Brussell, 13.7.2026

COM(2026) 364 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini razzjali jew etniċità (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi)


1.Introduzzjoni

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (“id-Direttivi”) ( 1 ) huma l-pedamenti tal-isforzi tal-UE biex tibni Unjoni ta’ Ugwaljanza. Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali tirrikjedi li n-nies jiġu ttrattati b’mod ugwali fl-oqsma tal-impjiegi u tat-taħriġ vokazzjonali, tal-edukazzjoni, tal-protezzjoni soċjali (inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa) u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi (inkluża l-akkomodazzjoni) u l-provvista tagħhom, irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom. Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi tirrikjedi li n-nies jiġu ttrattati b’mod ugwali fl-impjieg u fit-taħriġ vokazzjonali, irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid-diżabilità, mill-età jew mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Id-Direttivi jimplimentaw il-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Mis-sena 2000 ’l hawn, dawn kellhom rwol ewlieni biex jiżguraw li l-individwi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali, mingħajr diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Żvilupp sinifikanti matul dan il-perjodu kien ir-rwol tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-kjarifika tal-kunċetti fundamentali tal-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, permezz tal-ħafna deċiżjonijiet preliminari li ħarġet fuq talba tal-qrati nazzjonali, il-QĠUE tejbet b’mod sinifikanti l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE. L-isfidi minimi rrapportati mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ewlenin tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni jikkonfermaw iċ-ċarezza msaħħa miksuba permezz tad-deċiżjonijiet tal-QĠUE.

Madankollu, aktar minn 25 snin wara l-adozzjoni tad-Direttivi, għadha sfida konsiderevoli biex jiġi żgurat li l-individwi jkollhom rikors effettiv għad-dritt għan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali.

Kull 5 snin il-Kummissjoni trid tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( 2 ). Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu, filwaqt li juri wkoll il-progress li sar u l-isfidi li għadhom qed jiġu ffaċċjati fl-applikazzjoni u fl-infurzar tal-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni. Dan ikopri l-perjodu mill-2021 sal-2025 u jiddeskrivi l-iżviluppi mill-aħħar rapport, li ġie ppubblikat f’Marzu 2021 ( 3 ).

Dan ir-rapport isegwi l-pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji tal-UE dwar l-ugwaljanza, b’mod partikolari, l-istrateġija tal-UE kontra r-razziżmu 2026–2030( 4 ) u l-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026–2030 ( 5 ). Dawn l-istrateġiji jisħqu li l-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni huwa prijorità tal-Kummissjoni u jenfasizzaw l-importanza ta’ sanzjonijiet effettivi kontra d-diskriminazzjoni. Ir-rapport huwa azzjoni ewlenija biex jitwettaq l-impenn tal-istrateġija kontra r-razziżmu li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, b’mod partikolari billi jiffoka fuq l-infurzar u l-applikazzjoni tagħha f’każijiet ta’ diskriminazzjoni algoritmika. Ir-rapport jiddiskuti wkoll l-applikazzjoni tad-Direttivi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni strutturali.

Il-vittmi rari jirrapportaw id-diskriminazzjoni lill-istituzzjonijiet. Skont diversi stħarriġiet ( 6 ) imwettqa mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), ir-rata ta’ rapportar tvarja minn 5 % għal 11 %. Dan is-sottorappurtar jirriżulta l-aktar mit-twemmin fost il-vittmi li r-rapportar tad-diskriminazzjoni ma jwassal għall-ebda azzjoni jew bidla( 7 ).

In-nuqqas ta’ fiduċja fil-proċessi u fis-sistemi eżistenti għar-rapportar tad-diskriminazzjoni jimxi b’mod parallel mal-perċezzjoni tal-progress limitat li sar fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni( 8 ) mill-aħħar rapport dwar id-Direttivi.

Il-popolazzjoni ġenerali għadha tqis li d-diskriminazzjoni hija mifruxa madwar l-UE kollha ( 9 ). Mir-rispondenti għall-Istħarriġ tal-UE dwar il-Minoranzi u Diskriminazzjoni tal-2022 (EU-MIDIS III), 50 % irrapportaw li ħassewhom diskriminati fuq kwalunkwe bażi ( 10 ) fil-5 snin ta’ qabel l-istħarriġ. L-esperjenzi ta’ diskriminazzjoni razzjali ( 11 ) waħedhom żdiedu bejn l-2016 u l-2023 ( 12 ).

L-aħħar rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi diġà enfasizza diversi kwistjonijiet ewlenin. Dawn kienu jinkludu l-biża’ tal-vittmi minn ritaljazzjoni, livelli inadegwati ta’ kumpens, diffikultà biex jiġbru l-provi u nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tal-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għalihom, eż. permezz ta’ korpi għall-ugwaljanza. Irrimarka wkoll in-nuqqas ta’ uniformità fil-promozzjoni tal-ugwaljanza fost il-pubbliku ġenerali u l-istituzzjonijiet nazzjonali, li varjat skont l-Istat Membru.

Filwaqt li jibni fuq ir-rapport preċedenti, dan ir-rapport il-ġdid jagħti ħarsa ġenerali lejn l-isfidi persistenti u ġodda ffaċċjati, il-progress li sar u l-prattiki tajbin adottati fl-applikazzjoni tad-Direttivi mill-2021 ’l hawn.

Matul il-perjodu tar-rapportar, l-UE ħadet passi konkreti biex ittejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttivi. Aktar importanti, mill-aħħar rapport ’l hawn, l-UE adottat id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza ( 13 ) biex issaħħaħ il-korpi nazzjonali responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluż billi tappoġġa aħjar lill-individwi u lill-gruppi ddiskriminati fl-aċċess għall-ġustizzja.

Id-Direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati għad-diskriminazzjoni. Biex tappoġġa lill-Istati Membri, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar il-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni razzjali, etnika u reliġjuża. L-istudju żvela li l-protezzjoni legali u l-prevenzjoni fit-tul tad-diskriminazzjoni huma mminati minn sanzjonijiet baxxi u simboliċi. Enfasizza l-ħtieġa ta’ sanzjonijiet aktar effettivi li jikkumpensaw bis-sħiħ lill-vittmi u li jippromwovu soluzzjonijiet dejjiema, flimkien ma’ infurzar u bini tal-kapaċità aktar b’saħħithom għall-prattikanti legali u għas-soċjetà ċivili.

Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, inkluża ż-żieda fis-sistemi awtomatizzati u tal-intelliġenza artifiċjali (IA), ir-rapport janalizza wkoll l-applikazzjoni tal-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni fl-Istati Membri f’każijiet ta’ diskriminazzjoni algoritmika. Juri l-ħtieġa li jinbnew kapaċitajiet u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal kooperazzjoni effettiva bejn korpi differenti tal-infurzar.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjonijiet immirati ( 14 ). Bi tweġiba għal kwestjonarji mfassla apposta, il-Kummissjoni rċeviet kontributi mill-Istati Membri kollha u minn diversi partijiet ikkonċernati u istituzzjonijiet, inkluża l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), 11-il korp għall-ugwaljanza, żewġ sħab soċjali, 17-il organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u n-Network Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet). L-istatistika ċċitata f’dan ir-rapport hija bbażata fuq dawk it-tweġibiet.

Dan ir-rapport jiffoka fuq l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni billi jenfasizza l-importanza ta’:

–il-korpi għall-ugwaljanza;

–sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati;

–it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u għall-provi għall-vittmi;

–l-għoti tas-setgħa u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati; u

–l-ġurisprudenza tal-QĠUE.

Il-“punti ewlenin” stabbiliti fil-bidu ta’ kull taqsima jiġbru fil-qosor is-sejbiet ewlenin tar-rapport. Kaxxi tat-test addizzjonali jipprovdu eżempji ta’ prattiki promettenti.

2.Implimentazzjoni tal-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fir-rapport preċedenti

Ir-rapport preċedenti enfasizza li huwa essenzjali li jittejbu l-viżibilità, ir-rwol u l-funzjonament indipendenti tal-korpi għall-ugwaljanza sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fl-applikazzjoni u fl-infurzar tad-Direttivi. Dan wassal għall-adozzjoni tad-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza wara l-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni identifikat ukoll il-ħtieġa ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ f’dan il-qasam. Il-kapitolu li ġej jeżamina l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ewlenin.

Punti ewlenin

–Id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza għandhom l-għan li jsaħħu l-mandat, l-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat tal-korpi għall-ugwaljanza. Dan jinkludi li jiġi estiż il-mandat tagħhom biex jinkludu r-raġunijiet u l-oqsma koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.

–Il-korpi għall-ugwaljanza jrid ikollhom għodod u riżorsi biex jipprevjenu u jirrispondu għad-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni strutturali.

–Il-korpi għall-ugwaljanza jrid ikollhom is-setgħa li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti b’appoġġ għall-vittmi jew f’isimhom jew għan-nom tagħhom stess biex jiddefendu l-interess pubbliku.

–Is-sanzjonijiet baxxi u l-applikazzjoni ineffettiva tas-sanzjonijiet huma l-ostakli ewlenin fis-sistemi ta’ sanzjonijiet.

–Il-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet li jħarsu ’l quddiem itejbu s-sistemi ta’ sanzjonijiet.

2.1.Korpi għall-ugwaljanza aktar b’saħħithom – spinta ġdida għall-infurzar tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni

Il-korpi għall-ugwaljanza huma essenzjali għall-infurzar tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni. Sal-2024, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali kienet sempliċiment tagħti s-setgħa lill-korpi għall-ugwaljanza biex jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u biex iwettqu u jippubblikaw l-istħarriġ, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom stess( 15 ).

Fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-aħħar rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi( 16 ), il-Kummissjoni indikat livelli differenti ta’ ambizzjoni u kisbiet fl-Istati Membri. Il-kwistjonijiet trażversali ewlenin kienu jinkludu r-riżorsi inadegwati tal-korpi għall-ugwaljanza, f’termini ta’ finanzjament u persunal, is-sensibilizzazzjoni limitata dwar l-eżistenza tal-korpi għall-ugwaljanza, u l-indipendenza u l-locus standi limitati tagħhom.

Għal din ir-raġuni, l-UE adottat id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza biex tiżgura li, sa Ġunju 2026, il-korpi kollha għall-ugwaljanza jkunu mgħammra aħjar biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jappoġġaw lill-vittmi u jippromwovu l-ugwaljanza.

Id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jestendu l-mandat tal-korpi għall-ugwaljanza biex jinkludi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali fil-qasam tal-impjiegi. Qabel dan, il-korpi għall-ugwaljanza kellhom il-mandat mid-dritt tal-UE li jippromwovu, janalizzaw, jimmonitorjaw u jappoġġaw it-trattament ugwali tal-persuni kollha abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika u tas-sess biss.

Barra minn hekk, id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi għall-ugwaljanza jkunu indipendenti u li jipprovduhom bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa. Dawk ir-riżorsi jridu jippermettu lill-korpi għall-ugwaljanza jwettqu l-kompiti kollha tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat kollha tagħhom b’mod effettiv f’kull bażi u qasam ta’ diskriminazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-ambitu tal-kompiti u tas-setgħat tal-korpi għall-ugwaljanza ssaħħaħ b’mod sostanzjali. Il-mandat tagħhom ma jistax jibqa’ ristrett għar-rispons għad-diskriminazzjoni. Se jkunu jeħtieġu wkoll is-setgħa li jieħdu azzjoni preventiva, inkluż fir-rigward tad-diskriminazzjoni abbażi tal-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali fil-qasam tal-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali.

Biex jindirizzaw l-aspetti strutturali tad-diskriminazzjoni u biex jikkontribwixxu għall-bidla soċjali ( 17 ), il-korpi għall-ugwaljanza se jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, prevenzjoni u promozzjoni ( 18 ). Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, it-teħid ta’ azzjoni pożittiva, ir-rapportar dwar kwistjonijiet strutturali, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fost l-entitajiet pubbliċi u privati, u l-għoti ta’ taħriġ, informazzjoni, pariri, gwida u appoġġ rilevanti lil dawn l-entitajiet.

Id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jirrikjedu li l-Istati Membri jagħtu setgħat ta’ litigazzjoni lill-korpi għall-ugwaljanza ( 19 ). Qabel, is-setgħat ta’ litigazzjoni ta’ dawk il-korpi kienu jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-UE. Bl-istandards il-ġodda fis-seħħ, il-gruppi kollha protetti mid-dritt tal-UE se jkunu jistgħu jfittxu appoġġ mill-korpi għall-ugwaljanza fl-oqsma koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.

B’mod partikolari, id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jippermettu lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-korpi għall-ugwaljanza biex jappoġġaw kemm l-isforzi ta’ rimedju individwali kif ukoll dawk kollettivi ( 20 ). L-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi għall-ugwaljanza biex jaġixxu b’appoġġ għal diversi vittmi jew f’isimhom jew għan-nom tagħhom stess biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni fl-interess pubbliku. Dan jista’ jkun meħtieġ, pereżempju, minħabba l-abbundanza jew is-serjetà tal-każijiet jew il-ħtieġa ta’ kjarifika legali. Kull wieħed minn dawk il-fatturi jista’ jimplika li d-diskriminazzjoni hija ta’ natura strutturali jew sistematika( 21 ).

Il-korpi għall-ugwaljanza se jkomplu jwettqu l-kompitu ċentrali tagħhom li jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni razzjali jew etnika, inkluż billi jwieġbu għall-ilmenti kollha ta’ diskriminazzjoni ( 22 ). Dan il-kompitu issa se jkun estiż għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni fl-impjieg abbażi tal-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali. Barra minn hekk, skont id-Direttivi l-ġodda dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza, il-korpi għall-ugwaljanza jridu jingħataw ukoll is-setgħa li joffru soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, iwettqu inkjesti dwar ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u li joħorġu opinjonijiet mhux vinkolanti jew deċiżjonijiet vinkolanti ( 23 ). L-opinjonijiet jew id-deċiżjonijiet tagħhom iridu jinkludu mekkaniżmi xierqa ta’ rimedju, monitoraġġ u infurzar.

Il-Kummissjoni adottat l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi lista ta’ indikaturi komuni dwar il-funzjonament tal-korpi għall-ugwaljanza ( 24 ). Dan se jagħmilha aktar faċli li jiġi mmonitorjat kif l-istandards il-ġodda jkunu qed jiġu applikati fl-Istati Membri u x’impatt ikun qed ikollhom fuq l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni.

Konklużjonijiet

L-Istati Membri jridu:

–jittrasponu bis-sħiħ u b’mod korrett id-Direttivi dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza.

Il-Kummissjoni se:

–tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ laqgħat iddedikati tal-gruppi ta’ esperti u pjattaforma tal-IT online. Se timmonitorja t-traspożizzjoni korretta mill-Istati Membri tad-Direttivi dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom bl-użu tal-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi djalogi informali u proċeduri formali ta’ ksur.

2.2.Sanzjonijiet u rimedji – il-ħtieġa ta’ salvagwardji aktar b’saħħithom

Is-sanzjonijiet effettivi jiżguraw li l-vittmi tad-diskriminazzjoni jirċievu rimedju sħiħ għall-ħsara li jkunu esperjenzaw. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet u r-rimedji jistgħu jkunu wkoll parti mis-sett ta’ għodod għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni. Id-Direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għad-diskriminazzjoni u li jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens ( 25 ).

L-aħħar rapport ikkonkluda li xi qrati nazzjonali kienu stabbilew livelli relattivament baxxi ta’ danni, li skoraġġew lill-vittmi milli jieħdu azzjoni legali jew jitolbu kumpens pekunarju fil-qorti.

Mill-aħħar rapport ’l hawn, il-QĠUE ħarġet kjarifika ulterjuri dwar is-sanzjonijiet. Fil-kawża Braathens Regional Aviation, il-QĠUE spjegat li d-dritt tal-UE jipprekludi leġiżlazzjoni domestika li tippermetti li l-qrati ma jirrikonoxxux diskriminazzjoni jekk il-konvenut jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub mir-rikorrent ( 26 ). Regoli bħal dawn jonqsu, b’mod partikolari, milli jissodisfaw ir-rekwiżiti għal sanzjonijiet kumpensatorji u dissważivi, peress li jippermettu lill-awturi ta’ reati li jevitaw li jirrikonoxxu għemil ħażin sabiex jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom.

Sejbiet tal-istudju dwar is-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni fuq bażi razzjali, etnika u reliġjuża

L-aħħar rapport enfasizza l-isfida maħluqa min-nuqqas ta’ applikazzjoni adegwata tas-sanzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet b’mod effettiv u kkummissjonat studju dwar il-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal diskriminazzjoni razzjali, etnika u reliġjuża ( 27 ).

Is-sejbiet żvelaw li l-oqfsa ta’ sanzjonijiet huma frammentati. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma mifruxin f’ħafna liġijiet differenti. Dan jagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jiddeterminaw id-drittijiet tagħhom u r-rimedji disponibbli għalihom.

F’bosta ġuriżdizzjonijiet, l-ammonti/il-firxiet ta’ sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni huma baxxi u ma humiex severi biżżejjed biex jiskoraġġixxu lill-awturi ta’ reati potenzjali. Il-lista ta’ sanzjonijiet possibbli ħafna drabi tkun limitata, u b’hekk ikun aktar diffiċli li jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-gravità tar-reat. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet imposti ħafna drabi jkunu simboliċi u qrib il-minimu legali, filwaqt li l-ispiża tal-litigazzjoni hija għolja, u dan jista’ jdgħajjef l-effettività tas-sistema u jiskoraġġixxi lill-vittmi milli jirrapportaw id-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet rari jiġu emendati, u ħafna ġuriżdizzjonijiet għandhom sanzjonijiet skaduti li ma jqisux il-bidliet ekonomiċi, bħall-inflazzjoni jew l-għoli tal-ħajja.

