SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dividendi – Taxxa f’ras il-għajn – Rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn mogħtija lill-benefiċjarji ta’ dividendi residenti li għandhom riżultat negattiv fi tmiem is-sena finanzjarja ta’ riċezzjoni tad-dividendi – Assenza ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn lill-benefiċjarji ta’ dividendi mhux residenti – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni – Komparabbiltà – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑601/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura

Credit Suisse Securities (Europe) Ltd

vs

Diputación Foral de Bizkaia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Credit Suisse Securities (Europe) Ltd, minn S. Paternain Osácar, abogada,

–

għad-Diputación Foral de Bizkaia, minn B. Astorquiza del Val, letrada, u M. Durango García, procuradora,

–

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Maddalo, avvocato dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Credit Suisse Securities (Europe) Ltd u d-Diputación Foral de Bizkaia (il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia, Spanja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar għat-talba ta’ Credit Suisse Securities (Europe) li jingħatalha r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn applikata fuq id-dividendi li tħallsulha matul l‑2017.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 10 tal-Ftehim bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja u għall-Prevenzjoni tal-Evitar tat-Taxxa fil-Qasam tat-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, iffirmat f’Londra fl‑14 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ispano-Brittaniku”), jistipula:

“1.   Id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti fi Stat kontraenti lil resident tal-Istat kontraenti l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar.

2.   Madankollu, dawn id-dividendi:

(a)

huma taxxabbli wkoll fl-Istat kontraenti li hija residenti fih il-kumpannija li tħallas id-dividendi, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda jekk il-benefiċjarju effettiv tad-dividendi huwa resident tal-Istat kontraenti l-ieħor, it-taxxa stabbilita b’dan il-mod ma tistax taqbeż:

(i)

10 % tal-ammont gross tad-dividendi […]

[…]”

4

L-Artikolu 22(2) ta’ dan il-ftehim jipprevedi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-imputazzjoni tat-taxxa li għandha titħallas f’territorju li jinsab barra mir-Renju Unit fuq it-taxxa tar-Renju Unit jew, skont il-każ, dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tar-Renju Unit ta’ dividend jew tal-profitti ta’ stabbiliment permanenti li joriġina minn territorju li jinsab barra mir-Renju Unit (li ma jaffettwawx il-prinċipju ġenerali):

(a)

taxxa Spanjola pagabbli skont il-liġijiet tar-Renju ta’ Spanja fis-sens ta’ dan il-ftehim, kemm jekk direttament kif ukoll jekk bi tnaqqis, fuq profitti jew dħul taxxabbli minn sorsi ġewwa r-Renju ta’ Spanja (minbarra, fil-każ ta’ dividendi, taxxa pagabbli fir-rigward tal-profitti li minnhom jitħallas id-dividend) għandha tkun permessa bħala kreditu għat-taxxa tar-Renju Unit ikkalkolata b’riferiment għall-istess profitti, dħul jew qligħ taxxabbli li b’riferiment għalihom tiġi kkalkolata t-taxxa Spanjola;

(b)

id-dividendi mħallsa minn kumpannija li hija residenti fir-Renju ta’ Spanja lil kumpannija li hija residenti fir-Renju Unit huma eżenti mit-taxxa fir-Renju Unit meta l-eżenzjoni tkun applikabbli u l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ikunu ssodisfatti;

[…]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

5

L-Artikolu 63(1) TFUE jipprovdi:

“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”

6

Skont l-Artikolu 65 TFUE:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)

li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

[…]

3.   Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

[…]”

Id‑dritt Spanjol

Il‑Liġi Provinċjali 11/2013

7

L-Artikolu 68 tan-Norma Foral del Impuesto sobre Sociedades 11/2013 (il-Liġi Provinċjali 11/2013 dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (Boletín Oficial de Bizkaia Nru 238, tat‑13 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi Provinċjali 11/2013”), jipprovdi:

“1.   Jistgħu jitnaqqsu mill-ammont ta’ taxxa dovut:

(a)

It-taxxi f’ras il-għajn, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkorrispondu għal dħul li ma huwiex inkluż fil-bażi taxxabbli b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet […] ta’ din il-liġi provinċjali.

