Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawża C‑41/25

HX, bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Orsay GmbH

vs

Skarb Państwa, Naczelnik II Urzędu Skarbowego Warszawa-Śródmieście

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 6(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza – Azzjoni revokatorja – Azzjoni mibdija kontra l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor – Prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja tal-Istati”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

B. Id-dritt tal-Unjoni

C. Id-dritt Ġermaniż

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV. Analiżi

A. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament 2015/848

1. Fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolament 2015/848 u r-Regolament Nru 1215/2012

2. Fuq l-applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 għal azzjoni revokatorja li tirrigwarda l-pagamenti mwettqa lil awtorità fiskali skont liġi fiskali

3. Konklużjoni intermedjarja

B. Fuq l-effett tal-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja invokat fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

a) Fuq ir-relazzjonijiet bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali

b) Fuq il-klassifikazzjoni tal-att, bażi tal-pagamenti inkwistjoni fl-azzjoni revokatorja, bħala att ta’ setgħa pubblika

2. Fuq l-eżistenza ta’ modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

3. Fuq l-applikazzjoni ta’ modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

a) Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq ir-Regolament 2015/848

b) Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni

4. Kunsiderazzjonijiet finali

5. Risposta proposta

V. Konklużjoni



I.      Introduzzjoni

1.        “Par in parem non habet imperium”, jew “ugwali ma għandux awtorità fuq ugwali”,  hija l-espressjoni ta’ prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar l-immunità ġudizzjarja. Dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat sabiex jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni? B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jista’ jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif jirriżulta mir-Regolament (UE) 2015/848 (2) li jirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza, inkluż għall-azzjonijiet ippreżentati kontra l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza? Huwa hekk li wieħed jista’ jiġbor fil-qosor is-sustanza ta’ din il-kawża ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża r-relazzjoni bejn prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jirrigwarda l-immunità ġudizzjarja u strument tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni applikabbli fil-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali, kif ukoll, b’mod ġenerali, tistaqsi dwar l-estensjoni tal-kompetenzi mogħtija mill-Istati Membri lill-Unjoni, b’mod partikolari, fil-qasam tal-politika tagħha relatata mal-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

3.        Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, isir riferiment għall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Immunità tal-Istati (3). Uħud mill-partijiet ikkonċernati jirreferu wkoll għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Immunitajiet Ġudizzjarji tal-Istati u l-Proprjetà Tagħhom (4), li għall-finijiet ta’ din l-analiżi, ser jiġu rrilevati l-Artikoli 5 sa 8 tagħha (5).

B.       Id-dritt tal-Unjoni

4.        Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, huma rilevanti d-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament 2015/848: il-premessi 2 sa 5, 8, 35, 63 u 66, il-punt 12 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u (2), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2)(m), l-Artikolu 16, l-Artikolu 53, l-Artikolu 54(1), u l-Artikolu 55(1).

C.      Id-dritt Ġermaniż

5.        L-Artikolu 129 tal-Insolvenzordnung (il-Kodiċi tal-Insolvenza), intitolat “Prinċipju”, jipprovdi:

“(1)      L-Insolvenzverwalter (amministratur ġudizzjarju) jista’ jattakka, b’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 130 sa 146, l-atti ġuridiċi li twettqu qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u li jippreġudikaw lill-kredituri.

(2)      Ommissjoni hija assimilata għal att ġuridiku.”

6.        L-Artikolu 130 tal-Kodiċi tal-Insolvenza, intitolat “Kopertura konformi”, jipprovdi:

“(1)      Kull att ġuridiku li ta lil kreditur tal-insolvenza, jew ippermetta lil dan tal-aħħar jikseb, garanzija jew ħlas jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors:

1.      meta dan l-att twettaq matul it-tliet xhur preċedenti għat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u fid-data li fiha twettaq, id-debitur kien insolventi u l-kreditur kellu għarfien tal-insolvenza; jew

2.      meta dan l-att twettaq wara t-talba għall-ftuħ u fid-data li fiha twettaq, il-kreditur kellu għarfien tal-insolvenza jew tat-talba għall-ftuħ.

[...]

(2)      L-għarfien tal-insolvenza jew tat-talba għall-ftuħ hija ekwivalenti għall-għarfien ta’ ċirkustanzi li jippermettu neċessarjament li tiġi konkluża l-insolvenza jew it-talba għall-ftuħ.

(3)      Persuna li kienet qrib tad-debitur fil-mument tal-att (Artikolu 138) hija preżunta li kellha għarfien tal-insolvenza jew tat-talba għall-ftuħ.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.        Fil‑25 ta’ Novembru 2021, Orsay GmbH, kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, talbet lill-Amtsgericht Offenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Offenburg, il-Ġermanja) tiftaħ proċedura ta’ insolvenza. Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021, Orsay informat lit-Teżor Pollakk b’din it-talba.

8.        Fis‑17 u fl‑24 ta’ Diċembru 2021, Orsay ħallset lit-Teżor Pollakk somom li jammontaw, rispettivament, għal 2 773 179 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 590 000) u għal PLN 3 557 487 (madwar EUR 768 000). Dawn is-somom kienu dovuti bħala taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għax-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2021 għal dak li jirrigwarda l-oġġetti importati fil-Polonja minn pajjiż terz.

9.        Fis‑26 ta’ Jannar 2022, l-Amtsgericht Offenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Offenburg) fetħet il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Orsay. Fl‑1 ta’ Novembru 2022, din il-qorti fdat l-amministrazzjoni ta’ Orsay lil HX bħala amministratur ġudizzjarju.

10.      Quddiem il-qorti tal-ewwel istanza Ġermaniża, HX ippreżenta rikors kontra t-Teżor Pollakk għall-finijiet tar-rimbors parzjali tas-somom imħallsa bħala VAT wara t-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Skont HX, dawn il-pagamenti naqqsu l-massa ta’ insolvabbiltà għad-detriment tal-kredituri l-oħra ta’ Orsay. Għalhekk, is-somom imħallsa kellhom jiġu rrimborsati u reintegrati f’din il-massa.

11.      Madankollu, il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ikkunsidraw, fid-dawl tal-eċċezzjoni ta’ immunità ġudizzjarja invokata mit-Teżor Pollakk quddiemhom, li r-rikors kien inammissibbli għar-raġuni li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwaru minħabba l-immunità ġudizzjarja li minnha kien jibbenefika t-Teżor Pollakk. HX appella għal “reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

12.      Din il-qorti tistaqsi dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni revokatorja ppreżentata kontra awtorità fiskali Pollakka. B’mod partikolari, hija tfakkar il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li Stat ma huwiex suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat ieħor, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ atti iure imperii li jaqgħu taħt is-sovranità ta’ Stat ieħor. Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li, b’konformità mal-ġurisprudenza tagħha, ir-rinunzja għall-immunità mill-Istat tista’ ssir permezz ta’ trattat internazzjonali, ta’ kuntratt tad-dritt privat, jew anki permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika quddiem il-qorti. Issa, ir-Regolament 2015/848 ma jiħux preċedenza fuq dawn ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali. Għalhekk, hija tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848 jipprevedix rinunzja impliċita mill-Istati Membri għall-immunità ġudizzjarja tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza u proċeduri li huma marbutin mill-qrib magħhom, bħall-azzjonijiet revokatorji.

13.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1) tar-[Regolament 2015/848] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tar-rikonoxximent ta’ proċeduri ta’ insolvenza barranin, dan l-artikolu jinkludi rinunzja impliċita mill-Istati Membri [...] għall-prinċipju ta’ immunità tal-Istat fir-rigward tal-azzjonijiet li permezz tagħhom l-[amministratur ġudizzjarju] tal-insolvenza jsostni, skont il-liġi applikabbli għall-insolvenza, li atti ġuridiċi fil-konfront ta’ Stat Membru huma annullabbli sa fejn dawn jippreġudikaw il-massa tal-kredituri?”

14.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2025. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak, Taljan u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Matul is-seduta tad‑9 ta’ Frar 2026, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali għan-nom ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati, tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Gvern Spanjol u dak Franċiż.

IV.    Analiżi

15.      Permezz tal-unika domanda tagħha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi rinunzja impliċita mill-Istati Membri għall-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja fir-rigward ta’ azzjonijiet bħall-azzjoni revokatorja.

16.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda preliminari.

17.      Qabel nibda l-analiżi tad-domanda magħmula f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-partikolarità tagħha tinsab fiċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw, minn naħa, il-bażi tad-debitu li d-debitur ħallas wara li ressaq it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri d-debitu fiskali, u min-naħa l-oħra, il-kwalità tal-kreditur, li sar il-konvenut fil-kawża prinċipali, jiġifieri awtorità fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza (6).

18.      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser inneħħi, fl-ewwel lok, l-inċertezzi kollha li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 għall-azzjoni revokatorja ppreżentata kontra awtorità fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. B’mod partikolari, ser nuri li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament japplika tabilħaqq għal din l-azzjoni. Fit-tieni lok, ser neżamina l-effett tal-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja invokat fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. B’mod partikolari, ser infakkar ir-relazzjoni li torbot id-dritt tal-Unjoni mad-dritt internazzjonali u ser nikkonferma li l-azzjoni revokatorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-pagamenti mwettqa skont att ta’ setgħa pubblika. Għalhekk, ser nesponi mhux biss ir-raġunijiet li jwassluni nikkunsidra li l-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja jista’ jiġi organizzat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda wkoll dawk li jwassluni nikkonkludi l-eżistenza ta’ tali organizzazzjoni fil-kuntest tar-Regolament 2015/848.

A.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament 2015/848

19.      Il-Gvern Taljan jargumenta, essenzjalment, kif ikkonferma waqt is-seduta, li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848, għaliex hija taqa’ taħt il-limiti previsti mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (7), li huma trasponibbli għar-Regolament 2015/848 peress li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa regolament ġenerali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet fiskali huma kkonċernati mill-proċedura ta’ insolvenza biss meta jkun inkwistjoni r-rwol attiv tagħhom fil-kwalità ta’ kredituri.

20.      F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn ir-Regolament 2015/848 u r-Regolament Nru 1215/2012, u b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 japplikawx għar-Regolament 2015/848, u huwa biss wara li għandu jiġi analizzat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

1.      Fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolament 2015/848 u r-Regolament Nru 1215/2012

21.      Huwa ovvju li jekk ir-Regolament 2015/848, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tiegħu, ma japplikax għall-azzjoni revokatorja mibdija minn amministratur ġudizzjarju fi Stat Membru ta’ ftuħ kontra l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor, ma jkunx hemm lok li jiġi analizzat jekk din l-awtorità fiskali tistax tinvoka l-immunità ġudizzjarja tagħha kontra l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, kif ser nesponi iktar ’il quddiem, jiena ma naqbilx mar-riżervi invokati mill-Gvern Taljan dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22.      Il-kwistjoni tar-relazzjoni tar-Regolament 2015/848 u tar-Regolament Nru 1215/2012 jidhirli li hija espressament irregolata minn dawn ir-regolamenti u mill-ġurisprudenza fil-qasam. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa japplika f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kwistjonijiet fiskali, doganali, amministrattivi u r-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (acta iure imperii). Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(b) tiegħu, jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi. Mill-banda l-oħra, dawn il-proċeduri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafu 1.