Fl-aħħar nett, is-sanzjonijiet ġeneralment jiffokaw biss fuq għemil ħażin fil-passat. Dawn iservu biex jikkastigaw lill-awtur tar-reat jew jikkumpensaw lill-vittma, mingħajr ma jużaw il-potenzjal tagħhom għall-prevenzjoni. Spiss ikun hemm nuqqas ta’ miżuri( 28 ) b’għan preventiv jew soċjopreventiv, bħal inibizzjonijiet strutturali li jirrikjedu, pereż. pjanijiet ta’ desegregazzjoni jew taħriġ obbligatorju għall-awturi ta’ reati( 29 ).

L-istudju enfasizza wkoll in-nuqqas ta’ sanzjonijiet għal każijiet ta’ diskriminazzjoni li jaffettwaw gruppi kbar ta’ vittmi mhux identifikabbli( 30 ), inklużi każijiet li jirriżultaw mill-użu tal-IA jew ta’ sistemi awtomatizzati.

Sfidi oħrajn jinkludu l-kunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti karatteristiċi jew ċirkostanzi meta tittieħed deċiżjoni dwar sanzjoni jew l-ammont tas-sanzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ elementi li ma humiex meħtieġa li jitqiesu mil-liġi nazzjonali, bħal każijiet li jinvolvu diskriminazzjoni multipla, intersezzjonali jew algoritmika.

Barra minn hekk, ir-regoli inadegwati dwar l-infurzar u l-monitoraġġ spiss iwasslu għal dewmien jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet. Huma ftit il-ġuriżdizzjonijiet li jipprevedu miżuri effettivi ta’ infurzar, bħal ħlasijiet ta’ penali( 31 ) jew multi kundizzjonali ( 32 ). Bl-istess mod, fil-biċċa l-kbira hemm assenza ta’ miżuri ta’ monitoraġġ, fil-forma ta’ rapportar ta’ segwitu mill-awturi tar-reati, seduti, intervisti jew spezzjonijiet ta’ segwitu.

Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati nnotaw li s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet stabbiliti mid-Direttivi hija ta’ livell baxx (ara 3.2). Is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli wkoll hija limitata jew saħansitra ma teżistix.

Ir-riċerka ma identifikat l-ebda regola nazzjonali speċifika għas-sensibilizzazzjoni dwar is-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni jiffukaw b’mod wiesa’ fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, mingħajr ma jispjegaw x’jistgħu jistennew il-vittmi mis-sistema tal-ġustizzja meta d-drittijiet tagħhom jinkisru. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ taħriġ immirat dwar dawn is-sanzjonijiet għall-professjonisti, inkluż għall-imħallfin, li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Il-gwida ta’ prattika tajba dwar is-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni, li hija parti mill-istudju, tenfasizza għadd ta’ prattiki promettenti li ġew implimentati fl-Istati Membri( 33 ).

Evalwazzjoni tas-sistemi ta’ sanzjonijiet mill-Istati Membri, mill-korpi għall-ugwaljanza u mis-soċjetà ċivili

Il-partijiet ikkonċernati differenti pperċepew l-effettività tas-sistemi ta’ sanzjonijiet b’mod pjuttost differenti. Filwaqt li 12 mis-17-il organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li pparteċipaw fil-konsultazzjoni mmirata qabel ir-rapport qiesu li s-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni ma humiex effettivi ħafna jew li xejn ma huma effettivi, ir-rispondenti minn korpi għall-ugwaljanza kienu maqsuma b’mod ugwali fil-valutazzjoni tagħhom tas-sanzjonijiet, u l-Istati Membri kienu fil-biċċa l-kbira konvinti mill-effettività (ħames Stati Membri) jew mill-effettività relattiva (16-il Stat Membru) tas-sistemi ta’ sanzjonijiet tagħhom.

Ir-raġunijiet mogħtija biex is-sistemi ta’ sanzjonijiet tqiesu effettivi normalment kienu s-sempliċi eżistenza tas-sanzjonijiet, id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u infurzar, jew l-allegat nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li s-sistema ta’ sanzjonijiet ma hijiex qed taħdem b’mod sodisfaċenti. Madankollu, fejn kien hemm diffikultajiet, il-partijiet ikkonċernati kollha identifikaw b’mod ċar li l-punt ta’ konġestjoni ewlieni fis-sistemi tas-sanzjonijiet huwa n-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet stipulati fil-prattika.

L-Istati Membri, il-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mistħarrġa qablu li l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet li jħarsu ’l quddiem itejbu s-sistemi tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talbu lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jqisu d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali fis-sistemi tas-sanzjonijiet tagħhom. Fil-fehma tagħhom, riformi bħal dawn jiffaċilitaw l-infurzar tas-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni, isaħħu approċċ iċċentrat fuq il-vittma u jippermettu l-prevenzjoni ta’ mġiba diskriminatorja u mhux biss il-piena.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni, il-Latvja, il-Portugall u Spanja biss raw il-ħtieġa li jadattaw is-sistemi ta’ sanzjonijiet tagħhom għall-użu dejjem akbar ta’ għodod ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi.

Konklużjonijiet

L-Istati Membri jridu:

–jiżguraw li s-sanzjonijiet jiġu applikati b’mod effettiv fil-prattika. L-ammonti ta’ sanzjonijiet monetarji għandhom jirriflettu l-ħsara fit-tul ikkawżata mid-diskriminazzjoni, jipprovdu rimedju għall-vittmi u jixprunaw bidla profonda.

L-Istati Membri għandhom:

–jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi għad-diskriminazzjoni li tinvolvi gruppi kbar ta’ vittmi mhux identifikabbli, inkluż f’każijiet li jirriżultaw mill-użu tal-IA jew ta’ sistemi awtomatizzati.

Il-Kummissjoni se:

–tappoġġa lill-Istati Membri billi torganizza laqgħat ta’ diskussjoni dwar is-sanzjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza.

3.Żviluppi komuni għaż-żewġ Direttivi

Mill-2021 ’l hawn, kien hemm żviluppi f’termini ta’ leġiżlazzjoni, implimentazzjoni u applikazzjoni għaż-żewġ Direttivi, filwaqt li twettqet riċerka esterna dwar il-qafas eżistenti, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u l-applikazzjoni tad-Direttivi. Is-suġġetti diskussi hawn taħt huma bbażati fuq il-kwistjonijiet identifikati fir-rapport preċedenti, l-iżviluppi sussegwenti u l-feedback riċevut matul konsultazzjonijiet immirati.

Punti ewlenin

–L-Istati Membri jipprovdu protezzjoni kontra l-fastidju, l-istruzzjonijiet sabiex tiddiskrimina u l-vittimizzazzjoni. Din il-protezzjoni tvarja ħafna fost l-Istati Membri u xi kultant hija limitata fil-prattika.

–Is-sensibilizzazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ fost il-gruppi etniċi u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni żdiedet kemxejn sa mill-aħħar rapport. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw, jew qed ikomplu jimplimentaw, prattiki li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja. Madankollu, il-livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet għadu sfida sinifikanti.

–Il-qrati u l-prattikanti legali spiss ma jifhmux ir-regoli tad-Direttivi relatati mal-oneru tal-prova.

–Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom miżuri fis-seħħ biex jippromwovu d-djalogu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili. Madankollu, dan ma huwiex il-każ b’mod sistematiku fl-Istati Membri kollha jew għar-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jgħidu li qed jiffaċċjaw sfidi persistenti.

–Kważi l-Istati Membri kollha jippermettu jew jinkoraġġixxu azzjoni pożittiva u ftit li xejn ġew irrapportati sfidi ta’ implimentazzjoni.

3.1.Il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni”

Kif kien enfasizzat fir-rapport preċedenti, jinqalgħu għadd ta’ kwistjonijiet dwar il-kunċett tad-diskriminazzjoni. Minbarra d-definizzjoni tad-diskriminazzjoni “diretta” u “indiretta” ( 34 ), id-Direttivi jipprojbixxu wkoll l-“istruzzjoni sabiex tiddiskrimina” u l-“fastidju”. Hemm ukoll forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni, bħad-diskriminazzjoni “b’assoċjazzjoni” u “b’suppożizzjoni”.

Struzzjoni sabiex tiddiskrimina

Id-Direttivi jiddikjaraw li “istruzzjoni sabiex tiddiskrimina kontra persuna” msejsa fuq ir-raġunijiet speċifikati fid-Direttivi għandha titqies li hija diskriminazzjoni( 35 ).

Wara l-adozzjoni tad-Direttivi, il-kunċett ta’ “istruzzjoni sabiex tiddiskrimina” ġie introdott fis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha. Madankollu, minħabba n-natura ġenerali tal-projbizzjoni, il-qafas regolatorju fl-Istati Membri huwa varjat u l-ġurisprudenza domestika hija skarsa.

Minbarra l-projbizzjoni ta’ struzzjonijiet espliċiti sabiex tiddiskrimina, 22 Stat Membru jqisu li l-leġiżlazzjoni domestika tagħhom tipprojbixxi wkoll struzzjonijiet impliċiti, bħal espressjonijiet ta’ preferenza jew inkoraġġiment għad-diskriminazzjoni fuq bażi protetta waħda jew aktar. F’seba’ Stati Membri, irid ikun hemm relazzjoni ġerarkika bejn il-persuna li tagħti l-istruzzjoni u l-persuna li tirċievi l-istruzzjoni biex tiskatta l-protezzjoni kontra l-istruzzjonijiet sabiex tiddiskrimina. Fl-aħħar nett, f’20 Stat Membru, kemm il-persuna li tagħti l-istruzzjoni kif ukoll il-persuna li tirċievi l-istruzzjoni jistgħu jinżammu responsabbli ( 36 ).

F’rapport riċenti dwar l-istruzzjonijiet sabiex tiddiskrimina( 37 ), l-esperti identifikaw 23 każ bejn l-2002 u l-2025. Minn dawk il-każijiet, 14 kienu jikkonċernaw l-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, inkluż l-akkomodazzjoni, u 17 ġew ippreżentati abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika. Fi 12-il Stat Membru, ma kien hemm l-ebda ġurisprudenza rilevanti. L-awturi tar-rapport jissuġġerixxu li dan in-nuqqas ta’ ġurisprudenza jirriżulta parzjalment minn nuqqas ta’ fehim ta’ x’jikkostitwixxi struzzjoni sabiex tiddiskrimina. Ir-rikorrenti huma aktar probabbli li jressqu azzjoni għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta ladarba struzzjoni tkun ikkawżat diskriminazzjoni, aktar milli jikkontestaw l-istruzzjoni nnifisha.

Fastidju

Id-Direttivi jipprovdu definizzjoni ta’ fastidju. Madankollu, jenfasizzaw ukoll li l-kunċett ta’ fastidju jista’ jiġi ddefinit f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri( 38 ). Ix-xenarju regolatorju fl-Istati Membri għadu varjat u l-ġurisprudenza hija skarsa.

L-Istati Membri jipprojbixxu l-fastidju jew skont il-liġi tan-nondiskriminazzjoni jew skont il-liġi kriminali jew it-tnejn. L-għażla ta’ mezzi leġiżlattivi normalment tiddependi fuq wieħed mill-fatturi li ġejjin: in-natura tar-reat( 39 ), is-severità tal-att( 40 ) jew l-intenzjoni( 41 ). L-Istati Membri pprovdew ukoll lista twila u varjata ta’ eżempji ta’ mġiba li tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ fastidju. L-ambitu u t-tip tagħhom jiddependu mill-ġuriżdizzjoni( 42 ).

Fis-settur tal-impjiegi, ħarġu tliet mudelli ewlenin ta’ responsabbiltà. Ir-responsabbiltà tista’ tkun ta’ min ikun ta l-fastidju, tal-impjegatur jew tat-tnejn. Ħafna Stati Membri ma setgħux jispeċifikaw forom ta’ protezzjoni kontra l-fastidju barra mill-qasam tal-impjiegi. Fejn l-informazzjoni kienet disponibbli, l-Istati Membri tipikament elaboraw dwar il-qafas regolatorju għall-ġlieda kontra l-fastidju fl-istabbilimenti edukattivi, fil-kura tas-saħħa u fl-amministrazzjoni pubblika.

F’dan ir-rigward, għadd ta’ Stati Membri indikaw li mhux biss minn jagħti fastidju iżda wkoll il-korp jew l-istituzzjoni rilevanti tista’ tinżamm responsabbli għall-fastidju minħabba negliġenza fit-twettiq tal-obbligu tagħha li tipprevjeni l-fastidju( 43 ).

Kien hemm 10 Stati Membri li enfasizzaw diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ fastidju skont id-dritt domestiku. B’mod partikolari, l-Istati Membri indikaw sfidi fil-kisba ta’ provi biex jintwera l-fastidju. Barra minn hekk, uħud mill-kwistjonijiet ġew attribwiti għal implimentazzjoni nazzjonali tal-liġi, li fiha huma meħtieġa mġiba ripetuta, intenzjoni (aktar milli effetti), identifikazzjoni ta’ individwi jew gruppi f’sitwazzjonijiet simili u relazzjoni ġerarkika sabiex l-imġiba tikkostitwixxi fastidju. L-ebda waħda minn dawn ma hija espliċitament meħtieġa skont id-dritt tal-UE.

F’xi Stati Membri, instabet ġurisprudenza interessanti dwar l-użu tal-protezzjoni mill-fastidju biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni online li taffettwa għadd mhux speċifikat ta’ persuni u biex jiġu protetti gruppi ta’ individwi mid-diskriminazzjoni.

Kaxxa 1. Eżempji ta’ kawżi ta’ fastidju fl-Istati Membri( 44 ) 

–Fil-Bulgarija, kien hemm kawża li fiha l-Qorti Amministrattiva Suprema kklassifikat posts offensivi fuq il-media soċjali minn partit politiku bħala fastidju abbażi tal-orjentazzjoni sesswali( 45 ). F’deċiżjoni oħra, il-Qorti sabet li artikli ta’ stigmatizzazzjoni online immirati lejn persuni ta’ etniċità Rom kienu jikkostitwixxu fastidju abbażi tal-etniċità( 46 ).

–Fil-Belġju (fil-qasam tal-impjiegi)( 47 ) u fl-Italja( 48 ), il-qrati rrikonoxxew fastidju f’każijiet fejn ġew espressi opinjonijiet offensivi fuq networks soċjali jew pjattaformi ta’ komunikazzjoni, anke jekk dawn ġew kondiviżi biss ma’ għadd limitat ta’ persuni.

Diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni jew b’suppożizzjoni

Id-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni sseħħ meta vittma tiġi ddiskriminata minħabba l-assoċjazzjoni tagħha ma’ individwu, grupp jew karatteristika protetta. Il-QĠUE konsistentement irrikonoxxiet din il-forma ta’ diskriminazzjoni fil-ġurisprudenza tagħha, dan l-aħħar fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ diżabilità (ara 5.3.)( 49 ). Barra minn hekk, 19-il Stat Membru issa jipprojbixxu b’mod espliċitu d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fil-ġurisprudenza tagħhom( 50 ).

Il-QĠUE għadha ma indirizzatx b’mod espliċitu l-kwistjoni tad-“diskriminazzjoni b’suppożizzjoni”. Din isseħħ meta persuna tiġi ddiskriminata abbażi ta’ twemmin jew perċezzjoni skorretta li dik il-persuna jkollha waħda mill-karatteristiċi protetti. Ta’ min jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, f’sensiela ta’ kawżi, li d-diskriminazzjoni skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tinkludi d-diskriminazzjoni b’suppożizzjoni( 51 ). Barra minn hekk, jidher li 19-il Stat Membru diġà jipprojbuha jew fil-leġiżlazzjoni domestika jew fil-ġurisprudenza( 52 ).

F’xi Stati Membri, id-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni jew b’suppożizzjoni tista’ tapplika wkoll f’każijiet ta’ fastidju, vittimizzazzjoni jew ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli( 53 ). Fehimiet bħal dawn rari jiġu mil-leġiżlazzjoni. Minflok, spiss joriġinaw mill-ġurisprudenza jew jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet mistħarrġa. Stati Membri oħrajn fil-biċċa l-kbira tagħhom ma kinux ċerti dwar l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni domestika tagħhom għal każijiet bħal dawn.

Minkejja s-sentenza tal-Qorti fil-kawżaCHEZ ( 54 ), li sabet li d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni ma tiddependix fuq relazzjoni intima jew mill-qrib bejn l-allegata vittma u l-grupp assoċjat, xi ftit Stati Membri jistgħu jkomplu jeżiġuha.

Diskriminazzjoni multipla

Iż-żewġ Direttivi ( 55 ) jirrikonoxxu li ċerti gruppi ta’ persuni jistgħu jesperjenzaw diskriminazzjoni għal diversi raġunijiet. Sal-lum, 14-il Stat Membru adottaw leġiżlazzjoni li tirrikonoxxi b’mod espliċitu d-diskriminazzjoni multipla.

F’dawk l-14-il Stat Membru, il-konsegwenzi prattiċi u legali tar-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni multipla jvarjaw b’mod sinifikanti. F’xi Stati Membri, dan jaffettwa t-tip u s-severità tas-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni. F’oħrajn, din titqies bħala waħda mill-forom l-aktar severi ta’ diskriminazzjoni. F’żewġ Stati Membri, id-diskriminazzjoni multipla tista’ tistabbilixxi limitu probatorju ogħla għall-imputati, peress li hija meħtieġa prova separata ta’ nondiskriminazzjoni għal kull raġuni.

