Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2025 (1)

Kawża C‑209/23

FT,

RRC Sports GmbH

vs

Fédération internationale de football association (FIFA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli adottati minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali – Futbol professjonali – Assoċjazzjoni dinjija tal-isports – Regolamenti dwar l-aġenti tal-futbol – Artikolu 101(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għan’ antikompetittiv – Ġurisprudenza Meca-Medina – Artikolu 101(3) TFUE – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Abbużi ta’ sfruttament – Abbużi ta’ esklużjoni – Artikolu 56 TFUE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament (UE) 2016/679”






I.      Introduzzjoni

1.        F’għadd ta’ kawżi reċenti – jiġifieri, ISU (2), Superleague (3), Royal Antwerp (4), u FIFA (5) – il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ ċerti regolamenti adottati minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali jew nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni u s-suq intern.

2.        Il-kawża ineżami hija segwitu naturali ta’ dawn il-kawżi. Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna regolamenti ta’ assoċjazzjoni sportiva internazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti inkwistjoni”) li jirregolaw l-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers (iktar ’il quddiem l-“aġenti”). Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida addizzjonali dwar diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, is-suq intern u l-protezzjoni tad-data.

3.        Kwistjonijiet simili ħafna jitqajmu wkoll minn żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari oħra – dawk fil-Kawżi C‑428/23, ROGON et (6), u C‑133/24, CD Tondela et (7) – fejn ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet għandhom jinqraw flimkien ma’ dawn il-konklużjonijiet l-oħra. Fl-interess tal-ekonomija ġudizzjarja, u sabiex ngħin lill-qarrejja, ser nipprova nevita repetizzjonijiet mhux meħtieġa fit-tliet konklużjonijiet u, għal dan il-għan, ser nagħmel għadd ta’ riferimenti inkroċjati bejniethom.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) (8), intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[...]

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali [...]

[…]”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

5.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma FT, aġent tal-plejers u l-Viċi President tal-assoċjazzjoni tal-aġenti tal-plejers “Football Forum”, u RRC Sports, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, li taġixxi wkoll bħala aġent tal-plejers u li d-direttur ġenerali tagħha huwa FT. Il-konvenuta, Fédération internationale de football association (iktar ’il quddiem il-“FIFA”), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Svizzeru li għandha s-sede tagħha f’Zürich (l-Isvizzera). Hija wkoll il-korp ta’ tmexxija dinjija tal-futbol, li jissorvelja 211‑il assoċjazzjoni nazzjonali membri, fosthom id-Deutscher Fußball-Bund (il-Federazzjoni tal-Futbol Ġermaniża, iktar ’il quddiem id-“DFB”).

6.        Skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 14 tal-Istatuti tal-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri għandhom jikkonformaw ruħhom mar-regolamenti tal-FIFA u jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tagħha.

7.        Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tal-FIFA adotta l-FIFA Football Agent Regulations (ir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Aġenti tal-Futbol, iktar ’il quddiem il-“FFAR”), li sussegwentement ġew ippubblikati fis‑6 ta’ Jannar 2023. Dawn ir-regolamenti jipprevedu l-qafas li jirregola, inter alia, ir-remunerazzjoni, l-attivitajiet u l-aġir tal-aġenti tal-plejers. L-Artikoli 1 sa 10 u 22 sa 27 tal-FFAR daħlu fis-seħħ fid‑9 ta’ Jannar 2023. Id-dispożizzjonijiet l-oħra kienu skedati jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2023. Fost dawn ir-regoli, il-FFAR jimponu limiti fuq it-tariffi tal-aġenti tal-plejers u jintroduċu regoli oħra dwar il-kunflitti ta’ interess u dwar il-klawżoli kuntrattwali.

8.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja) sabiex l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tal-FFAR (9) (iktar ’il quddiem ir-“regoli inkwistjoni”), tiġi pprojbita minħabba li dawn jiksru l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 6 tal-GDPR. Min-naħa tagħha, il-FIFA ssostni li r-regoli li jinsabu fil-FFAR huma kemm legali kif ukoll neċessarji għall-integrità tal-futbol, irawmu s-solidarjetà bejn il-livell professjonali u l-livell bażiku u jiżguraw it-trasparenza u l-istandards etiċi.

9.        Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 101 [TFUE] (projbizzjoni ta’ akkordji), l-Artikolu 102 [TFUE] (projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti) u l-Artikolu 56 TFUE (libertà li jiġu pprovduti servizzi) kif ukoll l-Artikolu 6 tal-[GDPR] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regolament adottat minn assoċjazzjoni dinjija tal-isports (f’dan il-każ, il-FIFA) li magħha jappartjenu 211‑il assoċjazzjoni sportiva nazzjonali tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-futbol) u li r-regolamenti tagħha għalhekk japplikaw fi kwalunkwe każ għall-maġġoranza tal-plejers attivi fil-kampjonati professjonali nazzjonali rispettivi tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-klabbs [inklużi l-klabbs tal-futbol organizzati bħala korporazzjonijiet], il-plejers [li huma membri ta’ klabb] u l-aġenti tal-plejers) u li jinkludu dan li ġej:

1)      huwa pprojbit li wieħed jiftiehem jew iħallas lill-aġenti tal-plejers remunerazzjoni li taqbeż limitu kkalkolat bħala perċentwali tas-somma miftiehma għat-trasferiment jew ir-remunerazzjoni annwali ta’ dak il-plejer, kif previst fl-Artikolu 15(2) tal-[...](FFAR),

2)      huwa pprojbit li terzi jħallsu, f’isem plejer, lill-aġent tal-plejer, remunerazzjoni li tkun dovuta taħt il-kuntratt ta’ aġenzija tal-plejer, kif previst fl-Artikolu 14(2) u (3) tal-FFAR,

3)      il-klabbs huma pprojbiti milli jħallsu iktar minn 50 % tar-remunerazzjoni totali dovuta minn plejer u minn klabb għas-servizzi tal-aġent tal-plejer f’każijiet fejn aġent ta’ plejer ikun qiegħed jaġixxi għall-klabb u għall-plejer, kif previst fl-Artikolu 14(10) tal-FFAR,

4)      għall-ħruġ ta’ liċenzja bħala aġent ta’ plejer, li huwa prerekwiżit sabiex jitħalla jipprovdi servizzi ta’ aġent tal-plejers, huwa meħtieġ li l-applikant jikkonforma mar-regolamenti interni tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports (f’dan il-każ, il-FFAR, l-Istatuti tal-FIFA, il-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA, il-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, [il-FIFA RSTP] kif ukoll l-Istatuti, ir-Regolamenti, il-Linji Gwida u d-Deċiżjonijiet tal-korpi u tal-kumitati) kif ukoll mal-ġurisdizzjoni kompetenti tagħha u mal-ġurisdizzjoni kompetenti tal-konfederazzjonijiet u tal-assoċjazzjonijiet membri, kif previst fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 16(2)(b) u fl-Artikolu 20 tal-FFAR flimkien mal-Artikolu 8(3), l-Artikolu 57(1), u l-Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikolu 5(a), l-Artikolu 49, u l-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA, u l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 82(1) tal-Kodiċi tal-Etika,

5)      huma stabbiliti kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzja bħala aġent ta’ plejer, li jistabbilixxu li l-ħruġ ta’ liċenzja hija eskluża b’mod permanenti fil-każ ta’ kundanna jew ta’ tranżazzjoni fi proċeduri kriminali jew is-sospensjoni ta’ mill-inqas sentejn, il-projbizzjoni, ir-revoka ta’ liċenzja, jew kwalunkwe skwalifika oħra minn awtorità jew minn assoċjazzjoni sportiva, mingħajr il-possibbiltà li l-liċenzja tinħareġ iktar tard, kif previst fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tal-FFAR,

6)      l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ aġenzija tal-plejers jew servizzi oħra b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment u/jew kuntratt ta’ impjieg liż-żewġ partijiet fl-istess waqt, u milli jirċievu remunerazzjoni għal dan (a) mill-klabb ta’ rilaxx u mill-klabb ta’ ingaġġ, b) mill-klabb ta’ rilaxx u mill-plejer, c) mill-partijiet kollha involuti (il-klabb ta’ rilaxx, il-klabb ta’ ingaġġ u l-plejer), kif previst fl-Artikolu 12(8) u (9) tal-FFAR rispettivament,

6a)      l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ aġenzija tal-plejers jew servizzi oħra b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment u/jew kuntratt ta’ impjieg liż-żewġ partijiet fl-istess waqt, permezz ta’ aġenti tal-plejers konnessi magħhom, u milli jirċievu remunerazzjoni għal dan a) mill-klabb ta’ rilaxx u mill-klabb ta’ ingaġġ, b) mill-klabb ta’ rilaxx u mill-plejer, c) mill-partijiet kollha involuti (il-klabb ta’ rilaxx, il-klabb ta’ ingaġġ u l-plejer), fil-każ li t-terminu ‘Connected Football Agent’ jinkludi kooperazzjoni skont id-definizzjoni prevista fil-FFAR għal ‘Connected Football Agent’ (p. 6, inċiż iv tal-FFAR), kif previst fl-Artikolu 12(10) tal-FFAR flimkien mad-definizzjoni għal ‘Connected Football Agent’ (p. 6, inċiż iv tal-FFAR),