23.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din l-esklużjoni kienet tirriżulta diġà, għal dak li jirrigwarda dawn il-materji, mill-Konvenzjoni ta’ Brussell (8) u mir-regolamenti sussegwenti li ġew warajha, jiġifieri r-Regolament Nru 44/2001 (9) u r-Regolament Nru 1215/2012, attwalment fis-seħħ, u li jirrigwardaw proċeduri ta’ insolvenza, u mir-Regolament Nru 1346/2000 (10), issostitwit u mħassar mir-Regolament 2015/848.

24.      Barra minn hekk, ir-rapport Virgós/Schmit (11) jenfasizza li proċedura ta’ insolvenza, li hija azzjoni ta’ natura kollettiva, teħtieġ li s-sitwazzjonijiet legali jkunu ddeterminati b’mod ċar, dak li jista’ jiġi stabbilit biss permezz ta’ strument ġuridiku adottat bejn l-Istati Membri kontraenti (12). Fil-fatt, fid-dawl tan-natura speċifika u derogatorja tar-regoli fil-qasam ta’ insolvenza meta mqabbla ma’ dik tar-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali, huwa assolutament iġġustifikat li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ insolvenza u dawk f’materji ċivili u kummerċjali jkunu delimitati b’mod ċar.

25.      Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta, essenzjalment, li l-istrumenti ġuridiċi relatati mad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali, minn naħa, u fil-qasam ta’ proċeduri ta’ insolvenza, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt li dawn it-testi jistabbilixxu u kull lakuna ġuridika (13). Fil-fatt, l-azzjonijiet esklużi skont ir-Regolament dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Bl-istess mod, l-azzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-materji ċivili u kummerċjali (14), bil-kundizzjoni li dan ikun applikabbli (15).

26.      Din is-soluzzjoni kienet ikkodifikata fl-okkażjoni tar-riformulazzjoni mwettqa mir-Regolament 2015/848 li, minbarra d-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni regolatorji tal-proċeduri ta’ insolvenza, minn naħa, u tal-materji ċivili u kummerċjali, min-naħa l-oħra, issa jipprevedi espliċitament li l-interpretazzjoni tar-Regolament 2015/848, għandha kemm jista’ jkun tkopri l-lakuni regolatorji bejn dan ir-regolament u r-Regolament Nru 1215/2012 (16). Għalhekk, loġikament, il-limiti relatati mal-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, imfakkra fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma għandhomx ikunu trasposti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament 2015/848.

27.      Xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-konklużjoni preċedenti, għandu jiġi żgurat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ tabilħaqq fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament 2015/484.

2.      Fuq l-applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 għal azzjoni revokatorja li tirrigwarda l-pagamenti mwettqa lil awtorità fiskali skont liġi fiskali

28.      B’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848, relatat mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat ta’ ftuħ sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja, il-kriterju doppju rilevanti sabiex tiġi konkluża l-inklużjoni ta’ din l-azzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa l-bażi legali tal-imsemmija azzjoni u l-intensità tar-rabta eżistenti bejn azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ insolvenza, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar azzjoni li tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha (17).

29.      Fi kliem ieħor, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, imkien ma jirriżulta li għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huma rilevanti ċ-ċirkustanzi kuntestwali bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri dawk marbuta mal-bażi tad-debitu mħallas (debitu fiskali) jew inkella mal-kwalità tal-kreditur (awtorità fiskali, konvenuta fil-kawża prinċipali) (18). Issa, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali tirrigwarda azzjoni li tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza, u barra minn hekk l-azzjoni revokatorja hija l-unika eżempju ta’ tali azzjoni msemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848. Għaldaqstant, din l-azzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

30.      Jidhirli li din il-konklużjoni tista’ tiġi kkonfermata mill-kuntest u mill-għanijiet tar-Regolament 2015/848.

31.      Għandu jitfakkar li l-azzjonijiet imsejħa “revokatorji” jinkludu firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li, abbażi tal-insolvenza tad-debitur, huma intiżi li jinvalidaw it-tranżazzjonijiet u l-operazzjonijiet imwettqa minn u għall-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar. Ċertament, dawn it-tranżazzjonijiet u operazzjonijiet, ta’ natura ċivili jew kummerċjali, għandhom post importanti fil-ħajja tad-debitur, u jinfluwenzaw għalhekk il-likwidità tiegħu u eventwalment ikollhom konsegwenzi meta huwa jaffaċċja l-insolvenza. Madankollu, peress li jeżerċitaw attivitajiet ċivili u kummerċjali, id-debituri huma suġġetti wkoll għal ġabra ikbar ta’ obbligi, b’mod partikolari ta’ natura fiskali. Għalhekk, jidher assolutament possibbli li, minbarra d-debiti marbuta mat-tranżazzjonijiet u operazzjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, dawk li għandhom il-bażi tagħhom f’obbligi oħra, b’mod partikolari dawk ta’ natura fiskali, jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 ladarba jkunu s-suġġett ta’ azzjoni revokatorja.

32.      F’dan ir-rigward, il-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848, dwar id-definizzjoni ta’ “kreditur barrani”, jipprovdi espliċitament li dan il-kunċett jinkludi l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Huwa minnu li, f’dan ir-regolament, din id-definizzjoni hija użata fid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-dritt ta’ tressiq ta’ pretensjonijiet u għalhekk jirrigwardaw sitwazzjonijiet opposti għal dik li fiha tinsab l-awtorità fiskali Pollakka fil-kawża prinċipali. Madankollu, ma naħsibx li applikazzjoni differenti tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ proċeduri ta’ insolvenza skont il-kwalità tal-kredituri barranin fil-proċedura quddiem qorti jew inkella skont id-dritt eżerċitat minn dawn il-kredituri barranin, jiġifieri d-dritt ta’ tressiq ta’ pretensjonijiet jew id-dritt tad-difiża meta jiġu mitluba jħallsu lura d-debiti mħallsa mid-debitur svestit, hija kriterju rilevanti (19).

33.      Barra minn hekk, l-għanijiet li jridu jintlaħqu mir-Regolament 2015/848 jidhirli li jipprekludu li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tiegħu, tkun eskluża fil-każ ta’ azzjoni revokatorja mibdija kontra awtorità fiskali għall-finijiet tal-irkupru ta’ pagamenti tal-VAT, fis-sens li din l-applikazzjoni tkun tiddependi fuq il-kriterju relatat mal-kwalità ta’ kredituri barranin jew mad-dritt eżerċitat minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura l-effikaċja tal-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ insolvenza (20), billi jagħti privileġġ lill-massa tal-kredituri (21), u jippromwovi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri (22). Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu jekk wieħed jiddistingwi s-sistema legali applikabbli abbażi tal-kriterju fuq imsemmi.

34.      Fl-aħħar nett, l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-insolvenza, u għalhekk, ta’ ċertezza legali huma favur interpretazzjoni li r-Regolament 2015/848 japplika meta azzjoni revokatorja hija bbażata fuq l-insolvenza u mibdija kontra konvenut li għandu l-istatus ta’ awtorità fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, armonizzazzjoni, fl-Unjoni, tar-regoli tal-ġurisdizzjoni għall-azzjonijiet revokatorji bbażati fuq l-insolvenza, tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (23), u jkun hemm riskju ta’ ostakolu jekk wieħed jagħmel differenzazzjoni tal-applikazzjoni tas-sistema legali prevista minn dan ir-regolament skont in-natura tad-debitu fiskali u l-kwalità tal-kreditur.

35.      Minn dan isegwi li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848 ta’ azzjoni revokatorja mibdija kontra amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura, twassal sabiex tnaqqas indebitament il-portata ta’ dan ir-regolament u tmur kontra l-għanijiet li huwa jrid jilħaq.

3.      Konklużjoni intermedjarja

36.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis, minn naħa, li l-limiti previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 ma humiex trasponibbli għall-proċeduri ta’ insolvenza li jaqgħu taħt regoli derogatorji għal dawk previsti f’materji ċivili u kummerċjali, u huma previsti mir-Regolament 2015/848. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, japplika meta l-azzjoni revokatorja tirrigwarda pagament imwettaq lil amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

37.      Fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti, ser nipproċedi, sussegwentement, għall-analiżi tal-portata tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u tar-relazzjoni tagħha mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848 sabiex niddetermina jekk din l-immunità ġudizzjarja tipprekludix l-eżerċizzju, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġurisdizzjoni prevista minn dan ir-regolament.

B.      Fuq l-effett tal-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja invokat fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza

38.      Ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża twassalni sabiex neżamina l-eżistenza ta’ modalitajiet ta’ rinunzja għall-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-konsegwenzi tagħhom. Dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni diversi parametri tad-dritt tal-Unjoni, ibbażati kemm fuq id-dritt primarju kif ukoll fuq dak tar-Regolament 2015/848, filwaqt li madankollu nibda b’xi kunsiderazzjonijiet preliminari.

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

39.      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar il-mod li bih id-dritt tal-Unjoni jindirizza d-dritt internazzjonali ġenerali, taħt il-forma konswetudinarja tiegħu (24), kif ukoll in-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni. Imbagħad, għandhom isiru xi preċiżazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tal-att li jservi bħala bażi għall-pagamenti li l-amministratur ġudizzjarju jrid jirkupra permezz tal-azzjoni revokatorja.

a)      Fuq ir-relazzjonijiet bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali

40.      Għandu jitfakkar li l-Unjoni hija suġġett tad-dritt internazzjonali u li, f’dan ir-rigward, hija detentriċi tad-drittijiet internazzjonali u suġġetta għall-obbligi internazzjonali. B’mod partikolari, hija għandha tosserva d-dritt internazzjonali ġenerali, li minnu tagħmel parti. Barra minn hekk, hija għandha tiżgura li l-Istati Membri tagħha josservaw ir-regoli internazzjonali sabiex ma tisforzahomx jiksru l-obbligi li jirriżultaw minn strumenti ta’ kodifikazzjoni li fihom jipparteċipaw (25).

41.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(5) TUE, li issa jikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26), jistabbilixxi li, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, meta hija tadotta att, hija marbuta tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (27).

42.      Għalhekk, l-Unjoni li, ċertament, taqsam il-“ġenetika” tal-organizzazzjonijiet internazzjonali permezz tal-ħolqien konvenzjonali tagħha, il-personalità ġuridiku internazzjonali tagħha, il-kompożizzjoni statali tagħha, l-istabbiliment tal-kompetenzi tagħha jew inkella tal-azzjoni internazzjonali tagħha, hija suġġett tad-dritt internazzjonali uniku, ikkaratterizzat min-natura speċifika tagħha li ma tistax tiġi ridotta għal sempliċi organizzazzjoni internazzjonali, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi Stat (28).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li t-Trattati fundaturi tal-Unjoni (29) attribwixxewlha ordinament ġuridiku ġdid awtonomu, li hija għandha tiżgura l-osservanza tiegħu (30). Din l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward kemm tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, hija ġġustifikata mill-karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u tad-dritt tagħha, relatati, b’mod partikolari, mal-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll man-natura stess ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li ħareġ minn sors awtonomu, ikkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għall-Istati Membri stess. Tali karatteristiċi taw lok għal network strutturat ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jiddependu minn xulxin u li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (31).