[…]

2.   Meta l-ammont totali tal-elementi msemmija iktar ’il fuq jeċċedi dak tat-taxxa dovuta, l-amministrazzjoni fiskali għandha tirrimborsa l-ħlas żejjed ex officio.

[…]”

8

L-Artikolu 130(1) tal-Liġi Provinċjali 11/2013 jipprovdi:

“L-entitajiet, […] li jittrasferixxu dħul suġġett għal din it-taxxa, huma obbligati li jżommu jew li jħallsu minn qabel, bħala ħlas bil-quddiem, l-ammont stabbilit bil-liġi, u li jħallsuh, fil-każijiet u fil-forom iddefiniti, lill-[Hacienda Foral de Bizcaya (it-Teżor Pubbliku Reġjonali ta’ Bizkaia)] […]”

Il‑Liġi Provinċjali 12/2013

9

Skont l-Artikolu 1 tan-Norma Foral 12/2013 del Impuesto sobre la Renta de no Residentes (il-Liġi Provinċjali 12/2013 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Mhux Residenti), tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (Boletín Oficial de Bizkaia Nru 238, tat‑13 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi Provinċjali 12/2013”):

“1.   It-taxxa fuq id-dħul tal-persuni mhux residenti hija taxxa diretta li tolqot:

(a)

id-dħul miksub f’Bizkaia [Spanja], fit-termini previsti minn din il-liġi provinċjali, mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex residenti fit-territorju Spanjol, li joperaw hemmhekk fl-assenza ta’ stabbiliment permanenti.

[…]

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi provinċjali għandhom japplikaw:

(a)

għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex residenti fit-territorju Spanjol li, fl-assenza ta’ stabbiliment permanenti, jirċievu dħul fit-territorju storiku ta’ Bizkaia, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ din il-liġi provinċjali.

[…]”

10

L-Artikolu 13(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-dħul li ġej, irċevut jew prodott fit-territorju ta’ Bizkaia, huwa kkunsidrat bħala dħul irċevut fl-assenza ta’ stabbiliment permanenti:

[…]

(g)

id-dividendi u dħul ieħor li ġejjin mill-ishma fil-kapital ta’ ekwità tal-entitajiet pubbliċi Baski fiskalment iddomiċiljati f’Bizkaia, kif ukoll id-dħul li ġej mill-ishma fil-kapital ta’ ekwità tal-entitajiet privati, sal-ammont previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

[…]”

11

L-Artikolu 25(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“L-ammont tat-taxxa jinkiseb billi jiġu applikati, għall-bażi taxxabbli ddeterminata skont l-artikolu preċedenti, ir-rati ta’ taxxa li ġejjin:

(a)

B’mod ġenerali: 24 %. Madankollu, ir-rata ta’ taxxa hija ta’ 19 % għall-persuni taxxabbli residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea li miegħu jeżisti skambju effettiv ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali […]

[…]”

12

L-Artikolu 31 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Huma obbligati li japplikaw it-taxxa f’ras il-għajn u li jħallsu minn qabel fir-rigward tad-dħul suġġett għal din it-taxxa, li huma jħallsu:

(a)

entitajiet, inklużi entitajiet fi skema ta’ allokazzjoni ta’ profitti, residenti fit-territorju Spanjol.

