonijiet kurrenti; |
|
— |
informazzjoni mill-permessi ambjentali, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 24(3), il-punt (b) tal-IED riveduta u informazzjoni mill-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali; |
|
— |
l-objettivi/il-prijoritajiet tal-Unjoni relatati b’mod ġenerali. |
Il-kriterji ta’ hawn fuq jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jidentifikaw sustanzi kimiċi perikolużi jew sustanzi niġġiesa emerġenti użati jew emessi f’settur, pereżempju, minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data ta’ monitoraġġ. F’każijiet bħal dawn, l-identifikazzjoni tal-KEIs tista’ tqis dan li ġej:
|
— |
identifikazzjoni sistematika tas-sustanzi kimiċi/tas-sustanzi niġġiesa emerġenti, eż. inventarju tas-sustanzi kimiċi ewlenin użati fil-proċessi tal-produzzjoni f’settur u informazzjoni dwar il-perkorsi tal-emissjonijiet tagħhom u r-rilaxx mistenni (19); |
|
— |
l-eżitu ta’ eżerċizzju tal-frontloading iddedikat relatat li jinvolvi esperti dwar sustanzi kimiċi; |
|
— |
informazzjoni pprovduta mill-ECHA; |
|
— |
informazzjoni pprovduta mill-INCITE. |
F’każijiet ta’ data disponibbli limitata, it-TWG jista’ jikkunsidra li jinkludi konklużjonijiet speċifiċi tal-BAT dwar il-monitoraġġ fil-BREF, biex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal rieżamijiet futuri tal-BREF.
Għal rieżami ta’ BREF, il-KEIs identifikati minn qabel mill-konklużjonijiet eżistenti tal-BAT huma ġeneralment mistennija li jibqgħu rilevanti. L-esklużjoni ta’ KEI eżistenti jew iż-żieda ta’ waħda ġdida matul rieżami ta’ BREF għandha tiġi appoġġata b’raġunijiet validi.
4.6.1.3 Laqgħat interim tat-TWG
Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati laqgħat interim tat-TWG qabel il-laqgħa finali biex it-TWG ikun jista’ jasal għal konklużjonijiet dwar elementi kruċjali għall-iżvilupp tal-BREF, pereżempju, il-KEIs, il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-elementi tal-konklużjonijiet proposti tal-BAT, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-aġenda tal-laqgħa finali. Fil-każijiet kollha, irid jiġi ċċarat qabel il-laqgħat interim li se jintlaħqu konklużjonijiet u dwar liema suġġetti. Id-dokumenti tal-laqgħat jiġu distribwiti lit-TWG mill-inqas 3 ġimgħat qabel il-laqgħat u l-konklużjonijiet tat-TWG li jintlaħqu fil-laqgħat jiġu rreġistrati kif xieraq (eż. fil-“konklużjonijiet tal-laqgħat”). Opinjonijiet diverġenti (ara t-Taqsima 4.6.1.4.2) jistgħu jiġu espressi wkoll matul dawn il-laqgħat.
4.6.1.4 Laqgħa finali
4.6.1.4.1 Ġenerali
Il-laqgħa finali għandha l-għan li ssolvi kwistjonijiet pendenti bl-għan li jiġu konklużi d-diskussjonijiet tekniċi fi ħdan it-TWG.
Din għandha b’mod partikolari tindirizza u tissodisfa konklużjonijiet dwar il-punti elenkati hawn taħt:
|
1. |
il-kontenut u l-istruttura tal-konklużjonijiet tal-BAT (ara l-Kapitlu 3); |
|
2. |
kwalunkwe modifika li trid issir fil-kontenut tal-kapitoli tal-BREF intitolati “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” (ara t-Taqsima 2.3.7); |
|
3. |
kwistjonijiet li għandhom jissemmew fit-taqsima tal-BREF “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” (ara t-Taqsima 2.3.9). |
Il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa finali u l-proposti mill-EU-BRITE jridu jiġu deskritti f’dokument ta’ sfond dettaljat.
Id-dokument ta’ sfond għandu jiġi distribwit lit-TWG mill-inqas 6 ġimgħat qabel il-laqgħa. Meta jkunu diġà saru laqgħat interim qabel il-laqgħa finali u jkun diġà ntlaħaq qbil dwar elementi kruċjali għall-iżvilupp tal-BREF, id-dokument ta’ sfond għandu jiġi distribwit mill-inqas 4 ġimgħat qabel il-laqgħa.
Id-dokument ta’ sfond irid jinkludi mill-inqas valutazzjoni tal-kummenti ewlenin riċevuti (ara t-Taqsima 0). L-EU-BRITE jrid jipprovdi wkoll lit-TWG mill-inqas l-aħħar verżjoni tal-kapitoli tal-BREF intitolati “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” (ara t-Taqsima 2.3.7) u l-“Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” (ara t-Taqsima 2.3.8), flimkien ma’ kompilazzjoni ta’ graffs jew għodda ta’ viżwalizzazzjoni tad-data biex jiġu appoġġati d-diskussjonijiet matul il-laqgħa finali.
Fil-laqgħa finali, l-objettiv huwa li jintlaħqu konklużjonijiet permezz ta’ konsensus ġenerali fost il-membri tat-TWG preżenti. Madankollu, il-konsensus ma huwiex prerekwiżit u meta jkun hemm opinjonijiet diverġenti, dawn għandhom jiġu rreġistrati kif indikat fit-Taqsima 4.6.1.4.2 hawn taħt.
4.6.1.4.2 Opinjonijiet diverġenti
Il-BAT kif ukoll il-livelli ta’ emissjonijiet u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali (ara t-Taqsima 3.3) assoċjati mal-BAT għandhom jiġu abbozzati mill-EU-BRITE abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-distribuzzjoni tal-abbozz lit-TWG għal-laqgħa finali tiegħu (ara t-Taqsima 4.6.1.4). Tali informazzjoni tista’ tinkludi kwalunkwe proposta speċifika għall-BAT jew il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati jew il-parametri referenzjarji riċevuti mit-TWG.
Il-membri tat-TWG huma mistennija li jipprovdu argumenti tekniċi u ekonomiċi b’saħħithom li jkunu rilevanti għall-każ tagħhom meta dawn ma jaqblux mal-abbozz ta’ konklużjonijet tal-BAT. Tali argumenti għandhom jiġu ppreżentati inizjalment bħala kummenti dwar l-abbozz tal-BREF fil-perjodu ta’ konsultazzjoni stabbilit (ara t-Taqsima 1.2.5).
Jekk it-TWG fl-aħħar ma jilħaqx konsensus fuq kwistjoni, l-opinjonijiet diverġenti u r-raġunament tagħhom għandhom jiġu rapportati fit-Taqsima “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” tal-BREF biss jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
L-opinjoni diverġenti tkun ibbażata fuq informazzjoni li tkun diġà ġiet magħmula disponibbli għat-TWG fiż-żmien tal-abbozzar tal-konklużjonijiet tal-BAT għall-BREF jew tkun ingħatat fil-perjodu għall-kummenti li jikkorrispondi għal tali abbozz. |
|
2. |
Raġunament validu li jappoġġa l-opinjoni diverġenti jiġi pprovdut mill-membri tat-TWG ikkonċernati, appoġġat minn data teknika jew ekonomika xierqa. |
Opinjoni diverġenti jeħtieġ li tiġi espressa matul id-diskussjoni rilevanti fil-laqgħa finali jew f’laqgħat oħra tat-TWG fejn jintlaħqu konklużjonijiet (ara t-Taqsima 4.6.1.3) u sussegwentement trid tiġi kkonfermata bil-miktub, flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunament tagħha.
L-Istati Membri, l-NGOs li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent jew l-assoċjazzjonijiet industrijali li jippreżentaw jew li jappoġġaw l-opinjoni diverġenti għandhom jissemmew b’mod ċar fid-dokument (ara t-Taqsima 2.3.9).
4.6.2 Żvilupp tal-kwestjonarju għall-ġbir ta’ data
Id-data u l-informazzjoni kuntestwali speċifiċi għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess jinġabru bl-użu ta’ kwestjonarju speċifiku għas-settur imħejji mill-EU-BRITE. Il-kwestjonarju huwa maħsub biex jiġbor informazzjoni dwar il-prestazzjoni tat-teknika sabiex tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni tal-BAT jew tal-ET. Sa fejn ikun possibbli, l-EU-BRITE jabbozza l-kwestjonarju b’mod li jinftiehem faċilment mill-utent sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jifhmuh faċilment.
Il-kwestjonarju u l-proċess tal-ġbir ta’ data għandhom jitfasslu biex jimminimizzaw il-piż amministrattiv billi jkunu faċli biex jinftiehmu mill-utenti, effiċjenti u adatti biex jiġu kkompletati b’mod kollaborattiv fil-kumpaniji. Titjib ulterjuri permezz tad-diġitalizzazzjoni (eż. proċeduri integrati tal-QA/QC, kampijiet tad-data mimlijin minn qabel u funzjonalitajiet diġitali oħra) għandu jappoġġa dawn l-objettivi. Il-kwestjonarju għandu jkun flessibbli biżżejjed għall-akkomodazzjoni ta’ aġġornamenti tad-data kumplementari mmirati.
