24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/470


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1666 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0109/2021),

A.

billi l-Impriża Konġunta Clean Sky ġiet stabbilita f'Diċembru 2007 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 (li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Frar 2008) għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2017, u billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Novembru 2009;

B.

billi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 ("l-Impriża Konġunta") stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 558/2014 issostitwiet, b'effett mis-27 ta' Ġunju 2014, l-Impriża Konġunta Clean Sky fl-ambitu ta' Orizzont 2020, u dan estenda l-ħajja tagħha sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.

billi l-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta huma li tikkontribwixxi għat-titjib sinifikanti tal-impatt ambjentali tat-teknoloġiji ajrunawtiċi u għall-iżvilupp ta' industrija ajrunawtika u katina ta' provvista b'saħħithom u kompetittivi fuq livell globali fl-Ewropa;

D.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-membri privati, jiġifieri l-Mexxejja u l-Assoċjati kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 u s-Sħab Ewlenin magħżula permezz ta' sejħa miftuħa, nondiskriminatorja u kompetittiva soġġetta għal evalwazzjoni indipendenti, skont l-Artikolu 4(2);

E.

billi l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għat-tieni fażi tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 1 755 000 000 (inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA), li għandhom jitħallsu mill-baġit ta' Orizzont 2020, u l-kontribuzzjoni in natura minima għal attivitajiet addizzjonali mill-membri privati hija ta' EUR 965 250 000 għall-perjodu definit fir-Regolament;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2019 ("ir-rapport tal-Qorti"), jikkonstata li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2019 u r-riżultati tal-operazzjonijiet, il-flussi tal-flus u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota li t-tranżazzjonijiet ta' bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta disponibbli għall-2019 (inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati li reġgħu ddaħħlu mis-snin preċedenti, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta' wara) kien jikkonsisti f'approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 305 802 617 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 341 424 430; jinnota li r-rata ta' utilizzazzjoni kienet ta' 97,68 % għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u 94,69 % għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota wkoll, mir-rapport tal-Qorti, li fir-rigward tal-baġit tal-Impriża Konġunta disponibbli fl-2019 għall-proġetti ta' Orizzont 2020, ir-rati ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 99,8 % u 97,3 %, rispettivament;

3.

Jinnota li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għal Clean Sky kienet ta' EUR 800 000 000 mit-tema 7 (Trasport) tas-Seba' Programm Kwadru (FP7), u li l-Unjoni kkontribwiet total ta' EUR 799 957 841; jinnota li l-membri tal-industrija (il-Mexxejja tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata u l-membri assoċjati tagħhom) ikkontribwew, b'kollox, EUR 608 983 634 għall-proġetti tal-FP7, inklużi EUR 594 100 843 f'kontribuzzjonijiet in natura vvalidati u EUR 14 882 791 f'kontribuzzjonijiet fi flus għall-ispejjeż operattivi;

4.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-programm FP7 ingħalaq formalment fl-2017 b'livell ta' implimentazzjoni ta' kważi 100 %; jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta xorta għamlet irkupri ta' EUR 1 135 068 minn prefinanzjamenti pendenti u mir-riżultati ta' awditjar ex post;

5.

Jinnota li, sal-aħħar tal-2019, mill-ammont massimu ta' EUR 1 755 000 000 tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni minn Orizzont 2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 558/2014, l-Unjoni kkontribwiet total ta' EUR 1 139 704 889 għall-attivitajiet operattivi ta' Orizzont 2020 u, barra minn hekk, il-membri privati kkontribwew EUR 18 815 677 fi flus għall-ispejjeż operattivi u vvalidaw EUR 273 851 600in natura għall-ispejjeż operattivi, flimkien ma' EUR 899 843 302in natura għal attivitajiet addizzjonali;

6.

Jinnota li l-proċeduri ta' kif jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri privati tal-Impriża Konġunta jvarjaw minn Impriża għal oħra; jitlob li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura jiġi armonizzat fost l-Impriżi Konġunti kollha; il-proċedura komuni għandha tipprevedi metodi ta' evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprovdi l-iskrutinju tal-awditi mwettqa mill-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa jintlaħaq sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista' jinkludi rekwiżiti biex il-kontribuzzjoni privata titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni;

Sejħiet għal proposti

7.

Jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta nediet sejħa għal proposti waħda li kien fiha 62 suġġett (Sejħa għal proposta 10), irċeviet 448 proposta eliġibbli għas-Sejħiet għal Proposti 09 u 10 (minn 450), u żammet 114-il proposta; jinnota l-portafoll globali tal-Impriża Konġunta, li fih 574 proġett aġġudikati permezz ta' sejħiet kompetittivi;

8.

Jinnota l-għadd totali ta' sħab ewlenin ta' 256, li minnhom 70 huma affiljati jew partijiet terzi assoċjati u aktar minn 58 huma intrapriżi żgħar u medji;

9.

Jinnota li fl-2019 ġew implimentati b'suċċess żewġ sejħiet għal proposti: it-tmien sejħa għal proposti f'Marzu bi 58 suġġett ta' suċċess minn 68, u d-disa' sejħa għal proposti f'Ottubru bi 53 suġġett ta' suċċess minn 55; jinnota, barra minn hekk, li l-għaxar sejħa għal proposti tnediet f'Mejju 2019 u ġiet evalwata f'Novembru 2019; jinnota li l-għaxar sejħiet għal proposti akkumulati involvew aktar minn 730 sieħeb minn 28 pajjiż differenti b'involviment qawwi ta' intrapriżi żgħar u medji f'termini ta' parteċipazzjoni u għotjiet aġġudikati, u kważi EUR 505 000 000 f'finanzjament;

Prestazzjoni

10.

Jinnota li l-Impriża Konġunta tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kwistjonijiet trażversali fl-ambitu ta' Orizzont 2020, u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi għall-Impriża Konġunta bħar-rata ta' suċċess tas-suġġetti tas-sejħiet, l-eżekuzzjoni tal-pjan ta' ħidma u l-kopertura tal-awditjar ex post;

11.

Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha.

12.

Jinnota li l-Impriża Konġunta implimentat diversi għodod għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-programm tagħha – fosthom rapporti trimestrali tal-Pjattaformi ta' Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata/Pjattaformi ta' Dimostraturi ta' Mezzi tal-Ajru Innovattivi (ITD/IADPs), kumitati ta' tmexxija fil-livell ITD/IADP, rieżamijiet annwali tal-prestazzjoni tal-ITD/IADPs – u rrappurtat regolarment lill-Bord ta' Tmexxija; jinnota, barra minn hekk, li mill-11-il objettiv irrappurtati fil-pjan ta' ħidma għall-2018-2019, tlieta ntlaħqu u tmienja għadhom għaddejjin, u li l-objettivi amministrattivi kollha ntlaħqu;

13.

Jinnota l-objettivi intermedji li ntlaħqu fl-2019 mid-Dimostraturi tal-Inġenji tal-Ajru Kbar tal-Passiġġieri u t-teknoloġiji sottostanti tagħhom li jiddeterminaw il-bidla minn disinn mhux speċifiku għal disinn speċifiku u l-akkumulazzjoni assoċjata ta' hardware, ir-riżultati miksuba fl-attivitajiet tal-IADP tal-Inġenji tal-Ajru Reġjonali relatati ma' inġenji tal-ajru kunċettwali ekoloġiċi; l-avvanz taż-żewġ dimostraturi tal-IADP ta' inġenji tal-ajru veloċi li jaħdmu bir-rotors, u l-bosta avvanzi u żviluppi tal-attivitajiet għall-ITD tal-Qafas tal-Inġenji tal-Ajru, l-ITD tal-Magni, u l-ITD tas-Sistemi, kif ukoll għall-Ekodisinn u l-Attivitajiet Trażversali tat-Trasport b'Inġenji tal-Ajru Żgħar, u li l-Impriża Konġunta ħejjiet ruħha għall-ewwel valutazzjoni globali tat-teknoloġiji żviluppati tagħha; jilqa' dawn il-kisbiet li kkontribwew biex tiġi żgurata infrastruttura sostenibbli; jilqa' t-tranżizzjoni minn ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam għal enerġija minn sorsi rinnovabbli, li mhux biss se tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra iżda se tnaqqas ukoll it-tniġġis tal-arja u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għal saħħa aħjar;

14.

