SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 36(1) – Xiri online ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa fi Stat Membru ieħor – Trasport minn trasportatur irrakkomandat mill-bejjiegħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra lill-bejjiegħ bħala responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa dovuti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni”

Fil-Kawża C‑596/23 [Pohjanri] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura mibdija minn

B UG,

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, il-President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal B UG, minn P. Snell, oikeustieteen kandidaatti,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u I. Söderlund, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva li permezz tagħha l-Verohallinto (l-awtorità tat-taxxa, il-Finlandja) imponiet fuq B UG, kumpannija Ġermaniża, il-ħlas ta’ dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku u multa fiskali f’ammont totali ta’ EUR 1 645.83.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/118

3

Filwaqt li tħassru, b’effett mit-13 ta’ Frar 2023, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 huma applikabbli fir-rigward tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.

4

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2008/118, intitolat “Impożizzjoni tal-Ħlas, Rimborż, Eżenzjoni”, kien jinkludi l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li kien ifformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.”

5

Il-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Movimenti u Tassazzjoni tal-Prodotti Soġġetti għad-Dazju tas-Sisa wara r-Rilaxx għall-Konsum”, kien jinkludi l-Artikolu 32, huwa stess intitolat “Akkwist minn individwi privati”, li kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dazju tas-sisa fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa akkwistati minn individwu privat għall-użu proprju, u ttrasportati minnu stess minn Stat Membru wieħed għal ieħor, għandu jintalab biss fl-Istat Membru fejn il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu akkwistati.”

6

Dan il-Kapitolu V kien jinkludi l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2008/118, intitolat “Bejgħ minn distanza”, li kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed, li jinxtraw minn persuna, li ma tkunx il-magazzinier awtorizzat jew destinatarju reġistrat, stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma jwettaqx attività ekonomika indipendenti, u li jiġu kkonsenjati jew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew f’ismu għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘Stat Membru tad-destinazzjoni’ għandha tfisser l-Istat Membru fejn tasal il-konsenja jew tat-trasport.

2.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fl-Istat Membru tad-destinazzjoni fil-mument tal-konsenja tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa. Il-kondizzjonijiet tal-imponibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data meta d-dazju jsir imponibbli.

Id-dazju tas-sisa għandu jitħallas skont il-proċedura stabbilita mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

3.   Il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tkun il-bejjiegħ.

Madankollu, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’ jipprovdi li l-persuna responsabbli għandha tkun rappreżentant fiskali, stabbilit fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, jew, f’każijiet fejn il-bejjiegħ ma rrispettax id-dispożizzjoni tal-paragrafu 4(a), id-destinatarju tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.”

Id-Direttiva 92/12/KEE

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mixtrija minn persuni li ma jkunux magazziniera awtorizzati ta’ mħażen jew negozjanti reġistrati jew mhux reġistrati u mibgħuta jew trasporati direttament jew indirettament mill-venditur jew għand-nom tiegħu għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni; Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘Stat Membru ta’ destinazzjoni’ għandha tfisser l-Istat Membru fejn jitwassal id-dispaċċ jew it-trasport.

2.   Għal dak il-għan, it-twassil ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru u li jagħti lok għad-dispaċċ jew trasport ta’ dawk il-prodotti lill-persuna kif riferit fil-paragrafu 1, stabbilita fi Stat Membru ieħor, u li jintbagħtu jew jiġu trasportati direttament jew indirettament mill-venditur jew għan-nom tiegħu għandu jġiegħel li d-dazju tas-sisa jiġi dovut fuq dawk il-prodotti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.”

Id-dritt Finlandiż

8

Id-Direttiva 2008/118 ġiet trasposta fil-Finlandja permezz tal-valmisteverotuslaki (182/2010) (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa (182/2010)) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”). Fil-kawża prinċipali, din il-liġi tapplika fil-verżjoni tagħha kif kienet fis-seħħ fl-2020.