7)      l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jikkuntattjaw jew jikkonkludu kuntratt ta’ aġenzija ma’ klabb, plejer, assoċjazzjoni membru tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports jew entità legali li topera l-hekk imsejħa Single-Entity-League, li hija awtorizzata li timpjega aġenti tal-plejers u li għandha kuntratt esklużiv ma’ aġent ieħor ta’ plejers, kif previst fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tal-FFAR,

8)      l-ismijiet u d-dettalji tal-aġenti tal-plejers kollha, l-ismijiet tal-klijenti li jirrappreżentaw, is-servizzi tal-aġenzija tal-plejers li jipprovdu għal kull klijent u/jew id-dettalji ta’ kwalunkwe tranżazzjoni li fiha huma involuti l-aġenti tal-plejers, inkluż l-ammont tar-remunerazzjoni pagabbli lill-aġenti tal-plejers, għandhhom jittellgħu fuq pjattaforma tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports u klabbs oħra, plejers jew aġenti tal-plejers għandu jkollhom aċċess parzjali għal din l-informazzjoni, kif previst fl-Artikolu 19 tal-FFAR,

9)      huwa pprojbit li wieħed jiftiehem dwar remunerazzjoni għal servizzi ta’ aġenzija tal-plejers b’xi mod ieħor għajr fuq il-bażi tar-remunerazzjoni ta’ plejer jew tas-somma miftiehma għat-trasferiment, kif previst fl-Artikolu 15(1) tal-FFAR,

10)      huwa preżunt li servizzi oħra pprovduti minn aġent tal-plejers jew aġent tal-plejers konnessi miegħu 24 xahar qabel jew wara l-provvista ta’ servizz ta’ aġent tal-plejers lil klijent involut fit-tranżazzjoni li għaliha ġew ipprovduti s-servizzi tal-aġent tal-plejers huma parti tas-servizzi tal-aġent tal-plejers, u sal-punt li l-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata, ir-remunerazzjoni għas-servizzi l-oħra titqies bħala parti mir-remunerazzjoni għas-servizz tal-aġenzija tal-plejers, kif previst fl-Artikolu 15(3) u (4) tal-FFAR,

11)      l-ammont tar-remunerazzjoni tal-aġent tal-plejers li għandu jiġi kkalkolat bħala perċentwali għandu jkun ibbażat biss fuq is-salarju effettivament imħallas lill-plejer, kif previst fl-Artikolu 14(7) u (12) tal-FFAR,

12)      l-aġenti tal-plejers huma obbligati li jiżvelaw l-informazzjoni li ġejja lill-assoċjazzjoni dinjija tal-isports: a) fi żmien 14‑il jum mill-konklużjoni: ta’ kwalunkwe ftehim ma’ klijent li ma huwiex ftehim ta’ aġenzija, inkluż iżda mhux limitat għal servizzi oħra, u l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma, b) fi żmien 14‑il jum wara l-ħlas ta’ remunerazzjoni: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma, c) fi żmien 14‑il jum wara l-ħlas ta’ remunerazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ma’ klijent li ma huwiex ftehim ta’ aġenzija: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma, d) fi żmien 14‑il jum minn meta jseħħ: kwalunkwe ftehim, kuntrattwali jew ieħor bejn l-aġenti tal-plejers sabiex jikkooperaw fil-provvista ta’ kwalunkwe servizz jew sabiex jaqsmu d-dħul jew il-profitti minn kwalunkwe parti mis-servizzi tagħhom bħala aġenti tal-plejers, e) sakemm in-negozju tagħhom jitmexxa permezz ta’ aġenzija, fi żmien 14‑il jum mill-ewwel tranżazzjoni li tinvolvi l-aġenzija: in-numru ta’ aġenti tal-plejers li qegħdin imexxu n-negozju tagħhom permezz tal-istess aġenzija u l-ismijiet tal-impjegati kollha, kif previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v), (k)(ii) tal-FFAR,

13)      il-klabbs huma pprojbiti milli jiftiehmu dwar remunerazzjoni jew komponenti ta’ remunerazzjoni għall-bejgħ ta’ plejer ma’ aġenti tal-plejers jew milli jħallsu remunerazzjoni jew komponenti ta’ remunerazzjoni lill-aġenti tal-plejers, li l-bażi ta’ valutazzjoni tagħhom hija (ukoll) dipendenti fuq remunerazzjoni minn trasferiment fil-futur li l-klabb jirċievi minn trasferiment ieħor tal-plejer, kif previst fl-ewwel alternattiva tal-Artikolu 18b(1) tar-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers u fl-Artikolu 16(3)(e) tal-FFAR?”

10.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn FT, mill-FIFA, mill-Gvernijiet tal-Greċja, ta’ Franza u tal-Ungerija, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

11.      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Marzu 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet ikkonċernati, fuq il-bażi tal-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impatt tas-sentenzi fil-kawżi ISU, Superleague u Royal Antwerp fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula fil-kawża ineżami. FT, il-FIFA, il-Gvernijiet tal-Greċja, ta’ Franza u tal-Ungerija, u l-Kummissjoni, osservaw din it-talba.

12.      FT, il-FIFA, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat‑12 ta’ Frar 2025.

IV.    Analiżi

13.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regolamenti, bħall-FFAR, adottati minn assoċjazzjoni sportiva dinjija u li jikkonċernaw l-attività tal-aġenti tal-atleti. Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni korretta ta’ erba’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tqajjem, bħala tali, għadd kbir ta’ kwistjonijiet legali li għandhom jiġu eżaminati separatament.

14.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi ta’ dawn il-kwistjonijiet (C, D, E u F), nixtieq l-ewwel nagħmel ftit rimarki preliminari ta’ natura sistemika (A) u metodoloġika (B).

A.      Rimarki preliminari (I) — sistemiċi

15.      Qabelxejn, jidhirli li jkun utli li nagħmel tliet rimarki preliminari sabiex jiġi stabbilit il-kuntest għall-qarrejja ta’ dawn il-konklużjonijiet (li jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-qarrejja taż-żewġ konklużjonijiet l-oħra li hemm riferiment għalihom fil-punt 3 iktar ’il fuq).

16.      L-ewwel, nixtieq infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn din tikkostitwixxi attività ekonomika, il-prattika tal-isport hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal tali attività (10). Għalhekk, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu r-regoli adottati minn assoċjazzjonijiet sportivi li jirregolaw ix-xogħol bi ħlas jew il-provvista ta’ servizzi mill-plejers professjonali jew semiprofessjonali u, b’mod iktar wiesa’, dawk ir-regoli li, mingħajr ma jirregolaw formalment dan ix-xogħol jew din il-provvista ta’ servizzi, ikollhom effett indirett fuqhom. Barra minn hekk, dawn ir-regoli u, b’mod iktar wiesa’, l-aġir tal-assoċjazzjonijiet li jkunu adottawhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni meta l-kundizzjonijiet relatati magħhom ikunu ssodisfatti, sa fejn dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “assoċjazzjonijiet bejn impriżi” u r-regoli inkwistjoni bħala “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi” fis-sens tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE (11).

17.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li, ċerti regoli speċifiċi li ġew adottati esklużivament għal raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika u li jirrigwardaw kwistjonijiet li jikkonċernaw biss l-isport bħala tali għandhom jitqiesu bħala estranji għal kull attività ekonomika. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni ta’ plejers barranin mill-kompożizzjoni ta’ timijiet li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiż tagħhom jew li jirrigwardaw l-iffissar tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni użati għall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fuq bażi individwali (12).

18.      Din l-“eċċezzjoni sportiva” – li tmur lura għall-kawża fundamentali Walrave (13), spiss ikkritikata fid-duttrina legali (14) – għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata b’mod restrittiv (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li l-fatt li regola jkollha natura purament sportiva jew tkun tapplika biss għall-isport ma jfissirx li din ir-regola u, a fortiori, l-attività li hija relatata magħha jiġu awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat (16).

19.      Fil-fatt, l-“eċċezzjoni sportiva” bl-ebda mod ma hija eċċezzjoni reali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, iżda sempliċiment applikazzjoni ta’ żewġ prinċipji stabbiliti sew.

20.      L-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni jikkonċernaw, bħala regola ġenerali, l-attivitajiet ekonomiċi u l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (17). Pereżempju, hija ġurisprudenza stabbilita li l-attivitajiet li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika (18), jew li huma pprovduti fuq il-bażi ta’ solidarjetà u li ma jikkonsistux fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq bi ħlas, jistgħu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (19). Dan minkejja l-fatt li minn dan tista’ tirriżulta ċerta restrizzjoni inċidentali tal-kompetizzjoni (20). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-miżuri li jaffettwaw biss aspetti mhux ekonomiċi tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex, bħala regola, affettwati mid-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern (21).

21.      It-tieni prinċipju huwa li, anki jekk ċertu effett indirett fuq l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ma jistax jiġi eskluż a priori, dan jibqa’ irrilevanti sakemm jista’ jitqies li huwa de minimis. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li miżuri li l-effetti tagħhom fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni jkunu wisq inċerti, indiretti, vagi, remoti, spekulattivi jew ipotetiċi ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “restrizzjonijiet” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu (22). Il-kunċett ta’ “restrizzjoni” huwa ċertament wiesa’, iżda ma jistax jiġi estiż sabiex ikopri kull inkonvenjent żgħir għall-mod li bih joperaw l-impriżi (23). Bl-istess mod, huwa stabbilit sew li t-tipi ta’ aġir ta’ kumpanniji li ma jkollhomx effett sinjifikattiv fuq is-suq (24), pereżempju minħabba li kwalunkwe influwenza fuq il-parametri kompetittivi tkun marġinali u indiretta (25), ma jaqgħux taħt il-projbizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkordji.