L-EU-BRITE jabbozza l-ewwel kwestjonarju u jikkondividih mat-TWG għall-ewwel sessjoni ta’ kummenti. Dan jista’ jsir fil-laqgħa tal-bidu jekk il-frontloading ikun avvanzat biżżejjed; inkella, għandu jsir wara.
Fuq il-bażi tal-kummenti tat-TWG, l-UE-BRITE jirfina l-kwestjonarju bl-għajnuna tat-TWG. Jista’ jkun hemm abbozz intermedju wieħed jew aktar, skont il-kummenti u l-feedback tat-TWG. Imbagħad isir qbil fuq il-kwestjonarju finali, pereżempju, f’workshop iddedikat tat-TWG.
Ladarba t-TWG ikun qabel fuq il-kontenut u fuq il-format tal-kwestjonarju, ftit operaturi industrijali identifikati mit-TWG jistgħu jintalbu biex jittestjawh qabel ma jibda uffiċjalment il-ġbir ta’ data. Dan sabiex jiġi żgurat li l-kwestjonarju jkun adatt għall-karatteristiċi speċifiċi tal-installazzjonijiet, tal-impjanti jew tal-proċessi.
4.6.3 Ġbir u analiżi tad-data u tal-informazzjoni
4.6.3.1 Ġbir tad-data u tal-informazzjoni
Il-ġbir tad-data u tal-informazzjoni jinkludi kemm informazzjoni ġenerali (“f’daqqa”) dwar is-settur kif ukoll data speċifika għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess u informazzjoni kuntestwali.
Il-passi tipiċi għad-data speċifika għall-installazzjoni, għall-impjant u għall-proċess u informazzjoni kuntestwali huma dawn li ġejjin:
|
— |
Il-membri tat-TWG (tipikament l-Istati Membri, possibbilment bl-appoġġ tal-industrija) jidentifikaw għadd ta’ installazzjonijiet jew impjanti bi prestazzjoni tajba u jqassmu l-kwestjonarju lill-operaturi. Il-lista ta’ installazzjonijiet jew impjanti bi prestazzjoni tajba għandha l-għan li timmassimizza r-rappreżentattività tas-settur u l-kwalità/ir-robustezza tad-data. Installazzjonijiet jew impjanti bi prestazzjoni tajba mhux neċessarjament jaħdmu ugwalment tajjeb fir-rigward tal-kompartamenti ambjentali kollha. |
|
— |
L-operaturi jimlew il-kwestjonarji (possibbilment bl-appoġġ ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri jew tal-industrija). |
|
— |
Il-kwestjonarji mimlijin jiġu vverifikati għall-kompletezza u għall-konsistenza mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u mill-awtoritajiet kompetenti. L-EU-BRITE jista’ jipprovdi listi ta’ kontroll biex jiffaċilita din il-proċedura. |
|
— |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirritornaw il-kwestjonarji mimlija. |
|
— |
Fil-każ ta’ informazzjoni kunfidenzjali, ara t-Taqsima 5.3. |
Fir-rigward tal-informazzjoni “f’daqqa” mwiegħda jew identifikata fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu, din tiġi ppubblikata mit-TWG direttament fuq il-BATIS.
4.6.3.2 Analiżi tad-data u tal-informazzjoni
Id-data u l-informazzjoni kkompilati jintwerew u jiġu analizzati bl-użu ta’ pjattaforma tal-intelliġenza tan-negozju u tal-analitika viżwali għall-iskoperta tad-data.
Sett ta’ viżwalizzazzjonijiet rilevanti (eż. graffs, tabelli, listi, mapep, valuri kkalkulati, informazzjoni kuntestwali), imsejħa skeda, tkun magħmula disponibbli għat-TWG permezz tal-għodda ta’ viżwalizzazzjoni tad-data. L-iskedi differenti huma miġbura flimkien f’applikazzjoni relatata. L-applikazzjoni, meta tinħoloq, tiġi kondiviża mat-TWG kollu u tista’ tintuża biex jiġu analizzati d-data u l-informazzjoni, flimkien ma’ dokumenti rilevanti oħra kondiviżi fuq il-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1). Jekk ikun hemm informazzjoni kunfidenzjali, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fit-TWG jingħataw aċċess wara l-iffirmar ta’ ftehim ta’ nondivulgazzjoni (ara t-Taqsima 5.3).
4.6.3.3 Workshops tal-valutazzjoni tad-data
Għandhom isiru mill-inqas żewġ workshops tal-valutazzjoni tad-data matul il-proċess tat-tfassil/tar-rieżami ta’ BREF: wieħed qabel ma jinħareġ l-ewwel abbozz tal-BREF għall-kummenti u ieħor qabel il-laqgħa finali. Jistgħu jiġu organizzati workshops addizzjonali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi mmirati.
L-objettiv ewlieni tal-workshop tal-valutazzjoni tad-data li sar qabel ma jinħareġ l-ewwel abbozz huwa li d-data miġbura u l-informazzjoni kuntestwali jiġu rieżaminati u vverifikati. Dan jinvolvi l-evalwazzjoni tal-kompletezza, tal-akkuratezza u tal-konsistenza tad-data, kif ukoll il-fehim tas-sinifikat ambjentali tal-installazzjonijiet involuti fil-ġbir ta’ data. Id-diskussjonijiet tal-workshop għandhom iqisu d-data flimkien ma’ informazzjoni kuntestwali, bħat-tekniki applikati u l-prestazzjoni ambjentali. Dawn id-diskussjonijiet għandu jkollhom l-għan ukoll li jiċċaraw il-kwistjonijiet li ma ġewx solvuti fil-laqgħa tal-bidu, pereżempju, dwar il-KEIs, u għandhom jippermettu li jitfasslu konklużjonijiet xierqa dwar dawk il-kwistjonijiet pendenti f’laqgħat sussegwenti. Fejn xieraq, il-workshop għandu jipprovdi wkoll opportunità għat-TWG biex jiddiskuti l-approċċ metodoloġiku għall-analiżi, għar-raggruppament u għall-interpretazzjoni tad-data miġbura, inkluż l-istabbiliment tar-rabta bejn it-tekniki, il-kundizzjonijiet operazzjonali u l-prestazzjoni ambjentali, bi tħejjija għad-determinazzjoni tal-BAT, tal-BAT-AELs u tal-BAT-AEPLs. Il-workshop għandu jiddiskuti wkoll jekk xi kwestjonarji jeħtiġux li jiġu aġġornati u kif għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tad-data.
L-analiżi tad-data jew id-diskussjonijiet tal-workshop jistgħu wkoll jiskattaw talbiet għal data jew għal informazzjoni addizzjonali.
Matul il-workshop tal-valutazzjoni tad-data qabel il-laqgħa finali, it-TWG jista’ jiddiskuti kwistjonijiet importanti li jirriżultaw mill-kummenti dwar l-ewwel abbozz. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati workshops oħra tal-valutazzjoni tad-data qabel il-laqgħa finali, pereżempju, fejn il-BREF ikopri bosta proċessi differenti, jew fejn ikun meħtieġ li jiġu spjegati bidliet sinifikanti fl-ewwel abbozz li jirriżultaw mill-analiżi tad-data.
Għandu jiġi nnotat li matul dawn il-workshops tad-data, ma tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar il-BAT-AELs/il-BAT-AEPLs jew il-firxiet tal-parametri referenzjarji.
4.6.3.4 Identifikazzjoni tal-BAT u d-derivazzjoni tal-BAT-AELs/BAT-AEPLs
L-identifikazzjoni tal-BAT u d-derivazzjoni tal-BAT-AELs relatati jsegwu approċċ kooperattiv u iterattiv użat fit-tfassil u fir-rieżami tal-BREFs kollha. L-approċċ jinkludi l-passi li ġejjin:
|
1. |
l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali ewlenin għas-settur; |
|
2. |
l-eżaminazzjoni tat-tekniki l-aktar rilevanti biex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet; |
|
3. |
l-identifikazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati, abbażi tad-data u l-informazzjoni disponibbli fl-Unjoni u madwar id-dinja, bl-użu ta’ approċċ integrat; |
|
4. |
l-eżami tal-kundizzjonijiet li bihom inkisbu dawn il-livelli ta’ emissjonijiet, eż. il-kostijiet, l-effetti transmedjali, il-benefiċċji ambjentali; |
|
5. |
l-għażla tal-BAT u l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati tagħhom. |
It-TWG huwa involut f’kull wieħed minn dawn il-passi. L-EU-BRITE jipproponi abbozz tal-BAT u tal-BAT-AELs għat-TWG f’diversi passi tal-proċess (eż. fl-ewwel abbozz tal-BREF u fi proposti aġġornati bbażati fuq il-kummenti tat-TWG dwar l-abbozz rivedut tal-konklużjonijiet tal-BAT qabel il-laqgħa finali). Imbagħad, il-proposti jiġu diskussi u konklużi mit-TWG kollu fil-laqgħa finali.