44.      Din l-awtonomija, li hija, qabel kollox, karatteristika tar-relazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mad-dritt tal-Istati Membri (32), għandha wkoll effett importanti fuq il-perċezzjoni tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni, u fl-aħħar nett,  fuq il-konklużjoni li għandha tinsilet dwar il-konsegwenza li r-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali konswetudinarju u d-dritt tal-Unjoni għandha fuq dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi. Fil-fatt, l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom obbligi mill-perspettiva tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll minn dik tad-dritt internazzjonali.

45.      F’dan ir-rigward, ma nkunx l-ewwel wieħed li nirrikonoxxi l-eżistenza ta’ relazzjoni delikata bejn l-obbligi tal-Unjoni, minn naħa, li tosserva d-dritt internazzjonali, u min-naħa l-oħra, li tiżgura l-awtonomija tagħha jew saħansitra l-importanza taż-żamma tal-ekwilibriju bejn il-ħarsien tal-identità kostituzzjonali tal-Unjoni u l-garanzija li d-dritt tal-Unjoni ma jsirx ostili lejn il-komunità internazzjonali, iżda li jkun parti attiva fiha (33). Għalhekk, sabiex tiżgura l-koeżistenza armonjuża tal-obbligi u tar-regoli li joħorġu minn żewġ ordinamenti ġuridiċi differenti, la d-dritt tal-Unjoni u lanqas id-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari, dak konswetudinarju, ma jistgħu jservu sabiex jiġu evitati l-impenji fl-ordinament ġuridiku l-ieħor ikkonċernat.

46.      Għal dak li jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-konswetudini internazzjonali, din tista’ tiġi ddefinita bħala “proċess leġiżlattiv li jwassal għall-ħolqien ta’ regola tad-dritt internazzjonali, inizjalment mhux miktuba. [...] [i]l-konswetudini hija r-riżultat tat-tagħqid ta’ prassi effettiva u tal-aċċettazzjoni mill-Istati tan-natura legali – u għalhekk obbligatorja – tal-aġir li jikkostitwixxi tali prassi (opinio juris sive necessitatis)” (34). Għalhekk, hija kreazzjoni speċjali sa fejn l-eżistenza tagħha ma tiddependix fuq il-kunsens tad-destinatarji tagħha (35). Fir-rigward ta’ deroga mill-konswetudini internazzjonali, din hija possibbli biss fil-kuntest ta’ relazzjonijiet inter partes għaliex, minħabba applikazzjoni universali, din il-konswetudini tibqa’ torbot it-terzi li ma ssuġġettawx ruħhom għall-applikazzjoni ta’ regola differenti mid-dritt internazzjonali konswetudinarju (36).

47.      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-immunità ġudizzjarja, għandu jitfakkar li, stabbilita mid-dritt internazzjonali konswetudinarju, hija tipproteġi lill-Istati minn kawżi quddiem il-qrati barranin. Din l-immunità, ibbażata fuq il-prinċipju “par in parem non habet imperium”, li jipprovdi li ugwali ma għandux awtorità fuq ugwali, kienet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-prassi internazzjonali, li ma għandhiex valur assolut. Fil-fatt, hija rrikonoxxuta skont in-natura tal-atti mwettqa. B’mod partikolari, hija tista’ tiġi eskluża jekk l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti li ma jaqgħux taħt is-setgħa pubblika, jiġifieri l-atti iure gestionis, filwaqt li hija ġeneralment irrikonoxxuta meta l-kawża tirrigwarda l-atti ta’ sovranità mwettqa iure imperii. Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita (37).

48.      Fid-dawl ta’ dan, għandhom issa jsiru xi kjarifiki dwar il-klassifikazzjoni tal-att li jservi bħala bażi għall-pagamenti li l-amministratur ġudizzjarju jrid jirkupra fil-kawża prinċipali u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha sabiex tiġi indirizzata l-problema mqajma f’din il-kawża.

b)      Fuq il-klassifikazzjoni tal-att, bażi tal-pagamenti inkwistjoni fl-azzjoni revokatorja, bħala att ta’ setgħa pubblika

49.      Kif dan diġà tfakkar, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-immunità ġudizzjarja tista’ tiġi invokata biss fil-każ ta’ att ta’ setgħa pubblika.

50.      F’dan ir-rigward, ma hemm ebda dubju li l-azzjoni revokatorja u d-dritt ta’ ħlas lura eżerċitat fil-kuntest tagħha jaqgħu taħt regoli fil-qasam tal-insolvenza. Lanqas hemm dubju li l-pagamenti dovuti bħala VAT u magħmula lill-amministrazzjoni fiskali, li l-amministratur ġudizzjarju jitlob ir-revoka tagħhom, huma bbażati fuq liġi fiskali ta’ Stat Membru tal-Unjoni li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Issa, huwa ċar li l-kapaċità li tiġi imposta u tinġabar it-taxxa bħala VAT taqa’, per eċċellenza, taħt is-setgħat sovrana ta’ Stat. Tali setgħat jaqgħu taħt setgħa pubblika sabiex jiġi organizzat id-dħul fiskali, li fuqu jiddependu b’mod iktar ġenerali l-finanzi pubbliċi. Dan huwa kif iż-żewġ relazzjonijiet ġuridiċi jiltaqgħu f’dan il-każ, fis-sens li, permezz tal-azzjoni revokatorja, wieħed irid jirkupra l-pagamenti miġbura permezz ta’ att ta’ setgħa pubblika.

51.      Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li din ma taqbilx magħha, għall-pożizzjoni ta’ parti mid-dottrina Ġermaniża li tissuġġerixxi li, meta tkun inkwistjoni l-azzjoni revokatorja ppreżentata fir-rigward ta’ pagament magħmul skont id-dritt fiskali, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li wieħed ma jkunx fil-preżenza ta’ att ta’ setgħa pubblika. Essenzjalment, id-dritt ta’ ħlas lura eżerċitat fil-kuntest tal-azzjoni revokatorja ma jirriżultax mill-ex relazzjoni ġuridika bejn id-debitur insolventi u l-konvenut fl-azzjoni revokatorja.

52.      Madankollu, inqis li tali konklużjoni ma tirreżistix l-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, il-kriterju determinanti għall-klassifikazzjoni tal-att huwa s-sors tal-pretensjoni tar-rikorrent. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-pretensjoni toriġinax minn att ta’ setgħa pubblika. Mill-banda l-oħra, in-natura tal-azzjoni mibdija mir-rikorrent ma hijiex importanti għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni. Għalhekk, azzjoni intiża li tikseb kumpens pekunjarju għad-dannu materjali u morali kkawżat lir-rikorrenti – azzjoni ta’ natura ċivili per eċċellenza – kienet ikkunsidrata bħala li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, preċiżament għaliex kienet indirizzata kontra att ta’ setgħa pubblika (38).

53.      Nikkunsidra li din il-ġurisprudenza hija perfettament trasponibbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ma hijiex in-natura tad-dritt eżerċitat fil-kuntest ta’ proċedura u lanqas dik ta’ azzjoni mibdija quddiem il-qrati nazzjonali, iżda n-natura tal-att li hija mitluba r-revoka tiegħu, li għandha tkun il-bażi sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ att bħala iure imperii jew iure gestionis (39).

54.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżistenza tad-dejn fiskali u, b’mod iktar ġenerali, il-kompetenza statali li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dan id-dejn ma jistgħux jiġu affettwati minn azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma għandhomx jevalwaw il-legalità tat-taxxa, għaliex din il-legalità ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-azzjonijiet revokatorji. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni tiddependi mid-dritt tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, li jistabbilixxi għalhekk il-mument li fih dan l-eżerċizzju jista’ jkollu l-effetti tiegħu. Huwa biss f’dan is-sens li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiġi kkundannata tħallas lura somom miġbura waqt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha.

55.      Għalhekk, ikun, tal-inqas, artifiċjali li wieħed jikkonċentra fuq in-natura tad-dritt eżerċitat fil-kuntest tal-azzjoni revokatorja jew saħansitra fuq in-natura ta’ din l-azzjoni nnifisha, sabiex tiġi nnewtralizzata n-natura vera tal-att li wieħed jitlob ir-revoka tiegħu, f’dan il-każ, il-ġbir tal-VAT. L-adozzjoni ta’ perspettiva differenti jkollha wkoll konsegwenzi diskutibbli ħafna fuq il-portata tal-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

56.      Minn naħa, wieħed jirriskja li jċaħħad mis-sens id-distinzjoni nnifisha bejn l-atti iure imperii u iure gestionis, billi jibbaża ruħu issa fuq in-natura tad-dritt eżerċitat jew tal-azzjoni mibdija fir-rigward ta’ tali atti. B’mod partikolari, tiġi eskluża, b’mod ineditu għall-aħħar fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, il-prattika ben stabbilita relatata mal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-atti u jxejjen, mill-perspettiva legali, l-Istat innifsu li invoka l-immunità ġudizzjarja (40). Min-naħa l-oħra, tali konklużjoni toħloq ukoll inċertezza legali, għaliex il-klassifikazzjoni ta’ atti iure imperii jew iure gestionis tkun tista’ tvarja skont il-materja kkonċernata (41).

57.      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li, jekk wieħed isegwi, f’din il-kawża, il-prattika li tikkonsisti fid-distinzjoni bejn l-atti iure imperii u iure gestionis, l-analiżi għandha tingħalaq bil-konklużjoni li l-immunità ġudizzjarja tipprekludi l-eżerċizzju, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġurisdizzjoni prevista mir-Regolament 2015/848, għaliex il-pagamenti li l-amministratur ġudizzjarju jrid jirrevoka għall-benefiċċju tal-massa tal-insolvabbiltà saru skont att iure imperii adottat minn Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura. Madankollu, inqis li għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija manifestament iktar kumplessa, b’tali mod li l-klassifikazzjoni ta’ att bħala iure imperii ma tistax twassal awtomatikament għall-esklużjoni tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju.

58.      Fl-analiżi segwenti, ser neżamina, qabelxejn, l-eżistenza ta’ modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u mbagħad, l-eventwali applikazzjoni tagħhom fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

59.      Huwa stabbilit li, fid-dritt internazzjonali konswetudinarju, jeżistu tliet forom ta’ rinunzja espressa għall-immunità, li jistgħu jirriżultaw minn ftehim internazzjonali, minn kuntratt bil-miktub jew minn dikjarazzjoni quddiem il-qorti jew minn komunikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura partikolari. Huwa stabbilit ukoll li, dejjem fil-kuntest tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, tali rinunzja tista’ tkun impliċita jekk hija tista’ tiġi dedotta minn ftehim internazzjonali jew minn trattat.

60.      Skont il-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ippreċiżaw waqt is-seduta, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tista’ tkun valida biss rinunzja espressa għall-immunità ġudizzjarja, espressa mill-Istati Membri stess. Għalhekk, tali rinunzja ma tistax tkun kontenuta f’att tad-dritt sekondarju, u lanqas tista’ tkun impliċita. Fil-fatt, l-Unjoni, li għandha personalità ġuridika, ma għandhiex il-kompetenza ġenerali sabiex tirrinunzja minflokhom.