Jinnota li fi tmiem l-2019, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta kienet ta' 89 %;

15.

Ifakkar fir-rwol essenzjali li għandha l-Impriża Konġunta biex tiżgura aċċelerazzjonijiet netti fit-teknoloġiji ekoloġiċi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u l-livelli tal-istorbju ġġenerati mill-inġenji tal-ajru; jemmen li s-suċċessur tagħha, Avjazzjoni Nadifa, se jkollha rwol importanti biex tiżgura l-involviment tas-settur tal-avjazzjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm futur ta' attivitajiet tal-Impriża Konġunta jirrispetta r-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni u jsegwi l-istrateġiji fil-qasam imfassla kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jadottaw metodu approfondit li jsegwi l-prestazzjoni bl-għan li jiġi evalwat il-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi kif ukoll l-impatt fuq is-suq; ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-finanzjament tal-Unjoni fil-futur jew għar-ridistribuzzjoni tiegħu;

18.

Iqis li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali trid tiġi indirizzata fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat intiż f'terminu ta' prestazzjoni; ifakkar li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom l-għan li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-kreaturi individwali, iżda jispeċifikaw ukoll dettalji dwar l-użu ta' dawn id-drittijiet fil-futur; jinnota li billi l-attività hija ffinanzjata bi flejjes pubbliċi wkoll, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u soġġetti għal rekwiżiti speċjali, pereżempju l-interoperabbiltà, jekk ikun hemm bżonn; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inkluż f'termini ta' rekwiżiti speċjali u distribuzzjoni tal-profitti;

19.

Jinnota li, fir-rapport ta' attività annwali tal-2019 tal-Impriża Konġunta Clean Sky, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-2018 u fl-2019 juru li l-livell ta' parteċipazzjoni tan-nisa, minkejja li żdied ftit, xorta huwa pjuttost baxx: in-nisa jirrappreżentaw 30 % ta' dawk involuti fil-programm, 16 % tal-koordinaturi tal-programm u bejn 9 % u 25 % tal-konsulenti u l-esperti li jwettqu evalwazzjonijiet u analiżi u li jaħdmu fil-Kumitat Xjentifiku; jirrakkomanda li jsiru sforzi kostanti biex jiżdied il-livell ta' parteċipazzjoni tan-nisa fil-programm;

Persunal u akkwist

20.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 34 post ta' aġent temporanju mis-36 awtorizzati kienu mimlija u li, barra minn hekk, sitt aġenti kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati ħadmu mal-Impriża Konġunta fl-2019 skont it-tabella tal-persunal;

21.

Jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta nediet il-proċedura ta' reklutaġġ għal sitt pożizzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li minbarra l-postijiet tax-xogħol statutorji, l-Impriża Konġunta tuża s-servizzi ta' fornituri esterni u timpjega ħames ħaddiema interim u trainee wieħed, li jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-operazzjonijiet;

22.

Jinnota li fl-2019, il-Bord ta' Tmexxija adotta struttura organizzattiva ġdida b'Unità Legali u tal-Komunikazzjoni li tirrapporta direttament lid-direttur eżekuttiv; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li d-direttur eżekuttiv il-ġdid beda jaqdi l-kariga tiegħu fl-1 ta' Frar 2019; jinnota, barra minn hekk, li fil-bidu tal-2019 l-Impriża Konġunta bdiet tuża Sysper2, is-sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni;

23.

Jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta kompliet bl-implimentazzjoni sħiħa ta' kuntratt qafas kbir fil-qasam tal-komunikazzjoni għal erba' lottijiet ta' komunikazzjoni differenti, li jkopri mill-2018 sal-2021, u ffirmat kuntratti għal proġetti importanti tal-ICT, kif ukoll kuntratti qafas għal diversi servizzi tal-ICT;

Kontroll intern

24.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi u li hija obbligata timplimenta l-qafas ta' kontroll intern (ICF) il-ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq 17-il prinċipju ta' kontroll intern; jinnota li sa tmiem l-2019 l-Impriża Konġunta kienet diġà żviluppat indikaturi ewlenin tal-kontroll għall-prinċipji ta' kontroll kollha sabiex tivvaluta l-effikaċja tal-attivitajiet ta' kontroll tagħha u taqbad kwalunkwe dgħufija fil-kontroll;

25.

