29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

226


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/118/PESK

ta' l-20 ta' Frar 2006

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali u li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (1).

(2)

Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK, il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għandu jiġi estiż b'perjodu ta' 12-il xahar u l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK għandha tiġi emendata.

(3)

L-EUSR sejjer jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiħżien u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sur Ján Kubiš bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għall-Asja Ċentrali, kif stabbilit fl-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK, huwa b'dan estiż sat-28 ta' Frar 2007.

Artikolu 2

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat ta' l-EUSR fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2006 sat-28 ta' Frar 2007 għandu jkun ta' EUR 925 000.

2.   Id-data meta tkun tista' tibda titwettaq in-nefqa għandha tkun l-1 ta' Marzu 2006.

Artikolu 3

L-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

1)

l-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

L-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-koerenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta lis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ), lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2006 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2006. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw bażi għal valutazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-Gruppi ta' Ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-insedjament, ir-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.”

;

2)

fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu għandu jiġi mħassar.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Maghmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Frar 2006

Ghall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)   ĠU L 199, 29.7.2005, p. 100.