Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tat-TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont l-Artikolu 66.1 tat-TRIPS għall-pajjiżi l-inqas żviluppati /* COM/2013/0309 final - 2013/0161 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. DAĦLA Mill-adozzjoni fl-1994 tal-Ftehim
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti
tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS),
il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs) kienu eżentati
mill-biċċa l-kbira tal-obbligi tat-TRIPS għal perjodu ta’
għaxar snin, wara l-ewwel sena ta’ eżenzjoni ġenerali
għall-membri kollha tad-WTO, permezz tal-Artikolu 66.1 tiegħu. Dan
l-istess Artikolu jipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ iktar estensjonijiet
ta’ dan il-perjodu fuq talba motivata kif dovut. Fl-2005, wara talba
speċifika minn LDCs, din l-eżenzjoni ġiet estiża kif
mistħoqq sal-1 ta’ Lulju 2013. Fid-dawl tal-iskadenza li qed toqrob,
il-Ħaiti, f’isem il-grupp LDC, formalment ressqet talba fil-5 ta’ Novembru 2012
għal estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali (ara d-Dokument tal-WTO
IP/C/W/583). Minflokk talab għal estensjoni speċifika kkalkulata fi
snin, din id-darba l-grupp LDC talab eżenzjoni "... sakemm ma
jibqgħux Membru li huwa pajjiż l-inqas żviluppat.”[1] Sommarju dwar l-isfond tat-talba tal-Grupp LDC
qiegħed jiġi ppreżentat hawn taħt. 2. SOMMARJU Il-preambolu tal-Ftehim TRIPS jirrikonoxxi
l-ħtieġa partikolari tal-LDCs għal flessibilità massima
fl-implimentazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti domestikament,
bl-għan ikun li tippermettilhom joħolqu bażi teknoloġika
soda u vijabbli. Ippermetta wkoll lil-LDCs għaxar snin mill-1995 biex
japplikaw il-maġġoranza tal-obbligi tat-TRIPS. Il-perjodu ta’
tranżizzjoni kien jista’ jiġi estiż bi tweġiba għal talba
speċifika u fl-2005 l-LDCs talbu għal estensjoni ta' 15-il sena u
finalment kisbu estensjoni ta’ 7.5 snin, sal-1 ta’ Lulju 2013.
Sadanittant, id-Dikjarazzjoni ta’ Doha tal-2001 dwar it-TRIPS u
s-Saħħa Pubblika kienet diġà estendiet il-perjodu biex l-LDCs
jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-privattivi u l-protezzjoni
tad-dejta għall-farmaċewtiċi sal-2016. Fid-diskussjonijiet li wasslu
għad-deċiżjoni fl-2005 biex l-iskadenza għall-konformità
mal-obbligi tat-TRIPS tiġi estiża, waħda mill-mistoqsijiet
imqajma kienet jekk l-estensjoni għandhiex tingħata fuq bażi ta’
pajjiż b’pajjiż jew bħala grupp. Il-ftehim finali ta
estenżjoni lil-LDCs kollha bħala grupp. Meta l-Kunsill tat-TRIPS
qabel mal-estensjoni tal-2005, kien stabbilixxa wkoll proċess biex
jgħin lill-LDCs jimplimentaw it-TRIPS fir-reġimi nazzjonali
tagħhom tal-proprjetà intellettwali. Il-Kunsill tat-TRIPS talab lil-LDCs
biex jidentifikaw il-ħtiġijiet prijoritarji tagħhom għal
kooperazzjoni teknika u finanzjarja u staqsa lill-pajjiżi żviluppati biex
jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet
identifikati. Talab ukoll għal kooperazzjoni msaħħa mal-Organizzazzjoni
Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
relevanti oħra. L-enfasi kienet fuq il-prijoritajiet individwali ta’ kull
LDC u fuq l-iżgurar li dawn il-ħtiġijiet jintlaħqu b’mod
effettiv. Billi għarfu l-utilità tal-proprjetà
intellettwali għall-iżvilupp, il-ministri fil-Laqgħa Reġjonali
Preparatorja għall-Afrika f'Dar es Salaam f'Marzu 2013 qabel l-Analiżi
Ministerjali Annwali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU
pereżempju ddikjaraw li “Dawk li jfasslu l-politika fl-Afrika
għandhom jirduppjaw l-isforzi biex jiżviluppaw oqfsa
ġuridiċi u ta’ politika, inklużi l-leġiżlazzjoni u
l-politika tagħhom dwar il-proprjetà intellettwali, sabiex jagħtu
sfog lill-potenzjal mhux sfruttat tar-reġjun.” Aktar posponimenti
fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TRIPS għalhekk
jistgħu jtellfu l-possibilitajiet għat-tkabbir għal-LDCs. Skeda
ta’ żmien indefinita tista' wkoll tnaqqas xi ftit
mill-ħeġġa biex b'xi mod jaħdmu lejn l-implimentazzjoni.
Iżda, jibqa’ l-fatt li xi LDCs jagħmlu progress aktar
mill-oħrajn fl-implimentazzjoni tagħhom. Meta wieħed iżomm
dan f’moħħu, estensjoni limitata hija aċċettabbli.
Estensjoni limitata għandha tkun akkumpanjata minn aktar assistenza
teknika mmirata, li l-UE kienet qiegħda tagħti b'mod sinifikanti.