[…]

2.   L-entitajiet suġġetti għal dan l-obbligu għandhom iħallsu taxxa f’ras il-għajn jew [iħallsu] bħala depożitu ammont ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti minn din il-liġi provinċjali sabiex tiġi ddeterminata t-taxxa dovuta mill-persuni taxxabbli mingħajr stabbiliment permanenti jew ta’ dawk previsti minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja applikabbli […]

[…]

3.   L-entitajiet li għandhom iħallsu t-taxxa f’ras il-għajn jew li jagħmlu ħlas minn qabel jimpenjaw ruħhom li jagħmlu ħlas lit-Teżor Pubbliku Reġjonali [ta’ Bizkaia], mingħajr ma n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jeżentahom mill-obbligu ta’ ħlas. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13

Credit Suisse Securities (Europe) hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li ma għandhiex stabbiliment permanenti fi Spanja. Matul l‑2017, hija rċeviet EUR 2 763 848.73 ta’ dividendi, imqassma minn kumpannija stabbilita f’Bizkaia, li kienu suġġetti, skont il-Liġi Provinċjali 12/2013, għal taxxa f’ras il-għajn. Din it-taxxa inizjalment iffissata għal 19 %, jiġifieri l-istess perċentwali bħal dik applikabbli għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, finalment tnaqqset għal 10 % abbażi tal-Ftehim Ispano-Brittaniku.

14

Fl‑10 ta’ Frar 2021, Credit Suisse Securities (Europe) talbet lit-Teżor Pubbliku Reġjonali ta’ Bizkaia sabiex jirrettifika r-reverse charges ippreżentati mill-kumpannija li tqassam id-dividendi li kienet applikat it-taxxa f’ras il-għajn, billi talbet ir-rimbors tagħha minħabba li dan kien ħlas żejjed.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2021, it-Teżor Pubbliku Reġjonali ta’ Bizkaia ċaħad din it-talba.

16

Fit‑18 ta’ Marzu 2021, Credit Suisse Securities (Europe) ressqet ilment amministrattiv quddiem it-Tribunal Económico-Administrativo Foral de Bizkaia (il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva Provinċjali ta’ Bizkaia, Spanja), li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2022.

17

Credit Suisse Securities (Europe) adixxiet lit-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontenzjuż amministrattiv.

18

Din il-kumpannija ssostni li, matul is-sena finanzjarja 2017, hija rreġistrat telf u għalhekk ma setgħetx tirkupra, fil-pajjiż ta’ residenza tagħha, l-ammont miġbur bħala taxxa f’ras il-għajn billi timputah fuq ammont ta’ taxxa li għandu jitħallas f’dan il-pajjiż. Hija ssostni li, f’tali ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-Liġi Provinċjali 11/2013 tagħti lok għal trattament diskriminatorju. Fil-fatt, it-taxxa f’ras il-għajn applikata, b’applikazzjoni ta’ din il-liġi provinċjali, fir-rigward ta’ kumpannija mhux residenti hija kkonċepita bħala taxxa definittiva, mingħajr mekkaniżmu ta’ rimbors f’każ ta’ telf imġarrab minn tali kumpannija, filwaqt li, għal kumpannija residenti, li hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’Bizkaia, dan huwa ħlas minn qabel fuq din it-taxxa li jwassal għal tassazzjoni effettiva biss jekk din il-kumpannija jkollha bażi taxxabbli pożittiva għas-sena finanzjarja inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, jekk din tkun fin-negattiv, it-taxxa f’ras il-għajn tkun is-suġġett ta’ rimbors.

19

Għalhekk, l-imsemmija kumpannija tqis li hija ma tistax teżerċita b’mod sħiħ il-moviment liberu tal-kapital u tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943), kif ukoll tas‑16 ta’ Ġunju 2022, ACC Silicones (C‑572/20, EU:C:2022:469).

20

Barra minn hekk, din il-kumpannija ssostni li, f’każ ta’ telf, il-Ftehim Ispano-Brittaniku ma jippermettix it-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn miżmuma, peress li l-Artikolu 22(2) ta’ dan il-ftehim jeżiġi l-eżistenza ta’ profitti jew ta’ qligħ taxxabbli sabiex tali taxxa tkun tista’ titnaqqas. Ir-Renju Unit ma huwiex obbligat jirrimborsa t-taxxa f’ras il-għajn miżmuma fi Spanja u jagħti biss kreditu ta’ taxxa jekk ikun dovut ammont ta’ taxxa, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan il-kreditu lanqas ma jista’ jintuża matul is-snin finanzjarji sussegwenti.

