IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2024
COM(2024) 346 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu stabbilit għall-Kummissjoni bl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi”). Ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għal (a) formula tat-trabi u formula ta’ prosegwiment, (b) ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi, (c) ikel għal skopijiet mediċi speċjali u (d) ikel bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu ma’ waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji ta’ ikel u jistabbilixxi regoli applikabbli għall-aġġornament ta’ dik il-lista.
L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni b’dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 18(2), is-setgħa li tadotta atti delegati ngħatat lill-Kummissjoni għal perjodu inizjali ta’ ħames snin li jibda mid-19 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni kellha tippreżenta rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega tas-setgħa mogħtija mir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport dwar l-eżerċizzju tad-delega tas-setgħat taħt ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fit-22 ta’ Awwissu 2017.
2.Bażi Legali
L-Artikolu 18(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 11, l-Artikolu 15(6) u l-Artikolu 16(1) ta’ dak ir-Regolament.
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-kategoriji differenti ta’ Ikel għal Gruppi Speċifiċi. Dawk ir-rekwiżiti bħalissa huma stabbiliti fir-Regolamenti li ġejjin:
-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar,
-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u
-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1798 li jissupplimenta r-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għal sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.
L-Artikolu 15(6) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex iżżid jew tneħħi kategorija ta’ sustanzi fl-Anness tar-Regolament, li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel, sabiex jitqiesu l-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi jew il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur.
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament, sabiex temenda l-Anness tar-Regolament li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel.
3.Eżerċizzju tad-delega
3.1. Matul il-perjodu li jibda mit-22 ta’ Awwissu 2017 sal-lum, il-Kummissjoni adottat id-disa’ atti delegati li ġejjin skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi:
a)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/828 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 rigward ir-rekwiżiti għall-vitamina D fil-formula tat-trabi u għall-aċidu eruċiku fil-formula tat-trabi u fil-formula ta' prosegwiment
Dan l-att legali ġie adottat fl-14 ta’ Marzu 2019 bl-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tat-trabi billi jitbaxxa l-kontenut massimu tal-Vitamina D permess fil-formula tat-trabi u l-livell massimu ta’ aċidu eruċiku għall-formula tat-trabi u għall-formula ta’ prosegwiment, abbażi tal-opinjonijiet xjentifiċi, tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).
b)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/561 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteini għall-formula ta’ prosegwiment
Dan ir-Regolament Delegat ġie adottat fit-12 ta’ April 2018, bl-għan li jippermetti lill-operaturi ta’ negozji tal-ikel jaġġustaw il-kompożizzjoni tal-formula ta’ prosegwiment billi jintroduċu aktar flessibbiltà, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-trabi. Huwa introduċa aġġustamenti tekniċi għar-rekwiżiti tal-proteini diġà eżistenti għall-formula ta’ prosegwiment abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.
c)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/572 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu
Ir-Regolament (UE) 2016/127 jistabbilixxi li l-formuli manifatturati mill-idroliżati tal-proteina jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss wara evalwazzjoni każ b’każ tas-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom mill-EFSA. Tali valutazzjoni ma kinitx meħtieġa taħt id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE preċedenti dwar il-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/572 ġie adottat fl-20 ta’ Jannar 2021 bl-għan li jiġi evitat tfixkil potenzjali fis-suq, billi jiddifferixxi d-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit il-ġdid ta’ valutazzjoni każ b’każ tal-formula tat-trabi idrolizzata u tal-formula ta’ prosegwiment stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/127. Fil-fatt, il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata kkawżaw dewmien mhux mistenni fil-valutazzjonijiet xjentifiċi tal-formuli mill-EFSA. Il-posponiment ta’ sena tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti l-ġodda ma ppermettiex li l-prodotti, li kienu leġittimament fis-suq f’konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE, u li għalihom ma kien ġie rrappurtat l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa, ma jsirux konformi bla bżonn mar-rekwiżiti l-ġodda.