9

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, din il-liġi tapplika għall-ġbir ta’ dazji tas-sisa fuq, fost l-oħrajn, l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’liġi speċifika dwar is-sisa.

10

Għall-finijiet tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, il-punt 11 tal-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-“bejgħ mill-bogħod” bħala bejgħ li fih persuna li ma tkunx magazzinier approvat jew destinatarju rreġistrat jew temporanjament irreġistrat, stabbilita fil-Finlandja u li ma teżerċitax attività ekonomika indipendenti, tkun xtrat fi Stat Membru ieħor prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa rrilaxxati għall-konsum li huma mibgħuta jew ittrasportati fil-Finlandja direttament jew indirettament mill-bejjiegħ mill-bogħod jew għan-nom tiegħu.

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprovdi li d-dazji tas-sisa ma humiex dovuti fuq il-prodotti rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor li huma mixtrija minn persuna għall-bżonnijiet tagħha stess u ttrasportati minnha stess fil-Finlandja.

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 74 ta’ din il-liġi jipprovdi li, meta persuna takkwista, b’mod differenti minn dak imsemmi fl-Artikolu 72 tal-imsemmija liġi jew permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet tagħha stess u meta dawn il-prodotti jiġu ttrasportati lejn il-Finlandja minn persuna oħra jew minn operatur professjonali, id-dazji tas-sisa jkunu dovuti mill-persuna li tagħmel l-akkwist. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li kull persuna li tkun ipparteċipat fit-trasport tal-imsemmija prodotti jew li żammithom fil-Finlandja hija, hi ukoll, obbligata għall-ħlas tad-dazji tas-sisa dovuti mill-individwu li akkwista l-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa bħallikieku d-dejn huwa tagħha stess.

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprovdi li dazji tas-sisa għandhom jitħallsu fuq il-prodotti mibjugħa fil-Finlandja permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 79 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-bejjiegħ mill-bogħod huwa responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-dazji u li, jekk il-bejjiegħ mill-bogħod ikollu rappreżentant fiskali, dan ikun responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija dazji minflok il-bejjiegħ mill-bogħod, filwaqt li dan tal-aħħar ikun obbligat għall-ħlas tad-dazji tas-sisa dovuti mir-rappreżentant fiskali daqslikieku kien id-dejn tiegħu stess. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 79 tal-imsemmija liġi jipprovdi li d-dazji tas-sisa jsiru dovuti meta l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu kkunsinnati fil-Finlandja, filwaqt li dovuti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-jum tal-kunsinna.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-kumpannija B UG kienet tiġġestixxi sit internet, disponibbli wkoll bil-lingwa Finlandiża, li permezz tiegħu l-klijenti tagħha kellhom il-possibbiltà li jixtru xorb ta’ diversi marki, b’livell baxx jew għoli ta’ alkoħol.

15

Fl-20 ta’ April 2020, l-awtoritajiet doganali Finlandiżi ssekwestraw lott ta’ xorb alkoħoliku li kien inbiegħ minn B UG lil individwu residenti fil-Finlandja u mibgħut mill-Ġermanja lil dan l-individwu. Ix-xorb inkwistjoni ġie ssekwestrat abbażi tal-Artikolu 103 tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa sabiex jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi kinux ġew applikati meta dan ix-xorb ġie importat.

16

L-awtorità tat-taxxa talbet lil dan ix-xerrej jipprovdilha spjegazzjonijiet dwar l-iżvolġiment tal-ordni u tal-organizzazzjoni tat-trasport ta’ dan ix-xorb lejn il-Finlandja.