21

Il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia jikkontesta dan l-argument.

22

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ ta’ ħlas ta’ dividendi minn kumpannija ddomiċiljata fiskalment f’Bizkaia, kemm il-kumpanniji benefiċjarji residenti kif ukoll il-kumpanniji mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ikkalkolata bl-istess rata ta’ taxxa. Madankollu, is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji tiżgura lil kumpannija benefiċjarja residenti, suġġetta għal din it-taxxa f’Bizkaia, rimbors sħiħ tat-taxxa f’ras il-għajn fil-każ tal-għeluq tas-sena finanzjarja kkonċernata b’telf, filwaqt li, għall-kumpanniji mhux residenti, din it-taxxa tkun ikkumpensata biss ipotetikament, permezz ta’ ftehim possibbli dwar ħelsien minn taxxa doppja. F’dan il-każ, il-Ftehim Ispano-Brittaniku ma jippermettix tali kumpens għall-kumpanniji residenti tar-Renju Unit.

23

Għaldaqstant, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni mal-moviment liberu tal-kapital, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 63 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lir-Renju ta’ Spanja, u[,] b’mod partikolari, lit-territorju storiku fiskalment awtonomu ta’ Bizkaia, milli, minkejja li japplika l-istess perċentwali kemm għall-persuni residenti kif ukoll għal dawk mhux residenti, ma jirrimborsax lill-persuni mhux residenti t-taxxa f’ras l-għajn miġbura meta jitħallsu dividendi minn entità residenti — u li ma jirnexxilhomx jinnewtralizzawha abbażi tal-konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja —, filwaqt li r-residenti li wkoll ibatu telf matul is-sena finanzjarja jirċievu rimbors sħiħ ta’ din it-taxxa?”

Fuq l‑ammissibbiltà

24

Il-Gvern Ġermaniż jiddubita l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tal-assenza ta’ konstatazzjonijiet sostantivi dwar it-telf allegatament imġarrab minn Credit Suisse Securities (Europe) fil-pajjiż ta’ residenza tagħha, jiġifieri r-Renju Unit.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Unedic,C‑125/23, EU:C:2024:163, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-indikazzjonijiet ta’ Credit Suisse Securities (Europe), mhux ikkontestati mill-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia jew mill-qorti tar-rinviju, din il-kumpannija rreġistrat telf fiskali matul is-sena finanzjarja li fiha t-taxxa f’ras il-għajn inżammet, peress li d-dikjarazzjoni fiskali li hija stabbilixxiet għal din is-sena finanzjarja fil-pajjiż ta’ residenza tagħha, jiġifieri r-Renju Unit, kienet turi bażi taxxabbli negattiva.

27

Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

28

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni applikabbli fi Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’territorju fiskalment awtonomu ta’ dan l-Istat Membru huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li, meta dawn id-dividendi huma rċevuti minn kumpannija residenti, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan it-territorju fiskalment awtonomu, tikkostitwixxi depożitu fuq din it-taxxa fuq il-kumpanniji u hija rrimborsata kompletament jekk din l-aħħar kumpannija tagħlaq is-sena finanzjarja kkonċernata b’telf, filwaqt li l-ebda rimbors ma huwa previst meta l-imsemmija dividendi jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti fl-istess sitwazzjoni.

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑kapital fis‑sens tal‑Artikolu 63(1) TFUE

30

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti bl-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma tali li jiskoraġġixxu lil persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew lil residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod iktar partikolari, trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jista’ jiskoraġġixxi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji li għandhom ishma f’kumpannija stabbilita f’Bizkaia huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mħallsa lilhom għal dan l-għan, għal żewġ sistemi fiskali differenti, li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi fuq l-istatus tagħhom ta’ resident jew ta’ kumpannija mhux residenti.