It-TWG jikseb BAT-AELs affidabbli mid-data u mill-informazzjoni miġbura, bl-użu ta’ ġudizzju espert jekk ikun meħtieġ. Id-derivazzjoni tal-BAT-AELs ma tistax tkun ibbażata biss fuq valutazzjoni statistika tal-valuri rrapportati tal-emissjonijiet. L-elementi kruċjali li jintużaw biex jiġu derivati l-BAT-AELs jinkludu dawn li ġejjin:
|
— |
id-disponibbiltà ta’ data affidabbli filwaqt li jitqies, pereżempju, il-metodu ta’ monitoraġġ, il-ħin tal-kampjunar, il-punt ta’ monitoraġġ; |
|
— |
l-identifikazzjoni tal-oriġini/tas-sorsi u tal-fatturi li jinfluwenzaw il-livelli ta’ emissjonijiet għas-sustanza niġġiesa kkonċernata; |
|
— |
l-eżistenza ta’ tekniki xierqa għall-prevenzjoni/għat-tnaqqis tas-sustanza niġġiesa kkonċernata; |
|
— |
jekk it-tekniki humiex iddisinjati, miżmuma u mħaddma kif suppost; |
|
— |
il-kundizzjonijiet li bihom jiġu applikati t-tekniki, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi; |
|
— |
l-użu ta’ standards ta’ monitoraġġ tal-EN jew tal-ISO u l-inċertezza assoċjata; |
|
— |
il-frekwenzi ta’ monitoraġġ tad-data rapportata; |
|
— |
il-perjodi tal-medja tad-data rapportata; |
|
— |
l-eżistenza ta’ massimi fid-data rrapportata u fluttwazzjonijiet fid-data f’kundizzjonijiet normali tat-tħaddim (eż. fi proċessi tal-lottijiet); |
|
— |
kwalunkwe effett transmedjali relatat. |
Id-data rapportata dwar l-emissjonijiet jew id-data dwar il-prestazzjoni ambjentali ma għandhiex titqies meta:
|
— |
ma tkunx assoċjata ma’ tekniki jew ma’ kombinazzjoni ta’ tekniki; |
|
— |
ma tikkonformax mal-limiti tal-emissjonijiet jew mal-limiti tal-prestazzjoni stabbiliti fil-permess. |
Meta jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-applikabbiltà ta’ teknika, dawn għandhom jiġu deskritti f’kemm jista’ jkun dettall.
Il-ġudizzju espert huwa partikolarment importanti meta d-data disponibbli tkun limitata, pereżempju, fir-rigward ta’ tekniki li jippermettu trasformazzjoni industrijali profonda, sustanzi kimiċi perikolużi jew sustanzi niġġiesa ġodda.
Il-BAT-AEPLs huma ddeterminati għal proċessi individwali li għandhom karatteristiċi simili, bħal vetturi tal-enerġija, materja prima (speċjalment materja prima kritika), unitajiet ta’ produzzjoni u prodotti finali, u grad għoli ta’ omoġeneità fl-Unjoni kollha, fejn id-data magħmula disponibbli fl-iskambju ta’ informazzjoni b’appoġġ għad-determinazzjoni tal-BAT hija robusta biżżejjed. Il-konklużjonijiet tal-BAT jistgħu jinkludu wkoll parametri referenzjarji indikattivi li għandhom jiġu inklużi mill-operaturi fl-EMS tagħhom, fejn il-prestazzjoni ambjentali tiddependi ħafna fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-proċessi.
4.6.4 Abbozzi ta’ BREF u kummenti tat-TWG
Kull abbozz ta’ BREF rivedut għandu jkun fil-forma ta’ verżjoni kkonsolidata, li tenfasizza l-informazzjoni l-ġdida u l-bidliet imwettqa b’paragun:
|
1. |
mal-verżjoni tal-BREF ippubblikata preċedentement; |
|
2. |
mal-informazzjoni li hemm fl-abbozzi preċedenti elaborata matul il-proċess ta’ rieżami. |
L-abbozzi jiġu distribwiti mill-EU-BRITE lit-TWG bl-għan li d-dokument jiġi rieżaminat bejn il-pari u li tinġabar l-informazzjoni nieqsa. Il-kummenti jridu jiġu sottomessi lill-EU-BRITE fi ħdan skadenza stabbilita (ara t-Taqsima 1.2.5) u bl-użu ta’ formati speċifiċi.
Wara d-distribuzzjoni ta’ kull abbozz ta’ BREF, għandu jkun hemm perjodu għall-kummenti ta’ mill-inqas 8 ġimgħat sabiex il-membri tat-TWG ikunu jistgħu jagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom dwar id-dokument (ara t-Taqsima 1.2.5).
L-objettiv ewlieni tal-konsultazzjoni huwa li l-membri tat-TWG jiġu mistiedna jipprovdu rieżami bejn il-pari u jivvalidaw l-informazzjoni inkluża fid-dokument, kif ukoll li tiġi pprovduta informazzjoni nieqsa billi tiġi sottomessa data addizzjonali. F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati, meta jkun meħtieġ li tinġabar informazzjoni aktar dettaljata sabiex jiġu appoġġati l-kummenti sottomessi, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar mal-kummenti u tali informazzjoni għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn xahar wieħed wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kummenti.
Sabiex ir-rieżami ta’ BREF jiġi ffokat u aċċellerat, il-kummenti sottomessi dwar l-abbozzi għandhom jinqasmu f’żewġ gruppi:
|
1. |
l-ewwel grupp għandu jinkludi kummenti kkunsidrati bħala “maġġuri” mill-membri tat-TWG (jiġifieri kummenti li għandhom piż fuq il-konklużjonijiet tal-BAT, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BREF, fuq l-istruttura tal-BREF); |
|
2. |
it-tieni grupp għandu jinkludi kummenti “minuri” (jiġifieri żbalji matul l-ittajpjar, kummenti li ma għandhom l-ebda effett fuq il-konklużjonijiet tal-BAT). |
Il-membri tat-TWG għandhom jiżguraw li kull kumment li jagħmlu jiġi kklassifikat f’wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi qabel ma jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-EU-BRITE. Min-naħa tiegħu, l-EU-BRITE jgħaqqad u jqassam l-istatistika abbażi ta’ dik id-distinzjoni biex jipprovdi indikazzjoni approssimattiva tal-ammont ta’ xogħol involut u biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ewlenin fi stadju bikri tal-proċess.
Il-kummenti meqjusa bħala “maġġuri” għandhom jiġu ttrattati bi prijorità mill-EU-BRITE.
L-EU-BRITE jipprovdi feedback dettaljat lit-TWG dwar kif il-kummenti maġġuri tagħhom ġew ikkunsidrati fid-dokument ta’ sfond għal-laqgħa finali (ara t-Taqsima 4.6.1). L-EU-BRITE jipprovdi feedback lit-TWG dwar kif il-kummenti kollha ġew ikkunsidrati qabel ma jkun ġie ppreżentat il-BREF lill-Forum (ara t-Taqsima 1.3).
4.7 Għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni
4.7.1 Sistema ta’ informazzjoni tal-BAT (BATIS)
Il-BATIS hija applikazzjoni tas-sofware bbażata fuq il-web stabbilita biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-BAT kif ukoll il-proċess intern imwettaq fi ħdan l-EU-BRITE sabiex jipproduċi jew jirrieżamina l-BREFs. Minbarra l-persunal tal-EU-BRITE, huma biss il-membri nnominati tal-Forum u tat-TWG li għandhom aċċess għall-BATIS. Id-dettalji tal-kuntatt tal-membri tat-TWG huma disponibbli fil-BATIS sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan kull TWG.
L-objettiv prinċipali tas-sistema huwa li tgħin lill-EU-BRITE fl-organizzazzjoni u fil-ġestjoni tal-informazzjoni relatata mal-BREFs, sabiex ikun hemm trasparenza u sabiex jiġu prodotti BREFs ta’ kwalità għolja.
Il-BATIS tgħin biex tinżamm it-trasparenza fil-proċess ta’ tfassil u ta’ rieżami tal-BREFs. Għal dan l-għan, l-informazzjoni kollha miġbura fil-qafas tat-tfassil jew tar-rieżami ta’ BREF hija disponibbli fuq il-BATIS, minbarra informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva (ara t-Taqsima 5.3).
L-EU-BRITE huwa responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-informazzjoni fil-BATIS. L-EU-BRITE jistruttura l-informazzjoni/id-dokumenti fil-BATIS (pereżempju billi jċaqlaq id-dokumenti mtellgħin direttament mill-membri tat-TWG) b’mod li dawn ikunu jistgħu jinstabu faċilment, speċjalment mill-membri tat-TWG u tal-Forum.