61.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija l-ħolqien tal-Istati Membri tagħha. Hija toriġina mill-volontà tagħhom, espressa fil-ftehimiet vinkolanti adottati minnhom stess, jiġifieri attwalment it-TUE u t-TFUE, li permezz tagħhom huma stabbiliti l-għanijiet li trid tilħaq l-Unjoni, ir-regoli ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħha, il-proċessi deċiżjonali u r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (42). Barra minn hekk, huwa abbażi ta’ din il-volontà tal-Istati Membri li l-Unjoni ġiet attribwita progressivament kompetenzi li dawn iddeċidew li jittrasferixxu lilha u ġiet attribwita personalità ġuridika distinta minn dik tal-membri tagħha.

62.      Dejjem abbażi tal-volontà tagħhom, l-Istati Membri aċċettaw għalhekk li jillimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom favur l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u dan f’oqsma li qed jiġu dejjem estiżi (43). Din il-limitazzjoni tad-drittijiet sovrani hija konsegwenza diretta tat-trasferiment, mill-ordinament ġuridiku intern tagħhom għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ta’ kompetenzi fl-oqsma previsti mit-Trattati. Minkejja li l-limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom mill-Istati Membri, li fir-rigward tagħha ma jistgħux jipprevalu minn att unilaterali sussegwenti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, hija definittiva, madankollu hija rregolata mit-Trattati.

63.      Huwa ċar li l-limitazzjoni tad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri favur l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, permezz tat-trasferiment tal-kompetenzi, la tagħmel lill-Unjoni Stat, u lanqas iċċaħħad lill-Istati Membri mis-sovranità tagħhom b’mod assolut. Fil-fatt, dawn l-Istati jingħaqdu, fis-sens li jimpenjaw ruħhom “fi proċess ta’ eżerċizzju komuni ta’ sovranitajiet, inkluż fl-oqsma li jaqgħu taħt l-attributi essenzjali tagħhom” (44).

64.      Minkejja dan, l-Istati Membri jibqagħlhom madankollu “kontroll sħiħ tat-Trattati”, għaliex huma l-uniċi li jistgħu jirreveduhom (45), u b’mod iktar ġenerali, huma sovrani fis-sens klassiku, peress li jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-appartenenza stess fl-Unjoni (46). Bl-istess mod, l-Istati Membri jżommu s-sovranità tagħhom, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda “l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali [...] [u] l-funzjonijiet Statali essenzjali” (47).

65.      F’dan ir-rigward, minkejja li l-immunità ġudizzjarja tikkostitwixxi, mingħajr ebda dubju, aspett importanti tas-sovranità statali kemm mill-perspettiva interna (48) kif ukoll mill-perspettiva esterna (49), hija tinsab bejn din il-limitazzjoni tad-drittijiet sovrani permezz tat-trasferiment ta’ ċerti kompetenzi tal-Unjoni, minn naħa, u din is-sovranità li “tippersisti u tibqa’ teżisti għall-Istat Membru tal-Unjoni” (50), min-naħa l-oħra. Loġikament, l-adeżjoni fl-Unjoni tista’ tinftiehem bħala l-aċċettazzjoni mill-Istati Membri tal-limitazzjoni tas-sovranità interna tagħhom, jew fi kliem ieħor, tal-libertà ta’ organizzazzjoni interna tal-Istat Membru li issa tiddependi fuq deċiżjoni kollettiva fl-oqsma ddeterminati mit-Trattati.

66.      B’mod partikolari, l-eżerċizzju ta’ kompetenzi leġiżlattivi mill-Unjoni minflok l-Istati Membri tagħha jfisser li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati f’diversi oqsma tal-politika tal-Unjoni jawtorizzawha taġixxi sabiex tadotta regoli sostantivi abbażi ta’ dawn il-kompetenzi. Fi kliem ieħor, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni jħallu l-effetti tagħhom, l-Unjoni hija awtorizzata tadotta atti tad-dritt sekondarju.

67.      Madankollu, l-adozzjoni ta’ atti tad-dritt sekondarju ma tisvestix lill-Istati Membri minn kull setgħa ta’ deċiżjoni, u lanqas taħbi lil dawn l-Istati wara l-Unjoni, fis-sens li din l-adozzjoni ma ssirx fl-assenza tal-parteċipazzjoni statali tagħhom. Fil-fatt, l-istruttura istituzzjonali “trijangolari” tal-Unjoni (51) u l-proċessi ta’ adozzjoni ta’ atti tad-dritt sekondarju huma maħsuba b’tali mod li l-adozzjoni ġuridika ta’ dawn l-atti hija impossibbli mingħajr il-parteċipazzjoni istituzzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, din tal-aħħar huwa żgurat fil-Kunsill.

68.      Għaldaqstant, minkejja li ċertament, l-Istati Membri ttrasferew il-kompetenzi tagħhom lill-Unjoni sabiex hija tadotta atti tad-dritt sekondarju, ma jkunx legalment korrett li jiġi konkluż, kif donnhom jissuġġerixxu l-Gvernijiet tal-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li waqt l-adozzjoni tagħhom, l-Unjoni taġixxi b’indipendenza assoluta mill-Istati Membri tagħha, bħala entità legali distinta, sabiex b’hekk jiġi eskluż li rinunzja għall-immunità ġudizzjarja tista’ mhux biss teżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda wkoll tirriżulta minn att tad-dritt sekondarju. B’mod partikolari, jiena tal-opinjoni li l-fatt li rinunzja tista’ tiġi prevista f’att tad-dritt sekondarju ma jostakolax fih innifsu l-eżistenza valida tagħha fid-dritt, għaliex l-Unjoni taġixxi fil-limiti tal-volontà tal-Istati Membri tagħha u skont l-istruttura deċiżjonali li tiżgura, b’mod partikolari, lil dawn l-Istati setgħa ta’ kodeċiżjoni.

69.      Fit-tieni lok, tqum għalhekk il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja ta’ natura impliċita li hija dedotta minn att tad-dritt sekondarju. F’dan ir-rigward, l-aċċettazzjoni ta’ ħtieġa ta’ deroga espressa biss għall-immunità ġudizzjarja tista’ tidher mhux xierqa għad-dritt tal-Unjoni, li huwa kkostitwit minn ġabra ta’ regoli wiesgħa ħafna li ma jistgħux jiġu ridotti għal sempliċi sistema speċjali b’portata sostantiva ristretta, jiġifieri ċertu numru ta’ trattati internazzjonali u korp importanti ta’ regoli tad-dritt sekondarju. Għalhekk, jista’ jiġi rrilevat sempliċement impossibbli li tiġi imposta kategorikament il-kundizzjoni li d-deroga għal konswetudini internazzjonali għandha tkun espressa (52). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl ta’ din in-natura impliċita, il-volontà ta’ rinunzja ma għandhiex neċessarjament tirrigwarda direttament l-immunità nnifisha, iżda tista’ wkoll tirriżulta mill-kliem ta’ att jew mil-loġika tiegħu. Fil-fatt, tali volontà tista’ tiġi dedotta minn dan l-att jew mil-loġika tiegħu, jekk l-applikazzjoni tiegħu jkollha effett biss bil-kundizzjoni li r-rinunzja teżisti.

70.      Barra minn hekk, bħall-pożizzjonijiet tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, għandu jiġi nnotat li huwa stabbilit li l-kundizzjoni tan-natura neċessarjament espressa tar-rinunzja lanqas ma tipprevali fid-dritt internazzjonali, għaliex ir-rinunzja taċita għall-immunità ġudizzjarja teżisti legalment. Issa, fil-każ fejn l-azzjoni tal-Unjoni hija eżerċitata fil-limiti tal-kompetenza prevista mit-Trattati, ma narax raġunijiet, għall-kuntrarju tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jippermettu li jiġi eskluż li, bħal ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ Stati jew iktar fid-dritt internazzjonali, rinunzja taċita tista’ teżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

71.      L-argument ibbażat fuq il-personalità ġuridika tal-Unjoni, distinta minn dik tal-membri tagħha, li fuqu bbażaw ruħhom il-Gvernijiet tal-Istati Membri waqt is-seduta, ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li jikkontesta l-konklużjoni preċedenti. Fil-fatt, din il-personalità hija espressa permezz ta’ dak li jikkorrispondi għall-għanijiet li kienu attribtwiti lill-Unjoni, li l-kamp ta’ kompetenza tagħha huwa rregolat mit-Trattati. B’mod partikolari, hija tippermetti lill-Unjoni taġixxi, kemm fuq il-livell intern (permezz tad-dritt li tiffirma kuntratti, takkwista u tbigħ oġġetti kif ukoll billi jkollha locus standi) kif ukoll fuq il-livell internazzjonali (permezz, b’mod partikolari, tas-setgħa li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali). Għalhekk, l-attribuzzjoni tal-personalità ġuridika hija bbażata fuq l-idea li tippermettilha titkellem b’“vuċi waħda” fix-xena internazzjonali, li tiżviluppa azzjoni esterna koerenti u effikaċi (53), iżda ma tippermettix li jiġi eskluż l-eżerċizzju ta’ kompetenzi b’konformità mal-volontà tal-Istati Membri, b’tali mod li dawn l-Istati Membri ma jistaħbewx kompletament wara l-Unjoni, li għandha l-personalità ġuridika.

72.      Għalhekk, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ikkaratterizzat mis-sovranità tal-Istati Membri tagħha li tista’ tiġi kklassifikata bħala “riorganizzata” (54), il-limitazzjoni tad-drittijiet sovrani minħabba l-adeżjoni fl-Unjoni, li tirriżulta minn dan l-eżerċizzju ta’ kompetenzi, ma twassalx awtomatikament għar-rinunzja għall-immunità ġudizzjarja fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku tagħha kollu. Fil-fatt, tali konklużjoni, applikata b’mod assolut għall-oqsma kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li ċċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jopponu għal dak li jiġi deċiż mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor, hija nieqsa minn kull bażi legali fit-Trattati u tirrivela ruħha, tal-inqas, sproporzjonata.

73.      Fi kliem ieħor, mil-limitazzjoni tad-drittijiet sovrani mill-Istati Membri favur l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma tistax tiġi dedotta xi rinunzja ġenerali għall-immunità ġudizzjarja tagħhom, fis-sens li din il-limitazzjoni tista’ tapplika fl-oqsma kollha ddeterminati mit-Trattati fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ ċerti oqsma ta’ politika interna ta’ dawn l-Istati Membri.