33

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti minn kumpannija li d-domiċilju fiskali tagħha huwa stabbilit f’Bizkaia huma suġġetti, bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(a) tal-Liġi Provinċjali 12/2013, għal taxxa f’ras il-għajn li tammonta għal 19 % tal-ammont gross tagħhom, għalkemm din ir-rata tista’ titnaqqas, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, u dan irrispettivament mir-riżultati finanzjarji ta’ dawn il-kumpanniji li ma humiex residenti. F’dan il-każ, id-dividendi rċevuti minn Credit Suisse Securities (Europe) kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 10 % skont tali ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ispano-Brittaniku.

34

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li d-dividendi mħallsa minn kumpannija stabbilita f’Bizkaia lil kumpannija residenti oħra li tinsab barra minn hekk fl-istess sitwazzjoni bħal Credit Suisse Securities (Europe) huma wkoll milquta minn taxxa f’ras il-għajn li tammonta għal 19 % tal-ammont gross tagħhom, din it-taxxa tikkostitwixxi depożitu fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli f’Bizkaia. Meta tali kumpannija residenti tirreġistra telf fi tmiem is-sena finanzjarja kkonċernata u meta, għaldaqstant, l-ebda taxxa fuq il-kumpanniji ma tkun dovuta, it-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq dawn id-dividendi bħala ħlas minn qabel hija rrimborsata, filwaqt li xejn minn dan ma huwa previst meta t-taxxa f’ras il-għajn tinżamm fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti.

35

Minn dan jirriżulta li s-sistema applikabbli għat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija li d-domiċilju fiskali tagħha huwa stabbilit fit-territorju storiku ta’ Bizkaia tista’ tagħti vantaġġ lil kumpannija residenti, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan it-territorju, meta mqabbla ma’ kumpannija mhux residenti, meta dawn il-kumpanniji jagħlqu sena finanzjarja b’telf (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 28).

36

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tad-dividendi rċevuti mill-kumpannija residenti, jekk tali rimbors jwassalx għall-eżenzjoni ta’ dawn id-dividendi minn kull piż fiskali jew jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-integrazzjoni tal-imsemmija dividendi sa 50 % fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija residenti tnaqqasx l-ammont tat-telf li jista’ jiġi mnaqqas mid-dħul pożittiv ta’ snin finanzjarji ulterjuri, li għalhekk ikollu bħala effett id-differiment tat-tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi.

37

Fi kwalunkwe każ, l-ewwel nett, l-esklużjoni ta’ tali vantaġġ f’sitwazzjoni transkonfinali filwaqt li jingħata f’sitwazzjoni ekwivalenti fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli possibbli tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti għandha ssir għal kull sena finanzjarja individwalment (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Peress li d-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti huma ntaxxati meta jitqassmu, għandu jittieħed kont tas-sena finanzjarja ta’ distribuzzjoni tad-dividendi sabiex jitqabbel il-piż fiskali fuq dawn id-dividendi u dak fuq dividendi mqassma lil kumpannija residenti, impost f’Bizkaia (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 31).

40

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li tali piż ikun ta’ żero għal din l-aħħar kumpannija meta hija tagħlaq tali sena finanzjarja b’telf.

41

It-tielet nett, il-posponiment possibbli tal-intaxxar ta’ dawn id-dividendi jkollu n-natura ta’ eżenzjoni finali jekk il-kumpannija residenti ma jkollhiex iktar riżultati ta’ profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 33).

42

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tagħti vantaġġ lill-kumpanniji residenti li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ telf, peress li dan jimplika tal-inqas vantaġġ ta’ likwidità, jew saħansitra eżenzjoni, filwaqt li l-kumpanniji mhux residenti huma suġġetti għal taxxa immedjata u definittiva indipendentement mir-riżultat tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 34).

43

Il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia u l-Gvern Spanjol ifakkru, f’dan ir-rigward, li d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti bħal Credit Suisse Securities (Europe) huma suġġetti, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 25(1)(a) tal-Liġi Provinċjali 12/2013 u tal-Artikolu 10(2)(a)(i) tal-Ftehim Ispano-Brittaniku, għal taxxa bir-rata ta’ 10 %, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti huma suġġetti, sa fejn huma inklużi fil-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji, għal taxxa b’rata ta’ 28 %.