B’mod partikolari, l-EU-BRITE huwa responsabbli biex jagħmel disponibbli fuq il-BATIS, meta ma tkunx ippubblikata direttament fuq il-BATIS, informazzjoni relatata mal-laqgħat tat-TWG u mal-laqgħat tas-sottogruppi (eż. id-dokumenti ta’ sfond, il-minuti tal-laqgħat, l-islajds tal-laqgħat) kif ukoll il-kummenti tat-TWG riċevuti dwar l-abbozzi tal-BREFs u l-feedback tal-EU-BRITE dwar dawk il-kummenti (ara t-Taqsima 0).
Il-membri tat-TWG huma responsabbli biex itellgħu l-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom fuq il-BATIS. Manwal tal-utent online huwa disponibbli fuq il-BATIS.
Il-BATIS għandu funzjonalità li tippermetti lill-membri tat-TWG ikunu jafu awtomatikament (jiġifieri ta’ kuljum) jekk tittella’ informazzjoni ġdida.
4.8 Sigurtà tad-data personali
Id-data personali tal-membri tat-TWG u tal-membri tal-Forum, li tikkonsisti fl-isem u fid-dettalji tal-kuntatt ta’ kull membru, tinġabar mill-EU-BRITE malli dawn jiġu nnominati bħala membru tat-TWG jew tal-Forum bl-iskop esklużiv li l-EU-BRITE jkun jista’ jimmaniġġa l-parteċipazzjoni tal-membri tat-TWG u tal-Forum fit-tfassil/fir-rieżami ta’ BREF u sabiex il-membri tat-TWG u tal-Forum ikollhom aċċess għall-għodod tal-ġestjoni għall-editjar u għar-rieżami tal-BREFs u dokumenti oħra.
Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm il-privatezza tal-utenti. Il-politika tal-privatezza dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). Għal aktar informazzjoni, hemm dikjarazzjoni ta’ privatezza disponibbli għall-membri tat-TWG u tal-Forum fuq is-sit web tal-EU-BRITE.
Fi kwalunkwe ħin, il-membri tat-TWG u tal-Forum jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għad-data tagħhom u li jimmodifikawha billi jikkuntattjaw lill-EU-BRITE.
5 KAPITOLU 5: ĠBIR U SOTTOMISSJONI TA’ DATA U TA’ INFORMAZZJONI
5.1 Introduzzjoni
Dan il-kapitolu jippreżenta gwida dwar il-ġbir ta’ data u tal-informazzjoni f’daqqa għall-iskambju ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13(3), il-punt (c) tal-IED riveduta.
5.2 Prinċipji ġenerali għall-ġbir u għas-sottomissjoni ta’ data u ta’ informazzjoni għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs
Id-data u l-informazzjoni li għandhom jinġabru u jiġu sottomessi lil EU-BRITE fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet, tal-impjanti u tal-proċessi u tat-tekniki applikati, kif ukoll il-vijabbiltà teknika u ekonomika tagħhom, għandhom jippermettu t-tfassil, ir-rieżami u, fejn meħtieġ, l-aġġornament tal-BREFs u tal-konklużjonijiet dwar il-BAT li jinsabu fihom, kif deskritt fil-Kapitolu 3.
Il-prinċipji ġenerali li l-membri tat-TWG għandhom isegwu għall-ġbir u għas-sottomissjoni tad-data huma deskritti hawn taħt:
|
1. |
Is-settijiet tad-data fil-livell ta’ installazzjonijiet, impjanti u proċessi uniċi, b’indikazzjoni kemm tal-prestazzjoni ambjentali miksuba kif ukoll tat-tekniki użati għall-ksib tagħha huma essenzjali għad-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET. |
|
2. |
Għalhekk huwa kruċjali li l-membri tat-TWG jipprovdu settijiet tad-data kompleti mill-inqas fil-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess kif dettaljat fit-Taqsima 5.4. Id-data aggregata minn diversi impjanti/installazzjonjiet normalment ma hijiex biżżejjed biex issostni l-konklużjonijiet tal-BAT, tal-ET, tal-BAT-AELs u tal-BAT-AEPLs (ara t-Taqsimiet 3.3.2, 3.3.3 u 3.5.1). |
|
3. |
Kemm it-tekniki fil-proċess kif ukoll dawk fil-punt tar-rimi użati fl-installazzjoni, fl-impjant jew fil-proċess għall-imminimizzar tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem għandhom jissemmew u jiġu ddokumentati. Fejn rilevanti għandha tiġi sottomessa deskrizzjoni sħiħa tat-tekniki (flimkien mas-settijiet tad-data) skont l-istruttura deskritta fit-Taqsima 2.3.7.2. |
|
4. |
Id-data sottomessa għandha tkun akkumpanjata b’indikazzjonijiet ċari dwar jekk hijiex relatata ma’ kundizzjonijiet tat-tħaddim normali jew ma’ kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tal-operazzjonijiet); ara t-Taqsima 4.6.1.2. |
5.2.1 Tip ta’ data/informazzjoni
Id-data/l-informazzjoni ewlenija għandha tinġabar sa mill-inqas il-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess jew saħansitra f’livell aktar dettaljat (eż. il-linja tal-produzzjoni, tal-unità, tal-proċess, tal-forn), filwaqt li ssir referenza ċara għat-tekniki applikati u għal data oħra kuntestwali jew relatata mal-proċess (eż. konsum tal-enerġija, tal-ilma, tal-materja prima).
Għall-ET, id-data tista’ tinġabar minn prototip ta’ dimostrazzjoni f’ambjent rilevanti, jiġifieri l-ittestjar ta’ prototip fuq skala tal-inġinerija jew tas-sistema f’kundizzjonijiet li jimitaw mill-qrib l-ambjent operazzjonali finali maħsub tiegħu (mill-inqas TRL 6-7). Għandha tiġi kkunsidrata informazzjoni mill-INCITE (ara t-Taqsima 4.4) dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-ET.
L-informazzjoni li tipprovdi ħarsa ġenerali globali lejn is-settur – li tista’ tinkludi l-kapaċità tal-industrija, il-livelli ta’ produzzjoni, l-informazzjoni tas-suq, il-prezzijiet u informazzjoni oħra possibbilment sensittiva – tista’ tingħata f’forma aggregata, iżda dan għandu jkun utli l-aktar għall-iżvilupp jew għall-aġġornament tal-kapitoli tal-BREF intitolat “Informazzjoni ġenerali” u “Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum” tal-BREF (ara t-Taqsimiet 2.3.4 u 2.3.6).
L-informazzjoni sottomessa dwar it-tekniki għandha tindirizza, kemm jista’ jkun possibbli, l-aspetti kollha msemmija fit-Taqsima 5.4, sabiex ikun jista’ jsir l-abbozzar tal-kapitolu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” (ara t-Taqsima 2.3.7). Il-prestazzjonijiet tat-tekniki għandhom jitpoġġew fil-kuntest u għandhom jiġu appoġġati b’mod partikolari bid-data operazzjonali u ekonomika rilevanti (ara t-Taqsima 5.4).
Għandha tingħata informazzjoni minn dawk li kienu meqjusin bħala l-installazzjonijiet bl-aqwa prestazzjoni (fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fl-intier tiegħu). Għal dawn l-installazzjonijiet, l-informazzjoni msemmija fit-Taqsima 5.4 għandha tinkludi biżżejjed dettall sabiex tgħin fil-fehim ta’ kif inkiseb il-livell għoli osservat ta’ prestazzjoni ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Dan ma jfissirx li għandha tinġabar u tiġi sottomessa biss l-informazzjoni dwar l-installazzjonijiet, l-impjanti jew il-proċessi bl-aqwa prestazzjoni. L-aġġornament tal-Kapitolu 3 ta’ BREF intitolat “Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6) jeħtieġ li tiġi sottomessa informazzjoni dwar firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet u ta’ konsum osservati kurrentament għall-proċessi kollha u għas-sottoproċessi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tqis, fost affarijiet oħra, il-varjanza fil-proċessi applikati, u d-daqs u l-età tal-installazzjonijiet.
5.2.2 Format tad-data
L-informazzjoni fil-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess normalment għandha tiġi sottomessa lill-EU-BRITE bl-użu ta’ mudell komuni, inkluż permezz ta’ għodod online ddedikati, li l-kontenut tagħhom jiġi diskuss u miftiehem mat-TWG. Dan ma jipprekludix is-sottomissjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn addizzjonali permezz ta’ mezzi oħra jekk jitqiesu utli (eż. dijagrammi sekwenzjali tal-proċess). Sabiex jiġi minimizzat ix-xogħol involut fil-ġbir ta’ data, it-TWG huwa mħeġġeġ iqis ir-rekwiżiti ta’ rapportar perjodiku (eż. fil-qafas tal-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali) u d-disponibbiltà tad-data. Il-mudelli huma partikolarment utli għall-ġbir ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni, sabiex ikun jista’ jsir paragun tad-data kif ukoll sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-anomaliji. Dan ma jeskludix l-użu ta’ data supplimentari (eż. studji tal-każijiet, data teknika u tal-kostijiet li tikkonċerna tekniki speċifiċi) jekk meqjusa strumentali għall-ilħuq tal-konklużjonijiet tal-BAT.