22.      Fil-fehma tiegħi, l-“eċċezzjoni sportiva” tinkludi, b’mod ġenerali, ir-“regoli tal-logħba” bażiċi u ċerti aspetti organizzazzjonali ta’ natura mhux ekonomika: pereżempju, il-mod li bih jiżvolġu l-logħbiet (l-għadd ta’ plejers, it-tul tal-logħba, il-forom ta’ aġir awtorizzat jew le fil-grawnd, ir-rekwiżit tal-ilbies tal-atleti, eċċ.) u kif jiġu strutturati l-kompetizzjonijiet (għadd ta’ timijiet parteċipanti, għadd ta’ logħbiet għal kull kompetizzjoni, skeda tal-logħob, eċċ.) (26).

23.      Ma jistax jiġi miċħud li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jista’ jkollha, ipotetikament, ċertu effett fuq il-kummerċ u/jew il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fi ħdan is-suq intern (27).

24.      Sempliċiment biex nagħti ftit eżempji, naturalment estremi: il-fatt li t-timijiet tal-futbol jitħallew jilagħbu biss bi 11‑il plejer fuq kull tim (u mhux, pereżempju, 12 jew 15) ma jistax jitqies li ma għandu l-ebda influwenza fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema. Jista’ jiġi preżunt li iktar plejers fil-grawnd iżidu l-mobbiltà tal-plejers tal-futbol fi ħdan l-Unjoni (28). Bl-istess mod, wieħed jista’ saħanistra jsostni li l-projbizzjoni lill-plejers milli jilbsu dak kollu li huwa perikoluż (bħal ġojjellerija), jew lill-ispettaturi tal-logħob tal-futbol milli jidħlu f’bini meta jkunu taħt l-influwenza tal-alkoħol u milli jittrasportaw u jqabbdu materjal pirotekniku, tista’ tiskoraġġixxi lil xi persuni milli jixtru dawn il-prodotti u b’hekk tinfluwenza b’mod negattiv l-importazzjonijiet minn Stati Membri oħra (29).

25.      Bl-istess mod, id-deċiżjonijiet li l-għadd ta’ timijiet li jipparteċipaw f’kampjonat tal-futbol jiġi limitat għal għadd speċifiku u ddeterminat minn qabel (pereżempju 18‑il tim fil-Bundesliga) u li huma biss ftit timijiet ġodda li jistgħu jingħaqdu mal-ewwel diviżjoni, fi tmiem l-istaġun, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ promozzjoni minn u ta’ relegazzjoni lejn diviżjonijiet inferjuri, de facto joħolqu ostakoli estremament sinjifikattivi għad-dħul fis-swieq li huma attivi fihom dawn it-timijiet. Sussegwentement, regoli dwar l-għadd massimu ta’ plejers li jista’ jiffirma tim (attwalment, 25 fil-Bundesliga) jistgħu potenzjalment jippenalizzaw ċerti timijiet (pereżempju dawk b’riżorsi finanzjarji ikbar jew akkademji taż-żgħażagħ iktar żviluppati) u, għaldaqstant, jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ timijiet oħra. Jista’ jiġi argumentat ukoll li tali miżura tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

26.      Madankollu, dawn ma humiex it-tipi ta’ restrizzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni (30). Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan li jipproteġu l-eżerċizzju liberu tal-kummerċ mill-operaturi ekonomiċi, u lanqas id-deregolamentazzjoni ġenerali tas-swieq (31). Minflok, għandhom l-għan li jiżguraw li s-suq intern jiffunzjona konformement mal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa, fejn il-fluss liberu u mingħajr distorsjoni ta’ prodotti, servizzi u fatturi ta’ produzzjoni jiżgura allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi (32), u b’hekk jikkontribwixxi għall-benesseri tal-persuni li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (33).

27.      Fl-assenza ta’ impatt identifikabbli fuq kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni – in casu, il-kummerċ u/jew il-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni – ma jistax jiġi ġġustifikat li d-dritt tal-Unjoni jinterferixxi mar-regolamenti stabbiliti minn assoċjazzjonijiet professjonali jew sportivi (34) (spiss imsejħa lex sportiva) (35), li għandhom jibbenefikaw minn ċertu livell ta’ awtonomija interna (36) u ta’ protezzjoni tal-attivitajiet tagħhom skont l-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li jistabbilixxi l-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni (37).

28.      Madankollu, sempliċi affermazzjoni li regola hija ta’ natura purament sportiva – jiġifieri li ġiet adottata għal raġunijiet sportivi u tirregola aspetti mhux ekonomiċi tal-attività – hija, kif spjegat iktar ’il fuq, insuffiċjenti sabiex tipproteġiha minn eżami fil-fond. L-applikazzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni għal dawn ir-regoli għandha, għalhekk, tiġi evalwata każ b’każ.

29.      It-tieni, nifhem li, għal ċerti osservaturi, jista’ jidher stramb li japplikaw kemm id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, possibbilment b’mod kumulattiv, għall-istess miżuri. Fil-fatt, għall-inqas bħala prinċipju, tal-ewwel japplikaw għar-restrizzjonijiet għall-kummerċ li jirriżultaw mill-intervent tal-Istat, filwaqt li r-regoli dwar il-kompetizzjoni huma mmirati lejn id-distorsjonijiet tas-suq li jirriżultaw mill-aġir ta’ impriżi privati (38).

30.      Madankollu, din is-sitwazzjoni inabitwali tirriżulta mill-fatt li, f’ċerti oqsma, l-awtoritajiet (tal-Unjoni u/jew nazzjonali) jistgħu jiddeċiedu li jastjenu milli jirregolaw ċerti aspetti ta’ attività ekonomika partikolari u jħallu f’idejn l-operaturi tas-suq ikkonċernati – li jaġixxu permezz ta’ korpi awtonomi, federazzjonijiet kummerċjali jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi – il-kompitu li jistabbilixxu r-regoli neċessarji u, fejn xieraq, li jinforzawhom u jsolvu t-tilwim eventwali (39). Dan huwa neċessarjament il-każ fl-isport: għandu jkun hemm korp awtonomu li, inter alia, jistabbilixxi r-regoli komuni tal-isport, jiddeċiedi liema kompetizzjonijiet ser jinżammu u jorganizzahom. Huwa inkonċepibbli li Stat jew entità politika bħall-Unjoni jistgħu jiddeċiedu il-minutiae tad-diversi sport, bħad-dettalji tar-regola offside fil-futbol, l-għoli taċ-ċrieki tal-basketball jew il-kwistjoni dwar jekk l-iskurjar fil-volley-ball għandux isegwi s-sistema ta’ punteġġi “side-out” jew “rally point”.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-operaturi tas-suq jistgħu, għalhekk, jilbsu “kappell doppju”: dak ta’ impriża (f’kompetizzjoni mal-impriżi l-oħra attivi fis-suq) u dak ta’ regolatur (li jsawwar ir-regoli li skonthom isseħħ il-kompetizzjoni). Jekk dan ikun il-każ, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri adottati minn dawn l-operaturi tas-suq tista’, fejn xieraq, tiġi eżaminata mill-perspettiva doppja tad-dritt tas-suq intern u tad-dritt tal-kompetizzjoni (40).

32.      It-tielet, fis-sentenza tagħha Superleague, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 165 TFUE – li jikkonċerna l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-isport – ma jikkostitwixxix dispożizzjoni li tista’ tiġi invokata sabiex jiġu ġġustifikati miżuri li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu jew il-kompetizzjoni. Madankollu, hija żiedet ukoll li l-karatteristiċi speċifiċi tal-isport, irrikonoxxuti mill-Artikolu 165 TFUE, “jistgħu possibbilment jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra u sakemm dawn ikunu rilevanti, fl-applikazzjoni [tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni]” (41).

33.      Dan ifisser li l-Artikolu 165 TFUE, fih innifsu, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi sabiex tiġi invokata eċċezzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-interessi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jistgħu, naturalment, jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jipprevedu eċċezzjonijiet jew derogi jiġu ssodisfatti: pereżempju, dawk li jikkonċernaw il-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet tal-moviment ħieles, l-għanijiet leġittimi fl-interess ġenerali għall-għanijiet tal-ġurisprudenza Meca-Medina, jew is-sitwazzjonijiet li fihom tista’ tingħata eċċezzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Wara kollox, jekk huma dawn il-valuri li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha tippromwovi, ikun assurd li jitqiesu bħala irrilevanti, għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta l-assoċjazzjonijiet sportivi jagħmlu dan huma stess.

34.      Wara li għamilt il-kjarifiki iktar ’il fuq, issa nista’ nispjega l-metodoloġija li ser nuża sabiex nagħmel l-analiżi legali tiegħi tal-kwistjonijiet imqajma mid-domanda preliminari fil-kawża ineżami. Għandi tliet rimarki f’dan ir-rigward.

B.      Rimarki preliminari (II) – metodoloġiċi

35.      L-ewwel, fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ erba’ dispożizzjonijiet distinti tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ sett relattivament iddettaljat ta’ regolamenti adottati minn assoċjazzjoni sportiva dinjija, li minnhom ġew identifikati 14-il regola speċifika.