44

Issa, tali fatt ma jistax jelimina t-trattament inqas favorevoli li jirċievu d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti.

45

Fil-fatt, minn naħa, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza possibbli ta’ vantaġġi oħra (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ taxxa inqas favorevoli invokata mill-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia u mill-Gvern Spanjol f’dak li jikkonċerna d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti ma hijiex fi kwalunkwe każ rilevanti, peress li dawn id-dividendi huma s-suġġett ta’ eżenzjoni mit-taxxa dovuta meta l-kumpannija residenti twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tkun għamlet profitt matul is-snin finanzjarji wara li tkun irċeviet l-imsemmija dividendi. Issa, il-fatt li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tiddiskrimina kontra kumpanniji mhux residenti ma jistax jiġi kkumpensat mill-fatt li, f’sitwazzjonijiet oħra, din l-istess leġiżlazzjoni tista’ ma taffettwax lill-kumpanniji mhux residenti meta mqabbla mar-residenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi skont il-post ta’ residenza tal-kumpanniji li jibbenefikaw minn dawn tal-aħħar tista’ tiddiswadi lill-kumpanniji mhux residenti milli jinvestu f’kumpanniji stabbiliti f’Bizkaia.

48

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE.

49

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

Fuq l‑eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar‑restrizzjoni skont l‑Artikolu 65 TFUE

50

Bis-saħħa tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit.

51

Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għalhekk, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tinvolvi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn jirrisjedu jew l-Istat Membru li fih dawn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga stess prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għalhekk, hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament li tirriżulta għandha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli b’mod oġġettiv jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il‑komparabbiltà tas‑sitwazzjonijiet inkwistjoni

53

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument meta Stat jissuġġetta, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss persuni taxxabbli residenti, iżda wkoll lil persuni taxxabbli mhux residenti, għad-dividendi li dawn jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni taxxabbli mhux residenti toqrob għal dik tal-persuni taxxabbli residenti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Ġermaniż jirreferu, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, EU:C:1997:239), tal‑15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande (C‑345/04, EU:C:2007:96), kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608), li minnhom jiddeduċu li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-prinċipju ta’ territorjalità u li l-kumpanniji mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli għal dik tal-kumpanniji residenti.

55

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn l-aħħar sentenzi kienet diġà ġiet invokata fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943). Issa, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli, u dan abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Tali evalwazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tas-sitwazzjonijiet tal-kumpanniji residenti u tal-kumpanniji mhux residenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

56

Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli.

Fuq il‑ġustifikazzjoni bbażata fuq l‑effikaċja tal‑ġbir tat‑taxxa

57

Il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia jsostni li obbligu fiskali li għandu jiġi rkuprat b’mod immedjat li għandha kumpannija li ma hijiex residenti li tirċievi dividendi jidher li huwa proporzjonat mal-għan li jiġi ppreżervat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa minn tali kumpannija, li ma għandhiex, barra minn hekk, stabbiliment permanenti, jiżdied maż-żmien, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe rabta reali u permanenti tagħha mal-pajjiż tas-sors tad-dħul.

58

B’dan il-mod, il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia jsostni, fir-realtà, li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxa.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, in-neċessità li jiġi żgurat ġbir effettiv tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, bla ħsara, madankollu, għall-fatt li l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun trid tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, fiċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għall-kumpanniji residenti li qegħdin jagħmlu telf li huma taxxabbli f’Bizkaia, il-kumpanniji li ma humiex residenti, li huma stess qegħdin jagħmlu telf, la jibbenefikaw mir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn u lanqas minn posponiment possibbli tat-taxxa.

62

Issa, ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ tali posponiment lill-kumpanniji mhux residenti, filwaqt li jelimina neċessarjament din ir-restrizzjoni, ma jikkontestax it-twettiq tal-għan marbut mal-ġbir effikaċi tat-taxxa dovuta minn dawn il-kumpanniji meta jirċievu dividendi ta’ kumpannija residenti, stabbilita f’Bizkaia (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 70).