Id-data/informazzjoni essenzjali li mudell għall-ġbir ta’ settijiet tad-data kompleti fil-livell ta’ installazzjoni, impjant u proċess (jew livell aktar diskret) għandu jkun fih hija indikata fit-Taqsima 5.4 (li tagħti dettalji tad-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali meħtieġa).
5.2.3 Kwalità tad-data
L-informazzjoni miġbura għandha tkun ta’ livell ta’ dettall suffiċjenti li jippermetti l-valutazzjoni u l-paragun tagħha ma’ data oħra u fl-aħħar nett li tintuża għall-konklużjonijiet tal-BAT u tal-ET (ara l-Kapitolu 3).
Id-data pprovduta (speċjalment id-data dwar l-emissjonijiet u l-konsum) għandha tkun minn snin reċenti.
Iċ-ċifri kollha sottomessi għandhom jingħataw f’unitajiet SI jew f’unitajiet użati b’mod komuni fis-settur u li jkun hemm qbil dwarhom mit-TWG preferibbilment fil-laqgħa tal-bidu.
Id-data kollha għandha tiġi vverifikata bir-reqqa qabel ma tiġi sottomessa lill-EU-BRITE sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza, il-kompletezza u jiġu identifikati u kkoreġuti l-iżbalji u l-inkonsistenzi.
Jekk kwestjonarju jitqies li jkun ta’ kwalità insuffiċjenti għall-valutazzjoni tad-data (minħabba, pereżempju, data mhux kompleta jew informazzjoni nieqsa, meta mqabbla ma’ kwestjonarji oħra), il-membri tat-TWG responsabbli għall-kwestjonarju jintalbu jlestuh jew jaġġornawh.
Id-data sottomessa li fil-maġġoranza tagħha ma titqiesx kompleta jew li fiha wisq żbalji ma għandhiex tiġi kkunsidrata.
5.3 Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità
Jista’ jiġri li informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva skont id-dritt tal-kompetizzjoni jkunu meħtieġa/utli għall-EU-BRITE għall-valutazzjonijiet tiegħu (eż. il-kost, il-volum ta’ produzzjoni). F’konformità mal-Artikolu 13(2) tal-IED riveduta, l-iskambju ta’ informazzjoni meqjusa bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva jrid jibqa’ strettament limitat għal dak li huwa teknikament meħtieġ biex jitfasslu, jiġu rieżaminati u, fejn meħtieġ, jiġu aġġornati l-BREFs, u tali informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva ma tistax tintuża għal skopijiet oħra. Informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva ma jinkludux data dwar l-emissjonijiet, peress li huma fid-dominju pubbliku.
Jekk kwalunkwe informazzjoni sottomessa lill-EU-BRITE titqies bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva skont id-dritt tal-kompetizzjoni u għalhekk ma għandhiex tiġi rapportata fil-BREF, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar meta tintbagħat l-informazzjoni u għandha tingħata r-raġuni/ġustifikazzjoni għall-kunfidenzjalità/sensittività. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-informazzjoni meqjusa bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva tiġi kondiviża biss mal-Kummissjoni u, wara li jkun ġie ffirmat ftehim ta’ kunfidenzjalità u ta’ nondivulgazzjoni, ma’ impjegati taċ-ċivil u ma’ impjegati pubbliċi oħra li jirrappreżentaw lill-Istati Membri jew lill-aġenziji tal-Unjoni. Meta tiġi kondiviża mal-membri l-oħra tat-TWG, l-informazzjoni trid tiġi anonimizzata b’tali mod li ma tirreferix għal operatur jew installazzjoni partikolari. Informazzjoni mhux anonimizzata tista’ tiġi kondiviża biss meta l-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni tipprevjeni skambju effettiv ta’ informazzjoni dwar il-BAT, mal-NGOs li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u l-industriji kkonċernati, kif xieraq, u dment li r-rappreżentanti ta’ dawk l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet ikunu ffirmaw ftehim ta’ kunfidenzjalità u ta’ nondivulgazzjoni.
L-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u l-informazzjoni sensittiva skont id-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jiġu rrapportati fil-BREF, sakemm l-informazzjoni ma tipprovdix bażi importanti għall-konklużjonijiet tal-BAT. F’każijiet bħal dawn, il-fornitur tal-informazzjoni jrid ikun ivverifika l-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni u jrid ikun awtorizza b’mod speċifiku lill-EU-BRITE biex jirrapporta l-informazzjoni fil-BREF.
Hemm ħafna modi kif tista’ tiġi ttrattata d-data kunfidenzjali/sensittiva fil-BREFs bħall-aggregazzjoni jew l-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni. Dan jista’ jsir mill-EU-BRITE, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna ta’ dawk li jkunu pprovdew l-informazzjoni.
Il-perjodu meta jiġi żviluppat mudell ta’ kwestjonarju (ara t-Taqsimiet 4.6.1.2 u 5.4) huwa l-perjodu biex jiġi diskuss fid-dettall liema informazzjoni hija meħtieġa, il-livell ta’ kunfidenzjalità (jekk ikun hemm) tad-data mitluba u l-prattikalitajiet biex jiġu ttrattati l-informazzjoni kummerċjali potenzjalment kunfidenzjali, l-informazzjoni sensittiva skont id-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-kwistjonijiet relatati, abbażi ta’ proċedura diskussa fil-laqgħa tal-bidu.
5.4 Id-data dwar il-prestazzjoni ambjentali u d-data operazzjonali meħtieġa għall-kapitoli “Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET” u “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)”
5.4.1 Informazzjoni ġenerali dwar id-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali
Din it-taqsima tittratta d-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali. Madankollu, sabiex jiġu mfassla, jiġu rieżaminati u, fejn ikun hemm bżonn, jiġu aġġornati l-konklużjonijiet tal-BAT, it-tekniki kollha li jridu jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni tal-BAT u tal-ET għandhom jiġu ppreżentati fil-BREF f’konformità mal-istruttura standard stabbilita fit-Taqsima 2.3.7, fejn tingħata data oħra meħtieġa biex jinsiltu l-konklużjonijiet tal-BAT (speċjalment dwar l-ekonomija, l-effetti transmedjali u l-kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabbiltà).
It-TWG għandu jikkonkludi - preferibbilment fil-laqgħa ta’ tnedija - dwar il-format u l-kontenut tal-kwestjonarju għas-settur li jkun qiegħed jiġi indirizzat minnu (ara t-Taqsimiet 4.6.1.2 u 5.5).
It-tipi ewlenin ta’ data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali li mudell għall-ġbir ta’ data speċifika għall-installazzjoni, għall-impjant jew għall-proċess għandu jkun fih huma deskritti fit-taqsimiet hawn taħt.
5.4.2 Effiċjenza fir-riżorsi
5.4.2.1 Informazzjoni ġenerali dwar l-effiċjenza fir-riżorsi
L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi data dwar l-użu ta’ materja prima u materjali awżiljarji/sustanzi kimiċi, ilma u enerġija fil-proċessi rilevanti. Id-data dwar l-effiċjenza fir-riżorsi tinkludi informazzjoni dwar il-livell ta’ dettall u l-konfini tas-sistema kkunsidrati.
5.4.2.2 Konsum ta’ materja prima u ta’ materjali awżiljarji
Sa fejn ikun rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati, l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej fil-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess:
|
1. |
it-tip u l-kwantità ta’ materja prima u materjali awżiljarji użati (inkluż materjal sekondarju, sustanzi kimiċi, u skart riċiklat); |
|
2. |
indikazzjoni tat-tekniki użati biex jiġi mmassimizzat l-użu effiċjenti tar-riżorsi u biex jiġi pprevenut/imminimizzat l-użu ta’ sustanzi perikolużi jew l-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna; informazzjoni dwar tekniki tista’ tinkludi kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonata. |
5.4.2.3 Użu tal-ilma
L-informazzjoni sottomessa għandha tiddistingwi bejn it-tipi ta’ ilma użati, bħall-ilma tat-tberrid u l-ilma għall-ipproċessar, u għandha tindika jekk l-ilma jerġax jintuża u, jekk dan ikun il-każ, kemm minnu. Id-data/informazzjoni għandha tinkludi, fejn rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati, il-punti speċifikati hawn taħt:
|
1. |
Informazzjoni dwar l-oriġini tal-ilma użat u dwar il-korp tal-ilma riċevitur (eż. l-isem, it-tip – ilma tax-xita, ilma tal-wiċċ, jiġifieri ilma tal-lagi, tax-xmajjar, tan-nixxiegħat, tal-baħar, jew ta’ taħt l-art; meta jkun rilevanti, anke t-temperatura, il-fluss, il-kwalità). |
|
2. |
Informazzjoni dwar il-konfini tas-sistema (jiġifieri l-partijiet/il-proċessi tal-installazzjoni bl-użu tal-ilma li għalih tiġi rapportata d-data), akkumpanjata minn dijagrammi sekwenzjali (flow chart) jekk ikun possibbli. |
|
3. |
Jekk it-trattament tal-ilma tal-provvista jitwettaqx fuq il-post u indikazzjoni tat-tip ta’ trattament imwettaq (eż. desalinazzjoni, filtrazzjoni). |
|
4. |
Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet ġew iddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għat-tnaqqis tal-konsum tal-ilma. Jekk l-isforzi li jsiru għat-tnaqqis tal-konsum tal-ilma jwasslu għal effluwenti aktar ikkonċentrati, dan għandu jiġi indikat kif ukoll il-miżuri meħudin għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali ta’ effluwenti aktar ikkonċentrati. |
5.4.2.4 Użu tal-enerġija
L-informazzjoni miġbura għandha tinkludi dan li ġej, fejn rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati:
|
1. |
Inputs:
|
|
2. |
Outputs:
|
Id-data tal-enerġija għandha tiġi espressa f’kWh jew f’MJ skont il-massa tal-prodott (jew skont il-massa ta’ materja prima), b’indikazzjoni ta’ jekk intużawx il-valuri kalorifiċi netti jew grossi għad-determinazzjoni ta’ dan.