17

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmi xerrej fil-25 ta’ Ġunju 2020, waqt l-għoti tal-ordni fuq is-sit internet ta’ B UG, deher reklamar għas-servizzi ta’ trasport tal-kumpanniji X, Y u Z. Matul ix-xiri, il-piż totali tal-prodotti ordnati u l-prezz tal-merkanzija ġew aġġornati kull darba li ġie miżjud xorb mal-ordni. Wara l-ħlas tal-prezz tax-xorb mixtri, dehret tfakkira dwar l-organizzazzjoni tat-trasport fuq is-sit internet ta’ B UG. Din it-tfakkira kien fiha, skont l-imsemmi xerrej, links li jirreferu direttament għas-siti internet tal-fornituri tat-trasport. L-istess xerrej għażel il-kumpannija X sabiex jittrasporta x-xorb li huwa kien ordna. Meta kklikkja fuq il-link bit-titolu “X”, li jinsab fil-ħanut online ta’ B UG, huwa ntbagħat lejn is-sit internet tal-kumpannija X. Fuq dan is-sit, huwa indika l-indirizz tiegħu, iżda ma pprovda ebda informazzjoni dwar l-ordni tiegħu. Huwa ħallas it-trasport direttament lill-kumpannija X fuq is-sit internet tagħha.

18

L-awtorità tat-taxxa pproduċiet żewġ screenshots tal-paġni tas-sit internet ta’ B UG, waħda, bid-data tas-16 ta’ Ġunju 2020, li tinkludi struzzjonijiet dwar il-metodu ta’ kunsinna u l-oħra, bid-data tal-24 ta’ Ġunju 2020, li tinkludi l-kundizzjonijiet tal-kunsinna. Minn dawn l-iscreenshots jirriżulta li B UG ma torganizzax hija stess it-trasport tal-prodotti li tikkummerċjalizza, iżda toffri l-possibbiltà lill-klijenti tagħha li jiġu jieħdu l-ordnijiet tagħhom f’maħżen li jinsab fil-Ġermanja jew li jagħżlu trasportatur għal dan l-għan, sa fejn ċerti trasportaturi jissemmew għal dan l-iskop fis-sit internet ta’ B UG. Barra minn hekk, l-imsemmija screenshots jindikaw li din il-kumpannija kienet indikat lill-klijenti tagħha li kellhom iħallsu taxxi fil-Finlandja.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2020, l-awtorità tat-taxxa imponiet fuq B UG, għax-xorb alkoħoliku ssekwestrat fl-20 ta’ April 2020, il-ħlas tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u fuq ix-xorb alkoħoliku u ta’ multa fiskali, f’ammont totali ta’ EUR 1 645.83. Hija qieset li din il-kumpannija jew persuna li taġixxi għan-nom tagħha kienet direttament jew indirettament bagħtet jew ittrasportat ix-xorb alkoħoliku inkwistjoni lejn il-Finlandja u li, konsegwentement, l-imsemmija kumpannija kienet aġixxiet bħala bejjiegħ mill-bogħod u kellha tħallas dazji tas-sisa fil-Finlandja.

20

B UG ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem l-awtorità tat-taxxa. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2021, din tal-aħħar ċaħdet dan l-ilment.

21

B UG adixxiet lill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa tal-1 ta’ Ġunju 2021, fejn talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u tad-dazji tas-sisa kollha fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku li ġew imposti fuqha.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk B UG ipparteċipatx fit-trasport tax-xorb alkoħoliku li hija biegħet permezz tas-sit internet tagħha b’tali mod li hija għandha titqies li hija responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa fil-Finlandja bħala bejjiegħ mill-bogħod ta’ dan ix-xorb. Hija tippreċiża li l-individwu li xtara dan ix-xorb fil-Ġermanja xtrah għall-bżonnijiet tiegħu stess u ħallas l-ispejjeż tat-trasport tal-imsemmija xorb direttament lill-impriża ta’ trasport X.

23

Skont dik il-qorti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat il-mod li bih għandha tiġi interpretata l-espressjoni “mibgħuta jew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu”, użata fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118.