36.      Fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku pjuttost kumpless li jikkostitwixxi l-qafas ta’ dawn ir-regolamenti, neżita ħafna li nipprovdi evalwazzjoni ċara u definittiva dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mad-dritt tal-Unjoni. Jidhirli li ċertu għadd ta’ elementi ta’ liġi u ta’ fatt għandhom jiġu ċċarati iktar mill-partijiet, quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex jinkiseb fehim komplet tal-mekkaniżmi legali stabbiliti mill-FFAR u tal-impatt tagħhom fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-operaturi tas-suq ikkonċernati (in primis, l-aġenti tal-plejers u l-klabbs tal-futbol).

37.      F’dak ir-rigward, nixtieq infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa, bħala prinċipju, limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom. Għaldaqstant, ġeneralment ma tkunx il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika dawn id-dispożizzjonijiet għat-tilwima quddiemha.

38.      Dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ ovvjament, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjoni intiża sabiex tagħti gwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija disposta, f’ċerti każijiet, li teżerċita r-rwol tagħha skont l-Artikolu 267 TFUE b’mod espansiv, sabiex tgħin lill-qrati tar-rinviju bl-aħjar mod li tista’, jew sempliċiment peress li tara l-ħtieġa li tagħti deċiżjoni ewlenija, u għalhekk taċċetta li tipprovdi risposta maħsuba apposta fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża, ma jistax jitqies bħala indikazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sejra tagħmel dan, wisq inqas li għandha tagħmel dan (42). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, iżda ma għandhiex għalfejn, tipprovdi risposti dwar l-eżitu ta’ kawżi speċifiċi. Kif ġie spjegat, jiena tal-fehma li l-kawża ineżami ma twassalx għal “każ ta’ eżitu” (43).

39.      It-tieni, jidhirli li, sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni ġuridika, regoli bħal dawk imsemmija fid-domanda preliminari jistgħu jinġabru fil-ħames kategoriji li ġejjin, skont is-suġġett u l-għan tagħhom:

–        dawk li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni tal-aġenti, bħar-regola tal-“limitu massimu tat-tariffa tas-servizz”, ir-regola tal-“klijent li jħallas”, ir-regola tal-“ħlas ta’ 50 %”, ir-regola tal-“kalkolu tal-limitu massimu”, ir-regola tal-“preżunzjoni”, ir-regola tas-“salarju effettivament irċevut” u r-regola tat-“trasferiment futur” (punti 1, 2, 3, 9, 10, 11 u 13 tad-domanda);

–        dawk li jikkonċernaw liċenzja bħala aġent, bħar-regola tal-“konformità” u r-regola tar-“rekwiżiti” (punti 4 u 5 tad-domanda);

–        dawk li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni multipla (punti 6 u 6a tad-domanda);

–        dawk li jikkonċernaw l-ikkuntattjar (punt 7 tad-domanda); u

–        dawk li jikkonċernaw is-sottomissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni, bħar-regola tat-“trasparenza” u r-regola tal-“iżvelar” (punti 8 u 12 tad-domanda).

40.      It-tielet, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, miniex ser niffoka fuq kwistjonijiet li, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, huma, fil-fehma tiegħi, pjuttost sempliċi. B’mod partikolari, jiena tal-fehma li regolamenti bħal dawk inkwistjoni (i) ma jistgħux, fid-dawl tas-suġġett, tal-għanijiet u tal-effetti tagħhom fuq l-attività ekonomika tal-aġenti, tal-klabbs u tal-plejers, jitqiesu li jaqgħu taħt l-“eċċezzjoni sportiva” msemmija iktar ’il fuq (44); (ii) jikkostitwixxu “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (45); u (iii) jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni (46).

41.      Barra minn hekk, hemm ċerti kwistjonijiet ta’ natura pjuttost kumplessa li wħud mill-partijiet qajmu fl-osservazzjonijiet tagħhom, anki jekk ma tqajmux fit-talba għal deċiżjoni preliminari u/jew ma jidhrux li huma ta’ importanza ċentrali għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, ser noffri xi kunsiderazzjonijiet li fil-fehma tiegħi jistgħu jkunu utli għall-qorti tar-rinviju, mingħajr madankollu ma nidħol f’dibattitu fil-fond li jmur lil hinn mill-kuntest tal-kawża ineżami.

42.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li issa ser nevalwa l-kompatibbiltà ta’ regolamenti bħal dawk inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni msemmija fid-domanda preliminari.

C.      L-Artikolu 101 TFUE

43.      L-ewwel dispożizzjoni li l-qorti tar-rinviju tiddiskuti fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha hija l-Artikolu 101 TFUE. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li wħud mir-regoli tal-FFAR jidhru, prima facie, li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn aġenti jew bejn klabbs tal-futbol u, bħala tali, jidhru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat.

44.      Naqbel. Fil-fehma tiegħi, huwa pjuttost ċar li numru minn dawn ir-regoli (pereżempju, dawk dwar ir-remunerazzjoni jew dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzja) jistgħu, bħala prinċipju, jipproduċu ċerti effetti restrittivi fuq is-swieq rilevanti, billi jipprekludu lill-aġenti u/jew lill-klabbs tal-futbol milli jikkompetu liberament f’ċerti aspetti.

45.      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 101 TFUE jipprekludix dawn ir-regoli, il-qorti tar-rinviju se jkollha, fil-qosor, tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin.

1.      L-istruttura tal-analiżi

46.      L-ewwel, il-qorti tar-rinviju għandha taċċerta ruħha jekk dawn ir-regoli jagħtux lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, hija ma jkollhiex għalfejn teżamina l-effetti reali jew potenzjali fuq is-suq ta’ dawn ir-regoli. Fil-fatt, dawn ir-regoli huma pprojbiti, sakemm ma jkunux eżentati skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

47.      Fil-punti 23 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela, jiena ddiskutejt fid-dettall il-kunċett ta’ restrizzjoni “minħabba l-għan” u l-mod kif tali restrizzjoni għandha tiġi stabbilita (jiġifieri, l-elementi li huma rilevanti għall-analiżi u l-approċċ li għandu jittieħed f’dan ir-rigward). Fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, ser nirreferi lill-qarrejja għal dawn is-siltiet.

48.      It-tieni, jekk ir-regoli inkwistjoni ma għandhomx għan antikompetittiv, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk dawn madankollu għandhomx effetti antikompetittivi u, fl-affermattiv, jekk dawn l-effetti jistgħux jiġu ġġustifikati fuq il-bażi tal-“ġurisprudenza Meca-Medina”.

49.      Biex infakkar, din hija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li oriġinat mis-sentenza Wouters, ġiet sussegwentement applikata għall-attivitajiet relatati mal-isport, l-ewwel f’Meca-Medina, imbagħad, iktar reċentement, ġiet imsemmija fis-sentenzi ISU, Superleague u Royal Antwerp, kif ukoll f’ċerti sentenzi sussegwenti (47). Essenzjalment, il-ġurisprudenza Meca-Medina tippreċiża li akkordji li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi involuti ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jekk: (i) ikunu ġġustifikati mill-kisba ta’ għan leġittimu wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali li ma jkunux fihom innifishom antikompetittivi; (ii) il-mezzi speċifiċi użati biex jikisbu dawk l-għanijiet huma ġenwinament meħtieġa għal dan l-għan; u (iii) anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom bħala effett inerenti, tal-inqas potenzjali, li jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni.

50.      Fil-punti 21 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, iddiskutejt fid-dettall l-oriġini, il-loġika u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza. Fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, f’dan ir-rigward ukoll, ser nirreferi lill-qarrejja għal dawn is-siltiet.

51.      It-tielet, jekk ir-regoli inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni “minħabba l-għan” jew, sussidjarjament, jekk ma jistgħux jiġu ġġustifikati fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Meca-Medina, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk dawn ir-regoli jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE tista’ tiġi ddikjarata inapplikabbli fil-każ ta’ forom ta’ aġir li jikkontribwixxu sabiex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew sabiex jiġi promoss il-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li l-konsumaturi jitħallielhom sehem ġust tal-profitt li jirriżulta minn dan, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

52.      Kif sostnut fil-punti 35 sa 37 iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dawn l-evalwazzjonijiet. Madankollu, sabiex nassisti lil din il-qorti, ser nindirizza kull wieħed minn dawn l-istadji tal-analiżi, fid-dawl tar-regoli inkwistjoni.

2.      Ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti

53.      Il-ħames regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju jistabbilixxu, essenzjalment, sistema fejn: (i) għal servizzi marbuta mat-trasferiment tal-plejers, l-aġenti ma jistgħux jiġu rremunerati lil hinn minn limitu massimu kkalkolat bħala perċentwali tas-somma miftiehma ta’ trasferiment jew tas-salarju annwali effettivament imħallas lill-plejer; (ii) aġenti għandhom jitħallsu biss minn plejers jew klabbs li jingaġġawhom; (iii) il-klabbs ma jistgħux iħallsu iktar minn 50 % tar-remunerazzjoni totali dovuta mill-plejer u mill-klabb meta aġent jaġixxi f’isem il-klabb li jingaġġah u l-plejer; (iv) huwa preżunt (iuris tantum) li servizzi oħra pprovduti mill-istess aġent jew minn aġent relatat, fl‑24 xahar qabel jew wara l-provvista tas-servizzi prinċipali, jagħmlu parti minn dawn is-servizzi prinċipali u li, konsegwentement, ir-remunerazzjoni għas-servizzi l-oħra tifforma parti mir-remunerazzjoni mħallsa għas-servizzi prinċipali tal-aġent.