Jinnota li f'Novembru 2019 l-Impriża Konġunta nediet proċedura bil-miktub għall-approvazzjoni tar-Regoli Finanzjarji riveduti tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, u li adottathom f'Jannar 2020;

26.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li għall-pagamenti ta' Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta rrappurtat rata ta' żball rappreżentattiva ta' 1,30 % u rata ta' żball residwu ta' 0,92 % għall-proġetti ta' Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota, barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi Orizzont 2020, fejn, għall-infiq fir-riċerka fl-ambitu ta' Orizzont 2020, l-għan aħħari għal-livell ta' żball residwu fl-għeluq tal-programmi wara li jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi, il-korrezzjoni u l-miżuri ta' rkupru kollha, hu li jintlaħaq livell kemm jista' jkun qrib it-2 %;

27.

Jinnota li fl-2019, bħala parti mill-kontroll tal-pagamenti operattivi, il-Qorti awditjat b'mod aleatorju l-pagamenti magħmula fl-ambitu ta' Orizzont 2020 fil-livell tal-benefiċjarji finali sabiex tikkorrobora r-rati ta' żball tal-awditjar ex post, u li l-awditi dettaljati żvelaw żbalji sistemiċi relatati mal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati, primarjament fl-użu ta' sigħat produttivi individwali u l-użu ta' rati unitarji, inklużi stimi li kienu jiddevjaw b'mod sinifikanti mir-rati unitarji attwali; jinnota, barra minn hekk, li dawn ir-riżultati jindikaw riskju ta' żball akbar għall-Impriża Konġunta, minħabba l-għadd kbir ta' membri privati u affiljati parteċipanti li jimplimentaw il-proġetti tal-Impriża Konġunta fl-ambitu ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lura għand l-awtorità ta' kwittanza f'dak ir-rigward;

28.

Jinnota li l-Impriża Konġunta hija koperta mill-Istrateġija Komuni kontra l-Frodi ta' Orizzont 2020 ikkoordinata mill-Kummissjoni; jinnota wkoll li fl-2019, l-Impriża Konġunta ħadet azzjoni dwar żewġ allegati każijiet ta' frodi, notifikati lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi fl-2018, u li dwarhom l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi fetaħ investigazzjonijiet li kienu għadhom għaddejjin; jinnota, barra minn hekk, li każ ta' mġiba potenzjalment frodulenti ta' benefiċjarju b'impatt fuq l-għotjiet tal-Impriża Konġunta li jmorru lura għas-Seba' Programm Kwadru ngħalaq mingħajr ma ġie rappurtat xi impatt jew telf finanzjarju; jirrikonoxxi li fl-2019 ma ġie rrappurtat l-ebda każ ġdid lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, u li l-Impriża Konġunta bdiet tfassal strateġija kontra l-frodi fir-rigward tal-proċessi interni u l-baġit speċifiku mhux koperti mill-Istrateġija Komuni kontra l-Frodi; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lura għand l-awtorità ta' kwittanza f'dak ir-rigward;

Awditu intern

29.

Jinnota li f'Mejju 2019 l-Impriża Konġunta rċeviet il-Pjan ta' Awditjar Strateġiku l-ġdid tas-Servizz tal-Awditjar Intern għas-snin 2019-2021, li għażel tliet suġġetti ta' awditjar potenzjali li huma ta' riskju sinifikanti: il-proċessi operattivi (ġestjoni tal-għotjiet), l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' kontroll intern il-ġodda, u r-regoli l-ġodda għall-protezzjoni tad-data; jinnota, barra minn hekk, li l-ewwel awditu tal-ippjanar il-ġdid, dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' għotja, beda f'Novembru 2019; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta kellha diversi rakkomandazzjonijiet minn awditu preċedenti – tnejn minnhom meqjusa importanti ħafna – li għadhom miftuħin; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lura għand l-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f'dak ir-rigward;

30.

Jinnota li l-Awditur Intern ikkonfermat lill-Bord ta' Tmexxija l-indipendenza organizzattiva tagħha skont l-istandards tal-Ftehim Interistituzzjonali għalkemm irrimarkat li kien hemm nuqqas potenzjali ta' oġġettività fl-awditi ta' aċċertament.