74.      Madankollu, sabiex jiġu żgurati l-għanijiet li trid tilħaq l-Unjoni (55), l-awtonomija tagħha kif ukoll sabiex jiġi osservat in-network strutturat tagħha ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi reċiprokament interdipendenti li jorbtu, reċiprokament, l-Unjoni nnifisha u l-Istati Membri tagħha, u lill-Istati Membri bejniethom (56), jista’ jiġi konkluż li d-dritt internazzjonali konswetudinarju, sa fejn jirrigwarda l-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja, huwa organizzat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li, l-ewwel nett, rinunzja puntwali għall-immunità ġudizzjarja tista’ tiġi prevista fid-dritt tal-Unjoni, u t-tieni nett, li din ir-rinunzja tista’ mhux biss tkun espliċita, iżda wkoll, kif jipprevedu l-modalitajiet ta’ rinunzja applikabbli fid-dritt internazzjonali, impliċita. Tali konklużjoni tapplika iktar fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata l-koeżistenza armonjuża ta’ obbligi u ta’ regoli li jirriżultaw minn żewġ ordinamenti ġuridiċi differenti bil-mod deskritt fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3.      Fuq l-applikazzjoni ta’ modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

75.      Inqis li jeżistu raġunijiet ibbażati kemm fuq ir-Regolament 2015/848 u kif ukoll fuq id-dritt primarju tal-Unjoni li jiġġustifikaw li jiġi kkunsidrat li rinunzja puntwali u impliċita għall-immunità ġudizzjarja tista’ tiġi dedotta minn dan ir-regolament, dak li għandu jiġi analizzat iktar ’il quddiem.

a)      Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq ir-Regolament 2015/848

76.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li la l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, u lanqas l-imsemmi regolament kollu kemm hu ma jinkludi riferiment għar-rinunzja espressa għall-prinċipju ta’ immunità ġudizzjarja mill-Istati Membri tal-Unjoni meta tiġi ppreżentata azzjoni revokatorja kontra awtorità fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ. Madankollu, inqis li diversi raġunijiet misluta mill-kuntest u l-għanijiet tal-istess regolament jippermettu li jiġi preżunt li din ir-rinunzja tista’ tiġi dedotta b’mod impliċitu.

77.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rekwiżiti relatati mad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, b’konformità mar-Regolament 2015/848, huma, essenzjalment, dawk li jipprovdu li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza (57) u sabiex jiddeċiedu dwar kull azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedura ta’ insolvenza jew li hija marbuta mill-qrib magħha, bħall-azzjonijiet revokatorji (58). Il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ din il-proċedura (59). Din il-liġi tiddetermina r-regoli relatati mal-pretensjonijiet ippreżentati kontra l-patrimonju tad-debitur u t-trattament tad-debiti li jitnisslu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza (60). Barra minn hekk, kull kreditur jista’ jippreżenta l-kreditu tiegħu fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u f’kull proċedura ta’ insolvenza sekondarja (61), inkluż l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri (62). Għalhekk, ir-Regolament huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri kollha (63).

78.      Issa, jekk jiġi aċċettat li awtorità fiskali, li barra minn hekk hija espressament imsemmija fost il-kredituri barranin fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848, tista’ tinvoka l-immunità ġudizzjarja tagħha fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali jkollu preċiżament il-konsegwenza li joħloq inugwaljanza bejn il-kredituri, għall-kuntrarju tal-għanijiet tar-Regolament 2015/848. Fil-fatt, l-awtorità fiskali Pollakka tikseb, b’mod antiċipat meta mqabbla mal-massa ta’ kredituri, il-kreditu tagħha kollu, filwaqt li l-kredituri l-oħra kollha jkollhom biss dritt għal pagament proporzjonat għall-kreditu tagħhom, u barra minn hekk, skont il-klassifikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huwa ċar li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma jistgħux, għall-kuntrarju tal-awtorità fiskali Pollakka, jinvokaw l-immunità tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom stess (64).

79.      B’mod iktar ġenerali, tali approċċ jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament 2015/848, għaliex l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni skont ir-regoli ta’ dan ir-regolament ivarja skont il-kwalità tal-konvenut u tal-Istat ta’ ftuħ ikkonċernat, filwaqt li fl-imsemmija regolament xejn ma jippermetti ġustifikazzjoni ta’ tali differenza fit-trattament ibbażata fuq din il-kwalità (65).

80.      Fit-tieni lok, mir-Regolament 2015/848 jirriżulta li l-adozzjoni tiegħu kienet ikkunsidrata neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri ta’ insolvenza (66), u anki għat-titjib u t-tħaffif ta’ dawn il-proċeduri li għandhom effetti transkonfinali (67). Fil-fatt, fid-dawl tal-effetti transkonfinali tal-attivitajiet tal-impriżi, u għalhekk tal-proċeduri ta’ insolvenza marbutin magħhom, ir-Regolament jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-patrimonju ta’ debitur insolventi. B’mod partikolari, kien ikkunsidrat neċessarju li d-dispożizzjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni, mar-rikonoxximent u mad-dritt applikabbli f’dan il-qasam ikunu kontenuti f’att tal-Unjoni obbligatorju u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

81.      F’dan ir-rigward, huwa ċar li, jekk awtorità ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tista’ tinvoka l-immunità ġudizzjarja tagħha, din l-effikaċja tirriskja li tkun kompromessa. Fil-fatt, din l-eċċezzjoni għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni, fil-kuntest tar-Regolament 2015/848, tirriżulta fl-assenza ta’ ħlas lura fil-massa ta’ insolvabbiltà tal-pagamenti magħmula lil kreditur barrani, f’dan il-każ, awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor, u tippreġudika lil din il-massa.

82.      Barra minn hekk, ir-Regolament 2015/848 jipprevedi xi derogi għar-regoli li huwa jesponi. Dawn id-derogi huma, madankollu, eċċezzjonali (68). B’mod partikolari, dan ir-regolament kollu donnu jirrifletti l-volontà ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jevita kull ostakolu għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza u jippermetti li tiġi preżunta l-assenza ta’ effett ta’ atti iure imperii fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament 2015/848.

83.      Barra minn hekk, din il-konklużjoni dwar l-assenza ta’ effett ta’ atti iure imperii fuq dan l-eżerċizzju, jidhirli li tista’ tiġi kkonfermata fid-dawl tal-istrumenti legali l-oħra relatati mal-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-azzjonijiet mibdija kontra Stat sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal atti jew għal ommissjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (69). Għalhekk, inqis li l-assenza ta’ tali esklużjoni espressa, fil-kuntest tar-Regolament 2015/848, turi l-volontà li jiġi eskluż xi effett marbut ma’ atti ta’ setgħa pubblika fil-kuntest tar-regoli stabbiliti minn dan ir-regolament.

84.      B’mod iktar ġenerali, fir-rigward tas-sigurtà u tal-prevedibbiltà tad-dritt tal-Unjoni, nistaqsi dwar il-loġika wara r-Regolament 2015/848, bħala att tad-dritt sekondarju intiż li jimplimenta l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 81 TFUE. B’mod partikolari, x’jibqa’ mill-prinċipji li jirregolaw il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fil-proċeduri ta’ insolvenza jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskluduha, minkejja li, minn naħa, dan ir-regolament huwa obbligatorju fir-rigward tagħhom fl-elementi tiegħu kollha, u min-naħa l-oħra, huwa ma jipprevedi ebda deroga għar-regoli tiegħu abbażi tal-kwalità pubblika u barranija tal-kreditur li tippermettilu jinvoka l-immunità ġudizzjarja?

85.      Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiġu deċiżi azzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha, bħall-azzjonijiet revokatorji (70).

86.      F’dan ir-rigward, nistaqsi dwar il-kwistjoni tal-osservanza tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod partikolari, jekk il-qorti tar-rinviju ma tistax teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni revokatorja ppreżentata kontra awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor, l-amministratur ġudizzjarju jirriskja li jkun imċaħħad mid-dritt ta’ aċċess għall-qorti, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, azzjoni quddiem il-qrati Pollakki tkun inammissibbli minħabba l-ġurisdizzjoni esklużiva. Barra minn hekk, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali jikkostitwixxi eċċezzjoni, bil-kundizzjoni li d-debitur ikollu stabbiliment (71) f’dan l-Istat Membru l-ieħor (72).

87.      Fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà li tiġi invokata immunità ġudizzjarja bl-ebda mod ma tista’ tiddependi fuq il-preżenza jew l-assenza tal-possibbiltà li tinfetaħ proċedura sekondarja. Barra minn hekk, anki jekk il-possibbiltà li tinfetaħ tali proċedura kienet miksuba fil-kawża prinċipali, il-ftuħ tagħha bl-uniku skop li tiġi eżerċitata azzjoni revokatorja jmur kontra l-għan tagħha, li huwa, essenzjalment, li tikkontribwixxi għall-ġestjoni effikaċi tal-massa tal-insolvabbiltà tad-debitur jew għat-twettiq effettiv tal-assi kollha (73). Għalhekk, fl-assenza ta’ stabbiliment, l-amministratur ġudizzjarju jkun imċaħħad minn kull dritt ta’ rimedju effettiv. Madankollu, tali konsegwenza ma tistax tkun iġġustifikata bin-natura tal-att ta’ setgħa pubblika li fuqu huma bbażati l-pagamenti li r-revoka tagħhom hija mitluba minn dan l-amministratur.

88.      F’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, uħud mill-Gvernijiet tal-Istati Membri jqisu li l-possibbiltà li tiġi invokata l-immunità ġudizzjarja ma tistax tkun suġġetta għall-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li tinfetaħ proċedura sekondarja jew rimedju ġudizzjarju ieħor kontra l-atti tal-awtorità fiskali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ. L-oħrajn jargumentaw li, f’dan il-każ, ma hemmx ċaħda tad-dritt ta’ aċċess għall-qorti, għaliex qorti kompetenti tiġi identifikata, iżda tiddikjara l-azzjoni inammissibbli.

89.      Dawn l-argumenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imressqa, b’mod partikolari, waqt is-seduta, ma jikkonvinċunix.

90.      Fil-fatt, fil-kawżi fejn kienet invokata l-immunità ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li, jekk tilqa’ l-eċċezzjoni bbażata fuq din l-immunità, il-partijiet fil-kawża ma jkunux imċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-qrati, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsabu fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (74). Ikkunsidrat li l-aċċess għall-qorti jkun żgurat, minkejja li l-invokazzjoni tal-immunità ġudizzjarja tipprekludi l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, nistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-portata ta’ dan id-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’mod partikolari, jekk l-imsemmi dritt ikunx għalhekk miġjub fix-xejn permezz ta’ tali kunsiderazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, jekk tiġi segwita l-pożizzjoni meħuda mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, wieħed jirriskja li joħloq sitwazzjoni reali ta’ lakuna legali għall-amministratur ġudizzjarju fir-rigward tal-aċċess għall-qorti, mingħajr ma jkollu alternattiva prevedibbli li tippermettilu jippreżenta l-azzjoni revokatorja kontra l-awtorità fiskali Pollakka.

91.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha bbażati fuq ir-Regolament 2015/848 iwassluni sabiex nikkonkludi li huwa jinkludi, b’mod impliċitu, rinunzja għall-immunità ġudizzjarja. Din il-konklużjoni dwar ir-rinunzja impliċita għall-immunità ġudizzjarja fil-kuntest tal-istrument tad-dritt sekondarju li huwa r-Regolament 2015/848 hija konformi wkoll mad-dritt primarju, li juri għalhekk il-volontà ċara u mhux ekwivoka tal-Istati Membri li jagħtu preċedenza lill-prinċipji li jirregolaw il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jqumu fid-dawl ta’ ordinament ġuridiċi differenti u tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni proprji tagħhom fil-qasam ta’ proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-immunità ġudizzjarja.

b)      Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni

92.      Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ rinunzja impliċita, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament 2015/848, għall-immunità ġudizzjarja hija mhux biss konformi mad-dritt primarju, li jirriżulta mill-volontà tal-Istati Membri tal-Unjoni, iżda tista’ wkoll tiġi kkorroborata mir-regoli tiegħu.