Nofs l-Istati Membri li jirrikonoxxu b’mod espliċitu d-diskriminazzjoni multipla indikaw diffikultajiet sinifikanti fl-applikazzjoni tal-kunċett. F’sitt Stati Membri, hemm nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diskriminazzjoni multipla. F’ħames Stati Membri, ma hemmx statistika suffiċjenti għar-raġunijiet rilevanti kollha ta’ diskriminazzjoni. Ħames Stati Membri sabuha wkoll diffiċli li jidentifikaw grupp ta’ tqabbil xieraq f’pożizzjoni aktar favorevoli f’każijiet li jinvolvu diskriminazzjoni multipla. Il-korpi għall-ugwaljanza qajmu tħassib simili. Madankollu, b’kuntrast mal-Istati Membri, kważi l-korpi kollha għall-ugwaljanza rrapportaw diffikultajiet fir-rikonoxximent ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni multipla.

Ma hemm l-ebda bażi legali għar-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni intersezzjonali f’xi waħda mid-Direttivi koperti minn dan ir-rapport( 56 ). Filwaqt li l-QĠUE rrikonoxxiet li d-diskriminazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq diversi raġunijiet protetti mid-dritt tal-UE, hija ddeċidiet ukoll li “ma teżisti madankollu ebda kategorija ġdida ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kombinazzjoni flimkien ta’ diversi minn dawn il-motivi […], meta d-diskriminazzjoni minħabba l-imsemmija raġunijiet ma tkunx ġiet stabbilita meta meqjusa b’mod iżolat”( 57 ).

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi għall-ugwaljanza mistħarrġa qajmu l-ħtieġa li d-diskriminazzjoni intersezzjonali tiġi stabbilita fil-qafas legali u li tingħata gwida dwar kif tali talbiet għandhom jiġu fformulati, ivvalutati u deċiżi.

Mill-2021 ’l hawn, l-UE bdiet tindirizza d-diskriminazzjoni intersezzjonali sa ċertu punt fid-dritt tal-UE. Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi( 58 ) tiddefinixxi d-diskriminazzjoni intersezzjonali għall-ewwel darba fid-dritt tal-UE( 59 ). Id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jirrikjedu li l-korpi għall-ugwaljanza jingħataw is-setgħa li jqisu d-diskriminazzjoni intersezzjonali fl-attivitajiet tagħhom biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u jippromwovu t-trattament ugwali( 60 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għadha tirrikonoxxi l-importanza tad-diskriminazzjoni intersezzjonali fl-istrateġiji dwar l-ugwaljanza( 61 ).

3.2.Aċċess għall-ġustizzja – it-tnaqqis tad-distakk għall-vittmi

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkunu konxji mil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi bil-mezzi kollha xierqa fit-territorju kollu tagħhom( 62 ). Tibqa’ sfida ewlenija li jiġi żgurat li n-nies ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom. Madankollu, is-sitwazzjoni qed titjieb f’ċerti aspetti( 63 ).

Nofs l-Istati Membri (14) irrikonoxxew li n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tan-nies dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi kien problema. Bl-istess mod, kważi l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, 8 mill-11-il korp għall-ugwaljanza u Equinet argumentaw li ma kienx hemm biżżejjed sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi.

Minkejja l-kunsens relattiv li n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni huwa kawża fundamentali tal-infurzar inadegwat tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni fl-Istati Membri, la l-Istati Membri, la l-korpi għall-ugwaljanza u lanqas l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jidhru li għandhom data dwar livelli speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni. Barra minn hekk, korp wieħed biss għall-ugwaljanza kellu informazzjoni dwar is-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni ġenerali dwar l-attivitajiet tiegħu.

Kaxxa 2. Stħarriġ dwar is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma ta’ korp għall-ugwaljanza

F’Malta, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) wettqet stħarriġ rappreżentattiv bit-telefown fl-2024. Din sabet li 59 % tal-popolazzjoni ġenerali kienet semgħet bis-CRPD u bl-attivitajiet tagħha.

Matul il-konsultazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (20) qalu li kienu ilhom jagħmlu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni mill-2021. Madankollu, ftit Stati Membri biss kienu wettqu kampanji li jiffukaw fuq ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni protetti mid-Direttivi. Il-biċċa l-kbira tal-kampanji l-oħra ffukaw fuq ir-raġuni abbażi tas-sess. Mill-ftit kampanji relatati mar-raġunijiet koperti mid-Direttivi, saħansitra inqas indirizzaw id-drittijiet u l-obbligi skont il-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, il-kampanji mmexxija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indirizzaw ukoll okkażjonalment biss id-drittijiet u l-obbligi legali skont il-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni.

Eżempji ta’ kampanji rilevanti jinkludu dawk li jiġġieldu l-antiżingariżmu (f’erba’ Stati Membri), id-diskriminazzjoni kontra l-LGBTIQ+ (f’ħames Stati Membri) u r-razziżmu (f’ħames Stati Membri). Xi kampanji mmirati ffukaw ukoll fuq id-diskriminazzjoni abbażi tal-età, l-aċċessibbiltà u l-akkomodazzjoni.

Barra minn hekk, il-kampanji rrapportati mit-tipi kollha ta’ partijiet ikkonċernati normalment jimmiraw lejn il-pubbliku ġenerali u rari jiġu evalwati għall-impatt tagħhom, apparti mit-traċċar tat-traffiku fuq il-media soċjali jew l-għadd tan-numru ta’ lmenti. Fl-aħħar nett, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li l-kampanji ta’ xi Stati Membri ma jinżammux għaddejjin maż-żmien.

Kaxxa 3. Pjattaforma kontra d-diskriminazzjoni tal-korp Franċiż għall-ugwaljanza( 64 )

Fl-2021, il-korp Franċiż għall-ugwaljanza Défenseur des droits [Difensur tad-Drittijiet] nieda pjattaforma kontra d-diskriminazzjoni. Il-pjattaforma mmobilizzat lill-ħallieqa tal-kontenut tal-media soċjali biex jippromwovu l-attivitajiet tiegħu kontra d-diskriminazzjoni. Il-korp għall-ugwaljanza wettaq ukoll kampanja ewlenija ta’ xiri ta’ keywords li jidderieġu lill-viżitaturi lejn il-pjattaforma. Sal-2024, kellha 2 109 000 dehra. Il-keywords ewlenin li sar tfittxija tagħhom online kienu “fastidju fuq il-post tax-xogħol”, “diskriminazzjoni razzjali” u “fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol”.

Minbarra n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni, il-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili identifikaw il-biża’ tal-vittimizzazzjoni u “n-nuqqas ta’ opportunità ugwali għall-partijiet” ( 65 ) bħala ostakli ewlenin għall-aċċess għall-ġustizzja. Huma qiesu wkoll li l-aċċess għall-ġustizzja huwa mfixkel minn nuqqas ta’ konsulenza u assistenza legali, il-kumplessità tal-proċedimenti legali u l-ostakli proċedurali, inkluż in-nuqqas ta’ rimedju kollettiv f’xi Stati Membri.

Ir-rapport preċedenti dwar l-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi identifika firxa ta’ prattiki tajbin maħsuba biex jagħmluha aktar faċli li wieħed jiddefendi d-drittijiet tal-vittmi tad-diskriminazzjoni( 66 ). Total ta’ 21 Stat Membru implimentaw jew qed jimplimentaw xi wħud minn dawk il-prattiki, l-aktar komuni huma l-għajnuna legali (12-il Stat Membru), ir-rapportar online u l-aċċess imtejjeb għas-servizzi lokali (tmien Stati Membri).

Apparti minn hekk, l-Istati Membri rari jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-ostakli proċedurali għal aċċess effettiv għall-ġustizzja. Pereżempju, żewġ Stati Membri biss neħħew it-tariffi tal-qorti għall-kawżi ta’ diskriminazzjoni jew waqqfu korpi aċċessibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim u Stat Membru wieħed biss stabbilixxa fondi biex il-vittmi jkunu jistgħu jkopru l-ispejjeż legali bil-quddiem. Għalkemm ġiet identifikata bħala prattika tajba fir-rapport preċedenti, l-ebda Stat Membru ma naqqas it-tariffi tal-qorti għall-kawżi ta’ diskriminazzjoni.

Id-Direttivi l-ġodda dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza se jgħinu biex jiġu indirizzati xi wħud mill-kwistjonijiet identifikati, b’mod partikolari billi jagħtu lill-korpi għall-ugwaljanza setgħat akbar biex jipprovdu assistenza bla ħlas u servizzi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u billi jagħtuhom setgħat ta’ litigazzjoni.

Mod ieħor kif jittejjeb l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja huwa li l-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkollaboraw fuq kawżi ta’ litigazzjoni strateġika.

3.3.Kif jiġi ppruvat każ ta’ diskriminazzjoni

L-aħħar rapport enfasizza li d-diffikultajiet biex tiġi ppruvata d-diskriminazzjoni huma sfida ewlenija għall-infurzar. Dan ir-rapport juri li l-partijiet ikkonċernati għad għandhom tħassib dwar kif tiġi ppruvata d-diskriminazzjoni fir-rigward tad-diskriminazzjoni indiretta, il-fastidju, l-istruzzjonijiet sabiex tiddiskrimina, id-diskriminazzjoni multipla u l-vittimizzazzjoni.

Oneru tal-prova

Skont id-Direttivi, l-ilmentaturi jibbenefikaw mill-qlib tal-oneru tal-prova( 67 ). Id-Direttivi jirrikjedu li, meta l-ilmentatur jippreżenta fatti li minnhom tista’ tiġi preżunta d-diskriminazzjoni, l-oneru tal-provi jinqaleb fuq l-imputat. Madankollu, l-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-prinċipju tiltaqa’ ma’ diversi sfidi.

Tliet kwarti tal-korpi għall-ugwaljanza mistħarrġa u 14-il Stat Membru ltaqgħu ma’ ostakli sinifikanti fl-applikazzjoni tal-oneru tal-prova maqlub. B’mod speċifiku, huma indikaw prinċipalment nuqqas ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni jew fehim tar-regoli tal-oneru tal-prova fost il-qrati u l-prattikanti legali.

Minkejja l-isfidi ffaċċjati, żewġ Stati Membri biss implimentaw miżuri biex jindirizzaw id-diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-oneru tal-prova. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-korpi għall-ugwaljanza effettivament ħadu xi miżuri, inkluż proposti għal bidliet leġiżlattivi biex jitnaqqas il-limitu tal-oneru tal-prova( 68 ), rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet pubbliċi, taħriġ għall-ġudikatura, taħriġ għas-servizz pubbliku u għall-impjegaturi u applikazzjoni konsistenti tal-qlib tal-oneru tal-prova fl-opinjonijiet mhux vinkolanti tagħhom, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda u fil-materjal ta’ gwida.

Provi

Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-korpi għall-ugwaljanza mistħarrġa enfasizzaw diffikultajiet fl-aċċess għall-provi biex jissodisfaw l-oneru inizjali tal-prova. Bħal fir-rapport preċedenti, il-biċċa l-kbira tagħhom għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet fil-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-data dwar id-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-kumpilazzjoni tax-xhieda u l-ittestjar tas-sistema huma rari fil-qasam diġitali (ara 7.2). Madankollu, f’xi Stati Membri jintużaw xi metodi alternattivi, bħall-ittestjar tas-sitwazzjoni( 69 ) u x-xiri bil-moħbi( 70 ).

Total ta’ 16-il Stat Membru jippermettu l-ittestjar tas-sitwazzjoni biex tiġi ppruvata d-diskriminazzjoni. Nofs il-korpi għall-ugwaljanza rrapportaw li jużaw ix-xiri bil-moħbi u l-ittestjar tas-sitwazzjoni biex jidentifikaw ix-xejriet ta’ diskriminazzjoni. Skont l-Equinet, dawn il-metodi rriżultaw li huma effettivi fl-identifikazzjoni tad-diskriminazzjoni, b’mod partikolari fis-setturi tal-impjiegi u tal-akkomodazzjoni.

3.4.Vittimizzazzjoni

L-Istati Membri jridu jipproteġu lill-individwi mill-vittimizzazzjoni, jiġifieri kwalunkwe trattament jew konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment jew minn proċedimenti ta’ diskriminazzjoni( 71 ). Il-QĠUE tinterpreta dan il-kunċett b’mod wiesa’, u testendih għal kull min jista’ jġarrab konsegwenzi negattivi talli jagħmel ilment jew jiftaħ proċedimenti( 72 ). Madankollu, fil-prattika, l-implimentazzjoni ta’ din il-protezzjoni fl-Istati Membri għadha irregolari u limitata, kif deskritt fir-rapport preċedenti.

L-Istati Membri kollha jipprovdu b’mod espliċitu protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni għar-raġunijiet kollha fil-qasam tal-impjiegi. Xi Stati Membri ma jipprovdux b’mod espliċitu protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-protezzjoni soċjali, u tal-aċċess għall-prodotti u għas-servizzi.

Il-kamp ta’ applikazzjoni personali rrapportat tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni jvarja madwar l-Istati Membri. Minbarra l-vittmi u l-ilmentaturi, 17-il Stat Membru rrapportaw li l-leġiżlazzjoni domestika jew il-ġurisprudenza tagħhom tipproteġi lix-xhieda u lill-individwi li jappoġġaw lil vittma. Barra minn hekk, 13-il Stat Membru qalu li jestendu din il-protezzjoni għar-rappreżentanti legali u għal rappreżentanti oħra, 14-il Stat Membru qalu li jipproteġu lil individwi vittimizzati b’suppożizzjoni jew b’assoċjazzjoni u 10 Stati Membri qalu li joffru protezzjoni lill-individwi ttrattati b’mod inqas favorevoli talli jirrifjutaw li jiddiskriminaw.

Seba’ Stati Membri biss irrapportaw limitazzjonijiet jew diffikultajiet biex jiżguraw protezzjoni effettiva kontra l-vittimizzazzjoni fil-prattika. Dawn il-limitazzjonijiet jew diffikultajiet kienu jinkludu proċeduri ta’ rapportar formali, limitu probatorju għoli u kamp ta’ applikazzjoni personali limitat tal-protezzjoni. Ma hemm kważi l-ebda prattika tajba jew ġurisprudenza relatata mal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni fl-Istati Membri.

3.5.Kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi

Id-Direttivi jipprevedu li l-infurzar tagħhom jimxi id f’id mad-djalogu mas-sħab li jirrappreżentaw l-interessi kollettivi tal-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Fil-fatt, dawn jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu d-djalogu soċjali bejn iż-żewġ naħat tal-industrija bil-għan li jrawmu t-trattament ugwali( 73 ) u jinkoraġġixxu d-djalogu ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi( 74 ).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li għandhom miżuri fis-seħħ biex jippromwovu d-djalogu soċjali bejn iż-żewġ naħat tal-industrija sabiex irawmu trattament ugwali. L-aktar mod prevalenti biex għamlu dan huwa permezz ta’ korpi tripartitiċi( 75 ), li huma preżenti f’mill-inqas 10 Stati Membri.

Bl-istess mod, ftit Stati Membri waqqfu fora ta’ tmexxija dwar in-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tal-persuni Rom, tal-persuni b’diżabilità jew tal-anzjani. Dawn jinvolvu lil korpi tal-gvern, lis-soċjetà ċivili u lil partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn. Madankollu, dan ma huwiex qed isir b’mod sistematiku fl-Istati Membri kollha jew għar-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni.

Skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-involviment fi djalogu prattiku dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għadu sfida. Kważi tliet kwarti tar-rispondenti tas-soċjetà ċivili għall-istħarriġ (12 minn 17) irrapportaw li kienu qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet. Il-kwistjonijiet ewlenin baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess mill-aħħar rapport( 76 ).

L-Istati Membri jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili inqas ta’ spiss matul l-istadju tal-implimentazzjoni tal-politiki milli matul il-fażi tat-tfassil. Din is-sejba bbażata fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri hija ripetuta wkoll mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mistħarrġa. Pereżempju, żewġ terzi tal-Istati Membri involvew lis-soċjetà ċivili f’konsultazzjonijiet leġiżlattivi jew ta’ politika. Madankollu, ftit inqas minn nofs l-Istati Membri kkollaboraw ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u saħansitra inqas involvewhom fir-rapportar u l-monitoraġġ ta’ kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni (għaxar u tmien Stati Membri, rispettivament).

3.6.Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

Id-Direttivi jirrikjedu( 77 ) li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt tal-miżuri fuq in-nisa u l-irġiel, f’konformità mal-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ġeneri.

L-Istati Membri jidhru li wettqu valutazzjonijiet limitati tal-impatt speċifiku tad-Direttivi fuq l-irġiel u n-nisa. Għalkemm xi Stati Membri rrapportaw li l-implimentazzjoni pproduċiet effetti partikolari fuq ċerti gruppi ta’ rġiel u nisa, dawn l-affermazzjonijiet ġeneralment ma ġewx spjegati jew appoġġati b’data. Stat Membru wieħed innota żieda fil-kawżi li jinvolvu l-kombinament ta’ diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru u minħabba l-età.

B’mod ġenerali, il-politiki tal-Istati Membri dwar ir-raġunijiet protetti koperti mid-Direttivi rari jiddistingwu speċifikament bejn il-ħtiġijiet tal-irġiel u tan-nisa. Xi Stati Membri semmew l-adozzjoni ta’ approċċ intersezzjonali fid-dokumenti ta’ politika tagħhom, filwaqt li oħrajn identifikaw sfidi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi partikolari ta’ nisa. Kien hemm eżempji individwali ta’ miżuri mmirati għan-nisa Rom u għan-nisa b’diżabilità.