54.      Għandi ngħid, qabelxejn, li, fost ir-regoli msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawk dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti jistgħu jkunu r-regoli li jeħtieġu l-iktar analiżi bir-reqqa u fil-fond mill-qorti tar-rinviju. Issa ser nispjega r-raġunijiet għal dan.

55.      Fl-ewwel lok, ser neżamina jekk ir-regoli inkwistjoni għandhomx jitqiesu bħala restrittivi “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

56.      Huwa magħruf li l-akkordji bejn il-kompetituri (48) li jikkonċernaw il-prezzijiet huma ġeneralment meqjusa bħala wħud mill-iktar dannużi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Madankollu, minbarra l-fatt ovvju li – kif juru sew każijiet bħal DLG, Budapest Bank u Super Bock (49) – anki meta akkordju jaqa’ taħt din il-kategorija (pjuttost wiesgħa), hija neċessarja evalwazzjoni speċifika tiegħu fid-dawl tal-kontenut, tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku u tal-għanijiet tiegħu sabiex jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv, hemm iktar li jrid jiġi kkunsidrat fil-kawża ineżami. Fil-fatt, għalkemm ir-regoli inkwistjoni jista’ jkollhom impatt doppju, fuq il-kompetizzjoni bejn l-aġenti u fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol, fl-ebda wieħed miż-żewġ każijiet, ma huma evidenti n-natura u l-portata ta’ dan l-impatt. Hemm diversi raġunijiet li jimmilitaw favur din il-perspettiva.

57.      Qabelxejn, ftit li xejn għandi għalfejn nenfasizza li l-akkordji dwar il-prezzijiet bejn kompetituri ma jistgħux jitqiesu bħala kategorija suffiċjentement omoġenja għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE (50). Tali klassifikazzjoni tkun wiesgħa wisq u tinkludi varjetà ta’ akkordji li l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni bl-ebda mod ma huma simili. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-regoli inkwistjoni ma jistabbilixxux, ma jirrakkomandawx, jew, fi kwalunkwe każ, ma jikkonċernawx prezzijiet fissi jew prezzijiet minimi (51). Fil-fatt, huma jintroduċu mekkaniżmu li jaffettwa l-kalkolu tar-rata massima tal-onorarji li jistgħu jiġu mitluba mill-aġenti għal ċerti tipi ta’ servizzi.

58.      Dan huwa element importanti. B’mod partikolari, id-dannu għall-konsumaturi ma huwiex daqstant evidenti, peress li l-kompetizzjoni bejn l-aġenti billi jitnaqqsu l-prezzijiet (ċertament waħda mill-iktar forom effettivi tagħha) tibqa’ possibbli ħafna (52). Barra minn hekk, sistema li tippermetti l-kalkolu tal-onorarji massimi dovuti għal servizz partikolari tista’, f’ċerti każijiet, tirrimedja sitwazzjoni fejn ikun hemm nuqqas kbir ta’ simetrija fl-għarfien espert u fl-informazzjoni bejn il-partijiet għal akkordju kumpless dwar is-servizzi (53). Fil-fatt, nikkonstata li l-prattika amministrattiva u ġudizzjarja (54) kif ukoll id-duttrina legali u ekonomika (55) għandhom pożizzjoni differenti dwar in-natura intrinsikament dannuża tal-ftehimiet li jaffettwaw il-prezzijiet massimi.

59.      Huwa minnu li jista’ jkun hemm każijiet fejn dan it-tip ta’ akkordji jwassal lill-fornitur tas-servizzi sabiex jillimita l-produzzjoni tiegħu u/jew l-investimenti tiegħu fir-riċerka, fl-innovazzjoni jew fit-titjib tal-kwalità. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-akkordji fuq il-prezzijiet massimi jistgħu de facto jwasslu għal kollużjoni (espressa jew taċita) dwar prezzijiet minimi jew fissi. Madankollu, ma jistax jiġi preżunt li dawn is-sitwazzjonijiet aktarx li jseħħu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, u wisq inqas f’kull każ. Fil-kawża preżenti, ma nara xejn fil-proċess li, f’dan l-istadju, jista’ jappoġġja tali konstatazzjoni fir-rigward tal-aġenti.

60.      Barra minn hekk, neżita wkoll li naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li dawn ir-regoli huma ekwivalenti għal “akkordju tax-xerrej” tal-klabbs tal-futbol. Biex inkun ċar, naturalment, ma nikkontestax li ċerti akkordji bejn kompetituri li, b’saħħa sinjifikattiva fis-suq, jiddeċiedu li jikkooperaw sabiex jisfruttaw il-fornituri tagħhom (ġeneralment iżgħar jew finanzjarjament iktar dgħajfa) jista’ jkollhom għan antikompetittiv. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (56). Ġurisprudenza stabbilita sew kemm tal-qrati tal-Unjoni (57) kif ukoll tal-qrati barranin tidher li ssostni din il-perspettiva (58).

61.      Madankollu, għal darba oħra, dan ma huwiex neċessarjament il-każ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Fil-fatt, f’ċerti ċirkustanzi, il-“komunità antitrust” (jekk nista’ nuża din l-espressjoni) qieset li l-akkordji tax-xerrejja kienu “ta’ benefiċċju għas-soċjetà [pereżempju, meta] l-ftehimiet ta’ xiri konġunt bejn xerrejja żgħar [jippermettulhom] jibbenefikaw mill-iffrankar tal-ispejjeż li jgħaddu lill-konsumaturi permezz ta’ prezzijiet iktar baxxi” (59). B’mod iktar ġenerali, nota reċenti tal-OECD dwar dan is-suġġett semmiet “[ċertu] xettiċiżmu [mill-awtoritajiet inkarigati mill-inforzar] li [l-kapaċità tal-akkwist] tagħmel ħsara lill-konsumaturi jew lill-effiċjenza ekonomika”, li “xi drabi jiġi sostnut li l-kapaċità tal-akkwist tiffavorixxi l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet”, u li “bħalissa qiegħed jiġi diskuss il-livell xieraq ta’ infurzar kontra l-kapaċità tal-akkwist” (60).

62.      Iktar minn hekk, l-“akkordju tax-xerrej” tipiku – tal-inqas dak li l-Kummissjoni tqis bħala restrizzjoni minħabba l-għan – huwa akkordju intiż sabiex “jagħfas ”lill-fornituri, li jinnegozjaw individwalment mad-diversi xerrejja, li ġeneralment ma jkunux konxji li n-negozjati ma jitwettqux b’mod indipendenti u in bona fide, iżda ġew distorti permezz ta’ kollużjoni min-naħa tax-xerrejja (61). Fil-kawża preżenti, ir-regoli inkwistjoni huma pubbliċi u trasparenti, u ma jidhrux li huma intiżi li jippreġudikaw in-negozjati individwali li jseħħu fis-suq. Bħala tali, ir-regoli inkwistjoni jidhru, sa ċertu punt, li huma eqreb għal “arranġament ta’ xiri konġunt” tipiku, li “jagħmilha ċara lill-fornituri li n-negozjati jitwettqu f’isem il-membri tiegħu u li l-membri jkunu marbutin bit-termini u bil-kundizzjonijiet maqbulin għax-xiri individwali tagħhom” (62). Fil-fatt, sa fejn naf jien, ċertu għadd ta’ aġenti u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ aġenti nstemgħu mill-FIFA fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-FFAR. Skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-ftehimiet ta’ xiri konġunt jistgħu jew le jkunu problematiċi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni (63).

63.      Barra minn hekk – u dan huwa, fil-fehma tiegħi, tal-ikbar importanza – ir-regoli inkwistjoni ma jistabbilixxu ebda livell massimu vinkolanti speċifiku ta’ onorarji. Fil-fatt, ma jeżistix limitu massimu partikolari li l-onorarji tal-aġenti ma jistgħux jaqbżu. Ir-regoli inkwistjoni jeħtieġu biss li l-onorarji jkunu marbuta mal-ispejjeż ta’ trasferiment jew mas-salarju tal-plejer assistit mill-aġent, b’limitu massimu f’perċentwali. Madankollu, sa fejn ma jeżistix massimu f’dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ parametri, u sa fejn il-klabbs tal-futbol jistgħu u fil-fatt jikkompetu sabiex jirreġistraw plejers ġodda, billi joffru somom miftiehma għat-trasferiment ogħla lill-klabbs li jirrilaxxawhom u salarji ogħla lill-plejers inkwistjoni, l-onorarji tal-aġenti jistgħu wkoll, konsegwentement, jiżdiedu mingħajr limitu massimu li jillimitahom. Għal din ir-raġuni, f’dawn il-proċeduri, ċerti partijiet irreferew għal-limitu massimu stabbilit fil-FFAR bħala prezz massimu dinamiku.

64.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-regoli inkwistjoni ma jistgħux faċilment jitqiesu bħala restrittivi minħabba l-għan, billi jiġu assoċjati ma’ ċerta kategorija ta’ akkordji li, skont l-esperjenza, jitqiesu ġeneralment bħala intrinsikament dannużi għall-kompetizzjoni. Tali konstatazzjoni tkun teħtieġ, jekk ikun xieraq, analiżi iktar fil-fond tal-ispeċifiċitajiet tar-regoli, tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li jagħmlu parti minnu u – l-aħħar iżda mhux l-inqas – tal-għanijiet stess imfittxija minn dawn ir-regoli (64). Li kieku d-dokumenti rilevanti (pubbliċi jew interni) tal-FIFA jew tal-membri tagħha kellhom ikunu disponibbli, dawn forsi jkunu jistgħu wkoll jitfgħu iktar dawl dwar il-loġika ekonomika tar-regoli inkwistjoni kif ukoll dwar l-intenzjoni suġġettiva tagħhom (65). B’mod partikolari, għan sabiex jiġu evitati onorarji li l-FIFA jew il-membri tagħha jqisu bħala inġusti jew irraġonevoli (66) jidher, meħud waħdu, li jkun prima facie problematiku. B’kuntrast ma’ dan, għan ġenwin li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi jew l-abbużi min-naħa tal-aġenti għandu t-tendenza li jeskludi għan antikompetittiv.

