11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/355


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1957 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2018,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0065/2020),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (iċ-“Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 58 030 000, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,02 % meta mqabbel mal-2017; billi 97,82 % tal-baġit taċ-Ċentru ġej mill-baġit tal-Unjoni (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2018 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,53 %, li meta mqabbla mal-2017 tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,25 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 81,21 %, li meta mqabbla mas-sena ta' qabel tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,50 %;

Prestazzjoni

2.

Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru juża diversi mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) fid-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni 2019-2021 tiegħu sabiex jevalwa l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tiegħu kif ukoll il-lista ta' KPIs inkluża fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2015, fost l-oħrajn, biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu; jinnota li fl-2018 iċ-Ċentru żied 7 KPIs u 12-il KPI pluriennali, u li, bħala parti mill-istrateġija tiegħu għall-2021-2027, kellu jirrevedi l-indikaturi b'mod sistematiku fl-2019;

3.

Jinnota li, fl-2018, iċ-Ċentru implimenta 89 % tal-outputs ewlenin indikati fil-programm ta' ħidma tiegħu (aktar mill-mira ta' 85 %);

4.

Josserva li, fl-2018, iċ-Ċentru beda l-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistemi tiegħu ta' sorveljanza tal-mard, l-esternalizzazzjoni tal-kapaċità tal-IT, u t-tfassil mill-ġdid tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni, u saħħaħ il-kollaborazzjoni mas-sħab esterni tiegħu u ma' aġenziji oħra tal-Unjoni;

5.

Jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru qed ikompli jaqsam l-aħjar prattika ma' aġenziji oħra u jaħdem magħhom regolarment, b'mod partikolari mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga; jinnota, barra minn hekk, li ċ-Ċentru jipparteċipa f'akkwisti interistituzzjonali organizzati minn aġenziji oħra; iħeġġeġ bil-qawwa liċ-Ċentru biex b'mod attiv jipprova jikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni;

6.

Jinnota li evalwazzjoni esterna għall-perjodu 2013-2017 twettqet bejn l-2018 u l-2019 u li r-rapport finali dwar dik l-evalwazzjoni kien mistenni f'Lulju 2019 u għandu jintbagħat lill-Parlament ladarba jkun approvat mill-bord tal-amministrazzjoni taċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu ta' dik l-evalwazzjoni esterna;

7.

Ifakkar li l-missjoni taċ-Ċentru hija li jidentifika, jivvaluta u jikkomunika t-theddidiet kurrenti u emerġenti għas-saħħa tal-bniedem minn mard li jittieħed; jisħaq li, fl-2018, iċ-Ċentru wieġeb għal 31 talba xjentifika formali mill-Kummissjoni (li għaxra minnhom tressqu mill-Membri), u ppubblika total ta' 214-il rapport, inklużi 35 valutazzjoni rapida ta' riskju li jindirizzaw it-theddid ta' mard; jirrimarka li r-rwol tiegħu se jsir dejjem aktar importanti fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, minħabba li ż-żoni ta' tnissil għad-diversi patoġeni qed jinbidlu u l-mard qed jinfirex f'żoni li ma kinux affettwati minnhom qabel;

8.

Jinnota li, fl-2018, il-bord tal-amministrazzjoni adotta politika ta' indipendenza riveduta għal dawk li mhumiex membri tal-persunal u approva proċedura interna korrispondenti;

9.

Jiddispjaċih, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika ta' indipendenza taċ-Ċentru, li mhux id-dikjarazzjonijiet annwali ta' interess kollha meħtieġa ġew ippreżentati, b'mod partikolari mill-membri tal-bord tal-amministrazzjoni (96 %) u mill-membri tal-forum konsultattiv (89 %); jitlob, għalhekk, li jkun hemm konformità stretta mar-regoli u l-proċeduri interni; ifakkar li l-indipendenza u t-trasparenza huma kruċjali fid-dawl tal-kompiti importanti taċ-Ċentru; jitlob li jkun hemm mekkaniżmu li jiżgura li d-dikjarazzjonijiet ta' interess pendenti u futuri kollha jiġu ppreżentati mingħajr dewmien, u jistieden liċ-Ċentru jikkunsidra l-possibbiltà li ma jippermettix lill-membri jassumu r-rwoli tagħhom qabel ma din l-informazzjoni kruċjali tkun ġiet ipprovduta u vverifikata;

10.