5.4.3 Emissjonijiet fl-ilma
L-informazzjoni sottomessa għandha tiddistingwi bejn diversi tipi ta’ ilma mormi, bħall-ilma tat-tberrid u l-ilma għall-ipproċessar, u għandha tindika jekk l-ilma jerġax jintuża u, jekk dan huwa l-każ, kemm minnu. Id-data/informazzjoni għandha tinkludi l-punti elenkati hawn taħt, fejn rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati:
|
1. |
L-ammont u r-rata ta’ fluss tal-ilmijiet mormiija tal-proċess skarikati kif ukoll indikazzjoni ta’ jekk rimi eċċezzjonali huwiex inkluż. |
|
2. |
Informazzjoni dwar is-sorsi (eż. proċessi ta’ unità) tal-ilma għall-ipproċessar mormi jew flussi oħra tal-ilma mormi għal kull punt ta’ referenza/kampjunar. Biex tgħin fil-valutazzjoni ta’ każijiet possibbli ta’ taħlit ta’ flussi ta’ ilma mormi mniġġes ma’ oħrajn inqas imniġġsa jew mhux imniġġsa, ikun utli li jkun hemm dijagramma sekwenzjali tal-ilma mormi. Huwa preferibbli wkoll li tinġabar, għal kull sustanza niġġiesa, informazzjoni dwar il-flussi tal-massa jew it-tagħbijiet speċifiċi tal-emissjonijiet assoċjati, sabiex ikun jista’ jitqies kwalunkwe effett ta’ dilwizzjoni potenzjali. |
|
3. |
L-ammont, ir-rata ta’ fluss u t-temperatura tal-ilma mormi mhux għall-ipproċessar (eż. tat-tberrid). |
|
4. |
Jekk l-ilma tax-xita jinġabarx u jiġix ittrattat fl-installazzjoni u kif. |
|
5. |
Jekk l-ilmijiet mormiija li ġejjin minn installazzjonijiet jew minn impjanti oħra (inklużi ilmijiet mormija muniċipali) humiex ittrattati fl-installazzjoni u kif. |
|
6. |
Il-livelli ta’ emissjonijiet (bħala konċentrazzjonijiet jew tagħbijiet - inklużi tagħbijiet speċifiċi - kull meta rilevanti (21); ara t-Taqsima 3.3.2) tas-sustanzi niġġiesa mormija għal kull fluss tal-ilma mormi meqjus u jekk l-ilma tal-iskart huwiex mormi direttament jew indirettament fil-korp tal-ilma riċevitur. L-informazzjoni għandha tispeċifika wkoll jekk humiex inklużi kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim). Din l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa flimkien mal-informazzjoni ta’ referenza rilevanti indikata fit-Taqsima 5.4.8. |
|
7. |
Indikazzjoni ta’ jekk l-effluwenti tal-ilma humiex ittrattati f’impjant tat-trattament tal-ilma mormi (WWTP) li jinsab fuq il-post jew mhux fuq il-post (eż. muniċipali jew ċentrali għal sit industrijali sħiħ) tal-installazzjoni. |
|
8. |
Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni, u fejn dan ma huwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ilma. Għat-tekniki tat-tnaqqis, għandhom jissemmew is-sustanzi niġġiesa fil-mira. |
|
9. |
Informazzjoni dwar l-effiċjenza tat-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa jew il-kwantità ta’ sustanzi niġġiesa qabel u wara t-tekniki sabiex tiġi ddeterminata l-effiċjenza tat-tnaqqis. |
|
10. |
Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi li jfixklu l-użu tat-teknika (inkluża t-teknika tat-tnaqqis) fil-kapaċità sħiħa, li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika u l-miżuri meħudin sabiex tiġi rrestawrata l-effettività operazzjonali sħiħa. |
5.4.4 Emissjonijiet fl-arja
Id-data/informazzjoni sottomessa għandha tinkludi l-punti elenkati hawn taħt, fejn rilevanti għas-settur ikkonċernat:
|
1. |
Il-livelli ta’ emissjonijiet (bħala konċentrazzjonijiet jew tagħbijiet - inklużi tagħbijiet speċifiċi - meta jkunu rilevanti22, ara t-Taqsima 3.3.2) tas-sustanzi niġġiesa emessi, b’distinzjoni bejn emissjonijiet inkanalati (eż. miċ-ċmieni) u emissjonijiet mhux inkanalati (eż. diffużi/maħruba), li jispeċifikaw jekk l-emissjonijiet f’kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim) humiex inklużi. Għad-data tat-tagħbija speċifika, il-prodott imsemmi għandu jiġi ddefinit b’mod ċar. Din l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa flimkien mal-informazzjoni ta’ referenza rilevanti indikata fit-Taqsima 5.4.8. |
|
2. |
Indikazzjoni ta’ jekk l-effluwenti tal-gass humiex ittrattati f’impjant tat-trattament tal-gass tal-iskart ċentrali li jinsab fis-sit jew lil hinn mis-sit. |
|
3. |
Indikazzjoni tas-sorsi (eż. proċessi ta’ unità) kemm ta’ emissjonijiet diffużi/maħruba kif ukoll ta’ dawk miċ-ċmieni. |
|
4. |
Rata ta’ fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, ikkonvertita jekk ikun meħtieġ għal kundizzjonijiet standard (gass niexef f’temperatura ta’ 273,15 °K u pressjoni ta’ 1 013 hPa). |
|
5. |
Il-kundizzjonijiet ta’ referenza (eż. id-data tal-konċentrazzjonijiet għandha tirreferi għall-gassijiet nexfin ta’ skart f’temperatura ta’ 273,15 °K u pressjoni ta’ 1 013 hPa – jekk le, dan għandu jiġi indikat – u l-kontenut tal-ossiġenu ta’ referenza għandu jissemma, jekk applikabbli). B’mod partikolari għall-proċessi ta’ kombustjoni, il-kundizzjonijiet ta’ referenza għandhom jinkludu l-kontenut reali tal-O2 tal-effluwent mhux dilwit, it-temperaturi tal-punt ta’ kampjunar (it-temperatura tal-fjamma, it-temperatura tal-kompartiment, it-temperatura tal-effluwent), it-tip ta’ tisħin (dirett, indirett). |
|
6. |
Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni, u fejn dan ma huwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja. Għat-tekniki tat-tnaqqis, jissemmew is-sustanzi niġġiesa mmirati. |
|
7. |
Il-kwantità ta’ sustanzi niġġiesa qabel u wara t-tekniki sabiex tiġi ddeterminata l-effiċjenza tat-tnaqqis. |
|
8. |
L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet jew dwar iċ-ċirkostanzi li jfixklu l-użu tat-teknika (inkluża t-teknika tat-tnaqqis) fil-kapaċità sħiħa, li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika u l-miżuri meħudin sabiex tiġi rrestawrata l-kapaċità tal-effettività operazzjonali sħiħa għandha tiġi inkluża. |
5.4.5 Emissjonijiet fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art
L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn rilevanti għas-settur ikkonċernat, il-punti elenkati hawn taħt:
|
1. |
Is-sorsi potenzjali (proċessi, materjal, sustanzi) li jistgħu jikkawżaw kontaminazzjoni tal-ħamrija jew tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
2. |
Informazzjoni dwar it-tekniki użati għall-prevenzjoni jew, fejn dan ma jkunx prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art. |
5.4.6 Residwi
L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn rilevanti għas-settur ikkonċernat, fil-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess, il-punti elenkati hawn taħt:
|
1. |
It-tipi u l-kwantitajiet ta’ residwi (eż. ħama) iġġenerati/maħluqa mill-attività, inklużi, fejn disponibbli u rilevanti, il-kodiċijiet korrispondenti tal-UE dwar l-iskart. |
|
2. |
Il-karatteristiċi (fiżiċi/kimiċi) tar-residwi ġġenerati/maħluqin mill-attività (eż. kontenut ta’ metall, kontenut solidu xott medju). |
|
3. |
Il-piż speċifiku tal-iskart organiku u inorganiku mormi u l-piż speċifiku tal-iskart li jiġi riċiklat, jew il-piż tar-residwi li jerġgħu jintużaw jew jiġu rkuprati, kemm jekk dan iseħħ ġewwa kif ukoll barra mill-installazzjoni, mill-impjant jew mill-proċess. |
|
4. |
Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ residwi jew, fejn dan ma huwiex prattikabbli, l-użu mill-ġdid u l-irkupru tar-residwi ġġenerati, jew ir-riċiklaġġ tal-iskart fil-livell tal-installazzjoni, tal-impjant jew tal-proċess. |
5.4.7 Aktar informazzjoni
Id-data tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali pprovduta għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni ġenerali rilevanti kollha bħal, fejn applikabbli:
|
1. |
is-sena li fiha nbniet u ġiet ikkummissjonata l-installazzjoni jew li fiha nbena u ġie kkummissjonat l-impjant, u indikazzjoni tan-natura u tad-dati ta’ modifiki retroattivi maġġuri; |
|
2. |
it-tip ta’ proċessi tal-produzzjoni, katalisti, tagħmir tal-proċess (eż. mitħna, skambjatur tas-sħana u forn) użati; |
|
3. |
il-kundizzjonijiet tat-tħaddim ewlenin tal-proċess (eż. proċess kontinwu jew f’lottijiet, avvenimenti rikorrenti bħad-dekokkjar mill-forn, riġenerazzjoni tal-katalizzatur, tagħbija tal-produzzjoni, temperatura tal-proċess); |
|
4. |
it-tipi differenti ta’ prodotti mmanifatturati u kif il-kwalità/kompożizzjoni tagħhom tista’ taffettwa l-konsum/emissjonijiet; |
|
5. |
miżuri meħudin għall-prevenzjoni jew, fejn dan ma huwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tat-tniġġis matul kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim); |
|
6. |
miżuri meħudin għat-tnaqqis tal-probabbiltà (frekwenza) jew l-effetti ambjentali ta’ inċidenti/aċċidenti. |
5.4.8 Informazzjoni ta’ referenza li trid takkumpanja d-data ta’ emissjoni
5.4.8.1 Ġenerali
Għad-data ta’ emissjoni, minbarra l-valur u l-unità għall-parametru mmonitorjat, l-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn applikabbli:
|
1. |
is-sors tal-emissjoni (eż. reattur, forn); |
|
2. |
indikazzjoni tat-tip tat-tendenza tal-emissjoni (eż. valuri minimi/massimi, perċentwali jew preżentazzjoni grafika; ara t-Taqsima 5.4.8.3). |
5.4.8.2 Monitoraġġ
Għad-data tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet, l-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn applikabbli, il-punti elenkati hawn taħt:
|
1. |
Il-frekwenza tal-kejl/kampjunar/monitoraġġ. |
|
2. |
Il-perjodu tal-medja użat għar-rapportar tad-data (ara l-informazzjoni dettaljata hawn taħt). |
|
3. |
It-tip ta’ metodu ta’ monitoraġġ użat (eż. kejl dirett, kejl indirett, bilanċi tal-massa/sħana, fatturi ta’ emissjoni) u indikazzjoni tal-istandards ta’ monitoraġġ EN/ISO (jew oħrajn) użati inkluż il-metodu ta’ kampjunar u l-pretrattament tal-kampjuni kif ukoll informazzjoni dwar jekk u kif ġewx ikkunsidrati l-inċertezzi tal-kejl. Jekk disponibbli, il-limitu ta’ detezzjoni (LOD) u l-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) għandhom jingħataw għall-parametru mmonitorjat. Fil-każijiet fejn l-istandard ta’ monitoraġġ użat ma huwiex standard EN/ISO, għandha tingħata deskrizzjoni tal-istandard. |
|
4. |
Indikazzjoni tal-inċertezzi tal-kejl/kampjunar/monitoraġġ. |
|
5. |
Dettalji tas-sors tad-data, eż. min ġabar, analizza u ssottometta d-data. |
|
6. |
Jekk il-kejl itteħidx waqt it-tħaddim normali jew taħt kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħal operazzjonijiet ta’ bidu tat-tħaddim u ta’ tifi, tnixxijiet, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim). |
Ir-Reference Report on Monitoring of Emissions to Air and Water mill-Installazzjonijiet tal-IED (ROM) għandu jitqies fir-rigward tal-espressjoni tar-riżultati ta’ monitoraġġ u kif jiġu ttrattati l-inċertezzi, il-kejl dirett u r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ.
5.4.8.3 Medji, firxiet u distribuzzjonijiet tal-valuri tal-emissjonijiet
Meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, il-perjodu li matulu nġabru l-valuri u ġiet ikkalkulata l-medja tagħhom għandu jiġi indikat b’mod inekwivoku. L-informazzjoni miġbura matul kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali għandha tiġi rapportata separatament.
L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jindirizza l-prestazzjoni tal-installazzjonijiet, tal-impjanti u tal-proċessi u t-tekniki f’termini ta’ emissjonijiet, imfissra kemm bħala medji fuq perjodu qasir kif ukoll bħala medju fuq perjodu twil, kif xieraq (ara t-Taqsima 1.1.1). Id-disponibbiltà taż-żewġ tipi ta’ informazzjoni, ir-rilevanza kif ukoll il-fattibbiltà tal-ġbir u l-analiżi sussegwenti tagħhom għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.1.2).
Sett tad-data li fih medji fuq perjodu qasir (eż. medja ta’ kull nofs siegħa, kull siegħa, kuljum) li jkopru firxa ta’ żmien itwal (eż. sena waħda jew ħafna snin) jippermetti għal kalkoli sussegwenti tal-medji u perċentwali fuq perjodu qasir u twil. B’mod partikolari, il-firxa tal-varjazzjoni u l-funzjonijiet tad-distribuzzjoni (eż. id-devjazzjoni massima, minima, standard għall-kejl fuq il-post) tal-medji ta’ kuljum jew ta’ kull siegħa miġbura matul perjodu twil ta’ żmien (eż. sena waħda jew ħafna snin) huma meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tendenza tal-emissjonijiet u tal-emissjonijiet l-aktar intensivi possibbli li jistgħu jseħħu.
Il-medji annwali ġeneralment jagħtu stampa tajba tal-prestazzjoni ambjentali relatata ma’ proċess/teknika, indipendentement mid-disturbi lokali jew il-varjazzjonijiet fuq perjodu qasir għaliex dawn jinkludu l-emissjonijiet fil-livell tal-installazzjoni għas-sorsi u għall-kundizzjonijiet kollha matul is-sena, jiġifieri f’sitwazzjoni ta’ fażi relattivament stabbli. Il-medji annwali huma wkoll ta’ interess fil-kuntest tal-valutazzjoni tat-tekniki tal-kandidati. Għall-medji annwali, huwa importanti li jiġi indikat kif dawn jinkisbu jew jiġu kkalkulati (eż. minn kejl kontinwu jew fuq il-post u, fil-każ ta’ dan tal-aħħar, kemm) u jekk l-emissjonijiet matul kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali humiex inklużi.
5.5 Kwistjonijiet speċifiċi taħt il-missjoni ta’ kull grupp ta’ ħidma tekniku
It-TWGs stabbiliti għat-tfassil jew ir-rieżami ta’ BREF għandhom isegwu l-prinċipji ġenerali indikati fit-Taqsima 5.4. Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni, kif definit fl-Artikolu 13(1) u (2) tal-IED riveduta, il-membri tat-TWG għandhom għalhekk jipprovdu informazzjoni (speċjalment id-data dwar il-konsum u l-emissjonijiet) mill-inqas sal-livell ta’ attività, installazzjoni, impjant jew proċess. It-TWG għandu jiddetermina jekk għandux jipproċedi għal livell aktar diżaggregat (eż. reattur, forn, tħaddim ta’ unità, proċess). Madankollu, id-data aggregata minn ħafna impjanti tista’ tintuża biex jiġi abbozzat il-Kapitolu 3 tal-BREF intitolat “Livelli kurrenti ta’ emissjonijiet u konsum”.
Matul il-fażi tal-frontloading, il-membri tat-TWG għandhom jissuġġerixxu t-tip u l-format ta’ data speċifika għas-settur li għandha tinġabar biex jitfassal/jiġi rieżaminat il-BREF inkwistjoni. Id-dokument ta’ sfond ippreparat mill-EU-BRITE għal-laqgħa tal-bidu għandu jippreżenta s-suġġerimenti tat-TWG u għandu jagħmel proposti konkreti għad-deskrizzjoni ta’ mudell ta’ kwestjonarju tal-ġbir ta’ data speċifiku għas-settur u għad-diskussjonijiet dwar it-tip u l-format tad-data li għandha tinġabar u li għandha tiġi sottomessa.