93.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li diġà teżisti organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fl-Unjoni. Fil-fatt, l-Istati Membri kollha aċċettaw il-ġurisdizzjoni obbligatorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż għall-kawżi li huma ta’ natura li jressquhom quddiemha, f’oqsma delimitati (75). Għalhekk, huwa aċċettat li, f’ċerti każijiet, tali organizzazzjoni tal-immunità ġudizzjarja statali ssir sabiex ikun hemm konformità man-natura speċifika tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

94.      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) TUE, li jirrigwarda l-għanijiet tal-Unjoni, jipprevedi li hija toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-ħolqien ta’ dan l-ispazju huwa previst fit-Titolu V TFUE. B’mod partikolari, b’konformità mal-Artikolu 81(1) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament 2015/848, “[l]-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista’ tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri”. Dan il-qasam jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, b’tali mod li l-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom fis-sens deskritt fil-punti 62 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha.

95.      Għalhekk, billi aċċettaw, fil-mument tar-ratifika tat-Trattati, li jipparteċipaw fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li josservaw id-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam u li jagħtu kompetenzi kondiviżi lill-Unjoni, l-Istati Membri aċċettaw ukoll l-atti ta’ dritt sekondarju adottati fid-dawl tal-iżvilupp ta’ dan l-ispazju, b’mod partikolari b’konformità mal-Artikolu 81(2) TFUE, li jiddeterminaw il-prinċipji li jirregolaw il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jqumu fid-dawl tal-ordinamenti ġuridiċi differenti u tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni proprji tagħhom.

96.      Għalhekk għandu jiġi dedott li din l-aċċettazzjoni testendi, b’konformità mal-prinċipji ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-istrumenti legali fil-qasam, sabiex il-kawżi, li jirriżultaw b’mod partikolari minn proċedura ta’ insolvenza, jiġu deċiżi mill-qrati ta’ Stati Membri oħra, inkluż il-kawżi li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha.

97.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, b’konformità mal-Protokoll Nru 21 anness mat-Trattati tal-Unjoni, li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Irlanda (76), hija għandha status derogatorju fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fis-sens li l-miżuri adottati fil-kuntest ta’ dan l-ispazju ma jorbtuhiex b’mod awtomatiku u jiddependu fuq il-parteċipazzjoni volontarja tagħha (77). Min-naħa l-oħra, skont il-Protokoll Nru 22 dwar ir-Renju tad-Danimarka, din tal-aħħar ma tipparteċipax fil-miżuri adottati fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (78). Għalhekk, ebda obbligu ma jista’ jiġi impost fuq dawn l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dan ma japplikax għall-Istati Membri li jipparteċipaw mingħajr ebda riżerva f’dan l-ispazju. Issa, jekk jiġi aċċettat li wieħed jista’ jinvoka, waqt l-applikazzjoni tar-regolament li jirregola l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali relatati mal-proċeduri ta’ insolvenza, il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ immunità ġudizzjarja, dan jista’ jirrivela ruħu manifestament inkompatibbli mal-obbligi li għandhom l-Istati kollha li aderixxew mat-Trattati fl-istess kundizzjonijiet, u mingħajr ebda riżerva oħra bħal dawk espressi fil-protokolli addizzjonali (79).

98.      Din il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ deroga impliċita għall-immunità ġudizzjarja fil-qasam ta’ proċeduri ta’ insolvenza li hija kkonfermata mid-dritt primarju, tapplika iktar u iktar fid-dawl, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tat-Trattati, li hija tiżgura l-osservanza tagħhom (80).

99.      Dan il-prinċipju joriġina, saħansitra qabel ma ġie inkluż fit-Trattati, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (81). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-appartenenza fl-Unjoni (qabel fil-Komunitajiet) tippermetti lill-membri tagħha jibbenefikaw mill-vantaġġi tagħha, iżda timponilhom ukoll obbligi. B’mod partikolari, kien ippreċiżat li ma jistax ikun aċċettat li Stat Membru japplika b’mod inkomplet jew selettiv dispożizzjonijiet ta’ regolament, b’mod li “jevita ċerti elementi tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] [...] li huwa jqis li jmorru kontra ċerti interessi nazzjonali [...], filwaqt li jagħmel vantaġġ indebitu għad-detriment tal-imsieħba tiegħu” (82).

100. Għalhekk, f’dan il-każ, li l-awtorità fiskali Pollakka tiġi awtorizzata tinvoka l-immunità ġudizzjarja tagħha u għalhekk tfixkel l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju minħabba l-bażi tal-pagamenti li l-amministratur ġudizzjarju jrid jirrevoka, jiġifieri att ta’ setgħa pubblika, jagħti supremazija, fil-prattika, lill-interessi nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni u jipperikola l-ugwaljanza tal-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt.

101. F’dan ir-rigward, it-tfixkil tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, fis-sens tar-Regolament 2015/848, bil-possibbiltà li tiġi invokata l-immunità ġudizzjarja, jista’ jinftiehem bħala mod moħbi kif tingħata supremazija lil-liġi nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, tali supremazija ma tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipji li jirregolaw l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif din ġiet spjegata fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

102. Huwa minnu li, b’konformità mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tosserva, b’mod partikolari, il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat. Issa, ma hemm ebda dubju li l-impożizzjoni tal-VAT taqa’ taħt tali funzjonijiet essenzjali, u saħansitra taħt il-prerogattivi tas-setgħa pubblika. Madankollu, minkejja li l-Istati Membri jżommu dejjem kontroll sħiħ tal-funzjonijiet sovrani tagħhom, huma għandhom jeżerċitawhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (83).

103. Fil-fatt, permezz tal-appartenenza tagħhom fl-Unjoni, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw lealment u in solidum, anki fl-oqsma li jaqgħu taħt il-funzjonijiet essenzjali tagħhom, kif jistabbilixxi l-Artikolu 4(3) TUE. Dan il-prinċipju japplika għall-istituzzjonijiet nazzjonali kollha. Minkejja li, fil-ġurisprudenza, l-imsemmi prinċipju huwa ħafna drabi użat sabiex isostni l-obbligi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kooperazzjoni tagħhom (84), l-idea prinċipali wara dan l-istess prinċipju hija li tiġi żgurata l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni permezz tar-rispett u l-assistenza reċiproċi fit-twettiq tal-missjonijiet tat-Trattati. Loġikament, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni jimplika mhux biss azzjonijiet pożittivi (l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni), iżda wkoll azzjonijiet negattivi (jastjenu milli jadottaw miżuri li jmorru kontra din l-effikaċja, jew saħansitra l-għanijiet tal-Unjoni). Issa, huwa ċar li l-eċċezzjoni ta’ immunità ġudizzjarja tikkostitwixxi azzjoni negattiva li tostakola l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Ġermaniża skont ir-regoli tal-Unjoni, u għalhekk, tikkomprometti l-effikaċja ta’ dawn ir-regoli bl-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika (85).

104. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li tali eċċezzjoni tirriskja li tostakola s-suq tal-kapital, waħda mill-politiki ewlenin li l-Unjoni hija intiża li tistabbilixxi sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tagħha, u għalhekk anki dak tal-Istati Membri tagħha. Fil-fatt, l-inċertezza dwar id-destin tal-krediti fil-każ ta’ insolvenza transkonfinali, maħluqa mill-possibbiltà li tiġi invokata l-immunità ġudizzjarja, tirriskja li ddgħajjef l-investimenti, u għalhekk, tnaqqas ukoll l-effikaċja tas-suq uniku kollu kemm hu. Għalhekk, jekk l-immunità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tiġi milqugħa fil-kawża prinċipali, l-interess ta’ Stat Membru tal-Unjoni jkun ingħata privileġġ għad-detriment tal-interessi kollettivi tal-Istati Membri kollha, filwaqt li dawn l-aħħar interessi huma, barra minn hekk, inerenti għall-kunċett innifsu tal-Unjoni.

105. Għar-raġunijiet kollha preċedenti, jiena tal-opinjoni li d-dritt primarju tal-Unjoni, li jirriżulta mill-volontà tal-Istati Membri tagħha, jippermetti li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ immunità ġudizzjarja jiġi organizzat b’mod puntwali u impliċitu, fis-sens li għandha tiġi konkluża l-eżistenza ta’ rinunzja taċita għall-immunità ġudizzjarja fil-kuntest tar-Regolament 2015/848 (86).

4.      Kunsiderazzjonijiet finali

106. Madankollu, nippreżupponu li għandha tiġi aċċettata l-pożizzjoni difiża mill-Gvernijiet tal-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi, essenzjalment, li l-immunità ġudizzjarja, invokata mill-awtorità fiskali Pollakka fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja quddiem il-qrati Ġermaniżi għall-finijiet tal-irkupru ta’ pagamenti magħmula lil din l-awtorità bħala VAT, tipprekludi l-eżerċizzju, mill-qorti tar-rinviju, tal-ġurisdizzjoni internazzjonali stabbilita mir-Regolament 2015/848, għaliex dan ma jipprevedi ebda possibbiltà ta’ rinunzja impliċita.

107. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li tali pożizzjoni ma tirreżistix għar-raġunijiet ibbażati fuq id-dritt primarju marbuta mal-għanijiet u mar-regoli ta’ kondotta li l-Istati Membri imponew fuqhom stess fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija twassal, fir-realtà, jekk tiġi segwita, għal riżultat paradossali. Fil-fatt, is-sovranità ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza tkun protetta għad-detriment tas-sovranità ta’ dan tal-aħħar, sa fejn l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv tiegħu ta’ insolvenza, b’konformità mar-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet previsti għall-proċeduri ta’ insolvenza fir-Regolament 2015/848, tkun imfixkla mill-immunità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor.

108. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, lil hinn mid-dimensjoni finanzjarja jew kontabbli tiegħu, id-dritt ta’ insolvenza għandu wkoll dimensjoni soċjali, iktar umana u fundamentali, għaliex huwa intiż mhux biss li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq, għall-istabbilità ekonomika u għall-fiduċja fil-kreditu, iżda wkoll sabiex jiżgura l-protezzjoni ta’ interessi li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom u bl-adozzjoni tar-regoli sostantivi ta’ insolvenza, iqisu essenzjali. Għalhekk, dawn ir-regoli jesprimu argumenti soċjali, b’mod partikolari, dawk tal-ħaddiema u dawk ta’ natura fiskali, ambjentali u oħrajn. B’mod partikolari, dawn id-dimensjonijiet kollha huma riflessi fis-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kredituri, kif din tirriżulta mir-regoli tad-dritt sostantiv ta’ insolvenza tal-Istati Membri tal-Unjoni.