Sadanittant, ir-rispondenti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jintegraw b’mod attiv il-ġeneri fl-attivitajiet tagħhom u jimmiraw speċifikament lejn in-nisa minn gruppi u komunitajiet żvantaġġati.

Kemm l-EIGE kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneri tvarja ħafna bejn l-Istati Membri u spiss ma tindirizzax sfidi speċifiċi. L-EIGE nnota li xi pajjiżi stabbilew oqfsa komprensivi u riżorsi ddedikati, filwaqt li oħrajn baqgħu lura( 78 ).

3.7.Azzjoni pożittiva

Sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu miżuri speċifiċi mmirati lejn il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni jew li jpattu għall-iżvantaġġi relatati mal-karatteristiċi protetti( 79 ). Il-QĠUE pprovdiet gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ azzjoni pożittiva( 80 ). Azzjoni pożittiva trid tkun proporzjonata u, fil-prinċipju, ma għandhiex tirriżulta fi preferenza awtomatika jew inkondizzjonata għal gruppi sottorappreżentati. Il-korpi li jadottaw miżuri pożittivi għandhom jimmonitorjawhom u jevalwawhom, u jippubblikaw informazzjoni dwarhom, sabiex jiżguraw li jkunu għadhom meħtieġa u effettivi( 81 ).

Kważi l-Istati Membri kollha jippermettu jew jippromwovu l-azzjoni pożittiva, bl-aktar miżuri komuni jkunu sistemi ta’ kwoti u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità (17-il Stat Membru). Total ta’ 14-il Stat Membru joffru programmi ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ għall-gruppi sottorappreżentati, 13-il Stat Membru adottaw miżuri speċjali, bħat-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ vokazzjonali, u 13-il Stat Membru jwettqu inizjattivi mmirati ta’ reklutaġġ u tfittix ta’ ħaddiema( 82 ).

Fejn jintużaw, is-sistemi tal-kwoti japplikaw l-aktar fl-impjiegi u fit-taħriġ vokazzjonali (12-il Stat Membru). B’mod partikolari, xi ftit Stati Membri għandhom kwoti speċifiċi ta’ impjieg għall-persuni b’diżabilità. F’erba’ Stati Membri, dawn japplikaw ukoll għall-edukazzjoni (eż. dħul fl-università u boroż ta’ studju). Il-kwoti jidhru li huma kważi esklużivament immirati lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew lejn persuni b’diżabilità.

Inqas minn nofs l-Istati Membri rrapportaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ azzjoni pożittiva. Terz minnhom semmew nuqqas ta’ infurzar u nuqqas ta’ gwida legali u politika domestika. Fejn instabu diffikultajiet, l-Istati Membri spiss semmew riżorsi u finanzjament insuffiċjenti u fehim limitat fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin. Ħames Stati Membri enfasizzaw il-perċezzjoni negattiva tal-pubbliku u d-dipendenza żejda fuq inizjattivi volontarji.

Sadanittant, is-soċjetà ċivili u l-korpi għall-ugwaljanza ħadmu biex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar azzjoni pożittiva fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin. Implimentaw ukoll il-miżuri ta’ azzjoni pożittiva tagħhom stess, kemm internament kif ukoll esternament.

Kaxxa 4. Il-pjattaforma “Angajez 45+” (“Qed infittex ħaddiema ta’ 45+”) fir-Rumanija( 83 )

Fir-Rumanija, il-pjattaforma “Angajez 45+” (“Qed infittex ħaddiema ta’ 45+”) timmobilizza lill-impjegaturi u lill-persuni li qed ifittxu impjieg biex jikkontestaw il-prattiki ta’ reklutaġġ ibbażati fuq l-età. Din l-inizjattiva mmexxija mis-soċjetà ċivili tippromwovi l-impjieg ta’ persuni li għandhom 45 sena jew aktar billi tħeġġeġ reklutaġġ inklużiv u turi l-valur tal-esperjenza fuq il-post tax-xogħol.

Konklużjonijiet

L-Istati Membri u l-korpi għall-ugwaljanza tagħhom iridu:

–joħolqu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttivi. B’mod partikolari, għandhom jiffukaw fuq il-gruppi protetti, billi jagħmlu użu mill-għarfien espert tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali u l-ħidma tagħhom biex jintlaħqu n-nies.

–jagħtu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni u lir-rappreżentanti tagħhom aċċess faċli għall-provi rilevanti, inkluż għad-data statistika, meħtieġa biex juru d-diskriminazzjoni u biex jaqilbu l-oneru tal-prova fuq l-imputat.

L-Istati Membri u l-korpi għall-ugwaljanza tagħhom għandhom:

–jipprovdu aktar gwida u appoġġ lill-imħallfin, lill-prattikanti tal-liġi u lir-rikorrenti biex jgħinuhom jimplimentaw b’mod effettiv ir-regoli dwar il-qlib tal-oneru tal-prova f’kawżi dwar diskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni se:

–tappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir u l-użu tagħhom tad-data dwar l-ugwaljanza. Din se taħdem fuq rakkomandazzjoni dwar id-data dwar l-ugwaljanza, f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali.

–tappoġġa aktar riċerka biex tiffaċilita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-fastidju u l-vittimizzazzjoni u biex tippermetti lill-vittmi jgawdu bis-sħiħ il-protezzjoni li dawn joffru.

4.Aspetti speċifiċi għad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali

Fir-rapport preċedenti, il-Kummissjoni pprovdiet ħarsa ġenerali estensiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ta’ kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “oriġini razzjali jew etnika”, abbażi tal-ġurisprudenza disponibbli tal-QĠUE. It-taqsimiet li ġejjin jaġġornaw dik l-informazzjoni bl-iżviluppi rilevanti mill-2021 ’l hawn.

Punti ewlenin

–L-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali u l-provvista tagħha jistgħu jkunu koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali.

–In-nazzjonalità jew il-pajjiż tat-twelid ta’ persuna jistgħu jitqiesu flimkien ma’ fatturi oħra meta jiġi ddeterminat jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni abbażi tal-“oriġini etnika”.

–Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kemm kontra grupp etniku wieħed kif ukoll kontra diversi gruppi etniċi.

4.1.Kamp ta’ applikazzjoni materjali

Akkomodazzjoni

Wieħed mill-oqsma li fihom tapplika d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali huwa l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku u l-provvista tagħhom, inkluża l-akkomodazzjoni( 84 ). Dan l-aħħar, il-QĠUE pprovdiet kjarifiki importanti dwar jekk il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali taqax taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni fil-kuntest ta’ allegata diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika fis-sistema pubblika ta’ Stat Membru tal-akkomodazzjoni għall-familji( 85 ).

Meta qieset jekk il-kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, il-Qorti l-ewwel fakkret li l-provvista ta’ akkomodazzjoni b’kera, skont skema bħal dik inkwistjoni fil-kawża inkwistjoni, trid titqies bħala li tikkostitwixxi provvista ta’ “servizzi”, skont it-tifsira tal-Artikolu 57 tat-TFUE u, b’estensjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123/KE( 86 ), peress li hija servizz ipprovdut bi ħlas( 87 ) .

Barra minn hekk, il-QĠUE enfasizzat li attività trid tkun ta’ natura ekonomika biex titqies bħala “servizz”. F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li l-lokaturi pubbliċi li jiġġestixxu s-sistema huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li l-ammont tal-kera mħallsa mill-inkwilini huwa aktar baxx mill-prezz tas-suq. Sabiex attività tkun “ekonomika”, huwa biżżejjed li ma tiġix ipprovduta bla ħlas( 88 ).

Il-QĠUE għadha ma pprovdietx gwida dwar il-mistoqsija rikorrenti ta’ jekk l-iżgumbramenti minn akkomodazzjoni mibnija illegalment jew okkupata illegalment jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-QĠUE fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE u kwalunkwe kjarifika futura dwar il-materja mill-Qorti, ta’ min jinnota li d-Direttiva tkopri biss l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku u l-provvista tagħhom; f’ħafna każijiet ta’ żgumbramenti minn akkomodazzjoni okkupata illegalment, dan il-kriterju x’aktarx li ma jiġix issodisfat.

Edukazzjoni

F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni fetħet ressqet azzjoni kontra r-Repubblika Slovakka quddiem il-QĠUE għal diskriminazzjoni strutturali (ara 6.1). Il-Kummissjoni argumentat li billi qiegħdet, b’mod eċċessiv, lit-tfal Rom fi skejjel speċjali jew fi klassijiet speċjali għal tfal affettwati minn diżabilitajiet mentali jew ta’ tip ieħor, li jsegwu kurrikulu ristrett, u billi ssegregat lit-tfal Rom, kemm fi klassijiet separati fl-iskejjel normali kif ukoll fi skejjel separati, ir-Repubblika Slovakka naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali( 89 ). Is-sentenza tal-Qorti hija mistennija tiċċara l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni f’dan il-qasam.

4.2.Il-kunċett ta’ “oriġini razzjali jew etnika”

Ir-razziżmu huwa twemmin li raġuni bħar-“razza”( 90 ) jew l-oriġini etnika tiġġustifika d-disprezz għal persuna jew għal grupp ta’ persuni, jew il-kunċett ta’ superjorità ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni( 91 ). Dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-“oriġini razzjali jew etnika” skont it-tifsira tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali.

L-esperti akkademiċi ppubblikaw rapporti li jeżaminaw l-oqfsa legali usa’ tal-UE u dawk nazzjonali għall-ġlieda kontra l-mibegħda anti-Musulmana u l-antisemitiżmu ( 92 ).

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali ma tiddefinix il-kunċett ta’ “oriġini razzjali jew etnika”. Filwaqt li bniet fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, il-Qorti pprovdiet kjarifiki ġodda fil-kawżaSlagelse( 93 ).

Il-QĠUE fakkret li l-kunċett ta’ “oriġini etnika”, skont it-tifsira tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, ġej mill-idea ta’ gruppi tas-soċjetà kkaratterizzati b’mod partikolari min-nazzjonalità, il-fidi reliġjuża, il-lingwa, l-oriġini u l-isfond kulturali u tradizzjonali komuni( 94 ). Il-Qorti enfasizzat li l-“oriġini etnika” trid tiġi ddeterminata abbażi ta’ varjetà ta’ fatturi oġġettivi u suġġettivi, u mhux tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż tat-twelid biss( 95 ). Madankollu, il-Qorti qieset li, kemm in-nazzjonalità kif ukoll il-pajjiż tat-twelid ta’ persuna jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien ma’ fatturi oħrajn biex jiġi ddeterminat jekk tkunx seħħet diskriminazzjoni abbażi tal-“oriġini etnika”( 96 ).

B’mod sinifikanti, il-Qorti ċċarat ukoll li l-fatt li kriterju ġenerali bħal “immigranti li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom”( 97 ), imsemmi fil-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni dwar l-akkomodazzjoni pubblika għall-familji, jista’ jinkludi diversi oriġinijiet etniċi, ma jeskludix awtomatikament li dan ikun ibbażat fuq l-“oriġini etnika”. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “oriġini etnika” b’mod li jirrikjedi li d-diskriminazzjoni tkun immirata lejn grupp etniku speċifiku wieħed iddgħajjef l-effettività tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali. Dan għaliex l-objettiv ta’ nondiskriminazzjoni tad-Direttiva ma jkunx japplika meta diversi gruppi etniċi jesperjenzaw l-istess trattament diskriminatorju( 98 ).

5.Aspetti speċifiċi għad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi

Mir-rapport tal-2021 ’l hawn, il-QĠUE ħarġet għadd sinifikanti ta’ sentenzi f’kawżi preliminari ppreżentati mill-qrati nazzjonali ta’ diversi Stati Membri dwar id-diskriminazzjoni fl-impjiegi u fl-okkupazzjoni abbażi tal-erba’ raġunijiet koperti mid-Direttiva (ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali).

Punti ewlenin

–Il-protezzjoni tad-Direttiva tapplika irrispettivament mill-forma ġuridika li fiha jiġi pprovdut l-impjieg.

–Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jkopri l-membri tal-persunal li ma jiġux irreklutati fuq bażi permanenti, bħal trainees.

–Id-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni indiretta b’assoċjazzjoni għal raġunijiet ta’ diżabilità.

5.1.Kamp ta’ applikazzjoni materjali u personali tad-Direttiva

Diversi deċiżjonijiet iċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Il-QĠUE kkonfermat( 99 ) fil-kawża Zetschek li r-raġunijiet elenkati fid-Direttiva huma eżawrjenti, u li d-Direttiva ma tkoprix każijiet ta’ allegata diskriminazzjoni bejn il-kategoriji professjonali( 100 ).

Fil-kawża TP (Monteur audiovisuel pour la télévision publique), il-Qorti kkonkludiet li l-protezzjoni tad-Direttiva tapplika irrispettivament mill-forma ġuridika li fiha jiġi pprovdut l-impjieg( 101 ). Il-kawża kienet tikkonċerna r-rifjut li jiġi konkluż jew imġedded kuntratt għat-twettiq ta’ xogħol speċifiku abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tal-fornitur. Id-domanda li kellha tiġi vvalutata kienet jekk is-sitwazzjoni kinitx taqa’ taħt il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva jew jekk l-attività kellhiex titqies bħala sempliċi provvista ta’ prodotti jew servizzi. Mid-deċiżjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”( 102 ) u l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”( 103 ) iridu jiġu interpretati b’mod wiesa’, u jkopru (l-aċċess għal) kull forma ta’ attività bħala persuna impjegata u bħala persuna li taħdem għal rasha, tkun xi tkun il-forma ġuridika li taħtha din tiġi eżerċitata. Barra minn hekk, il-Qorti kkonkludiet li “terminazzjoni involontarja ta’ xogħol ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu (…) jista’ jiġi assimilat ma’ tkeċċija ta’ ħaddiem impjegat”.

Fil-kawża HKvs Danmark u HK/Privat, il-Qorti kienet diġà ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni materjali wiesa’ tad-Direttiva, li jestendi għall-istatut ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema fejn dak l-istatut jistabbilixxi limitu ta’ età għall-pożizzjoni ta’ “president”, pożizzjoni eletta f’dik l-organizzazzjoni( 104 ).

Id-deċiżjoni fil-kawża CA Na Negreta( 105 ) xeħtet dawl fuq il-kunċett tat-tkeċċija. Il-kawża kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li ppermettiet li impjegat jitkeċċa malli dan ġie formalment irrikonoxxut bħala inkapaċi li jokkupa l-pożizzjoni tiegħu minħabba l-okkorrenza ta’ diżabilità, mingħajr ma imponiet fuq l-impjegatur li jieħu, qabelxejn, miżuri xierqa raġonevoli ta’ akkomodazzjoni jew li jżomm il-miżuri xierqa li jkun diġà ħa. Il-Qorti ddeċidiet li l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat talab ir-rikonoxximent ta’ din l-inkapaċità permanenti totali ma kienx ifisser li dak il-ħaddiem kien ta l-kunsens tiegħu għat-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu, anke jekk il-ħaddiem kien konxju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tippermetti lill-impjegatur itemm il-kuntratt tal-impjieg wara tali rikonoxximent. Għaldaqstant, tali terminazzjoni għandha titqies bħala “tkeċċija” skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.

Sentenza importanti oħra, il-kawża HR Rail, kienet tikkonċerna t-tkeċċija ta’ trainee li, minħabba diżabilità, ma setax iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-QĠUE ċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jkopri membri tal-persunal li ma jiġux irreklutati fuq bażi permanenti, bħall-ħaddiema li jagħmlu traineeship bħala parti mir-reklutaġġ tagħhom( 106 ).

Fil-kawża Bervidi, il-Qorti indirizzat is-sitwazzjoni ta’ impjegata li talbet lill-impjegatur tagħha jibdlilha l-ħin tax-xogħol tagħha sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb wild minuri b’diżabilitajiet serji. L-impjegatur qabel biss li jadattalha x-xogħol b’mod provviżorju, filwaqt li nnota li ma kinitx il-ħaddiema li kellha d-diżabilità( 107 ). Għalkemm il-ġurisprudenza preċedenti kienet diġà stabbiliet li d-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta b’assoċjazzjoni( 108 ), il-Qorti speċifikat fil-kawża Bervidili l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi tad-diżabilità tapplika wkoll għall-ħaddiema li għandhom jibbenefikaw minn adattament raġonevoli.

5.2.Ir-Reliġjon u t-twemmin — manifestazzjoni ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol

Bil-ħruġ tad-deċiżjonijiet fil-kawżi Achbita( 109 ) u Bougnaoui u ADDH( 110 ), dwar l-ilbies tal-velu fuq il-post tax-xogħol, il-QĠUE kompliet twessa’ l-ġurisprudenza tagħha dwar l- ilbies ta’ simboli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol. Hija tkompli tirrikonoxxi d-dritt tal-impjegaturi li jkollhom regoli ta’ newtralità li jipprojbixxu l-ilbies tas-simboli kollha ta’ twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku fuq il-post tax-xogħol, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

Id-deċiżjonijiet stabbiliti hawn taħt iċċaraw li r-raġuni tar-“reliġjon jew tat-twemmin” hija strettament limitata għal twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, u b’hekk jiddistingwuha mill-kunċett ta’ opinjoni politika jew xi opinjoni oħra (il-kawża WABE( 111 )). Huma ċċaraw ukoll li ma tinkludix twemmin politiku jew sindakali, u lanqas it-twemmin jew preferenzi artistiċi, sportivi, estetiċi jew twemmin jew preferenzi oħrajn (il-kawża S.C.R.L ( 112 )).