65.      Fir-rigward tal-effetti reali jew potenzjali ta’ dawn ir-regoli, il-fehma preliminari tiegħi hija li ċerti effetti fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs u/jew bejn l-aġenti ma jistgħux jiġu esklużi. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju jkollha twettaq analiżi kontrofattwali: essenzjalment, tevalwa jekk, fl-assenza tar-regoli inkwistjoni, il-kompetizzjoni bejn aġenti u/jew bejn klabbs tal-futbol tkunx iktar intensa. Fi kliem ieħor, dawn ir-regoli jillimitaw, b’mod sinjifikattiv, il-kapaċità u l-inċentiv ta’ dawn l-operaturi tas-suq li jikkompetu mal-kompetituri tagħhom?

66.      Fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn l-aġenti, din il-qorti għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk huwiex probabbli li, minħabba r-regoli inkwistjoni, għadd sinjifikattiv ta’ aġenti jistgħux jiġu mħeġġa jillimitaw is-servizzi tagħhom (pereżempju, jevitaw li jirrappreżentaw plejers li ma humiex profittabbli biżżejjed minħabba somma miftiehma għat-trasferiment jew remunerazzjoni iktar baxxa) jew inaqqsu l-investiment fl-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għall-professjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li r-regoli inkwistjoni japplikaw biss għal tip wieħed ta’ servizzi pprovduti minn aġenti. Fil-fatt, ir-remunerazzjoni tas-servizzi relatati ma’ attivitajiet oħra ta’ konsulenza u ta’ rappreżentanza li għandhom jiġu pprovduti mill-aġenti tista’ tiġi nnegozjata liberament bejn iż-żewġ partijiet peress li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FFAR. Ir-regola ta’ preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(3) u (4) tagħhom ma jidhirlix li tikkostitwixxi ostakolu reali f’dan ir-rigward, peress li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-FIFA, hija tidher faċilment konfutabbli.

67.      F’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni bejn il-klabbs tal-futbol, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkunsidra tistaqsi dwar jekk il-fatt li, minħabba r-regoli inkwistjoni, il-klabbs ma humiex f’pożizzjoni, pereżempju, li (i) joffru onorarji ogħla lill-aġent tal-plejer jew (ii) jekk l-aġent jaħdem kemm f’isem il-klabb kif ukoll f’isem il-plejer, li joffru li jħallsu sehem tal-onorarji li jkunu iktar minn 50 %, huwiex element li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni (67).

68.      Jekk din il-qorti kellha tikkunsidra li dawn ir-regoli jista’ jkollhom ċertu effett antikompetittiv reali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs u/jew bejn l-aġenti, hija għandha mbagħad tivverifika jekk dawn jistgħux ikunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Meca-Medina. Fil-fatt, għar-raġunijiet li spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, jiena tal-fehma li assoċjazzjoni sportiva nazzjonali jew internazzjonali (bħall-FIFA) għandha titqies, bħala prinċipju, li hija intitolata tadotta regolamenti li jistgħu jaffettwaw l-attivitajiet tal-aġenti, sakemm dawn isegwu għan ta’ interess ġenerali (68). Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha naturalment teżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-ġurisprudenza humiex, fil-kawża ineżami, issodisfatti għal kull regola jew sett ta’ regoli.

69.      Skont l-ewwel stadju tat-test, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, liema huma l-għanijiet speċifiċi mfittxija mir-regoli inkwistjoni, u jekk dawn l-għanijiet jistħoqqilhomx protezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandi nosserva li, f’din il-proċedura, il-FIFA tinvoka diversi interessi bħala allegatament protetti mill-FFAR. Madankollu, dak li huwa importanti hija l-kontribuzzjoni reali ta’ kull regola jew sett ta’ regoli għall-protezzjoni ta’ interess speċifiku wieħed jew iktar fost dawk invokati.

70.      Barra minn hekk, filwaqt li wħud mill-interessi invokati jaqgħu b’mod ċar taħt il-kunċett ta’ “għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali”, għal oħrajn, l-istampa ma hijiex, fil-fehma tiegħi, daqshekk ċara. Sempliċi interess ekonomiku tal-operaturi tas-suq (l-assoċjazzjoni stess, il-klabbs tal-futbol, l-atleti jew l-aġenti) ma jistax, waħdu, jiġġustifika kwalunkwe restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza Meca-Medina. Għandu jkun hemm ċertu interess ġenerali mhux ekonomiku li jew jikkoinċidi mal-interess ekonomiku privat tal-operaturi tas-suq, jew ikun protett flimkien ma’ dan tal-aħħar. Pereżempju, is-salvagwardja tas-saħħa tal-atleti jew il-prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi, frawdolenti jew mhux etiċi (inklużi kunflitti ta’ interess) fir-rigward tal-atleti (b’mod partikolari, atleti żgħażagħ) huma bla dubju għanijiet ta’ interess ġenerali.

71.      Barra minn hekk, sa fejn l-interessi allegatament protetti jippermettu lill-“ekosistema” sportiva tiffunzjona skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 165 TFUE, għan ta’ interess ġenerali jista’ wkoll jiġi rrikonoxxut. Pereżempju, il-preżervazzjoni tal-istabbiltà kuntrattwali tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun waħda minn dawn l-għanijiet (69). Madankollu, probabbilment għandi bżonn spjegazzjoni ddettaljata għaliex l-għanijiet fformulati b’mod kemxejn vag (bħall-“garanzija tal-kwalità tas-servizzi li l-aġenti tal-plejers jipprovdu lill-klijenti tagħhom”), jew li tassew jistgħu jkunu problematiċi f’ċerti aspetti (bħal “titjib fit-trasparenza finanzjarja u amministrattiva” (70)), għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala li huma ta’ interess ġenerali.

72.      Skont it-tieni stadju tat-test, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk ir-regoli inkwistjoni kinux ġenwinament neċessarji sabiex jipproteġu l-interess ġenerali invokat. Dan jinvolvi l-verifika, prinċipalment, ta’ tliet aspetti strettament relatati, jiġifieri jekk ir-regoli inkwistjoni (i) ġewx adottati b’reazzjoni għal ħtieġa oġġettiva li jiġu segwiti ċerti għanijiet; (ii) ġenwinament jirriflettux it-tħassib li jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu b’mod koerenti; u (iii) humiex xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, li jfisser li jidhru li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-kisba tagħhom.

73.      Sabiex nagħti eżempju, jekk ir-regoli inkwistjoni jkunu raġonevolment neċessarji (71) sabiex jiġi żgurat li l-aġenti jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-aħjar interess tal-klijenti tagħhom (u għalhekk ma humiex indebitament influwenzati minn offerti li huma ta’ interess finanzjarju għalihom, iżda mhux neċessarjament fl-interess tal-klijenti tagħhom), jew sabiex jiġi żgurat ċertu grad ta’ livell ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn it-timijiet meta jiffirmaw plejers ġodda (billi b’hekk tiġi evitata s-saħħa ta’ “xerrej” eċċessiva tat-timijiet l-iktar sinjuri), fil-fehma tiegħi, ir-regoli inkwistjoni jkunu aċċettabbli. Naturalment, dan ma jkunx il-każ jekk dawn ir-regoli jkollhom l-għan, l-ewwel u qabel kollox, li jillimitaw l-ispejjeż li l-klabbs għandhom iħallsu fir-rigward tas-servizzi tal-aġenti.

74.      Bl-applikazzjoni tat-tielet u l-aħħar parti tal-kriterju Meca-Medina, il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha bżonn tiffoka, b’mod partikolari, fuq żewġ aspetti, jiġifieri jekk (i) jeżistux miżuri oħra li, filwaqt li jkunu wkoll adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, ikunu wkoll inqas restrittivi għall-kompetizzjoni; u (ii) ir-regoli inkwistjoni jkollhomx riperkussjoni eċċessiva fuq il-libertajiet ekonomiċi tal-aġenti.

75.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li r-regoli inkwistjoni għandhom għan antikompetittiv, jew għandhom effetti restrittivi u ma jissodisfawx il-kriterju Meca-Medina, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE tistax tingħata għal parti minn dawn ir-regoli jew għalihom kollha. Skont l-Artikolu 101(3) TFUE, għandhom jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi (72).

76.      L-ewwel, għandu jintwera, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li l-akkordju inkwistjoni jippermetti li tinkiseb żieda fl-effiċjenza, billi jikkontribwixxi għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku. It-tieni, għandu jntwera, bl-istess grad ta’ probabbiltà, li parti ekwa tal-profitt li jirriżulta minn din iż-żieda fl-effiċjenza hija rriżervata għall-utenti. It-tielet, l-akkordju inkwistjoni ma għandux jimponi fuq l-impriżi parteċipanti restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli sabiex tinkiseb tali żieda fl-effiċjenza. Ir-raba’, dan l-akkordju ma għandux jagħti lill-impriżi parteċipanti l-opportunità li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva għal parti sostanzjali tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

77.      Peress li l-qorti tar-rinviju ma tqajjem ebda kwistjoni speċifika skont l-Artikolu 101(3) TFUE, ser nindirizzah b’mod konċiż, billi nagħmel żewġ rimarki.