109. Issa, ma hemmx bżonn ta’ immaġinazzjoni kbira sabiex wieħed jifhem li l-aċċettazzjoni tal-immunità ġudizzjarja fir-rigward ta’ azzjoni revokatorja għandha l-konsegwenza li tibda “sejħa għal azzjoni” bħal dik tal-awtorità fiskali Pollakka. Jekk din l-awtorità tiġi permessa tirkupra d-dejn fiskali billi tikser il-klassifikazzjoni tal-kredituri prevista mid-dritt Ġermaniż, mingħajr ebda riskju li tiġi esposta għall-istħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, allura għaliex l-awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri oħra ma għandhomx jaġixxu hekk fil-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali l-oħra kollha? Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jkunu sorpriżi ħafna li jsibu ruħhom affaċċjati mhux biss bil-qlib tas-sistema ta’ ġestjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali maħluqa bir-Regolament 2015/848, iżda wkoll bit-tfixkil tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ prijorità tagħhom, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħhom ta’ insolvenza, għaliex il-massa tista’ titnaqqas bl-eżerċizzju ta’ prerogattivi fiskali ta’ Stat Membru ieħor għad-detriment ta’ kredituri oħra u mingħajr possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Istat ta’ ftuħ.

110. Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni difiża mill-Gvernijiet tal-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tinnewtralizza d-dimensjonijiet kollha tad-dritt ta’ insolvenza għall-benefiċċju tal-immunità ġudizzjarja bħala element tas-sovranità tagħhom. Madankollu, huwa kemm huwa importanti dan l-element, huwa jqajjem problema fil-livell tar-rispett tas-sovranità ta’ Stat Membru ieħor, li d-dritt sostantiv tiegħu għandu japplika legalment u li fid-dawl tiegħu ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi.

5.      Risposta proposta

111. Għalhekk, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tkun fis-sens li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ rinunzja impliċita għall-immunità ġudizzjarja, meta, b’konformità mal-imsemmi regolament, hija stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat ta’ ftuħ sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u huma marbutin mill-qrib magħha, ippreżentati kontra l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Unjoni.

112. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi għar-risposta tad-domanda preliminari, inqis li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, sabiex ma jiġix ostakolat l-aċċess tal-amministratur ġudizzjarju għall-ġustizzja, ikollha mbagħad tiġi kkunsidrata n-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali prevista mir-regoli stabbiliti fir-Regolament 2015/848.

V.      Konklużjoni

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

L-Artikolu 6(1) tar-Regolamen (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

huwa jinkludi rinunzja impliċita għall-immunità ġudizzjarja meta, b’konformità mal-imsemmi regolament, hija stabbilita l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha, ippreżentati kontra l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 9 u fil-ĠU L, 2026/90283).


3      Kunsill tal-Ewropa, Sensiela ta’ Trattati Ewropej, Nru 74. Din il-konvenzjoni ġiet redatta fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u miftuħa għall-firem tal-Istati f’Bâle (l-Isvizzera) fis‑16 ta’ Mejju 1972. L-imsemmija konvenzjoni ma kinitx irratifikata mir-Repubblika tal-Polonja.


4      Din il-konvenzjoni, adottata fit‑2 ta’ Diċembru 2004 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u miftuħa għall-firem tal-Istati fis‑17 ta’ Jannar 2005, għadha, sal-lum, ma daħlitx fis-seħħ.


5      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni huma kultant ikkunsidrati bħala l-espressjoni tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (ara Crawford, J., Brownlie’s Principles of Public International Law, Oxford University Press, Oxford, 2019 (id-disa’ edizzjoni), p. 473 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Għal kull fini utli, għandu jitfakkar li hija l-liġi tal-Istat Membru ta’ ftuħ li hija applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza kkonċernata fil-kawża prinċipali (l-Artikolu 7(1), moqri flimkien mal-premessa 66 tar-Regolament 2015/848), jiġifieri l-liġi Ġermaniża. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 129(1) u l-ewwel sentenza tal-punt (2) tal-Artikolu 130(1) tal-Kodiċi tal-Insolvenza Ġermaniż jipprevedu li att ġuridiku mwettaq qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u li jippreġudika lill-kredituri, li permezz tiegħu kreditur kiseb ħlas, jista’ jiġi rrevokat meta dan l-att ikun twettaq wara d-data tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u meta dan il-kreditur kellu għarfien, fid-data tal-att, ta’ din it-talba għall-ftuħ. Huwa stabbilit li l-awtorità fiskali Pollakka kienet informata bl-imsemmija talba u li l-pagamenti mwettqa lil din l-awtorità saru matul il-perijodu li għadda bejn it-tressiq tat-talba għall-ftuħ u l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1.).


8      Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


9      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


10      Regolament tal-Kunsill tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).


11      Rapport ta’ spjegazzjoni redatt minn Virgós, M. u minn Schmit, E. tat‑8 ta’ Lulju 1996, dwar il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ insolvenza tat‑3 ta’ Mejju 1996, dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6500/96, DRS 8 (CFC) (iktar ’il quddiem ir-“rapport Virgós/Schmit”).


12      Ir-Regolament Nru 1346/2000, issostitwit u mħassar mir-Regolament 2015/848, ġiet wara l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (dokument tal-Kunsill CONV/INSOL/X1), li fiha nnifisha hija r-riżultat ta’ iktar minn 25 sena ta’ dibattiti u ta’ negozjati. Din il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ għax ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma ffirmawhiex qabel it-terminu miftiehem iffissat għat‑23 ta’ Mejju 1996. Madankollu, it-test tal-ewwel minn dawn ir-regolamenti, riprodott, essenzjalment, fit-tieni mill-imsemmija regolamenti, huwa, essenzjalment, identiku għall-imsemmija konvenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapport ta’ spjegazzjoni Virgós/Schmit jista’ jipprovdi indikazzjonijiet utli dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.


13      Barra minn hekk, għandu jiżdied li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bid-differenza għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dak tar-Regolament 2015/848 ma għandux jingħata interpretazzjoni wiesgħa (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, NK, C535/17, EU:C:2019:96, punti 24 sa 26).


14      Sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C157/13, EU:C:2014:2145, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C649/13, EU:C:2015:384, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, infakkar li t-tagħlimiet misluta minn din il-ġurisprudenza għandhom jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom. Għalhekk, minkejja l-eventwali eżistenza ta’ diffikultajiet prattiċi li jistgħu madankollu jerġgħu jqumu fil-każ, b’mod partikolari, ta’ proċeduri ibdiri jew preliminari għal dawk ta’ insolvenza (ara The Implementation of the New Insolvency Regulation, Recommendations and Guidelines, JUST/2013/JCIV/AG/4679, Max Planck Institute, p. 36 sa 40 u 63 sa 65), dan l-approċċ ta’ interpretazzjoni tar-Regolamenti 2015/848 u Nru 1215/2012 japplika biss jekk wieħed ikun f’sitwazzjoni espressament eskluża mill-aħħar wieħed minn dawn ir-regolamenti u espressament inkluża fl-ewwel wieħed minnhom.


15      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’mod awtonomu.


16      Premessa 7 tar-Regolament 2015/848.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau (C641/16, EU:C:2017:847, punti 22 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huwa skont is-sors li jservi bħala bażi għal azzjoni li għandu jiġi identifikat il-qasam li taħtu taqa’ din l-azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2014, H, C295/13, EU:C:2014:2410, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, ċertament, dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk materja taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C641/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rina”, EU:C:2020:349, punt 32,). Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848, u kif ser naraw ’il quddiem, tal-kuntest u tal-għanijiet ta’ dan tal-aħħar, tali elementi ma humiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/848.


19      Tal-inqas, l-impożizzjoni ta’ tali kriterju jwassal inevitabbilment sabiex jagħmel iktar kumplessa l-implimentazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, u saħansitra jċaħħad lil din ir-regola mill-effett utli tagħha.


20      Premessa 1 tar-Regolament 2015/848.


21      Premessi 41 u 48 tar-Regolament 2015/848.


22      Premessa 63 tar-Regolament 2015/848.


23      Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Schmid (C328/12, EU:C:2014:6, punt 33).


24      F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-konklużjonijiet tal-analiżi tiegħi jirrigwardaw biss id-dritt internazzjonali konswetudinarju.


25      Delile, J. F., “Les effets de la coutume internationale dans l’ordre juridique de l’Union européenne”, Cahiers de droit européen, 2017, p. 159 sa 192.


26      Id-dottrina tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żvilupp fil-pożizzjoni tagħha dwar l-inkorporazzjoni ta’ regoli tad-dritt internazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li huwa distint bejn tliet “epoki”. L-ewwel waħda kienet tiffavorixxi d-dritt internazzjonali, fis-sens, essenzjalment, li l-Komunità Ewropea kienet marbuta mir-regoli kollha tad-dritt internazzjoni ġenerali li minnhom l-Istati Membri tagħha ma kinux idderogaw, b’tali mod li, meta kienu jaffaċċjaw lakuna fid-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni tar-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali kienet tkun impliċitament imposta fuq il-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni waħda hija distinta mill-ewwel waħda minħabba nuqqas ta’ rieda li jiġu applikati r-regoli ta’ dritt internazzjonali, li wassal sabiex tintalab l-awtonomija tad-dritt Komunitarju u d-distinzjoni ċara tiegħu mid-dritt internazzjonali, ċertament minħabba l-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fit-Trattati fundaturi fl-epoka ta’ natura li timponi l-osservanza tad-dritt internazzjonali, iżda wkoll sabiex il-qrati nazzjonali jiġu nkoraġġuti jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u jagħtu privileġġ lil approċċ li bih is-sorsi tad-dritt Komunitarju kienu iktar imfittxija fid-drittijiet nazzjonali milli fid-dritt internazzjonali. Fl-aħħar nett, it-tielet epoka, li bdiet mis-sena 1990, hija espressa bil-ftuħ tad-dritt tal-Unjoni għad-dritt internazzjonali, li issa huwa kkodifikat fl-Artikolu 3(5) TUE (Malenovský, J., “Le juge et la coutume internationale : perspective de l’Union européenne et de la Cour de justice”, The Law and Practice of International Courts and Tribunals, vol. 12, 2013, p. 218).


27      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C366/10, EU:C:2011:864, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, pereżempju, Dubouis L., “La nature de l’Union européenne”, Cohen‑Jonathan G., u Dutheil de la Rochère J. (dir.), Constitution européenne, démocratie et droits de l’homme, Bruylant, Brussell,  2003, p. 84.


29      Qabel il-Komunitajiet.


30      Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE – I), tal14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punt 35).


31      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C621/18, EU:C:2018:999, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Teħid ta’ pożizzjoni mill-Avukata Ġenerali Kokott dwar l-Avviż 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), EU:C:2014:2475, punt 159).


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Rina (C641/18, EU:C:2020:3, punt 141).


34      Salmon, J. (editur), Dictionnaire de droit international public, Bruylant, Brussell, 2001, p. 283 u 284.


35      Soussan, A., “Droit international non conventionnel et ordre juridique de l’Union européenne”, Union européenne et droit international, en l’honneur de P. Daillier. Éditions Pedone, Paris, 2012.


36      Leray, E., u Potteau, A., “L’intégration du droit international coutumier dans l’ordre juridique communautaire”, La Semaine juridique, Edizzjoni Ġenerali Nru 5, 3 ta’ Frar 1999, II 10022, p. 5.


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 55); Rina (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C292/05, EU:C:2007:102, punt 41). Bl-istess mod, fis-sentenza Rina, ma huwiex abbażi tal-azzjoni għall-kumpens, ippreżentata quddiem il-qorti nazzjonali, iżda fuq dik tal-operazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni li twettqu mill-kumpanniji kkonċernati li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, bla ħsara għall-verifiki li kellha twettaq il-qorti tar-rinviju, li dawn l-operazzjonijiet ma kinux twettqu fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (punt 49 ta’ din is-sentenza).