Fil-kawża WABE , il-Qorti ċċarat li projbizzjoni fuq l-ilbies ta’ kwalunkwe forma viżibbli ta’ espressjoni politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol, tista’ tkun ġustifikata bir-rieda ġenwina tal-impjegatur li jippreżenta immaġni newtrali lill-klijenti jew li jipprevjeni tilwim soċjali. Madankollu, il-projbizzjoni trid tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni u tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ. Il-Qorti fakkret li l-kuntest speċifiku ta’ kull Stat Membru huwa importanti, peress li għandhom “marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-konċiljazzjoni neċessarja tad-diversi drittijiet u interessi ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust”.

L-istess linja ġiet segwita fil-kawża S.C.R.L, fejn il-QĠUE ddeċidiet ukoll li regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli fuq il-post tax-xogħol ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż ma tikkostitwix diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin” dment li tkopri kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta bl-istess mod lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fost oħrajn, newtralità fl-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli. Differenza fit-trattament ma tikkostitwix diskriminazzjoni indiretta jekk tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. Madankollu, is-sempliċi rieda ta’ impjegatur li jsegwi politika ta’ newtralità, għalkemm fiha nnifisha hija għan leġittimu, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, peress li tali ġustifikazzjoni tista’ titqies oġġettiva biss fejn ikun hemm ħtieġa ġenwina min-naħa ta’ dak l-impjegatur, li huwa jeħtieġ li juri.

Il-kawża Commune d’Ans kienet l-ewwel waħda li indirizzat il-kwistjoni tan-newtralità reliġjuża fis-settur pubbliku b’rabta ma’ impjieg f’back-office ( 113 ) . Il-Qorti ddeċidiet li politika ta’ newtralità stretta imposta minn amministrazzjoni pubblika fuq l-impjegati tagħha tista’ tabilħaqq titqies bħala ġġustifikata b’mod oġġettiv minn għan leġittimu. Regola bħal din ma tkunx diskriminatorja jekk tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-persunal kollu ta’ dik l-amministrazzjoni u tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju, filwaqt li jitqiesu d-diversi drittijiet u interessi involuti. Il-fatt li r-regola kienet taffettwa l-aktar lin-nisa ma ġiex eżaminat, peress li l-Qorti ddikjarat id-domanda bħala inammissibbli.

Fil-kawża Katholische Schwangerschaftsberatung( 114 ), il-QĠUE sostniet li minn naħa waħda, għandu jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ impjegatur li l-etos tiegħu huwa bbażat fuq ir-reliġjon li ma jpoġġix f’dubju l-etos u d-dritt tiegħu għall-awtonomija u, min-naħa l-oħra, li l-interessi tal-impjegati ma jiġux diskriminati minħabba r-reliġjon tagħhom. Id-dritt tal-Unjoni jagħti lil kull Stat Membru marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżgura dan il-bilanċ.

Fl-aktar każ reċenti, Ministero della Difesa ( 115 ), il-Qorti ddeċidiet li, billi rrifjuta li jikkonforma mar-rekwiżit tat-tilqim għall-persunal militari tal-Ministeru għad-Difiża, uffiċjal fittex li jikkontesta l-għażliet magħmula mill-awtoritajiet Taljani fil-qasam tas-saħħa pubblika aktar milli jafferma t-twemmin tiegħu stess. Għaldaqstant, ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “twemmin”, iżda pjuttost jikkostitwixxu opinjonijiet, li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.

5.3.Diżabilità u l-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli

Matul il-konsultazzjonijiet għar-rapport, l-Equinet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-dmir li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli fl-impjiegi. F’dan ir-rigward, il-Qorti pprovdiet kjarifiki utli.

Fil-kawża Komisia za zashtita ot diskriminatsia( 116 ), il-Qorti kkonkludiet li għandha ssir evalwazzjoni individwali biex jiġi ddeterminat jekk ġurat għami jistax iwettaq ix-xogħol tiegħu wara li jkunu ttieħdu miżuri ta’ aġevolar raġonevoli.

Fil-kawża HR Rail,( 117 ), il-Qorti kkonkludiet li trainee kellu jiġi offrut akkomodazzjoni raġonevoli, pereżempju billi jiġi assenjat pożizzjoni oħra li għaliha kellu l-kompetenza, il-kapaċità u d-disponibbiltà meħtieġa, sakemm dik il-miżura ma tkunx imponiet piż sproporzjonat fuq l-impjegatur. Dan ġie kkonfermat fil-każ Ca Na Negreta( 118 ).

Il-Qorti tat aktar eżempji fil-kawża Tartu Vangla , fejn uffiċjal tal-ħabs b’telf ta’ smigħ tkeċċa abbażi ta’ regolament nazzjonali li kien jipprojbixxi l-impjieg ta’ persuni li l-akutezza tas-smigħ tagħhom ma tissodisfax il-limiti minimi ta’ perċezzjoni tal-ħoss. F’dan il-każ, il-Qorti saħqet li kellhom jiġu esplorati miżuri bħall-użu ta’ apparat għall-għajnuna tas-smigħ, eżenzjoni minn xi kompiti jew l-assenjazzjoni f’pożizzjoni li ma tkunx tirrikjedi akutezza tas-smigħ.

Huwa sinifikanti li dawn is-sentenzi tal-QĠUE qed jirreferu dejjem aktar għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità( 119 ). Dan jikkonferma li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jridu, kemm jista’ jkun, jiġu interpretati b’mod li jkun konsistenti ma’ dik il-konvenzjoni( 120 ).

5.4.Età

Id-differenzi fit-trattament relatati mal-età jibqgħu s-sors tal-ogħla numru ta’ deċiżjonijiet maħruġa mill-QĠUE dwar id-Direttiva. Għadd ta’ liġijiet nazzjonali jistabbilixxu limiti tal-età għall-aċċess għal professjonijiet speċifiċi. F’dawn il-kawżi, id-domanda ewlenija tkun jekk il-limitu tal-età jistax jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva (ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età) bħala miżura proporzjonata għall-kisba ta’ objettiv leġittimu ta’ impjieg jew tas-suq tax-xogħol( 121 ).

Fil-kawża Ministero della Giustizia , il-Qorti eżaminat liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-età ta’ 50 sena bħala l-limitu għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ( 122 ) , billi analizzat mill-qrib il-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

Eżempju ieħor fil-kawża Ministero dell’Interno kien jikkonċerna liġi nazzjonali li tiffissa limitu ta’ età massima ta’ 30 sena għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija( 123 ) . Il-Qorti saħqet li tali regola ma tikkonformax mad-Direttiva jekk il-funzjonijiet effettivament imwettqa minn dawk il-kummissarji tal-pulizija ma jirrikjedux kapaċitajiet fiżiċi partikolari. Jekk kapaċitajiet fiżiċi partikolari huma meħtieġa, ikollu jiġi vverifikat jekk il-limitu tal-età huwiex possibbilment sproporzjonat; f’dan il-każ, it-twettiq ta’ test fiżiku eliminatorju fil-kuntest tal-kompetizzjoni tar-reklutaġġ jista’ jkun miżura xierqa u inqas restrittiva.

Fuq kwistjoni differenti relatata mal-età, il-QĠUE eżaminat regola nazzjonali li tqiegħed lill-ħaddiema tas-settur pubbliku li kkwalifikaw għal pensjoni sħiħa f’sistema ta’ “riżerva ta’ ħaddiema” sat-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom. Dan kellu konsegwenzi ekonomiċi negattivi (eż. tnaqqis fil-paga, telf ta’ avvanz possibbli fil-karriera, kanċellazzjoni tal-kumpens għas-sensja) għall-ħaddiema kkonċernati( 124 ) . Il-Qorti ddeċidiet li d-Direttiva ma tipprekludix tali liġi nazzjonali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6. Hija semmiet il-kuntest ta’ kriżi ekonomika gravi u l-objettivi taż-żamma tal-impjiegi u l-ibbilanċjar tal-istruttura tal-età tal-forza tax-xogħol.

Fl-aħħar nett, fil-kawża AP Assistenzprofis, il-QĠUE kellha tibbilanċja l-interessi opposti abbażi tal-età u d-diżabilità( 125 ). Persuna ta’ 28 sena b’diżabilità, li kienet qed tfittex assistenta personali biex tgħinha fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ kuljum, illimitat l-għażla għal kandidati ta’ bejn it-18 u t-30 sena. Il-Qorti ddeċidiet li l-liġi nazzjonali tista’ tqis ix-xewqat individwali tal-persuni b’diżabilità jekk tali miżura tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom. Hija indikat li r-rekwiżit tal-firxa tal-età seta’ jippromwovi r-rispett tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni mill-persuna b’diżabilità u li jidher raġonevoli li wieħed jistenna li persuna li tkun assistenta personali fl-istess firxa ta’ età bħall-persuna b’diżabilità tintegra ruħha aktar faċilment fiċ-ċirku personali u soċjali ta’ dik il-persuna.

5.5.Orjentazzjoni sesswali

Fil-kawża msemmija hawn fuq TP (Audiovisual editor for public television) (ara 5.1), il-Qorti sostniet li l-libertà kuntrattwali f’soċjetà demokratika ma hijiex assoluta iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà( 126 ). F’dan il-kuntest, li jiġi aċċettat li l-libertà kuntrattwali tippermetti lil parti tirrifjuta li tidħol f’kuntratt ma’ persuna abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħha ċċaħħad id-Direttiva mill-effett prattiku tagħha.

6.Applikazzjoni tad-Direttivi b’reazzjoni għad-diskriminazzjoni strutturali

L-inugwaljanzi ma humiex sempliċiment is-somma ta’ esperjenzi individwali ta’ disprezz jew ostakli, bħal dawk li l-persuni jiltaqgħu magħhom meta jfittxu akkomodazzjoni, meta jfittxu impjieg, fuq il-post tax-xogħol jew fl-aċċess għall-edukazzjoni.

Pereżempju, l-istrateġija kontra r-razziżmu 2026–2030 tinnota li l-esperjenzi tar-razziżmu tul il-ħajja jakkumulaw u joħolqu ostakli strutturali (“razziżmu strutturali”). Dawn jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni strutturali. L-impatt ta’ ostakli strutturali jista’ jagħmel aktar ħsara minn każijiet iżolati ta’ diskriminazzjoni, peress li jiċħad l-aċċess għal opportunitajiet indaqs u jista’ jippersisti minn ġenerazzjoni għal oħra ( 127 ).

Fit-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni, kważi l-korpi kollha għall-ugwaljanza mistħarrġa u l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili kienu tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat jew is-soċjetà usa’ għadhom ma fehemux u ma indirizzawx b’mod xieraq id-diskriminazzjoni strutturali.

Il-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrapportaw li d-diskriminazzjoni strutturali taffettwa l-aktar lin-nies bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u lill-persuni b’diżabilità. Din timmanifesta ruħha bl-aktar mod ċar fl-impjiegi, fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi. Kif muri hawn taħt, xi wħud mill-għodod legali tad-Direttivi jippermettu l-indirizzar tad-diskriminazzjoni strutturali.

Punti ewlenin

–L-aktar għodod legali importanti biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni strutturali (eż. l-azzjoni pożittiva u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta) huma disponibbli għall-Istati Membri, fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

–Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu mill-inqas forma waħda ta’ rimedju kollettiv. Madankollu, hija waħda mill-miżuri l-inqas implimentati għall-infurzar tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni.

6.1.Rwol tal-projbizzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta” fl-indirizzar tad-diskriminazzjoni strutturali

Il-qafas legali eżistenti tal-UE jipprovdi għodod legali li jistgħu jindirizzaw id-diskriminazzjoni strutturali, minkejja li d-Direttivi ma jużawx it-terminu b’mod espliċitu. B’mod partikolari, iż-żewġ Direttivi jipprojbixxu d-diskriminazzjoni indiretta.

Id-diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tpoġġi lil ċerti persuni protetti fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra ( 128 ).

Bħalissa, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri ma tużax b’mod espliċitu t-terminu “diskriminazzjoni strutturali”. Huwa importanti li wieħed jinnota li aktar minn terz tal-Istati Membri jsibu li din hija waħda mid-diffikultajiet ewlenin fl-indirizzar tal-kwistjoni. Dan huwa ripetut mir-rispondenti mill-korpi għall-ugwaljanza u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikonoxxu li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta u t-teħid ta’ azzjoni pożittiva (ara 3.7) jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni strutturali.

Kaxxa 5. Eżempji ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni strutturali fl-Istati Membri

–Fl-2023, deċiżjoni tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka indirizzat il-kwistjoni tas-segregazzjoni sistemika tat-tfal Rom fis-sistema edukattiva. Għalkemm ma semmietx b’mod espliċitu d-diskriminazzjoni strutturali, il-qorti rrikonoxxiet l-iżvantaġġi kumulattivi li jiffaċċjaw it-tfal Rom u approvat il-ħtieġa ta’ miżuri proattivi ( 129 ).

–Fl-2022, il-Qorti Suprema Ċeka ħarġet deċiżjoni dwar il-kwistjoni tas-segregazzjoni. Hija kkundannat is-segregazzjoni bħala prattika li ma tistax tiġi ġġustifikata, peress li minnha nnifisha tmur kontra d-dinjità tal-bniedem( 130 ).

6.2.Aktar għodod legali biex jiġu indirizzati l-ostakli strutturali

Minbarra l-azzjoni pożittiva u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta, il-korpi għall-ugwaljanza u l-Istati Membri identifikaw l-actio popularis( 131 ) u d-dmirijiet tal-ugwaljanza ( 132 ) bħala għodod legali effettivi għall-indirizzar tad-diskriminazzjoni strutturali.

L-actio popularis u l-azzjonijiet kollettivi( 133 ) huma żewġ forom ta’ rimedju kollettiv. Dawn inaqqsu d-dipendenza fuq forom individwali ta’ rimedju u jindirizzaw in-natura strutturali tad-diskriminazzjoni ( 134 ) .

Id-Direttivi ma jobbligawx lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedju kollettiv għall-vittmi tad-diskriminazzjoni( 135 ). Bħalissa, 20 Stat Membru jipprevedu waħda miż-żewġ forom ta’ rimedju kollettiv f’kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

Madankollu, l-azzjonijiet kollettivi xi drabi jkunu ristretti għal ċerti oqsma tal-liġi, jistgħu jeħtieġu affiljazzjoni ma’ organizzazzjoni speċifika jew jistgħu jeskludu azzjonijiet minn assoċjazzjonijiet jew trade unions( 136 ). Bl-istess mod, filwaqt li l-actio popularis hija prevista fis-sistemi legali ta’ 14-il Stat Membru, mill-inqas ħamsa jew ma jużawx il-qafas jew jużawh rari ħafna fil-prattika ( 137 ) . Konsegwentement, il-miżuri ta’ rimedju kollettiv għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

F’dan l-isfond, l-istandards il-ġodda għall-korpi għall-ugwaljanza jirrikjedu li l-Istati Membri jagħtu lill-korpi għall-ugwaljanza d-dritt li jaġixxu fi proċedimenti tal-qorti ( 138 ). Wieħed mill-modi li bihom l-Istati Membri jistgħu jissodisfaw dan l-obbligu huwa billi jippermettu lill-korpi għall-ugwaljanza jaġixxu b’appoġġ jew f’isem diversi vittmi jew jibdew proċedimenti tal-qorti f’isimhom stess biex jiddefendu l-interess pubbliku.

Minbarra l-azzjoni kollettiva, il-korpi għall-ugwaljanza mistħarrġa semmew ukoll id-dmirijiet tal-ugwaljanza tas-settur pubbliku bħala għodda oħra. Id-dmirijiet tal-ugwaljanza huma disponibbli fi 23 Stat Membru iżda spiss ma jkollhomx mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni sinifikanti, responsabbiltà u perkorsi għall-infurzar u ħafna drabi l-amministrazzjonijiet ma jkunux jafu bihom. It-13-il Stat Membru li rrapportaw li kienu qed isibu diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-dmirijiet tal-ugwaljanza fil-biċċa l-kbira qablu ma’ dawk il-konklużjonijiet.

Konklużjonijiet

L-Istati Membri jridu:

–ikomplu jsaħħu l-infurzar tagħhom tad-Direttivi, inkluż f’kawżi ta’ diskriminazzjoni strutturali.

L-Istati Membri għandhom:

–jagħmlu l-użu tar-rimedju kollettiv aktar faċli fil-kawżi ta’ diskriminazzjoni.

7.Applikazzjoni tad-Direttivi b’reazzjoni għad-diskriminazzjoni algoritmika

Id-diġitalizzazzjoni żżid saff ieħor ta’ kumplessità għas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw il-komunitajiet esposti għal inugwaljanzi strutturali.

Il-bnedmin jiddeterminaw l-objettivi tas-sistemi awtomatizzati, inklużi s-sistemi tal-algoritmi u tal-IA, skont liema dawn is-sistemi jużaw data miġbura minn sorsi umani jew minn magni waqt li jkunu qed jaħdmu. B’riżultat ta’ dan, is-sistemi tal-algoritmi u tal-IA jistgħu jinkorporaw preġudizzji, sterjotipi, normi, u prattiki umani matul il-programmazzjoni, l-ipproċessar tad-data, u meta l-bnedmin jinteraġixxu mal-applikazzjonijiet ( 139 ). Intwera li xi drabi dan jirriżulta fi kwistjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lin-nies għar-raġunijiet u fl-oqsma protetti mil-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni.