63

Fil-fatt, l-ewwel nett, is-sistema ta’ rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fil-każ ta’ riżultat ta’ telf tikkostitwixxi, min-natura tagħha, deroga mill-prinċipju tat-tassazzjoni matul is-sena finanzjarja tad-distribuzzjoni tad-dividendi, b’tali mod li din is-sistema, min-natura tagħha, għandha l-għan li tapplika mhux għall-maġġoranza tal-kumpanniji li jirċievu dividendi, iżda biss għal dawk li jirreġistraw telf (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 71).

64

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li huma l-kumpanniji mhux residenti li għandhom jipproduċu l-elementi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni li jikkonstataw li l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi sabiex jibbenefikaw mir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 72).

65

It-tielet nett, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943), il-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka eżistenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Istat Membru ta’ ras il-għajn iwettaq kontroll tal-veraċità tal-elementi mressqa mill-kumpanniji mhux residenti li jixtiequ jibbenefikaw mir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 73).

66

Konsegwentement, ir-rikonoxximent tal-vantaġġ marbut mar-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn imwettaq u mal-posponiment possibbli tat-taxxa għall-kumpanniji mhux residenti li qegħdin jagħmlu telf għandu l-effett li jneħħi kull ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital mingħajr madankollu ma jostakola t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 77).

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażata fuq l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa ma tistax tintlaqa’.

Fuq il‑ġustifikazzjoni bbażata fuq it‑tqassim ibbilanċjat tas‑setgħa ta’ tassazzjoni bejn l‑Istati Membri u l‑prevenzjoni tar‑riskju ta’ użu doppju tat‑telf

68

Il-Gvern Ġermaniż isostni li, għalkemm, bis-saħħa tal-Ftehim Ispano-Brittaniku, ir-Renju ta’ Spanja huwa awtorizzat jintaxxa d-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti lil kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, l-attivitajiet ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar, mill-bqija, jaqgħu taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tar-Renju Unit. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sservi sabiex jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni, peress li t-telf imġarrab minn kumpannija mhux residenti u li ma għandux rabta diretta mad-dividendi mħallsa lilha minn kumpannija residenti joriġina minn attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali tal-Istat ta’ residenza tagħha, fejn dan it-telf jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Teħid inkunsiderazzjoni addizzjonali meta t-taxxa fuq id-dividendi fi Spanja twassal għal tnaqqis doppju tat-telf, li jmur kontra t-tqassim tas-setgħat ta’ tassazzjoni mwettaq.

69

Il-Gvern Spanjol jikkunsidra, huwa wkoll, li l-fatt li tintlaqa’, f’dan il-każ, it-talba mressqa minn Credit Suisse Securities (Europe) iwassal għal użu multiplu tat-telf imġarrab minnha.

70

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu u li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prevenzjoni ta’ użu doppju tat-telf tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C‑650/16, EU:C:2018:424, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti huma ntaxxati permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn b’rata stabbilita fil-kuntest ta’ konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja, peress li din it-taxxa f’ras il-għajn ma hijiex irrimborsata meta tali kumpannija jkollha sena finanzjarja b’telf, filwaqt li kumpannija residenti, imqiegħda fl-istess sitwazzjoni, tibbenefika minn tali rimbors u mill-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi rċevuti.

74

Madankollu, minn naħa, meta Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax, f’ċerti sitwazzjonijiet, lill-kumpanniji residenti fuq id-dividendi li għandhom oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-kumpanniji mhux residenti li jirċievu tali dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Keva et, C‑39/23, EU:C:2024:648, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Min-naħa l-oħra, il-posponiment possibbli tat-taxxa fuq id-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti f’sitwazzjoni ta’ telf ma jfissirx li t-territorju storiku fiskalment awtonomu ta’ Bizkaia għandu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, id-dividendi mqassma mill-kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa ladarba l-kumpannija mhux residenti kellha riżultat ta’ profitt f’sena finanzjarja ulterjuri, bħalma huwa l-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għal kumpannija residenti li kellha evoluzzjoni simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 59).