24

L-imsemmija qorti tqis li, fil-kawża li għandha quddiemha, hija għandha tevalwa jekk B UG ipparteċipatx fit-trasport tax-xorb inkwistjoni fi Stat Membru ieħor direttament jew indirettament, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118, fid-dawl tal-fatt li s-sit internet ta’ din il-kumpannija jsemmi diversi impriżi ta’ trasport u jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ trasport sostnuti mix-xerrejja. Barra minn hekk, l-istess qorti tosserva li dan is-sit internet kien jinkludi links lejn is-siti internet tal-impriżi ta’ trasport imsemmija u li, ladarba x-xerrej ikun ikklikkja fuq il-link li jikkorrispondi għal waħda minn dawn l-impriżi, informazzjoni dwar il-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata kienet awtomatikament tiġi trażmessa lis-sit internet tal-impriża tat-trasport magħżula mis-sit internet tal-bejjiegħ.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118 […], b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha dwar il-bejgħ mill-bogħod, tipprekludi interpretazzjoni [ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali rilevanti] li permezz tagħha jitqies li bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għas-sisa stabbilit fi Stat Membru ieħor jipparteċipa fit-trasport ta’ dawn il-prodotti lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u li huwa responsabbli għall-ħlas f’dan l-aħħar Stat Membru tad-dazji tas-sisa li japplikaw għall-bejgħ mill-bogħod, għas-sempliċi raġuni li, fuq is-sit internet tiegħu, dan il-bejjiegħ jindika lix-xerrej li għandu juża impriża ta’ trasport partikolari?

2)

Il-bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għas-sisa jkun bagħat jew ittrasporta merkanzija direttament jew indirettament lejn Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118, u jkun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa li japplikaw għall-bejgħ mill-bogħod fis-sens ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn kien is-sit internet tiegħu li rrakkomanda impriżi ta’ trasport partikolari u pprovda informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-trasport li għandhom jitħallsu mix-xerrej u fejn l-ispejjeż tat-trasport ikunu ġew iffatturati minn impriża tat-trasport, li tkun irċeviet l-informazzjoni dwar il-merkanzija għat-trasport mingħajr l-intervent tax-xerrej? Il-fatt li x-xerrej ikkonkluda kuntratt separat għat-trasport tal-merkanzija mal-impriża tat-trasport indikata fis-sit internet tal-bejjiegħ huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kawża?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa għandhom jiġu kkunsidrati bħala “mibgħuta jew ittrasportati fi Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu”, b’tali mod li dan il-bejjiegħ ikun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa f’dan l-Istat Membru l-ieħor, meta jaġixxi b’mod li jiggwida l-għażla tax-xerrej fir-rigward tal-kumpannija inkarigata mill-kunsinna u/jew it-trasport ta’ dawn il-prodotti billi jissuġġerixxi u jiffaċilita l-użu ta’ ċerti kumpanniji li jkunu jistgħu jiġu nkarigati.

27

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa jkunu dovuti fil-mument tar-rilaxx għall-konsum u fl-Istat Membru fejn dan ir-rilaxx għall-konsum isir.

28

Madankollu, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2008/118 jikkonċernaw is-sitwazzjonijiet li fihom, wara r-rilaxx għall-konsum ta’ prodott suġġett għad-dazju tas-sisa, dan kien is-suġġett ta’ ċirkulazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Mingħajr ħsara għas-sitwazzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità fiskali, li jistipula li l-ħlas tad-dazju tas-sisa għandu jsir fil-pajjiż tal-konsum reali, u dak li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-prodott ikkonċernat.

29

Fost l-imsemmija dispożizzjonijiet hemm l-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva.

30

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi l-bejgħ mill-bogħod, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa diġà rrilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed li jinxtraw minn persuna li ma tkunx il-magazzinier awtorizzat jew destinatarju rreġistrat, li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u li ma twettaqx attività ekonomika indipendenti, u li jiġu mibgħuta jew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu għandhom ikunu suġġetti għad-dazji tas-sisa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

31

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix bejgħ mill-bogħod li għandu bħala karatteristika partikolari li l-prodotti kkonċernati “ntbagħtu jew ġew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 36(1).