d)Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2022/519, (UE) 2023/589 u (UE).../... li jemendaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteina għall-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment immanifatturata mill-idroliżati tal-proteina,,
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 ifakkar li l-EFSA tqis li s-sikurezza u l-adegwatezza ta’ kull formula speċifika manifatturata mill-idroliżati tal-proteina għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ evalwazzjoni klinika u tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-formuli evalwati b’mod pożittiv mill-EFSA. Tliet atti delegati ġew adottati mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2022, fl-10 ta’ Jannar 2023, u fit-2 ta’ Frar 2024 bl-għan li jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ formuli tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturati mill-idroliżati tal-proteina li ġew evalwati bħala b’valur nutrizzjonali sikur u xieraq mill-EFSA,, għall-użu mit-trabi bejn l-2020 u l-2023.
e)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2182 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1798 rigward ir-rekwiżiti għal-lipidi u għall-manjeżju għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż
Dan l-att legali ġie adottat fit-30 ta’ Awwissu 2022 bl-għan li jiġu aġġornati ċerti rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni għas-sostituti tad-dieta kollha għall-prodotti ta’ kontroll tal-piż, abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA u filwaqt li jitqies il-progress tekniku u xjentifiku rilevanti, inkluża d-data pprovduta mill-partijiet interessati.
f)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/128 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-pestiċidi fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali żviluppat biex jissodisfa r-rekwiżiti nutrizzjonali tat-trabi u tat-tfal żgħar u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-pestiċidi fil-formula tat-trabi u fil-formula ta’ prosegwiment
Dawn iż-żewġ atti delegati ġew adottati mill-Kummissjoni fis-16 ta’ April 2021 bl-għan li tallinja d-definizzjoni ta’ “residwi ta’ pestiċidi” stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/128 u fir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 mad-definizzjoni aktar preċiża prevista fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi.
3.2. S’issa, il-Kummissjoni għadha ma invokatx il-bażi legali tal-Artikolu 15(6) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi, peress li l-kundizzjonijiet biex tiżdied jew titneħħa kategorija ta’ sustanzi fl-Anness tar-Regolament għadhom ma ġewx issodisfati.
3.3
Matul il-perjodu li beda fit-22 ta’ Awwissu 2017 sal-lum, il-Kummissjoni adottat it-tliet atti delegati ta’ hawn taħt skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi:
a)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/571 li jemenda l-Anness tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi fir-rigward tal-lista ta’ sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda mal-formula tat-trabi u mal-formula tal-prosegwiment, mal-ikel tat-trabi u mal-ikel proċessat biċ-ċereali
Dan l-att delegat ġie adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Jannar 2021 bl-għan li taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel biex tawtorizza ż-żieda ta’ L-metilfolat tal-kalċju bħala sors ta’ folat mal-formula tat-trabi, mal-formula tal-prosegwiment, mal-ikel proċessat biċ-ċereali u mal-ikel tat-trabi abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.
b)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/439 li jemenda l-Anness tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi biex jippermetti l-użu tal-klorur tan-nikotinammidribosid bħala sors ta’ niaċina fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż
Dan l-att legali ġie adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Diċembru 2022 bl-għan li taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel biex tawtorizza ż-żieda tal-klorur tan-nikotinammidribosid bħala sors ta’ niaċina mal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.
c)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness tar-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi li jippermetti l-użu tal-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib bħala sors ta’ ħadid fis-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u fl-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, minbarra l-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar
Dan l-att delegat ġie adottat fid-29 ta’ Jannar 2024 bl-għan li tiġi aġġornata l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel biex tiġi awtorizzata ż-żieda tal-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib bħala sors ta’ ħadid għas-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u ikel għal skopijiet mediċi speċjali, minbarra l-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.
4.Konklużjoni
Mit-22 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni regolarment eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha skont ir-Regolament dwar l-Ikel għal Gruppi Speċifiċi. Il-Kummissjoni adottat atti delegati biex taġġorna r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni tal-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment kif ukoll dwar is-sostituti tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, abbażi tal-opinjonijiet tal-EFSA u filwaqt li tqis il-progress tekniku u xjentifiku rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni aġġornat il-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi li jistgħu jiżdiedu mal-kategoriji speċifiċi tal-ikel, abbażi tal-parir tal-EFSA filwaqt li tqis il-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.