39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li n-natura tal-atti inkwistjoni fl-azzjoni revokatorja, ma tinbidilx skont il-kwalità tal-persuna, fiżika jew ġuridika, li twettaq l-obbligu tagħha jew saħansitra bil-fatt li d-debiti fiskali ma jinġabrux mill-amministrazzjoni fiskali nnifisha. Fil-fatt, il-ħlas tad-dejn fiskali jimplika wkoll l-aċċettazzjoni ta’ dan il-ħlas minn din l-amministrazzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħlas jista’ jwassal għal konsegwenzi previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali li huma barranin għar-relazzjonijiet tad-dritt privat, b’tali mod li l-ħlas ta’ taxxi huwa indissoċjabbilment marbut mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.


40      Infakkar li, id-distinzjoni bejn atti iure gestionnis u iure imperii hija bbażata fuq il-fatt dwar jekk l-Istat jaġixxix bħala persuna privata, fis-sens li t-twettiq tal-att ma jimplika ebda eżerċizzju ta’ setgħa pubblika, jew fi kliem ieħor, li dan l-att huwa tali li kull individwu jista’ jwettqu, jew jekk l-att jaqax taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.


41      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kriterju determinanti sabiex tiġi kkaratterizzata l-applikazzjoni tal-immunità ġudizzjarja tinsab fin-natura tal-att li fir-rigward tiegħu ġiet mibdija azzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ma teżisti ebda raġuni oġġettiva li tippermetti li jiġi stabbilit, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-att ikkonċernat, kriterju ġdid marbut man-natura tad-dritt eżerċitat jew tal-azzjoni mibdija fir-rigward ta’ tali att.


42      Artikolu 1 TUE.


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1), u l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 157.


44      Mouton, J.-D., “Vers la reconnaissance de droits fondamentaux aux États dans le système communautaire?”, Les dynamiques du droit européen en début de siècle. Mélanges en l’honneur de J.-C. Gautron, Pariġi, Pedone, 2004, p. 473.


45      Artikolu 48 TUE.


46      Artikolu 50 TUE.


47      Artikolu 4(2) TUE. Enfasi miżjud minni. Madankollu, huwa magħruf li d-distinzjoni bejn dawn l-oqsma differenti ta’ politika tal-Unjoni u tal-Istati Membri mhux dejjem hija daqstant ċara fil-prattika.


48      Jiġifieri l-awtorità esklużiva ta’ Stat fit-territorju tiegħu u fuq il-popolazzjoni tiegħu, li tikkorrispondi għall-indipendenza tiegħu, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil u l-libertà ta’ organizzazzjoni interna tiegħu.


49      Jiġifieri l-Istati, suġġetti internazzjonali, huma kollha ugwali, mingħajr ma ħadd minnhom ma huwa suġġett għall-awtorità tal-ieħor.


50      Gaudin, H., “L’identité de l’Union européenne au prisme de la souveraineté de ses États membres”, Revue générale du droit, Chronique de droit de l’Union, 2021.


51      Fis-sens li l-Kunsill jiżgura l-interessi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tiżgura dawk tal-Unjoni u l-Parlament dawk taċ-ċittadini.


52      Malenovsky, J., “A la recherche d’une solution intersystémique aux rapports du droit international et du droit de l’Union européenne”, Annuaire français de droit international, Vol. 65, 2019, p. 201 sa 234.


53      Blin, O., (2013) “La personnalité juridique de l'Union européenne après Lisbonne : véritable acquisition ou simple reconnaissance?” Bioy, X., (editur), La personnalité juridique. Traditions et évolutions., sensiela “Les Travaux de l’IFR Mutation des normes juridiques n° 14”, Presses de l’Université Toulouse 1 Capitole, LGDJ - Lextenso Editions.Toulouse, 2013, p. 131 sa 142.


54      Gaudin, H., op. cit.


55      Għandu jiġi enfasizzat li dawn huma għanijiet li ġew stabbiliti mill-Istati Membri stess.


56      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.


58      Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848.


59      Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/848.


60      Artikolu 7(2)(g) tar-Regolament 2015/848.


61      Artikolu 45(1) tar-Regolament 2015/848.


62      Il-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848.


63      Premessa 63 tar-Regolament 2015/848.


64      Huwa ovvju li l-immunità ġudizzjarja tista’ tiġi invokata biss quddiem il-qrati ta’ Stat ieħor.


65      F’dan ir-rigward, ser ninnota li l-uniku Stat Membru li ma huwiex, b’mod ġenerali, marbut bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa r-Renju tad-Danimarka, kif dan jirriżulta mill-premessa 88 tar-Regolament 2015/848.


66      Premessa 3 tar-Regolament 2015/848.


67      Premessa 8 tar-Regolament 2015/848.


68      Fost dawn id-derogi, għandhom jiġu ċċitati dawk li jirriżultaw minn qari konġunt tal-Artikoli 20 u 33 tar-Regolament 2015/848 rigward l-effetti tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali skont dan ir-regolament. Madankollu, f’dan il-każ, jekk l-invokazzjoni tal-immunità ġudizzjarja tostakola l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni stabbilita b’mod validu abbażi tar-regoli stabbiliti fl-imsemmi regolament, din ma hijiex deroga prevista minnu.


69      Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2014, L 189, p. 59). Huwa ċar li, il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strument legali tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi distinta minn dik tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq tali strument. Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, dan l-eżempju jirrigwarda biss l-assenza ta’ effett ta’ atti iure imperii fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni internazzjonali skont ir-Regolament 2015/848.


70      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte (C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 36). Huwa minnu li, f’din is-sentenza, kienet inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-portata tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza, irregolata mir-Regolament Nru 1346/2000, li warajh ġie, bi kliem kważi identiċi, ir-Regolament 2015/848, fl-Artikolu 3(1) tiegħu. Minkejja li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jintroduċi regola addizzjonali, inqis li din il-ġurisprudenza dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-ex regolament hija trasponibbli minħabba l-fatt li dawn l-azzjonijiet jaqgħu, fis-sens tar-Regolament 2015/848, taħt l-istess ġurisdizzjoni internazzjonali bħall-proċeduri ta’ insolvenza stess.


71      Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/848.


72      Għal kull fini utli, għandu jiġi enfasizzat li, mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, l-amministratur ġudizzjarju fil-kawża prinċipali ppreċiża li l-eżistenza ta’ tali stabbiliment ma kinitx ġiet ikkonstatata.


73      Premessa 48 tar-Regolament 2015/848.


74      Sentenza Rina, punt 55.


      Għal kull fini utli, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Novembru 2025, Renouard vs Franza(CE:ECHR:2025:1127JUD004691121 punti 53 u 54) invokata mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, lanqas tippermetti konklużjoni opposta. Fil-fatt, minn din is-sentenza, jirriżulta essenzjalment, li l-fatt li l-eċċezzjoni ta’ immunità ġudizzjarja ntlaqgħet quddiem il-qrati Franċiżi ma kienx ikkunsidrat bħala restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt tar-rikorrent ta’ aċċess għal qorti, għaliex dan ir-rikorrent kellu rimedji ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Emirati Għarab Magħquda. Għall-kuntrarju, fil-każ tagħna, jekk l-immunità ġudizzjarja tostakola l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni, ma huwa possibbli ebda rimedju ġudizzjarju ieħor. Huwa minnu li, f’kawża dwar l-indipendenza tal-invokazzjoni tal-immunità ġudizzjarja meta mqabbla mal-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji oħra li jippermettu li jinkiseb il-kumpens, il-Qorti Internazzjoni tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk Stat jistax igawdi mill-immunità quddiem il-qrati ta’ Stat ieħor hija totalment distinta minn dik dwar jekk ir-responsabbiltà internazzjonali ta’ dan l-Istat hijiex stabbilita u jekk għandux obbligu ta’ kumpens. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża tal-aħħar kienet taqa’ f’kuntest partikolari ħafna dwar il-kumpens tal-vittmi ta’ reati tal-gwerra u ta’ reati kontra l-umanità, marbut ukoll maċ-ċirkustanzi partikolari ta’ negozjati mwettqa f’dan ir-rigward bejn l-Istati kkonċernati (Immunitajiet ġudizzjarji tal-Istat (Il‑Ġermanja vs L‑Italja; Il‑Greċja (intervenjenti), sentenza, ICJ Ġabra 2012, p. 99 sa 102).


75      Ara l-Artikoli 258 sa 260 TFUE.


76      Minkejja li dan il-protokoll kien jorbot, oriġinarjament, ir-Renju Unit u l-Irlanda, dan ma għadux il-każ wara l-Brexit. Għalhekk, dan il-protokoll issa japplika għall-Irlanda biss.


77      B’konformità mal-premessa 87 tar-Regolament 2015/848, l-Irlanda esprimiet madankollu, ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.


78      B’konformità mal-premessa 88 tar-Regolament 2015/848, ir-Renju tad-Danimarka ma pparteċipatx fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u ma hijiex marbuta bih u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.


79      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 1965, Acciaierie San Michele vs Awtorità Għolja (9/65, mhux ippubblikat, EU:C:1965:63).


80      Artikolu 4(2) TUE.


81      Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (39/72, EU:C:1973:13).


82      Ara, b’mod partikolari, il-punti 20, 24 u 25 tas-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (39/72, EU:C:1973:13). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet nuqqas ta’ twettiq min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat tal-obbligi li huwa assuma bl-appartenenza tiegħu fl-Unjoni.


83      Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, s-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


84      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑404/97, EU:C:2000:345, punt 40) u d-digriet tas‑6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440, punti 17 sa 21). Barra minn hekk, dan id-digriet huwa interessanti mill-perspettiva tal-interpretazzjoni b’analoġija. Fl-imsemmi digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet Irrikonoxxuti lill-Komunitajiet Ewropej ma jistax, fl-ebda każ, jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-istituzzjonijiet Komunitarji li ma josservawx l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali. Jekk dan huwa l-każ għall-Unjoni, għaliex allura l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn immunità ġudizzjarja sabiex jevitaw dan l-obbligu bħal, f’dan il-każ, waqt l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni?


85      B’mod evidenti, tali konklużjoni hija imposta għaliex jeżistu dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-ġurisdizzjoni internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ insolvenza. Huwa minnu li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan il-punt, wieħed għandu jirreferi għad-dritt nazzjonali u għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 24).


86      B’mod evidenti, din il-konklużjoni tapplika biss fir-rigward tal-Istati Membri. Minkejja li l-qrati tal-Istat ta’ ftuħ għandhom ukoll ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet mibdija kontra ċ-ċittadini ta’ Stati terzi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Schmid, C328/12, EU:C:2014:6, punt 33 u d-dispożittiv), dawn ma jipparteċipawx fil-proġett Ewropew u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li rrinunzjaw għall-immunità ġudizzjarja. Ċertament, din il-pożizzjoni tkisser l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz. Madankollu, din hija konsegwenzi inerenti għas-sistema maħluqa minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, peress li l-Istati terzi ma humiex marbuta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament 2015/848, azzjoni revokatorja tista’ tinbeda f’dawn l-Istati, u tippermetti għalhekk li tiġi rimedjata l-inugwaljanza fit-trattament imsemmija.