32

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sit internet tal-kumpannija B UG, disponibbli wkoll bil-lingwa Finlandiża, kien jirrakkomanda lix-xerrejja tax-xorb alkoħoliku kkummerċjalizzat permezz ta’ dan is-sit kumpanniji ta’ trasport li kienu identifikati fih. Barra minn hekk, l-imsemmi sit internet kien jagħti informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-trasport sostnuti mix-xerrej li jkun għażel li juża waħda minn dawn il-kumpanniji, u fih link lejn is-sit internet ta’ kull waħda mill-imsemmija kumpanniji, li lejh, ladarba waħda mil-links tkun ġiet attivata mix-xerrej, tintbagħat informazzjoni dwar il-prodotti li għandhom jiġu ttrasportati mingħajr intervent minn dan ix-xerrej.

33

F’tali ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-bejjiegħ jaġixxi b’mod li jiggwida l-għażla tax-xerrej fir-rigward tal-kumpannija inkarigata mill-ispedizzjoni u/jew mit-trasport tal-prodotti mixtrija fuq is-sit internet tiegħu.

34

Meta l-bejjiegħ jaġixxi b’dan il-mod, huwa għandu jitqies li jipparteċipa indirettament fl-ispedizzjoni u/jew fit-trasport tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u bħala, konsegwentement, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa f’dan l-Istat Membru, skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 36(1) sa (3) tad-Direttiva 2008/118.

35

Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-użu tal-kelma “indirettament” fl-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni ġiet redatta b’mod li tkopri mhux biss l-ipoteżi fejn il-bejjiegħ iwettaq huwa stess is-servizz ta’ trasport u/jew ta’ spedizzjoni, iżda wkoll każijiet oħra, fosthom dik fejn il-bejjiegħ jidderieġi indirettament l-ispedizzjoni u/jew it-trasport billi joffri lill-konsumatur għażla bejn l-ispedituri u/jew it-trasportaturi, li huwa jirrakkomanda.

36

L-imsemmija dispożizzjoni b’hekk turi b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa iktar interessat min-natura oġġettiva tat-tranżazzjonijiet milli mill-forma ġuridika mogħtija lilhom (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 92/12, li l-kontenut tiegħu kien analogu għal dak tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 46).

37

Dan jimplika, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-espressjoni “mibgħuta jew ittrasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu” għandha tiġi interpretata b’mod li l-ħlas tad-dazji tas-sisa jirrifletti r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni, mingħajr formalità.

38

B’hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li x-xerrej ikkonkluda żewġ kuntratti distinti, wieħed mal-bejjiegħ u l-ieħor mal-kumpannija tat-trasport, huwa rrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-bejgħ mill-bogħod inkwistjoni jaqax, jew le, taħt il-każ imsemmi fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118.

39

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha premessi, għad-domandi preliminari għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa għandhom jiġu kkunsidrati bħala “mibgħuta jew ittrasportati fi Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan‑nom tiegħu”, b’tali mod li dan il-bejjiegħ ikun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa f’dan l-Istat Membru l-ieħor, meta jaġixxi b’mod li jiggwida l-għażla tax-xerrej fir-rigward tal-kumpannija inkarigata mill-ispedizzjoni u/jew mit-trasport ta’ dawn il-prodotti billi jissuġġerixxi u jiffaċilita l-użu ta’ ċerti kumpanniji li jkunu jistgħu jiġu nkarigati.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

fis-sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa għandhom jitqiesu bħala “mibgħuta jew ittrasportati fi Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew għan-nom tiegħu”, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa f’dan l-Istat Membru l-ieħor, meta jaġixxi b’mod li jiggwida l-għażla tax-xerrej dwar il-kumpannija inkarigata mill-ispedizzjoni u/jew mit-trasport ta’ dawn il-prodotti billi jissuġġerixxi u jiffaċilita l-użu ta’ ċerti kumpanniji li jistgħu jiġi inkarigati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.