Jisħaq li ċ-Ċentru nieda t-tielet evalwazzjoni esterna tiegħu, li kienet ikkoordinata minn kumitat ta' tmexxija kompost minn membri tal-bord tal-amministrazzjoni, u li r-riżultat tal-evalwazzjoni kien mistenni għal nofs l-2019;

11.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol taċ-Ċentru fl-iżvilupp ta' għodod għad-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra pandemija;

12.

Ifakkar li, bħala aġenzija tal-Unjoni, id-denominazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru hija f'euro; madankollu, peress li s-sede tiegħu tinsab barra miż-żona tal-Euro (fl-Iżvezja), ħafna mill-ispejjeż tiegħu jsiru bil-krona Żvediża (SEK); barra minn hekk, iċ-Ċentru huwa espost għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju peress li, mhux biss il-kontijiet bankarji tiegħu huma fil-krona Żvediża, iżda jwettaq wkoll ċerti tranżazzjonijiet f'valuti barranin oħra;

Politika dwar il-persunal

13.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet ikkompletata b'96,11 %, bil-ħatra ta' 173 aġent temporanju minn total ta' 180 aġent temporanju li ġew awtorizzati fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla mal-182 post awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 92 aġent kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għaċ-Ċentru fl-2018;

14.

Jinnota li ċ-Ċentru rrapporta bilanċ bejn is-sessi relattivament tajjeb għall-2018 fir-rigward tal-maniġers superjuri (erba' rġiel u żewġ nisa) u fir-rigward tal-bord tal-amministrazzjoni tiegħu (12-il raġel u 15-il mara);

Akkwisti

15.

Jirrikonoxxi li l-użu ta' flussi ta' xogħol elettroniċi għall-akkwist, ibbażati fuq l-applikazzjoni e-PRIOR tad-DĠ DIGIT tal-Kummissjoni, għen biex jitlestew 142 proċedura ta' akkwist fl-2018, u li ċ-Ċentru stabbilixxa erba' flussi ta' xogħol elettroniċi interni ġodda f'oqsma oħra biex jiġu żgurati proċessi aktar rapidi u effiċjenti;

16.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-Kummissjoni ffirmat kuntratt qafas interistituzzjonali ma' kuntrattur wieħed għall-akkwist ta' softwer, liċenzji u l-forniment tas-servizzi ta' konsulenza relatati mal-IT fl-2014, u ċ-Ċentru ma vverifikax b'mod sistematiku l-prezzijiet u ż-żidiet applikati mill-kuntrattur qafas mal-istimi u l-fatturi tal-fornituri; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, fil-prattika, kien diffiċli għaċ-Ċentru li japplika tali kontrolli, peress li ma kien hemm l-ebda obbligu kuntrattwali li jirrikjedi li l-prezz oriġinali u ż-żidiet jiġu ppreżentati separatament; jistieden liċ-Ċentru jadatta l-kontrolli ex-ante taħt il-kuntratti qafas u jiżgura li jkun hemm proċedura kompetittiva fl-akkwisti kollha;

17.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, instabu dgħufijiet simili fil-kontroll fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' kuntratt qafas għall-forniment ta' tagħmir u servizzi ta' konferenzi u ta' multimedja, u li ċ-Ċentru ma vverifikax biżżejjed jekk id-dispożizzjoni ta' rata kuntrattwali ta' skont ġietx applikata għal-lista tal-prezzijiet tal-prodotti tal-fornituri ewlenin tal-kuntrattur qabel ma ntbagħtu l-formoli tal-ordni fir-rigward ta' dak il-kuntratt qafas; jinnota li ċ-Ċentru ddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt wara d-data ta' skadenza f'Ottubru 2019, u li dak il-kuntratt se jiġi sostitwit b'kuntratt qafas interistituzzjonali ġdid ġestit mill-Kummissjoni; jistieden liċ-Ċentru jadatta l-kontrolli ex-ante fuq il-formoli tal-ordni;