76

Barra minn hekk, it-telf ta’ dħul fiskali marbut mat-taxxa fuq id-dividendi rċevuti minn kumpanniji mhux residenti f’każ ta’ sena finanzjarja b’telf ma jistax jiġġustifika t-tassazzjoni immedjata u definittiva fuq id-dividendi rċevuti minn dawn il-kumpanniji f’każ bħal dan, filwaqt li tali telf huwa aċċettat meta jkun jikkonċerna kumpanniji residenti ntaxxati f’Bizkaia (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 63).

77

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskju ta’ użu doppju tat-telf, li, fi kwalunkwe każ, huma l-kumpanniji mhux residenti li għandhom jipproduċu l-provi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni jikkonstataw li l-kundizzjonijiet previsti għall-benefiċċju ta’ posponiment tat-taxxa huma ssodisfatti.

78

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li jiġi evitat ir-riskju ta’ użu doppju tat-telf.

Fuq il‑ġustifikazzjoni bbażata fuq il‑preżervazzjoni tal‑koerenza tas‑sistema fiskali

79

Il-Kunsill Provinċjali ta’ Bizkaia kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Ġermaniż isostnu li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sservi sabiex tippreżerva l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali peress li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-Istat Membru ta’ ras il-għajn, tat-telf imġarrab barra minn dan l-Istat Membru minn kumpannija mhux residenti ssegwi loġika simetrika u tikkostitwixxi l-kontroparti tan-nuqqas ta’ tassazzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, tal-attivitajiet ekonomiċi li minnhom jirriżulta dan it-telf.

80

Sabiex argument ibbażat fuq in-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali jkun jista’ jintlaqa’, għandha, tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ ħlas fiskali partikolari (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Cofidis,C‑340/22, EU:C:2023:1019, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

F’dan ir-rigward, għandu, madankollu, jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-kumpanniji residenti u suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’Bizkaia li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ telf u li jiksbu r-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn miżmuma fuq id-dividendi rċevuti ma humiex suġġetti, bħala tpaċija ta’ dan ir-rimbors, għal ħlas fiskali partikolari. Anki jekk il-kumpanniji residenti kellhom l-obbligu li jintegraw dawn id-dividendi sa 50 % fil-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, f’sitwazzjoni ta’ telf, dawn il-kumpanniji kienu jibbenefikaw tal-inqas minn vantaġġ finanzjarju, jew saħansitra minn eżenzjoni fil-każ ta’ waqfien ta’ attivitajiet qabel ma jerġa’ jintlaħaq riżultat pożittiv.

82

Għaldaqstant, ma tistax tintlaqa’ l-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba n-neċessità li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni applikabbli fi Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’territorju fiskalment awtonomu ta’ dan l-Istat Membru huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li, meta dawn id-dividendi huma rċevuti minn kumpannija residenti, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan it-territorju fiskalment awtonomu, tikkostitwixxi depożitu fuq din it-taxxa fuq il-kumpanniji u hija rrimborsata kompletament jekk din l-aħħar kumpannija tagħlaq is-sena finanzjarja kkonċernata b’telf, filwaqt li l-ebda rimbors ma huwa previst meta l-imsemmija dividendi jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti fl-istess sitwazzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni applikabbli fi Stat Membru li bis-saħħa tagħha d-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita f’territorju fiskalment awtonomu ta’ dan l-Istat Membru huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li, meta dawn id-dividendi huma rċevuti minn kumpannija residenti, suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan it-territorju fiskalment awtonomu, tikkostitwixxi depożitu fuq din it-taxxa fuq il-kumpanniji u hija rrimborsata kompletament jekk din l-aħħar kumpannija tagħlaq is-sena finanzjarja kkonċernata b’telf, filwaqt li l-ebda rimbors ma huwa previst meta l-imsemmija dividendi jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti fl-istess sitwazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.