78.      L-ewwel rimarka tiegħi tikkonċerna d-diversi kundizzjonijiet li akkordju għandu jissodisfa skont il-ġurisprudenza Meca-Medina u l-Artikolu 101(3) TFUE. Diskussjoni sħiħa dwar is-suġġett affaxxinanti, għalkemm kumpless, tkun teħtieġ diskussjoni twila li ma hijiex neċessarja fil-kawża ineżami. Għalhekk, jiena ser nikkondividi biss il-ħsibijiet li ġejjin.

79.      Minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-ġurisprudenza Meca-Medina huwa iktar ristrett minn dak tal-Artikolu 101(3) TFUE: filwaqt li akkordju jista’ jiġi ġġustifikat skont l-ewwel wieħed biss sa fejn ikollu interess leġittimu ta’ interess ġenerali u jiġi miftiehem fi ħdan assoċjazzjonijiet professjonali jew sportivi li l-attivitajiet awtoregolatorji tagħhom ikunu rrikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi, dawn ir-rekwiżiti ma jinsabux fl-Artikolu 101(3) TFUE. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk applikabbli wkoll għall-akkordji bejn impriżi li jfittxu biss għanijiet ta’ natura ekonomika u privata (73).

80.      Dan jispjega għaliex, min-naħa l-oħra, jeżistu kundizzjonijiet iktar stretti skont l-Artikolu 101(3) TFUE, u r-rekwiżiti tal-prova marbuta miegħu huma, f’ċerti aspetti, ogħla (74). Peress li ma hemm ebda interess ġenerali assoċjat mal-akkodrju inkwistjoni, id-dgħufija tal-kompetizzjoni f’suq ma tistax tiġi ġġustifikata sakem l-impriżi kkonċernati ma jipprovawx b’tali mod li jilħqu l-istandard meħtieġ, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ żieda fl-effiċjenza, u li parti mill-benefiċċji hekk prodotti tiġi mgħoddija lill-utenti.

81.      Fil-kawża ineżami, dan ifisser li l-FIFA setgħet tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE fir-rigward tar-regoli tal-FFAR li – kif spjegat fil-punt 70 iktar ’il fuq – ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni Meca-Medina għaliex l-għanijiet imfittxija huma biss fl-interess tal-operaturi tas-suq ikkonċernati.

82.      It-tieni rimarka tiegħi tikkonċerna ċerti rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE li fir-rigward tagħhom ma nistax naqbel kompletament mal-fehmiet tal-Kummissjoni.

83.      L-ewwel, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li eżenzjoni tista’ tingħata fil-każ ta’ akkordji “li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku”. Fil-kawża ineżami, dan ifisser li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ir-regoli inkwistjoni (i) jipproduċux żieda fl-effiċjenza fis-suq, pereżempju billi jippermettu lill-klabbs tal-futbol jiksbu sinerġiji jew jiffrankaw l-ispejjeż, li parti sostanzjali minnhom imbagħad tiġi mgħoddija lill-utenti; jew (ii) jiżgurawx l-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjonijiet u l-logħob, għall-benefiċċju dirett tal-konsumaturi li jistgħu jgawdu minn avvenimenti sportivi ta’ kwalità aħjar (75).

84.      Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar jekk ċerti żidiet fl-effiċjenza li r-regoli inkwistjoni jistgħu jipproduċu jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE, sa fejn dawn ftit li xejn ikunu “kwantifikabbli”, kif jeżiġi l-punt 196 tas-sentenza Superleague. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal-Linji Gwida tagħha tal‑2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, li jindikaw ċertu tibdil fl-interpretazzjoni ta’ din l-istituzzjoni tat-tipi ta’ benefiċċji li jistgħu jiġġustifikaw eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Filwaqt li qabel il-“modernizzazzjoni” tar-regoli proċedurali fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kienet taċċetta b’mod konsistenti li l-benefiċċji mhux ekonomiċi setgħu jiġu koperti minn din id-dispożizzjoni (76), hija ddeċidiet fl‑2004 li dan ma kienx se jibqa’ possibbli u li – sa fejn naf jien – kienu biss il-benefiċċji ekonomiċi diretti li kienu ser ikunu aċċettabbli.

85.      F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li (i) il-Kummissjoni qiegħda tinterpreta b’mod żbaljat il-punt 196 tas-sentenza Superleague u (ii) l-approċċ adottat fil-Linji Gwida tal‑2004 tagħha jista’ jkun strett wisq.

86.      L-ewwel, jidhirli li l-Kummissjoni tinterpreta t-terminu “kwantifikabbli” indipendentement mill-kuntest tiegħu. Din is-silta tas-sentenza ma timplikax li l-impriżi li jinvokaw iż-żieda fl-effiċjenza għandhom ikunu f’pożizzjoni li jikkwantifikawha bi preċiżjoni (pereżempju fil-forma ta’ valur monetarju). Dan spiss jista’ jkun diffiċli, jekk mhux impossibbli. Fil-fatt, l-istima tal-valur ekonomiku futur ta’ titjib partikolari fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tista’ kultant tkun diffiċilment prevedibbli u għalhekk spekulattiva. A fortiori, meta ż-żieda fl-effiċjenza tirriżulta minn miżuri li jiffavorixxu l-progress tekniku jew ekonomiku, jista’ jkun kompletament impossibbli li dan il-progress jiġi tradott f’valur monetarju preċiż.

87.      Skont l-interpretazzjoni tiegħi, f’din is-silta tas-sentenza Superleague, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tgħid li allegazzjonijiet vagi, mhux issostanzjati jew sempliċement spekulattivi ta’ żieda fl-effiċjenza ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-partijiet għandhom jidentifikaw it-tip ta’ żieda b’livell suffiċjenti ta’ preċiżjoni, jispjegaw kif se jtejbu s-suq, u jistabbilixxu, permezz ta’ raġunament u/jew evidenza xierqa, li din hija reali u ta’ daqs sinjifikattiv (77). Fil-fatt, teżisti ġurisprudenza stabbilita fuq dan il-punt (78) u l-Kummissjoni tindika hija stess fil-Linji Gwida tagħha li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom juru li ż-żiediet fl-effiċjenza invokati għandhom ikunu “oġġettivi, konkreti u verifikabbli” (79). Inkella, ma narax kif l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar meħtieġ mill-Artikolu 101(3) TFUE. Għalkemm dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar ma jaqax taħt sempliċi kontabbiltà aritmetika jew finanzjarja, huwa madankollu jeżiġi l-ibbilanċjar ta’ diversi vantaġġi li għandhom – b’mod ġenerali – ċertu aspett ta’ natura ekonomika.

88.      Lanqas ma jien konvint mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tip ta’ vantaġġi li jistgħu jiġu aċċettati skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Jidhirli li dan l-approċċ jikkontradixxi mhux biss il-prassi preċedenti tagħha, iżda – fuq kollox – il-kliem tat-Trattat u ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

89.      Fil-fatt, l-Artikolu 101(3) TFUE jiddistingwi bejn it-“[titjib fil-] produzzjoni jew fid-distribuzzjoni ta’ prodotti” u l-“[promozzjoni tal-] progress tekniku jew ekonomiku”. L-espressjoni “progress ekonomiku” li tinsab fl-Artikolu 101(3) TFUE ma tistax tinqara bħala sinonimu ta’ “tkabbir ekonomiku” jew ta’ “ġid”. L-Artikolu 3(3) TUE jirreferi għall-għan tal-Unjoni li “tistabbilixxi suq intern [...] [li] għand[u] [j]aħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent. H[uwa] għand[u] [j]ippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku” (80). Bl-użu ta’ metafora bażika, ngħid li l-“progress” – minn perspettiva tas-suq intern u tal-kompetizzjoni – ma huwiex biss it-tkabbir fid-daqs tal-kejk, iżda jista’ wkoll ikun it-titjib tal-kwalità tal-kejk, billi l-kejk jitqassam b’mod iktar ġust jew billi jiġi żgurat li kejk tal-istess togħma tajba jista’ wkoll jinħema fil-futur prevedibbli.

90.      Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni jidher inkonsistenti ma’ dak adottat mill-awturi tat-Trattati fir-rigward tal-moviment liberu (81) u l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lil dawn id-dispożizzjonijiet (82). Filwaqt li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu, li, bħala prinċipju, huma pprojbiti, jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet mhux ekonomiċi, ikun assurd li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni qatt ma jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati għall-istess raġunijiet. F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li, kif jistabbilixxi l-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, is-suq intern iddefinit fl-Artikolu 3 TUE jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. Għalhekk, għalkemm kull wieħed minn dawn iż-żewġ settijiet ta’ regoli għandu għan proprju u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni speċifiċi tiegħu stess (83), dawn huma żewġ komponenti tal-istess proġett ġuridiku (84), u għalhekk ikun loġiku li jkun hemm qafas ta’ analiżi paragunabbli, b’tali mod li, f’każijiet konkreti, jistgħu jiġu evitati riżultati paradossali (85).