Pereżempju, is-sottorappreżentanza ta’ persuni bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika partikolari wasslet għal sitwazzjonijiet li fihom il-kabini tar-ritratti ma bdewx jgħarfu persuni b’tonalitajiet tal-ġilda aktar skuri meta jieħdu ritratti bijometriċi( 140 ). Bnadi oħra, l-IA jew is-sistemi awtomatizzati rrakkomandaw azzjonijiet li affettwaw b’mod sproporzjonat ċerti gruppi ta’ persuni abbażi ta’ indikaturi( 141 ) għall-karatteristiċi protetti. Pereżempju, il-kodiċijiet postali setgħu jintużaw bħala indikatur tal-oriġini razzjali jew etnika jew tal-orjentazzjoni sesswali, u l-ismijiet setgħu jintużaw bħala indikatur tal-età ( 142 ).

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi jistabbilixxu qafas ġenerali għall-indirizzar tad-diskriminazzjoni. Dan huwa minnu irrispettivament mill-mezzi li bihom titwettaq. Kif muri hawn taħt, id-Direttivi japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn id-diskriminazzjoni tirriżulta mill-użu ta’ sistemi awtomatizzati u tal-IA (diskriminazzjoni algoritmika).

Id-deċiżjonijiet appoġġati mill-algoritmi u mill-IA jittieħdu fuq skala kbira u b’veloċità kbira, filwaqt li jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati l-preġudizzji u s-sorsi potenzjali ta’ eżiti mhux favorevoli għall-gruppi protetti. Fit-tweġibiet tagħhom lill-Kummissjoni, kważi l-korpi tal-ugwaljanza kollha mistħarrġa u l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili kienu tal-fehma li d-diskriminazzjoni algoritmika kienet għadha ma hijiex mifhuma u indirizzata b’mod xieraq mill-awtoritajiet pubbliċi, mis-settur privat jew mis-soċjetà usa’.

Il-korpi għall-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrapportaw li l-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u l-persuni b’diżabilità huma l-vittmi primarji tad-diskriminazzjoni algoritmika, li timmanifesta ruħha bl-aktar mod ċar fl-impjiegi, fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi.

It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu kunċetti u protezzjonijiet ewlenin skont il-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni li huma rilevanti għall-indirizzar tad-diskriminazzjoni algoritmika. Barra minn hekk, ir-rapport jeżamina strumenti oħra mfassla biex jipprevjenu u jtaffu l-effetti potenzjalment diskriminatorji tas-sistemi tal-algoritmi u tal-IA. Jippreżenta wkoll il-qafas legali u l-prattiki applikabbli fl-Istati Membri, flimkien ma’ prattiki tajbin identifikati.

Punti ewlenin

–Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom esperjenza prattika minima fl-applikazzjoni tal-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni fil-kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika.

–Skont id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza, il-korpi għall-ugwaljanza jrid ikollhom riżorsi umani u tekniċi xierqa biex jużaw l-IA u s-sistemi awtomatizzati u biex jiżguraw li jikkonformaw mar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni.

7.1.Qafas legali

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi t-tnejn japplikaw għad-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-użu tal-IA fil-kampijiet ta’ applikazzjoni personali u materjali rispettivi tagħhom.

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta tipprevjeni li l-karatteristiċi protetti jintużaw minn algoritmi biex jittrattaw lill-individwi b’modi li jipproduċu eżiti inqas favorevoli f’sitwazzjonijiet komparabbli. Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta tindirizza l-effetti żvantaġġużi ta’ prattiki li jistgħu jidhru newtrali, bħall-użu ta’ indikaturi għal karatteristiċi protetti.

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ rimedju xierqa( 143 ). Huma obbligati jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni jew jaġixxu f’isimhom. Dan l-appoġġ speċjalizzat jista’ jkun vitali meta wieħed ikun qed ifittex rimedji f’ambjent ferm kumpless, tekniku u algoritmiku. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-qlib tal-oneru tal-prova jagħmilha aktar faċli li jingħelbu l-isfidi fil-kisba tal-provi.

Billi tiżgura li l-ksur potenzjali jista’ jiġi indirizzat, il-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sistemi affidabbli tal-IA.

L-ekosistemi tal-IA jridu jiżguraw ukoll li jkollhom settijiet ta’ data ta’ kwalità għolja u li s-sistemi jkunu biżżejjed trasparenti, aċċessibbli u spjegabbli għal kulħadd, inklużi l-persuni b’diżabilità, u li jkun hemm responsabbiltà ċara għal kif jiffunzjonaw. Dan huwa importanti matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sistemi tal-IA jew ta’ dawk awtomatizzati, mill-iżvilupp sal-implimentazzjoni.

Sabiex jinkiseb dan, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2024/1689 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali)( 144 ) f’Lulju 2024. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali se japplika mit-2 ta’ Awwissu 2026 ( 145 ) . Madankollu, xi dispożizzjonijiet diġà ġew applikati mit-2 ta’ Frar 2025 jew mit-2 ta’ Awwissu 2025. Barra minn hekk, wara l-emendi mill-Omnibus Diġitali dwar l-IA, ċerti Kapitoli se japplikaw biss aktar tard. Dan huwa l-każ tar-regoli relatati mas-sistemi tal-IA b’riskju għoli ( 146 ). L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali japplika flimkien mal-leġiżlazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni.

L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għandu l-għan li jippromwovi l-innovazzjoni u IA affidabbli fl-UE, filwaqt li jindirizza r-riskji li jirriżultaw mit-tqegħid fis-suq, mit-tqegħid fis-servizz u mill-użu ta’ sistemi tal-IA għas-saħħa, għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Isegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju, fejn is-sistemi tal-IA huma kklassifikati skont il-livell ta’ riskju li joħolqu għas-saħħa, għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali. Jimponi obbligi u rekwiżiti proporzjonati skont il-klassifikazzjoni tas-sistema tal-IA.

L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jidentifika sistemi li joħolqu riskji minimi, limitati, għoljin jew inaċċettabbli.

Ċerti prattiki tal-IA, bħall-manipulazzjoni dannuża, l-għoti ta’ punteġġ soċjali u l-identifikazzjoni bijometrika remota f’ħin reali fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi huma pprojbiti, minħabba li huma inkonsistenti mal-valuri tal-UE ( 147 ).

Is-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli jeħtieġ li jikkonformaw ma’ obbligi stretti qabel ma jitqiegħdu fis-suq jew fis-servizz. Tali sistemi ta’ riskju għoli jinkludu sistemi maħsuba biex jintużaw, pereżempju, bħala komponenti ta’ sikurezza fl-infrastruttura kritika, għall-bijometrika jew biex jiġi ddeterminat id-dħul f’istituzzjonijiet edukattivi( 148 ). Sistemi bħal dawn iridu jikkonformaw mal-obbligi dwar il-ġestjoni robusta tar-riskju, id-data ta’ kwalità għolja, l-eżami u l-mitigazzjoni tal-preġudizzju, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-bniedem fost l-oħrajn ( 149 ).

Sistemi b’riskju limitat li jirrikjedu użu trasparenti tal-IA u jridu jikkonformaw ma’ ċerti obbligi ta’ trasparenza ( 150 ). Sistemi bħal dawn jinkludu ċ-chatbots jew id-deepfakes. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali ma jintroduċix regoli għal sistemi minimi jew mingħajr riskju, bħall-filtri tal-ispam.

Il-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ linji gwida u għodod oħra ta’ appoġġ, u l-koordinazzjoni fi ħdan il-Bord tal-IA mal-awtoritajiet nazzjonali.

7.2.Sfidi fl-applikazzjoni tad-Direttivi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika

Hemm xi sfidi fl-applikazzjoni tad-Direttivi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika.

L-ewwel nett, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika hija kumplessa. Fl-ambjenti virtwali, l-individwi xi drabi lanqas biss jikkunsidraw li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jirrapportaw id-diskriminazzjoni. Dan għaliex, f’ambjent algoritmiku mmirat ħafna u personalizzat, l-individwi jistgħu ma jirrealizzawx li qed issir diskriminazzjoni kontrihom ( 151 ).

It-tieni, jista’ jkun diffiċli li jiġi ddeterminat jekk id-diskriminazzjoni algoritmika tikkostitwix diskriminazzjoni diretta jew indiretta ( 152 ).

Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni tad-Direttivi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika huma aggravati aktar mill-ftit esperjenza prattika u l-leġiżlazzjoni limitata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Bi tweġiba għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-Istati Membri ddikjaraw li kważi ma hemm l-ebda esperjenza prattika fl-organizzazzjoni ta’ testijiet tekniċi tas-sistemi algoritmiċi għall-preġudizzji u/jew għad-diskriminazzjoni. Xi kultant, dan lanqas biss huwa possibbli. Konsegwentement, hemm esperjenza prattika minima fl-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika.

Kif deskritt hawn fuq, ir-rispondenti mill-korpi għall-ugwaljanza u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiesu wkoll fil-biċċa l-kbira li d-diskriminazzjoni algoritmika għadha ma ġietx rikonoxxuta biżżejjed mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, mis-settur privat jew mis-soċjetà. Il-korpi għall-ugwaljanza ssuġġerew li dan huwa dovut l-aktar għan-nuqqas ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, in-novità tal-fenomenu nnifsu, għarfien u litteriżmu diġitali insuffiċjenti, u limitazzjonijiet fil-mekkaniżmi eżistenti ta’ infurzar.

Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw il-limitazzjonijiet tad-dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni, li għandu t-tendenza li jiffoka aktar fuq il-benefiċċji milli fuq ir-riskji. Barra minn hekk, esprimew tħassib dwar l-użu ta’ sistemi algoritmiċi f’oqsma bħall-migrazzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-benesseri ( 153 ).

7.3.Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni algoritmika fl-Istati Membri

Mill-Istati Membri kollha, in-Netherlands biss irreferew għal każijiet ta’ diskriminazzjoni algoritmika li kienu ġew indirizzati minn qorti ( 154 ) jew minn korp għall-ugwaljanza ( 155 ). Stat Membru wieħed biss (l-Awstrija) għandu regoli favorevoli biex il-vittmi jagħtu prova ta’ diskriminazzjoni algoritmika jew biex itaffu l-piżijiet tekniċi.

Fl-2025, l-UE appoġġat l-adozzjoni tal-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali ( 156 ). Ir-rakkomandazzjoni ( 157 ) għandha l-għan li tiżgura li s-sistemi tal-IA jippromwovu l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u li ma jsaħħux id-diskriminazzjoni. Hija konsistenti mal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u se tiġi implimentata permezz ta’ miżuri u salvagwardji applikabbli għas-sistemi tal-AI skont l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

Kaxxa 6. Linji gwida għall-iżgurar tan-nondiskriminazzjoni meta tiġi żviluppata u implimentata sistema tal-IA

F’isem il-Ministeru tal-Intern Netherlandiż, l-esperti fasslu linji gwida għal dawk li jibnu s-sistemi, għall-analisti tad-data u għall-esperti tal-IA biex jiżguraw in-nondiskriminazzjoni meta jiżviluppaw u jimplimentaw sistema tal-IA. Il-linji gwida tal-2022 jispjegaw liema mistoqsijiet u prinċipji huma essenzjali meta jsir xogħol fuq sistema tal-IA u biha, b’enfasi fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, minn perspettiva legali, teknika u organizzazzjonali ( 158 ).

Fil-qasam diġitali li dejjem qed jespandi, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet mas-sħab li jirrappreżentaw l-interessi tal-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni għandhom rwol importanti. Id-Direttivi dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkollhom il-mekkaniżmi xierqa fis-seħħ biex jikkooperaw ma’ korpi oħra tal-ugwaljanza fl-Istat Membru, kif ukoll ma’ entitajiet pubbliċi u privati rilevanti fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, inkluż bejn il-fruntieri. ( 159 ).

Barra minn hekk, id-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza jenfasizzaw li l-korpi għall-ugwaljanza jrid ikollhom ir-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa biex jużaw l-IA għax-xogħol tagħhom u biex jivvalutaw jekk is-sistemi awtomatizzati jikkonformawx mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi ( 160 ).

L-Artikolu 77 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni mill-qrib u assistenza reċiproka bejn il-korpi responsabbli għas-superviżjoni jew l-infurzar tal-obbligi skont id-dritt tal-UE li jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jidentifikaw dawk il-korpi tad-drittijiet fundamentali ( 161 ) li għandhom is-setgħa li jitolbu u jaċċessaw, mill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq rilevanti, kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni maħluqa jew miżmuma skont ir-Regolament, meta dan ikun meħtieġ biex jissodisfaw il-mandat tagħhom. Meta dik id-dokumentazzjoni ma tkunx biżżejjed biex jiġi aċċertat jekk ikunx seħħ ksur, jistgħu jagħmlu talba motivata lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jorganizzaw l-ittestjar ta’ sistema tal-IA b’riskju għoli b’mezzi tekniċi ( 162 ).

L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jimponi wkoll ċerti obbligi ta’ kooperazzjoni fuq l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fejn l-użu ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli joħloq riskji għad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għan-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, iridu jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti tad-drittijiet fundamentali, jikkonsultaw u jikkooperaw bis-sħiħ magħhom ( 163 ).

Dawk ir-regoli għad iridu jiġu implimentati. Fiż-żmien tal-konsultazzjoni, kważi l-ebda wieħed mill-korpi għall-ugwaljanza mistħarrġa ma ħass li huwa mgħammar biex juża sistemi awtomatizzati jew tal-IA fix-xogħol tiegħu, jew biex jivvalutahom għall-konformità mar-regoli tan-nondiskriminazzjoni ( 164 ). In-nuqqas ta’ esperjenza, persunal speċjalizzat u riżorsi tekniċi ġew ikkwotati bħala r-raġunijiet ewlenin.

Kaxxa 7. Korpi għall-ugwaljanza li jiddefendu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-użu tal-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi( 165 ) 

Skont l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku ffinanzjat mill-UE, il-korpi għall-ugwaljanza fil-Belġju, fil-Finlandja u fil-Portugall qed ifittxu li jibnu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. Il-proġett jiffoka fuq l-impatt tal-IA fuq id-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza, bl-għan li tiżdied il-kapaċità tal-korpi għall-ugwaljanza li jidentifikaw id-diskriminazzjoni algoritmika u jipprovdu assistenza legali.

Skont il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għar-rapport, l-involviment sistematiku tal-korpi għall-ugwaljanza u l-ħatra tagħhom bħala korpi konsultattivi għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti ( 166 ) irawmu ambjent li jwassal għal kollaborazzjoni effiċjenti dwar l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi fil-kuntest tad-diskriminazzjoni algoritmika.

F’bosta Stati Membri, il-korpi għall-ugwaljanza diġà għandhom arranġamenti preeżistenti mal-awtoritajiet regolatorji, inkluż mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data.

Kaxxa 8. Kooperazzjoni bejn il-korpi għall-ugwaljanza u awtoritajiet oħra

Il-korp Netherlandiż għall-ugwaljanza jinvolvi ruħu b’mod proattiv mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. L-Ombudsman Finlandiż għan-Nondiskriminazzjoni jikkoopera mal-Aġenzija Finlandiża għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, u l-Kummissjoni Maltija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità taħdem mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Bl-istess mod, fi Franza, id-Difensur tad-Drittijiet huwa membru tal-bord konsultattiv tal-Awtorità Franċiża għall-Protezzjoni tad-Data, u għalhekk jipprovdi mudell għall-organizzazzjoni ta’ aġġornamenti u kooperazzjoni regolari.

Konklużjonijiet

L-Istati Membri jridu:

–ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-infurzar tad-Direttivi, inkluż f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika.

L-Istati Membri għandhom:

–jiżguraw kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi rilevanti għall-ugwaljanza u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Il-Kummissjoni hija impenjata li:

–tiffaċilita l-iskambji bejn l-awtoritajiet u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar is-sistemi tal-IA u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni algoritmika mal-istituzzjonijiet rilevanti, filwaqt li jibnu fuq il-proġett tat-TSI li għaddej bħalissa biex l-istituzzjonijiet jiġu mgħammra aħjar biex jiġġieldu forom ġodda ta’ diskriminazzjoni.

8.Konklużjonijiet

Mill-aħħar rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi ’l hawn, l-UE baqgħet impenjata bis-sħiħ lejn l-ugwaljanza u lejn l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni. Hija implimentat l-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza, adottat strateġiji ġodda dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-ugwaljanza tal-LGBTIQ + u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, adottat strateġija msaħħa għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, u tat spinta ġdida lill-infurzar tar-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni billi adottat id-Direttivi dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza. Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni prattika tal-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni.

Ir-rapport jenfasizza xi xejriet pożittivi. Pereżempju, is-sensibilizzazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni żdiedet kemxejn fost ċerti gruppi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma rrapportawx diffikultajiet kbar fl-applikazzjoni ta’ kunċetti ewlenin tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni u ħafna qasmu prattiki pożittivi u li jistgħu jiġu estiżi. Barra minn hekk, il-QĠUE tat sentenzi li se jipprovdu kjarifiki importanti tal-kunċetti tad-Direttivi. Id-Direttivi jidhru wkoll li jipprovdu għodod adattabbli u effettivi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni f’xenarju soċjetali li qed jevolvi.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu sforzi biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi tad-diskriminazzjoni u biex jikkooperaw mas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili rilevanti. Huma adottaw ukoll miżuri pożittivi biex jindirizzaw l-iżvantaġġi marbutin mal-karatteristiċi protetti.