18.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għaż-żewġ pagamenti għal avvenimenti ta' laqgħat, instabu dgħufijiet fl-istruttura u d-dokumentazzjoni tal-kontrolli u tar-rikonċiljazzjonijiet fuq il-formoli ta' ordnijiet, il-fornituri u l-fatturi; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, ma nstabu l-ebda żbalji fiż-żewġ pagamenti vverifikati, u li ċ-Ċentru se jirrevedi l-istruttura u d-dokumentazzjoni tal-kontrolli u r-rikonċiljazzjonijiet fis-seħħ għal dak li jirrigwarda l-laqgħat;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u trasparenza

19.

Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u l-kummenti mill-awtorità ta' kwittanza marbuta man-nuqqas ta' ċerti dikjarazzjonijiet ta' interess u CVs tal-bord tal-amministrazzjoni u tal-forum konsultattiv, li l-membri/sostituti kollha li fiżikament attendew il-laqgħat tal-bord tal-amministrazzjoni u l-forum konsultattiv, u/jew eżerċitaw id-dritt tal-vot, ippreżentaw dikjarazzjoni ta' interess; jinnota li fl-2018 sar aktar titjib fil-politika dwar l-indipendenza għall-persunal u aġenti oħra, inklużi l-esperti esterni; jinnota li ċ-Ċentru jippubblika s-CVs tal-membri tal-bord tal-amministrazzjoni, tal-persunal maniġerjali superjuri u tal-esperti esterni;

20.

Jieħu nota tal-miżuri eżistenti taċ-Ċentru u l-isforzi kontinwi biex jiżgura t-trasparenza, jimpedixxi u jiġġestixxi l-kunflitti ta' interess, u jipproteġi l-informaturi; jinnota li ġew identifikati u investigati b'mod aktar profond 10 każijiet ta' kunflitti ta' interess potenzjali rilevanti fl-2018, li 5 minnhom ġew identifikati li qamu fir-rigward ta' punt ta' aġenda ta' laqgħa u li l-persuni kkonċernati ntalbu jastjenu milli jiddiskutu u jivvutaw dwar dak il-punt tal-aġenda; jinnota li ċ-Ċentru rreġistra l-laqgħat mal-lobbyists;

Kontrolli interni

21.

Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u l-kummenti tas-sena l-oħra mill-awtorità ta' kwittanza, li ġew implimentati tnejn mit-tliet azzjonijiet fil-pjan ta' azzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta' derogi mill-kontrolli u devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri, u li għall-azzjoni li baqa', dwar it-tariffi ta' aċċess miftuħ għall-pubblikazzjoni ta' artikoli f'pajjiżi mhux fl-Unjoni, qed tiġi eżaminata soluzzjoni permanenti;

22.

Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet tas-sena l-oħra mill-awtorità ta' kwittanza, li ġew ippreparati abbozzi ta' proċeduri u mudelli dwar il-laqgħat mal-industrija farmaċewtika u ġiet adottata l-konklużjoni ta' memoranda ta' ftehim u ftehimiet ta' kollaborazzjoni ma' partijiet terzi, u barra minn hekk, jinnota li proċedura interna dwar laqgħat ma' organizzazzjonijiet kummerċjali tinsab attwalment fil-proċess li tiġi adottata internament b'mod formali;

Kummenti oħrajn

23.

Jinnota li ċ-Ċentru ġie ttrasferit fil-bini l-ġdid tiegħu f'April 2018, u dan jipprovdi l-persunal u l-partijiet interessati li jmorru fih bi spazju amministrattiv sikur, li jirrispetta l-ambjent u li hu effettiv f'termini ta' spejjeż, u li dan it-trasferiment seħħ bla xkiel u fil-ħin previst;

24.

Jistieden liċ-Ċentru jikkonċentra fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku, u jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

25.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta 1-14 ta' Mejju 2020 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 160, 10.5.2019, p. 6.

(2)   ĠU C 160, 10.5.2019, p. 7.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.