Barra minn hekk, analiżi komprensiva tal-istat ta’ implimentazzjoni
fil-prattika f’kull LDC tkun utli sabiex tingħata stampa aktar ċara
tas-sitwazzjoni u b’hekk tkun tista' tingħata għajnuna effettiva u
skont il-prijorità. Sabiex jiġi evitat li d-dibattitu fid-WTO
jitbiegħed mill-kwistjoni konċernata, deċiżjoni ġdida
li testendi l-eżenzjoni għandha ssegwi l-istruttura ġenerali ta’
dik meħuda fl-2005. Notevolment, l-LDCs impenjaw ruħhom li ma
jnaqqsux il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intelletwali li diġà kien
jeżisti f’pajjiżhom matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Barra
minn hekk, id-deċiżjoni attwali li għandha tittieħed dwar
l-eżenzjoni ġenerali biex LDCs jimplimentaw it-TRIPS għandha
tinżamm separata mid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-TRIPS tas-27 ta’ Ġunju 2002
dwar “l-Estensjoni tal-Perjodu ta’ Tranżizzjoni... għall-Membri LDCs
għal Ċerti Obbligi fir-rigward ta’ Prodotti Farmaċewtiċi”. 3. RAKKOMANDAZZJONI Bħala rispons għat-talba tal-grupp
tal-LDC, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex
jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li ġejja: Il-Membri li huma
pajjiżi l-inqas żviluppati ma għandhomx ikunu meħtieġa
japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, minbarra l-Artikoli 3, 4
u 5, għal perjodu mhux itwal mit-tul taż-żmien tal-estensjoni
mogħtija preċedentement fl-2005, jew sa tali data li fiha ma
jibqgħux pajjiż Membru l-inqas żviluppat, skont liema data tkun
l-ewwel. Matul dan iż-żmien, konsiderazzjoni xierqa tista’
tingħata għall-istati differenti tal-implimentazzjoni tat-TRIPS
fl-LDCs, u kif l-assistenza teknika tista’ tintuża aktar biex tgħin
ħalli dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati, b'attenzjoni primarja fuq
dawk l-oqsma ta’ utilità l-aktar immedjata. Matul dan il-perjodu ta'
estensjoni, l-LDCs ma għandhomx inaqqsu l-livell diġà eżistenti
ta’ protezzjoni tal-PI taħt l-istandards stabbiliti mit-TRIPS. 2013/0161 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni
Ewropea fi ħdan il-Kunsill tat-TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija
tal-Kummerċ dwar it-talba għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni
skont l-Artikolu 66.1 tat-TRIPS għall-pajjiżi l-inqas
żviluppati IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4)
u l-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fil-5 ta’ Novembru 2012
Ħaiti, f’isem il-grupp tal-LDC, formalment talbet estensjoni
għall-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti
tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS),
skont l-Artikolu 66.1 ta’ dak il-Ftehim. (2) Il-perjodu ta’
tranżizzjoni eżistenti, kif miftiehem fid-Deċiżjoni
tal-Kunsill għat-TRIPS tad-29 ta’ Novembru 2005 (IP/C/40),
kien se jiskadi fl-1 ta’ Lulju 2013. (3) L-Artikolu 66.1
tal-Ftehim tat-TRIPS jipprevedi li l-Kunsill tat-TRIPS “għandu, fuq
talba motivata minn Membru li huma pajjiż l-inqas żviluppat,
jagħti estensjonijiet ta’ dan il-perjodu”. (4) L-ingranaġġ u
l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija fattur ewlieni fil-promozzjoni
tat-tkabbir soċjoekonomiku, bħal pereżempju kif rikonoxxut
f’Marzu 2013 fl-Analiżi Ministerjali Annwali tal-Kunsill Ekonomiku u
Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti li sejjaħ biex jirduppjaw l-isforzi biex
jiġi żviluppat qafas ġuridiku u ta’ politika għal
pereżempju l-proprjetà intellettwali. (5) Il-membri li huma
pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) għamlu progress b’rati u
profondità differenti fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Ftehim TRIPS
tad-WTO. (6) Diġà ttieħdu passi
importanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali minn għadd ta’ LDCs,
iżda jibqa’ l-fatt li l-LDCs għandhom bżonnijiet u
rekwiżiti speċjali u għadhom jaffaċċjaw
restrizzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u amministrattivi, u allura
għandhom bżonn flessibbiltà u żmien biex jimplimentaw
id-dispożizzjonijiet tat-TRIPS. (7) Għalhekk, huwa
meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tat-TRIPS għall-membri tad-WTO li
huma pajjiżi l-inqas żviluppati, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Il-pożizzjoni li
għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tat-TRIPS
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba għal estensjoni
tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont l-Artikolu 66.1 tat-TRIPS
għall-Membri li huma pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) hija li
l-LDCs ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw
id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, minbarra l-Artikoli 3, 4 u 5,
għal perjodu li mhux itwal mit-tul taż-żmien tal-estensjoni
mogħtija preċedentement fl-2005, jew sad-data li fiha ma
jibqgħux Membru li huwa pajjiż l-inqas żviluppat, skont liema
data tiġi l-ewwel. 2. Matul dan il-perjodu ta'
estensjoni, l-LDCs ma għandhomx inaqqsu l-livell diġà eżistenti
ta’ protezzjoni tal-PI taħt l-istandards stabbiliti mit-TRIPS. 3. Matul dan iż-żmien,
konsiderazzjoni xierqa għandha tingħata għall-istati differenti
tal-implimentazzjoni tat-TRIPS fl-LDCs, u kif programmi ta' assistenza teknika
u bini ta' kapaċità jistgħu jintużaw aktar biex jgħinu
ħalli dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati, b'attenzjoni primarja fuq
dawk l-oqsma ta’ utilità l-aktar immedjata. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] It-test
propost għal Deċiżjoni tal-Kunsill tat-TRIPS fil-Komunikazzjoni
tal-LDC jgħid: “Il-Membri li huma pajjiż l-inqas żviluppat ma
għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet
tal-Ftehim, għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, sakemm ma jibqgħux Membru
li huwa pajjiż l-inqas żviluppat”.