Madankollu, l-Istati Membri jridu jkomplu bl-isforzi tagħhom biex japplikaw id-Direttivi fil-prattika. B’mod partikolari, huwa vitali li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, b’ammonti li jirriflettu l-ħsara fit-tul ikkawżata mid-diskriminazzjoni, jipprovdu rimedju għall-vittmi u jixprunaw bidla profonda.

L-isforzi biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttivi għandhom jimmiraw lejn gruppi protetti speċifiċi, filwaqt li jagħmlu użu mill-għarfien espert u mis-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali.

Il-vittmi tad-diskriminazzjoni u r-rappreżentanti tagħhom jeħtiġilhom ikollhom aċċess faċli għall-provi rilevanti, inkluż għad-data statistika, meħtieġa biex juru d-diskriminazzjoni u biex jaqilbu l-oneru tal-prova fuq l-imputat.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmluha aktar faċli li jintuża r-rimedju kollettiv f’kawżi ta’ diskriminazzjoni u jridu jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali.

Abbażi tas-sejbiet tar-rapport, l-Istati Membri u l-korpi għall-ugwaljanza tagħhom għandhom ikomplu jindirizzaw id-diversi sfidi li jinħolqu fid-dritt domestiku tagħhom u fil-prattika. B’mod partikolari, jistgħu jipprovdu aktar gwida u appoġġ lill-imħallfin, lill-prattikanti tal-liġi u lir-rikorrenti biex jgħinuhom jattivaw b’mod effettiv ir-regoli dwar il-qlib tal-oneru tal-prova f’kawżi dwar diskriminazzjoni. B’mod parallel, l-Istati Membri jridu jkomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-infurzar tad-Direttivi, inkluż f’kawżi ta’ diskriminazzjoni algoritmika. Dan jinvolvi l-iżgurar ta’ implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttivi dwar il-Korpi tal-Ugwaljanza.

L-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tad-Direttivi jirrikjedu sforzi konġunti. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri, il-korpi għall-ugwaljanza, il-FRA, l-EIGE, ir-regolaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali biex tiżgura protezzjoni sistemika għall-vittmi tad-diskriminazzjoni u biex il-potenzjal tad-Direttivi jiġi rrealizzat bis-sħiħ.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija impenjata lejn żewġ oqsma oħra ta’ azzjoni.

·L-iffaċilitar ta’ diskussjonijiet regolari fost l-Istati Membri dwar is-suġġetti ta’ hawn fuq. Dawn id-diskussjonijiet se jsiru permezz tal-grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza, li ġie stabbilit f’Mejju 2024.

·L-użu ta’ finanzjament mill-UE biex tiġi appoġġata l-kapaċità tal-Istati Membri u tal-atturi rilevanti biex jinfurzaw id-drittijiet fundamentali. Pereżempju, l-appoġġ jista’ jiġi pprovdut taħt il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) jew il-programm futur AgoraEU (sakemm isiru n-negozjati interistituzzjonali). Dak l-appoġġ ikopri l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, tal-korpi għall-ugwaljanza, tal-professjonisti legali, tal-prattikanti, tal-istituzzjonijiet tal-ombudspersons u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem biex ifasslu u jimplimentaw strateġiji ta’ litigazzjoni u approċċi ta’ litigazzjoni strateġika.

Ir-rapport li jmiss dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi għandu joħroġ fl-2031. Dan se jħares, b’mod partikolari, lejn il-progress li jkun sar fl-infurzar tad-Direttivi. F’dik l-istess sena, il-Kummissjoni se tirċievi informazzjoni mingħand l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-Korpi għall-Ugwaljanza. Imbagħad se tirrapporta wkoll dwar il-funzjonament indipendenti u l-effettività tagħhom.