It-TWG għandu jiddiskuti fil-laqgħa tal-bidu jekk il-prinċipji ġenerali pprovduti f’dan id-dokument ta’ gwida dwar il-ġbir ta’ data għandhomx bżonn jiġu ssupplimentati b’aspetti speċifiċi għas-settur għall-BREF inkwistjoni.
It-TWG għandu jiddiskuti u jiżviluppa mudell ta’ kwestjonarju speċifiku għas-settur għall-ġbir u għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-EU-BRITE skont il-prinċipji ġenerali mogħtija fit-Taqsima 5.2. It-TWG għandu b’mod partikolari jiddetermina t-tip ta’ data, il-medji, il-firxiet, id-distribuzzjonijiet, l-unitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ referenza li għandhom jintużaw/jiġu sottomessi, b’kunsiderazzjoni tad-data disponibbli u l-unitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ referenza użati mill-produtturi. Għalhekk, il-qbil dwar dawn il-kwistjonijiet għandu jkun wieħed mill-objettivi tal-laqgħa tal-bidu u għandu jkun hemm biżżejjed ħin previst għal dan.
Importanti: il-mudell ta’ kwestjonarju għandu jinħoloq f’format li jippermetti l-kumpilazzjoni u l-analiżi faċli tad-data bħal għodda statistika tal-Excel, XML jew oħra. Jistgħu jintużaw ukoll għodod online. Għandha tingħata preferenza għal mistoqsijiet b’għażliet multipli. L-użu ta’ mistoqsijiet li jippermettu tweġibiet miftuħa għandu jiġi limitat kemm jista’ jkun, għaliex dawn intrinsikament iwasslu għall-ħtieġa ta’ kjarifiki minħabba l-inkonsistenza fit-terminoloġija użata. Għażla li tiffaċilita l-validazzjoni tad-data għandha tiġi inkorporata fil-mudelli. Il-mudell għandu jiġi ttestjat matul iż-żjara fuq il-post sabiex jittejjeb ulterjorment.
Fil-laqgħa tal-bidu, it-TWG għandu jiddefinixxi l-iskeda għall-ġbir u għas-sottomissjoni ta’ data u informazzjoni lil EU-BRITE (f’konformità mal-proċess ta’ ħidma tipiku għat-tfassil u għar-rieżami tal-BREFs stabbilit fit-Taqsima 1.2.5). Data/Informazzjoni tal-aħħar minuta għandha tiġi evitata għaliex huwa diffiċli għat-TWG kollu li jipprovdi rieżami bejn il-pari. Id-data/informazzjoni sottomessa wara l-iskadenza stabbilita ma tistax tiġi kkunsidrata (ara wkoll it-Taqsima 1.2.5).
Fir-rigward tad-data dwar l-emissjonijiet, it-TWG għandu jikkonkludi, abbażi tad-data miġbura dwar il-konċentrazzjoni u t-tagħbija (speċifika) (jekk tkun disponibbli d-data għaż-żewġ aspetti, din għandha tiġi sottomessa kollha kemm hi), jekk wieħed miż-żewġ tipi ta’ data jew it-tnejn li huma jikkontribwux biex jiġu dedotti konklużjonijiet utli dwar il-BAT.
It-tagħbijiet speċifiċi (eż. il-massa ta’ sustanzi niġġiesa rilaxxati skont il-massa ta’ prodott immanifatturat) jippermettu li jsir paragun tal-prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet irrispettivament mill-volumi ta’ produzzjoni differenti tagħhom u ma humiex influwenzati bit-taħlit jew bid-dilwizzjoni.
Il-konċentrazzjonijiet (akkumpanjati mill-kundizzjonijiet ta’ referenza u l-perjodi tal-medja) ġeneralment jagħtu aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni fuq perjodu qasir tal-proċessi individwali jew tat-tħaddim ta’ unità u għalhekk jistgħu jiżvelaw il-fluttwazzjonijiet u l-emissjonijiet l-aktar intensivi. Dawn jistabbilixxu wkoll il-prestazzjoni ambjentali fi kwalunkwe mument. Il-kombinazzjoni tagħhom ma’ data tal-fluss, tippermetti li tiġi stabbilita t-tagħbija tat-tniġġis fi kwalunkwe mument. Meta jintuża kejl kontinwu, il-konċentrazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jipprovdu informazzjoni dwar il-prestazzjoni fuq perjodu ta’ żmien itwal (eż. sena waħda).
6 KAPITOLU 6: ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAT-TFASSIL U TAR-RIEŻAMI TAL-BREFS
L-iżgurar tal-kwalità tal-proċess ta’ tfassil u ta’ rieżami tal-BREFs jiddependi l-aktar mill-konformità mal-gwida li hemm f’dan id-dokument, b’mod partikolari l-kontenut u l-konfini tal-BREF u l-ġbir ta’ data għad-derivazzjoni tal-BAT u tal-ET.
Il-kwalità ta’ BREF tiddependi kemm mill-parteċipanti involuti fil-proċess (huwa meħtieġ livell għoli ta’ kompetenza teknika u ta’ involviment) kif ukoll mill-kwalità tal-“proċess ta’ Sevilja” stess. Sabiex jiggarantixxu din il-kwalità, l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Kummissjoni huma kollha kemm huma mistennija li jimplimentaw sistema ta’ kwalità li tinkludi:
|
1. |
definizzjonijiet ċari tar-responsabbiltajiet u tal-allokazzjoni tal-kompiti; |
|
2. |
metodi u proċeduri; |
|
3. |
l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi (b’mod partikolari l-persunal); |
|
4. |
sistema ta’ kontroll intern li twassal għal titjib kontinwu. |
L-iżgurar tal-kwalità tajba tal-BREF huwa attività ta’ kuljum li hija bbażata fuq l-impenn personali ta’ dawk kollha involuti fl-iskambju tal-informazzjoni. B’mod ġenerali, fl-oriġini tal-informazzjoni miġbura, kull membru tat-TWG individwali għandu, bħala kontrollur tal-ewwel livell, rwol speċjali x’jaqdi biex jiggarantixxi l-kwalità tal-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha.
Il-membri tal-persunal tal-EU-BRITE li jabbozzaw il-BREFs abbażi tal-kontribuzzjonijiet mit-TWG huma kontrolluri tat-tieni livell tal-kwalità tal-informazzjoni sottomessa.
Il-proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għandu jinżamm taħt rieżami kostanti u l-Forum se jintalab jikkontribbwixxi għal dan.
(1) Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill; ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj.
(2) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali u l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334 17.12.2010, p. 17; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/2024-08-04.
(3) Kif spjegat fil-premessa 21 tad-Direttiva (UE) 2024/1785.
(4) L-Anness III ġie emendat mir-reviżjoni tal-IED u jinkludi kriterji ġodda bħad-dekarbonizzazzjoni, l-impatt tal-emissjonijiet fuq il-bijodiversità, u l-użu ta’ sustanzi inqas perikolużi, inkluż tnaqqis fl-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.
(5) Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu “Kapitolu” jirreferi għall-kapitoli ta’ dan l-Anness.
(6) Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu “Taqsima” jirreferi għat-taqsimiet ta’ dan l-Anness.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi forum għall-iskambju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU C 146, 17.5.2011, p. 3).
(8) Ir-regoli ta’ proċedura tal-Forum tal-Artikolu 13.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(10) Soġġett għall-kundizzjonijiet imposti bid-drittijiet tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, ara t-Taqsima 5.3.
(11) Kemm il-konċentrazzjoni kif ukoll it-tagħbija speċifika tas-sustanzi niġġiesa (jekk disponibbli) jew id-data meħtieġa għad-derivazzjoni ta’ din l-informazzjoni inkluż il-metodi ta’ monitoraġġ użati u l-kundizzjonijiet ta’ referenza. Għad-data tat-tagħbija speċifika, il-prodott imsemmi għandu jiġi ddefinit b’mod ċar.
(12) It-terminu “validu” jirreferi għall-approċċ stabbilit fit-Taqsima 4.6.1.4.2.
(13) Inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni, l-impjant jew il-proċess huwa ddisinjat, mibni, miżmum, imħaddem u dekummissjonat.
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi.
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ.
(16) Ir-Regolament (UE) 528/2012 dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali.
(17) Il-pjattaforma tal-informazzjoni tal-INCITE għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar tekniki innovattivi.
(18) Ara l-Artikolu 14(1)(a) tal-IED u l-Kawża C-626/22, il-punt 122.
(19) Għal aktar informazzjoni, ara r-rapport “HAZBREF” (Hazardous industrial chemicals in the IED BREFs - Interreg tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku).
(20) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(21) Informazzjoni dwar it-tagħbijiet (eż. massa ta’ sustanzi niġġiesa kull sena) tista’ tgħin fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet dwar it-tnaqqis tat-tniġġis.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2545/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)