(1) ()    ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/43/oj ; ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/78/oj .
(2) ()    Ara l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(3) ()    COM(2021) 139 final u SWD(2021) 63 final tad-19 ta’ Marzu 2021, EUR-Lex - 52021DC0139 – MT – EUR-Lex u EUR-Lex – 52021SC0063 – MT – EUR-Lex .
(4) ()    COM(2026) 12 final tal-20 ta’ Jannar 2026, EUR-Lex – 52026DC0012 – MT – EUR-Lex .
(5) ()    COM(2025) 725 final tat-8 ta’ Ottubru 2025, EUR-Lex – 52025DC0725 – MT – EUR-Lex . Ara wkoll strateġiji rilevanti oħra: COM(2020) 620 final tas-7 ta’ Ottubru 2020, EUR-Lex – 52020DC0620 – MT – EUR-Lex ; COM(2021) 101 final tat-3 ta’ Marzu 2021, EUR-Lex - 52021DC0101 - MT - EUR-Lex , COM(2026) 113 final tal-5 ta’ Marzu 2026, EUR-Lex - 52026DC0113 - MT - EUR-Lex , COM(2026) 541 final tas-6 ta’ Mejju 2026, EUR-Lex - 52026DC0541 - MT - EUR-Lex .
(6) ()    Il-FRA, Being Black in the EU – Experiences of people of African descent , Being Muslim in the EU – Experiences of Muslims , Jewish People’s Experiences and Perceptions of Antisemitism – EU survey of Jewish people , LGBTIQ Equality at a Crossroads – Progress and challenges , Roma in 10 European Countries – Main results – Roma survey 2021 , Rights of Roma and Travellers in 13 European Countries – Perspectives from the Roma survey 2024 , l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021–2025.
(7) ()    38 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-EU-MIDIS III; 39 % tar-rispondenti għall-istħarriġ dwar il-Lhud; 49 % tar-rispondenti għall-istħarriġ dwar l-LGBTQI III; 30 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-2021 dwar ir-Rom.
(8) ()    Il-FRA (ara n-nota 6).
(9) ()    Ara: Il-Kummissjoni Ewropea, “ 2023 Eurobarometer on discrimination in the EU ”.
(10) ()    Diskriminazzjoni bbażata fuq mill-inqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin: il-kulur tal-ġilda, l-isfond etniku jew ta’ immigrazzjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż, l-età, is-sess/il-ġeneru, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru.
(11) ()    Għall-finijiet tal-istħarriġ, id-diskriminazzjoni razzjali tqieset bħala diskriminazzjoni abbażi ta’ mill-inqas waħda mit-tliet raġunijiet li ġejjin: il-kulur tal-ġilda, l-isfond etniku jew ta’ immigrazzjoni u r-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż.
(12) ()    Il-FRA, Being Black in the EU – Experiences of people of African descent , Being Muslim in the EU – Experiences of Muslims , p. 44, Experiences and perceptions of antisemitism – Second survey on discrimination and hate crime against Jews in the EU , p. 59, Jewish People’s Experiences and Perceptions of Antisemitism – EU survey of Jewish people , p. 77.
(13) ()    ĠU L, 2024/1499, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1499/oj , ĠU L, 2024/1500, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj .
(14) ()    Bejn Mejju u Lulju 2025, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet immirati bl-użu ta’ kwestjonarju online li kien jinkludi kemm mistoqsijiet imfassla apposta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi kif ukoll mistoqsijiet miftuħa biex ir-rispondenti jkunu jistgħu jqajmu kwalunkwe tħassib addizzjonali. Il-kwestjonarji tqassmu lill-Istati Membri kollha, lill-korpi għall-ugwaljanza f’kull Stat Membru, lis-sħab soċjali Ewropej ikkonsultati skont l-Artikolu 154 tat-TFUE, u lil 57 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. Il-partijiet ikkonċernati ġew imħeġġa jaqsmu l-kwestjonarju mal-partijiet rilevanti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.
(15) ()    Ara pereż. l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali.
(16) ()    SWD(2021) 63 final, 19.3.2021, EUR-Lex – 52021SC0063 – MT – EUR-Lex .
(17) ()    Ara l-premessa 23 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(18) ()    Ara l-Artikolu 5 u l-Artikolu 17(c) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(19) ()    Ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-korp għall-ugwaljanza jkollu mill-inqas wieħed mid-drittijiet li ġejjin biex jaġixxi fi proċedimenti tal-qorti: (a) id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti f’isem vittma waħda jew diversi vittmi; (b) id-dritt li jipparteċipa fil-proċedimenti tal-qorti b’appoġġ għal vittma waħda jew diversi vittmi; jew (c) id-dritt li jiftaħ proċedimenti tal-qorti għan-nom tiegħu stess, sabiex jiddefendi l-interess pubbliku.
(20) ()    Ir-rimedju kollettiv huwa mekkaniżmu legali li jippermetti lil persuna jew persuni (fiżiċi jew ġuridiċi) jressqu azzjoni kollettiva li tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kollettivi.
(21) ()    Ara l-premessa 35 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(22) ()    Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(23) ()    L-Istati Membri jridu jiddeċiedu jekk jagħtux is-setgħa lil korp għall-ugwaljanza li joħroġ opinjonijiet mhux vinkolanti jew deċiżjonijiet vinkolanti.
(24) ()    ĠU L, 2026/1196, 11.6.2026, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1196/oj .
(25) ()    Ara l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(26) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2021, Diskrimineringsombudsmannen vs Braathens Regional Aviation AB, C-30/19, ECLI:EU:C:2021:269, il-punt 49.
(27) ()    Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Milieu Consulting, Adamis-Császár, K., Vancauwenbergh, S., Gustave, F. et al., Study on sanctions for discrimination on racial/ethnic/religious grounds – Final report, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025,  https://data.europa.eu/doi/10.2838/7531428 .
(28) ()    Miżuri bħal dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ inibizzjoni, jiġifieri ordni li tipprojbixxi ċerti azzjonijiet jew li tordna ċerti azzjonijiet. Inibizzjoni bażika tordna lil awtur ta’ reat jieħu azzjoni speċifika jew tip ta’ azzjoni speċifika, jew li jieqaf jieħu azzjoni speċifika jew tip ta’ azzjoni speċifika. L-inibizzjonijiet strutturali jfittxu li jindirizzaw id-diskriminazzjoni organizzazzjonali mifruxa u saħansitra dik integrata sistemikament li għalihom inibizzjoni bażika ma twassalx għal riforma sodisfaċenti (eż. l-emendar tar-regolamenti interni). Ara wkoll: Halberstam, D., Van den Bogaert, S., “A Fresh Look at Judicial Remedies in EU Equality Law and Beyond – The Untapped Possibility of Structural Injunctions”, Common Market Law Review, il-Vol. 60, il-Ħarġa 5, 2023, p. 1269–1312, https://doi.org/10.54648/cola2023093 .
(29) ()    Ara n-nota 27.
(30) ()    Pereżempju, dikjarazzjonijiet dwar politika diskriminatorja ta’ reklutaġġ minkejja li ma kien hemm l-ebda proċedura miftuħa ta’ reklutaġġ u ma kien hemm l-ebda ilmentatur identifikabbli li sostna li kien vittma ta’ diskriminazzjoni. Għal fatti simili, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C-54/07, ECLI:EU:C:2008:397 jew is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April, Asociaţia Accept, C-81/12, ECLI:EU:C:2013:275.
(31) ()    Ħlas, tipikament impost minn qorti fuq talba tal-vittma, biex l-awtur tar-reat jiġi mġiegħel jikkonforma ma’ sentenza fuq il-merti.
(32) ()    Penali imposta minn qorti jew korp deċiżjonali li ssir pagabbli biss jekk l-awtur tar-reat ma jissodisfax ċerti kundizzjonijiet. Din tintuża bħala deterrent biex tiġi żgurata l-konformità ma’ ordni jew rekwiżit speċifiku.
(33) ()    Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Milieu Consulting SRL, Adamis-Császár, K., Vancauwenbergh, S., Gustave, F. et al., Kif jistgħu s-sanzjonijiet jipprevjenu u jiġġieldu d-diskriminazzjoni b’mod effettiv? – Gwida ta’ Prattika Tajba dwar is-sanzjonijiet għad-diskriminazzjoni fuq bażi razzjali, etnika u reliġjuża, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025, p. 32, https://data.europa.eu/doi/10.2838/0513884 .
(34) ()    Ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttivi. Id-diskriminazzjoni diretta tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, f’sitwazzjoni komparabbli minħabba l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Id-diskriminazzjoni indiretta tkopri dispożizzjonijiet (jew prattiki) apparentement newtrali li jpoġġu lil persuni ta’ oriġini razzjali jew etnika, jew persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra, ħlief jekk dawk id-dispożizzjonijiet (jew prattiki) ikunu oġġettivament ġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji.
(35) ()    Ara l-Artikolu 2(4) tad-Direttivi.
(36) ()    Il-letteratura rilevanti tista’ tippreżenta ċifri differenti minn dawk ipprovduti mill-Istati Membri. Ara Dewhurst, E., Buendia, R., Instructions to discriminate under EU and national law, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025,  https://data.europa.eu/doi/10.2838/6242130 .
(37) ()    Ara n-nota 36, p. 10.
(38) ()    Ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttivi.
(39) ()    Il-fastidju “diskriminatorju” jiffoka fuq l-impatt fuq id-dinjità u l-imġiba tal-vittma, filwaqt li l-fastidju kriminali jiffoka fuq il-kastig tal-awtur tar-reati kriminali.
(40) ()    Il-liġi kriminali tindirizza l-aktar forom severi ta’ fastidju, bħall-inċitament għall-mibegħda, il-malafama, l-istalking jew it-theddid.
(41) ()    Il-fastidju kriminali tipikament jirrikjedi l-intenzjoni, il-persistenza u l-ħsara. Dawn ma humiex meħtieġa skont il-liġi dwar in-nondiskriminazzjoni.
(42) ()    Dawn jinkludu: lingwaġġ mhux xieraq jew offensiv; il-produzzjoni, il-wiri jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ stampi jew vidjows jew kliem bil-miktub; il-kuntatt fiżiku jew il-vjolenza; il-bullying; l-esklużjoni; il-kritika jew il-kontroll inġustifikabbli/persistenti; it-tfixkil tal-prestazzjoni professjonali jew it-tixrid ta’ xniegħat; it-tagħbija żejda intenzjonata b’xogħol jew l-iffissar ta’ skadenzi impossibbli; l-umiljazzjoni; l-intimidazzjoni jew it-theddid verbali jew mhux verbali; l-abbuż verbali jew l-insulti; iċ-ċajt mhux xieraq; il-pressjoni psikoloġika jew il-vjolenza; l-atti jew it-talbiet mhux mixtieqa; il-ġesti; l-istalking; it-tgħajjir; id-diskors ta’ mibegħda jew is-simboli ta’ mibegħda; il-fastidju online; il-graffiti; u r-rifjut li jiġu rikonoxxuti l-pronomi preferuti.
(43) ()    Malta enfasizzat li qafas bħal dan joħloq dmir pożittiv ta’ diliġenza għall-impjegaturi, għall-edukaturi u għall-fornituri tas-servizzi biex b’mod attiv jipprevjenu l-fastidju – mhux biss bejn il-persunal iżda wkoll bejn il-persunal u partijiet terzi.
(44) ()    L-eżempji mill-Bulgarija u mill-Italja jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali kemm tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali kif ukoll tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi. Madankollu, huma rilevanti għall-kunċett ta’ “fastidju” kif definit f’dawn id-Direttivi u kif implimentat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
(45) ()    Il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Bulgarija, id-Deċiżjoni Nru 9763 tas-16 ta’ Settembru 2024.
(46) ()    Il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Bulgarija, id-Deċiżjoni Nru 5014 tal-14 ta’ Mejju 2025.
(47) ()    Il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, is-Sentenza Nru 2023/CO/654 tas-27 ta’ Ġunju 2024.
(48) ()    Il-Qorti Suprema Taljana tal-Kassazzjoni, id-Digriet Nru 14836 tas-26 ta’ Mejju 2023.
(49) ()    Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2025, Bervidi, C-38/24, ECLI:EU:C:2025:690, il-punti 55 sa 56.
(50) ()    Walsh, J., Discrimination by association and discrimination by assumption under directives 2000/43 and 2000/78, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, p. 12–13, https://data.europa.eu/doi/10.2838/4086758 .
(51) ()    Ara pereż. Timishev vs Ir-Russja, Nri 55762/00 u 55974/00, it-13 ta’ Diċembru 2005.
(52) ()    Ara n-nota 50.
(53) ()    Fil-kawża Bervidi (ara n-nota 49), il-QĠUE ddeċidiet li l-ħaddiema mingħajr diżabilità jistgħu jibbenefikaw ukoll minn akkomodazzjoni raġonevoli f’ċerti ċirkostanzi.
(54) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria’ AD vs Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C-83/14, ECLI:EU:C:2015:480, il-punti 49 u 56.
(55) ()    Ara l-premessa 14 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-premessa 3 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(56) ()    Id-diskriminazzjoni li sseħħ abbażi ta’ diversi raġunijiet jew karatteristiċi/identitajiet personali, li joperaw u jinteraġixxu ma’ xulxin fl-istess ħin b’tali mod li jkunu inseparabbli.
(57) ()    Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2016, David L. Parris vs Trinity College Dublin et, C-443/15, ECLI:EU:C:2016:897, il-punt 80.
(58) ()    ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21, http://data.europa.eu/eli/dir/2023/970/oj .
(59) ()    Fl-Artikolu 3(2)(e), id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi tipprojbixxi b’mod espliċitu d-diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija elenkata bħala forma distinta ta’ diskriminazzjoni. Din tiddefinixxi d-diskriminazzjoni intersezzjonali bħala “diskriminazzjoni bbażata fuq taħlita ta’ sess u kwalunkwe raġuni jew raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni protetta skont id-Direttiva 2000/43/KE jew 2000/78/KE”.
(60) ()    Ara l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2024/1500.
(61) ()    Ara pereż. COM(2025) 725 final tat-8 ta’ Ottubru 2025; COM(2026) 12 final tal-20 ta’ Jannar 2026.
(62) ()    Ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(63) ()    Pereżempju, 39 % biss tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-EU-MIDIS III fost gruppi etniċi jew immigranti kienu semgħu b’mill-inqas korp wieħed għall-ugwaljanza fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Fiż-żmien tar-rapport preċedenti, 29 % biss minn dan il-grupp kienu jafu bi kwalunkwe organizzazzjoni li tipprovdi appoġġ jew parir lil dawk soġġetti għad-diskriminazzjoni. Madankollu, l-FRA tinnota li, minkejja li s-sensibilizzazzjoni dwar korpi speċifiċi għall-ugwaljanza hija ogħla, din ma tikkorrelatax ma’ żieda sostanzjali fir-rapportar tad-diskriminazzjoni.
(64) ()    Défenseur des droits, Plateforme AntiDiscriminations.fr - Agir contre les discriminations .
(65) ()    Il-prinċipju tal-opportunità ugwali għall-partijiet huwa aspett wieħed tal-kunċett usa’ ta’ proċess ġust. Kull parti trid tingħata opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-każ tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex fi żvantaġġ fil-konfront tal-avversarju tagħhom. Ara pereż. is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta’ Frar 1996, Bulut vs l-Awstrija, 17358/90, ECLI:CE:ECHR:1996:0222JUD001735890, il-punt 47.
(66) ()    Ara COM(2024) 419 final tal-25 September 2024, EUR-Lex - 52024DC0419 - MT - EUR-Lex , p. 6.
(67) ()    Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(68) ()    Pereżempju, il-korp għall-ugwaljanza fil-Ġermanja ppropona li jitnaqqas ir-rekwiżit li jiġi ppruvat l-iżvantaġġ, ipprovda indikazzjonijiet biex jiġu stabbiliti provi prima facie u rrakkomanda li jiġi stabbilit dritt għall-informazzjoni kontra l-imputat.
(69) ()    L-ittestjar tas-sitwazzjoni huwa metodu li permezz tiegħu pari ta’ saġġaturi (applikanti għal akkomodazzjoni jew għal post tax-xogħol vakanti jew klijenti ta’ ristorant, nightclub, eċċ.) jintgħażlu b’tali mod li jvarjaw biss abbażi ta’ karatteristika waħda li tirrifletti r-raġuni diskriminatorja (il-ġeneru, l-etniċità, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, jew l-orjentazzjoni sesswali) taħt skrutinju. Jekk wieħed mill-membri tal-par jiġi ttrattat b’mod differenti, id-distinzjoni tindika mġiba diskriminatorja. Ara Rorive, I., Proving Discrimination Cases – The role of situation testing, il-Grupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni, iċ-Ċentru għad-Drittijiet Ugwali, 2009, Proving Discrimination Cases – The role of situation testing | Grupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni .
(70) () Ix-xiri bil-moħbi huwa teknika użata biex jiġi vverifikat jekk individwi jew entitajiet jaċċettawx talbiet diskriminatorji. Pereżempju, l-investigaturi jagħmlu talbiet diskriminatorji lil aġenziji tal-impjieg temporanju jew lil aġenziji tal-proprjetà. Ara Tests de situation et mystery shopping en cas de discrimination | Unia .
(71) ()    Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(72) ()    Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ġunju 2019, Hakelbracht et, C-404/18, ECLI:EU:C:2019:523, il-punti 26 sa 30.
(73) ()    Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(74) ()    Ara l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(75) ()    Id-djalogu tripartitiku jinvolvi diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.
(76) ()    Ara COM(2021) 139 final tad-19 ta’ Marzu 2021, EUR-Lex - 52021DC0139 - MT - EUR-Lex , p. 12.
(77) ()    Ara l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(78) ()    Pereżempju, ir-riżultati għall-indikatur tal-integrazzjoni tal-ġeneri tal-EIGE varjaw minn 71 % fi Spanja għal żero fl-Ungerija, b’21 Stat Membru jiksbu punteġġ ta’ inqas minn 50 %. Dan jissuġġerixxi li ħafna pajjiżi jistgħu jagħmlu aktar biex jintegraw b’mod effettiv it-tħassib dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta’ politika. Ara: EIGE, Institutional mechanisms that deliver on gender equality and gender mainstreaming, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, p. 14.
(79) ()    Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(80) ()    Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi fil-Kawżi C-450/93, Eckhard Kalanke v Freie Hansestadt Bremen; C-409/95, Hellmut Marschall v Land Nordrhein-Westfalen; C-158/97, Georg Badeck et; C-407/98, Katarina Abrahamsson u Leif Anderson vs Elisabet Fogelqvist; C-476/99, H. Lommers vs Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij; C-559/07, Il-Kummissjonivs Il-Greċja, fost l-oħrajn.
(81) ()    Ara wkoll Giteva, D., “Positive action on the grounds of racial or ethnic origin within the EU with a focus on Bulgaria, Greece and Hungary”, fil-: European equality law review 2024, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, p. 26–42.
(82) ()    Xi pajjiżi joffru aktar miżuri, bħal inċentivi finanzjarji għal kumpaniji li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni (disa’ Stati Membri) u programmi li jappoġġaw l-iżvilupp tan-negozju fost gruppi żvantaġġati (sitt Stati Membri).
(83) ()     Angajez 45+ | D&I România | Discriminarea de vârstă .
(84) ()    Ara l-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali.
(85) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2025, Slagelse Almennyttige Boligselskab, Afdeling Schackenborgvænge, C-417/23, ECLI:EU:C:2025:1017.
(86) ()    ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2006/123/oj .
(87) ()    Ara n-nota 85, il-punt 56.
(88) ()    Ara n-nota 85, il-punti 60–61.
(89) ()    Il-Kawża C-799/23: Azzjoni mressqa fit-22 ta’ Diċembru 2023 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka, ĠU C, C/2024/1402, 19.2.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/C/2024/1402/oj .
(90) ()    Il-Kummissjoni tenfasizza l-fehim komuni li r-“razez” huma purament ibbażati fuq ideat mibnija soċjalment u tiċħad il-kunċett ta’ “razez” bijoloġiċi.
(91) ()    Ara COM(2026) 12 final tal-20 ta’ Jannar 2026, p. 3.
(92) ()    Ara Kádár, A., The legal framework to combat anti-Muslim hate in the European Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, https://data.europa.eu/doi/10.2838/0978883 ; Kadar. A, The legal framework to combat antisemitism in the EU, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, p. 31, https://data.europa.eu/doi/10.2838/273421 .
(93) ()    Ara n-nota 85.
(94) ()    Ara n-nota 85, il-punt 72.
(95) ()    Ara n-nota 85, il-punti 72–74 u 82–85.
(96) ()    Ara n-nota 85, il-punt 86.
(97) ()    L-“immigranti li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-Punent u d-dixxendenti tagħhom” ġew definiti abbażi ta’ taħlita ta’ nazzjonalità, pajjiż tat-twelid u nazzjonalità tal-ġenituri/pajjiż tat-twelid, li tiddistingwi bejn oriġini “tal-Punent” u “mhux tal-Punent”. L-aġenzija tal-Istatistika Daniża (Danmarks Statistik) iddefiniet il-pajjiżi “tal-Punent” bħala: L-Istati Membri tal-UE, Andorra, l-Awstralja, il-Kanada, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, Monaco, New Zealand, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Il-pajjiżi l-oħrajn kollha ssejħu “pajjiżi mhux tal-Punent”.
(98) ()    Ara n-nota 85, il-punti 100–104.
(99) ()    F’konformità mal-ġurisprudenza preċedenti tal-QĠUE, eż. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD, C-262/14, EU:C:2015:336.
(100) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kawża C-349/23, Zetschek, ECLI:EU:C:2024:889.
(101) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2023, il-Kawża C-356/21, TP (Monteur audiovisuel pour la télévision publique), ECLI:EU:C:2023:9.
(102) ()    L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(103) ()    L-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(104) ()    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kawża C-587/20, HK vs Danmark u HK/Privat, ECLI:EU:C:2022:419.
(105) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2024, il-Kawża C-631/22, Ca Na Negreta, ECLI:EU:C:2024:53.
(106) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2022, il-Kawża C-485/20, HR Rail, ECLI:EU:C:2022:85.
(107) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2025, il-‑38/24, Bervidi, ECLI:EU:C:2025:690.
(108) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, il-Kawża C-303/06, Coleman, ECLI:EU:C:2008:415.
(109) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 2017, il-Kawża C-157/15, Achbita, ECLI:EU:C:2017:203.
(110) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 2017, il-Kawża C-188/15, Bougnaoui u ADDH, ECLI:EU:C:2017:204.
(111) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, il-Kawżi Magħquda C-804/18 u C-341/19, WABE, ECLI:EU:C:2021:594.
(112) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ottubru 2022, il-Kawża C-344/20, S.C.R.L,, ECLI:EU:C:2022:774.
(113) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2023, il-Kawża C-148/22, OP vs Commune d’Ans, ECLI:EU:C:2023:924.
(114) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2026, il-Kawża C-258/24, Katholische Schwangerschaftsberatung, ECLI:EU:C:2026:211.
(115) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2026, il-Kawża C-522/24, Ministero della Difesa, ECLI:EU:C:2021:498.
(116) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2021, il-Kawża C-824/19, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, ECLI:EU:C:2021:862.
(117) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2022, il-Kawża C-485/20, HR Rail, ECLI:EU:C:2022:85.
(118) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2024, il-Kawża C-631/22, Ca Na Negreta, ECLI:EU:C:2024:53.
(119) ()    Approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009.
(120) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2024, il-Kawża C-631/22, Ca Na Negreta, ECLI:EU:C:2024:53, il-punt 41.
(121) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kawża C‑408/23, Anwaltsnotarin, ECLI:EU:C:2024:901, dwar limitu ta’ età massima ta’ 60 sena għall-ewwel ħatra għal pożizzjoni ta’ avukat-nutar.
(122) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2021, il-Kawża C-914/19, Ministero della Giustizia, ECLI:EU:C:2021:430.
(123) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2022, il-Kawża C‑304/21, Ministero dell’Interno, ECLI:EU:C:2022:897.
(124) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2021, il-Kawża C-511/19, Olympiako Athlitiko Kentro Athinon, ECLI:EU:C:2021:274.
(125) ()    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2023, il-Kawża C-518/22, AP Assistenzprofis, ECLI:EU:C:2023:956.
(126) ()    Ukoll f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, ECLI:EU:C:2013:28, fost l-oħrajn.
(127) ()    L-inugwaljanzi strutturali fl-edukazzjoni juru l-problema sew. Pereżempju, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju huma ferm aktar probabbli li jiġu segregati fl-iskola jew li jitilqu mill-iskola kmieni. Fost ir-Rom jew it-Travellers li wieġbu għall-istħarriġ tal-FRA, 32 % biss kisbu mill-inqas edukazzjoni sekondarja għolja, meta mqabbla ma’ 84 % tal-popolazzjoni ġenerali fl-UE fl-2024. Ara FRA, Rights of Roma and Travellers in 13 European countries – Perspectives from the Roma survey 2024 , p. 42.
(128) ()    Ara pereż. l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(129) ()    Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka, 6Cdo/14/2023.
(130) ()    Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022 , 25 Cdo 473/2021, ECLI:CZ:NS:2022:25.CDO.473.2021.1.
(131) ()    Meta organizzazzjoni taġixxi fl-interess pubbliku f’isimha stess mingħajr ma jkollha vittma speċifika x’tappoġġa jew x’tirrappreżenta. Ara n-nota 27, p. 126.
(132) ()    Id-dmirijiet tal-ugwaljanza jinkludu miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, obbligi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u rekwiżiti ta’ integrazzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi u/jew privati. Ara Equinet, Crowley, N. (2016), “Making Europe more equal: A legal duty?’, p. 9, Making Europe more Equal: A Legal Duty? .
(133) ()    Meta r-rikorrenti jaġixxu f’isem grupp mhux definit ta’ rikorrenti jew f’isem diversi rikorrenti identifikati li jippreżentaw diversi talbiet. Ara n-nota 27, p. 126.
(134) ()    Equinet, Tudisco, V. u Lantschner, E. (2022), “Preventing and Reacting to Discrimination through Sanctions and Remedies”, p. 24, Preventing and Reacting to Discrimination through Sanctions and Remedies – Equinet .
(135) ()    Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(136) ()    Pereżempju, fl-Iżvezja, il-leġiżlazzjoni ma tippermettix azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol. Fir-Rumanija, l-azzjonijiet kollettivi ma humiex disponibbli għall-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew it-trade unions. Ara n-nota 27, p. 126.
(137) ()    Ara n-nota 33, p. 32.
(138) ()    Ara l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(139) ()    Bartoletti, I., Xenidis, R., Study on the impact of artificial intelligence systems, their potential for promoting equality, including gender equality, and the risks they may cause in relation to non-discrimination, il-Kunsill tal-Ewropa, 2023, p. 15.
(140) ()    Ara Wulf J., Automated Decision-Making Systems and Discrimination – Understanding causes, recognizing cases, supporting those affected, AlgorithmWatch, 2022, p. 8.
(141) ()    “Indikatur” tirreferi għal karatteristika korrelatata ma’ karatteristika protetta li l-użu tagħha fi proċedura ta’ deċiżjoni jista’ jirriżulta f’diskriminazzjoni indiretta. Ara Datta, A., Fredrikson, M., Ko, G., Mardziel, P. u Sen, S., “Proxy Non-Discrimination in Data-Driven Systems”, https://doi.org/10.48550/arXiv.1707.08120 .
(142) ()    Ara n-nota 139.
(143) ()    Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi.
(144) ()    ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj .
(145) ()    Għal sistemi integrati fi prodotti bħal liftijiet jew ġugarelli, ir-regoli se japplikaw mit-2 ta’ Awwissu 2028.
(146) ()     Mit-2 ta’ Diċembru 2027 għar-regoli li jaqgħu taħt l-Anness III tal-Att dwar l-IA u mit-2 ta’ Awwissu 2028 għas-sistemi tal-IA li jaqgħu taħt l-Anness I tal-Att dwar l-IA.
(147) ()    Ara l-Artikolu 5 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(148) ()    Ara l-Artikolu 6 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(149) ()    Ara l-Artikoli 8 sa 15 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(150) ()    Ara l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(151) ()    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 26(11) tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jirrikjedi li dawk li jużaw sistemi tal-IA ta’ riskju għoli li jieħdu deċiżjonijiet jew jassistu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ persuni fiżiċi, jinfurmaw lill-persuni fiżiċi li huma soġġetti għall-użu ta’ tali sistema. Barra minn hekk, l-Artikolu 86 tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jagħti lill-individwi d-dritt li jiksbu spjegazzjonijiet ċari u sinifikanti dwar ir-rwol tas-sistema tal-IA fil-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-elementi ewlenin tad-deċiżjoni meħuda.
(152) ()Għal aktar dettalji, ara Hacker, P. (2018), “Teaching fairness to artificial intelligence – Existing and novel strategies against algorithmic decision-making under EU law” Common Market Law Review, il-Vol. 55, il-Ħarġa 4, 2018, p. 1143, 1151.
(153) ()    Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi ma jestendix għall-oqsma tal-migrazzjoni u l-infurzar tal-liġi, filwaqt li l-benesseri lanqas ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jikklassifika ċerti sistemi tal-IA maħsuba għall-użu fil-migrazzjoni, fl-infurzar tal-liġi, f’servizzi u f’benefiċċji privati u pubbliċi essenzjali, u xi oqsma sensittivi oħra bħala ta’ riskju għoli. Il-fornituri u l-utenti ta’ dawn is-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli jridu jikkonformaw mal-obbligi tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, kif deskritt fit-taqsima 7.1 ta’ dan ir-rapport.
(154) ()    Rechtbank Overijssel, id-29 ta’ Ottubru 2024, ECLI:NL:RBOVE:2024:5627.
(155) ()    College voor de Rechten van de Mens, Vooronderzoek naar de vermeende discriminerende effecten van de werkwijzen van de Belastingdienst/Toeslagen | College voor de Rechten van de Mens .
(156) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2350 tat-13 ta’ Novembru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali (ĠU L, 2025/2350, 17.11.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2350/oj ).
(157) ()    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali (Adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl-4 ta’ Marzu 2026 fl-1552 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri), CM/Rec(2026)1, 4.3.2026, https://search.coe.int/cm?i=09125948802acd7f.
(158) ()    Il-Ministeru tal-Intern tan-Netherlands, “Guidelines for non-discrimination by design”, Handreiking non-discriminatie Artificial Intelligence (AI) | | Rapport | Rijksoverheid.nl .
(159) ()    Ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(160) ()    Il-premessa 22 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1499.
(161) ()    Sa issa, 21 Stat Membru nnotifikaw xi wħud mill-korpi għall-ugwaljanza tagħhom jew kollha kemm huma bħala awtoritajiet għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali b’setgħat speċjali skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(162) ()    Ara l-Artikolu 77(3) tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(163) ()    Ara l-Artikolu 79(2) u l-Artikolu 82(1) tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
(164) ()    L-eċċezzjoni notevoli hija l-Finlandja. Flimkien mal-Belġju u l-Portugall, hija parti minn proġett ta’ bini tal-kapaċità taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.
(165) ()    Il-Kunsill tal-Ewropa, “ Upholding equality and non-discrimination by Equality bodies regarding the use of artificial intelligence (AI) in public administrations – Inclusion and anti-discrimination ”.
(166) ()    Eż. l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-swieq, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-korpi tal-konsumaturi. Ara l-premessa 41 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499.