91.      Naqbel għal kollox ma’ dawk li jsostnu li l-analiżi tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi mmanipulata sabiex jintlaħqu għanijiet politiċi (pereżempju, għanijiet ta’ politika industrijali) u lanqas imniġġsa minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi (pereżempju, l-ekwità tal-aġir tal-impriżi). Dan ikun każ fejn tiġi injorata l-loġika ta’ dan il-korp ta’ liġijiet u jagħmel l-analiżi ġuridika imprevedibbli, imprattikabbli u mhux trasparenti, jekk mhux kompletament ippreġudikata. Madankollu, ir-rikonoxximent li l-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni libera u mhux distorta jeżisti flimkien u għandu jiġi rrikonċiljat ma’ għanijiet oħra ta’ valur ugwali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa xi ħaġa kompletament differenti. Meta l-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE jiġu ssodisfatti – li waħda minnhom teżiġi, kif spjegat, ċertu riperkussjoni ekonomika pożittiva fuq is-suq rilevanti (jew fuq is-swieq relatati) – l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, irrispettivament min-natura tal-benefiċċju inkwistjoni.

92.      L-approċċ strett tal-Kummissjoni jidher ukoll inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita. Fil-kawża Metro magħrufa sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, b’mod pjuttost ċar, li “s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont [l-Artikolu 101(3) TFUE] juru li r-rekwiżiti għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva jistgħu jiġu rrikonċiljati mas-salvagwardja ta’ għanijiet ta’ natura differenti u li, għal dan l-għan, ċerti restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma ammissibbli [...]” (86) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma narax fejn ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja annullat din id-dikjarazzjoni ċara ta’ prinċipju (87).

93.      Għal darba oħra, analiżi ddettaljata tal-kwistjoni ma tidhirx li hija neċessarja għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma intiżi sabiex jispjegaw għaliex inqis li vantaġġi ta’ natura mhux ekonomika, sakemm ikollhom riperkussjoni pożittiva tanġibbli fuq is-swieq rilevanti, jew fuq is-swieq strettament marbuta magħhom (88), jistgħu jkunu rilevanti wkoll skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

94.      Konsegwentement, inqis li, pereżempju, li l-għanijiet ta’ evitar ta’ frodi, kunflitti ta’ interess jew sfruttament abbużiv ta’ atleti żgħażagħ huma għanijiet li bla dubju jikkontribwixxu għat-titjib tal-funzjonament ġenerali tal-ekosistema tal-futbol, b’riperkussjonijiet pożittivi fuq is-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Huwa ċar ħafna li l-integrità u l-akkontabbiltà reċentement saru tħassib kbir għall-industrija tal-isport (89) u li ħafna skandli għamlu ħsara serja lill-immaġni tal-assoċjazzjonijiet sportivi (90). Ikun immatur li wieħed jaħseb li dawn l-avvenimenti ma għandhom l-ebda impatt fuq l-interess tal-konsumaturi, tal-partitarji u tax-xandara li jiffinanzjaw l-isport u r-rieda tagħhom li jagħmlu dan (91).

95.      Fl-aħħar, it-terminu “konsumaturi”, użat fl-Artikolu 101(3) TFUE, fil-kawża ineżami dan it-terminu għandu, naturalment, jikkorrispondi l-ewwel u qabelxejn mal-partitarji: dawk li finalment jiffinanzjaw is-sistema, b’mod partikolari, billi jixtru l-biljetti tal-logħob, merkanzija uffiċjali jew servizzi oħra pprovduti mill-klabbs tal-futbol, u servizzi ta’ xandir. Madankollu, dan it-terminu ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv wisq, fis-sens li jkopri biss il-konsumaturi finali (92). Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 101(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss irreferiet għall-“utenti”, pereżempju meta enfasizzat il-ħtieġa, għall-partijiet li jinvokaw din id-dispożizzjoni, li juru li l-miżuri inkwistjoni jirriżultaw f’vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi għad-diversi kategoriji ta’ utenti involuti, u b’hekk jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati fuq il-livell tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti. Pereżempju, fis-sentenza Superleague, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-utenti bħala “li huma, b’mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol, il-klabbs professjonali jew tad-dilettanti, il-plejers professjonali jew dilettanti, il-plejers żgħażagħ kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, il-konsumaturi, kemm jekk huma spettaturi jew telespettaturi” (93). Għal dan l-għan, il-benefiċċji għat-tipi differenti ta’ utenti jistgħu jitqiesu flimkien meta jiġu bbilanċjati mal-effetti restrittivi prodotti (94).

3.      Ir-regoli dwar il-liċenzja bħala aġent

96.      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-regoli dwar il-liċenzja bħala aġent fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, l-osservazzjonijiet tiegħi huma dawn li ġejjin.

97.      Qabelxejn, ma huwiex ikkontestat li, fis-soċjetà tal-lum, diversi professjonijiet differenti jeħtieġu li l-fornituri ta’ servizzi jiksbu liċenzja jew ċertifikazzjoni mill-korp (normalment) awtoregolatorju tal-professjoni (li jista’ jkun pubbliku jew privat). Għal dan l-għan, il-kandidat irid juri li jissodisfa ċerti kriterji u/jew għandu jsegwi xi taħriġ ad hoc u/jew jgħaddi minn eżami jew test speċifiċi. Huwa wkoll pjuttost normali li, f’dan il-kuntest, il-fornitur ta’ servizzi jintrabat josserva r-regoli maħruġa mill-assoċjazzjoni u li jkun suġġett għal ċerti sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli (95). Dan huwa l-każ, bil-kundizzjoni li dawn is-sanzjonijiet ikunu oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji u li l-impożizzjoni tagħhom tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv (96).

98.      Dokument ta’ politika reċenti tal-OECD jenfasizza li l-firxa ta’ professjonijiet li għalihom hija meħtieġa liċenzja reċentement ġiet estiża u, f’ċerti ġurisdizzjonijiet, tista’ tirrappreżenta sa 30 % tal-impjieg ġenerali. Ir-rekwiżiti tal-liċenzjar spiss jiġu stabbiliti permezz ta’ atti leġiżlattivi jew atti regolatorji pubbliċi oħra. Madankollu, l-attività awtoregolatorja mwettqa mill-assoċjazzjonijiet privati nfushom għandha wkoll rwol importanti f’dan il-qasam. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dawn is-sistemi huma prinċipalment relatati ma’ asimmetriji fl-informazzjoni (jiġifieri, il-klijenti fil-biċċa l-kbira ma jkunux jistgħu jevalwaw il-kwalità tas-servizz mitlub mill-fornitur), mal-esternalitajiet (jiġifieri, il-provvisti tas-servizz inkwistjoni jistgħu joħolqu esternalitajiet negattivi għal partijiet terzi li għandhom jiġu evitati jew minimizzati), jew mal-protezzjoni tal-oġġetti pubbliċi (jiġifieri, is-servizzi jipproduċu jew jaffettwaw ċertu interess pubbliku li jeħtieġ li jiġi żgurat ċertu livell ta’ kwalità u kwantità tal-provvista) (97).

99.      Sa fejn ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar jirriżultaw minn regolamenti maħruġa minn assoċjazzjonijiet professjonali jew sportivi ta’ natura privata (u għalhekk ma humiex imputabbli lill-Istat), jidhirli li huwa relattivament ċar li dawn ir-rekwiżiti jistgħu, f’ċerti każijiet, jipproduċu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni minħabba li jillimitaw id-dħul fis-suq. Dan huwa l-każ sakemm ir-regolamenti ma jirrikjedux sforzi u kostijiet minimi biex tinkiseb il-liċenzja, u jiġu applikati b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju. Fil-fatt, f’każijiet bħal dawn, wieħed jista’ jsostni li l-effett fuq il-kompetizzjoni ma huwiex sinjifikattiv.

100. Minkejja dan, regolamenti simili jistgħu wkoll jitqiesu li għandhom għan antikompetittiv? Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni hija iktar kumplessa, prinċipalment għal żewġ raġunijiet: (i) kif spjegat iktar ’il fuq, ir-raġuni għal dawn ir-regolamenti spiss hija li jiġu indirizzati ċerti fallimenti tas-suq, bl-għan li jiġu protetti l-konsumaturi, is-sigurtà pubblika jew ċerti oġġetti komuni; u (ii) il-kapaċità tagħhom li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-aċċess għas-suq (u sa liema punt dan jista’ jseħħ) tvarja b’mod konsiderevoli, l-iktar skont x’inhuma r-rekwiżiti għal liċenzja u kif jaħdem il-proċess tal-liċenzjar (98).

101. Fir-Rapport tagħha tal‑2004 dwar il-kompetizzjoni f’servizzi professjonali, il-Kummissjoni kitbet, inter alia: (i) “ir-restrizzjonijiet kwalitattivi fuq id-dħul, flimkien ma’ drittijiet riżervati, jiżguraw li l-prattikanti bi kwalifiki u kompetenzi xierqa biss jistgħu jwettqu ċerti kompiti [u] b’hekk jistgħu jagħtu kontribut importanti biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi professjonali”; (ii) “regolamentazzjoni eċċessiva tal-liċenzjar x’aktarx tnaqqas il-provvista tal-fornituri tas-servizzi, b’konsegwenzi negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kwalità tas-servizz”; (iii) “ir-regolamenti dwar il-liċenzjar jistgħu, f’xi każijiet, ikunu eċċessivament restrittivi [...] u li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn laxkar tar-regoli eżistenti”; u (iv) “jista’ jkun possibbli li jitnaqqsu l-kundizzjonijiet tad-dħul f’każijiet fejn dawn jidhru sproporzjonati meta mqabbla mal-kumplessità tal-kompiti tal-professjoni” (99).

102. Jiena tal-fehma li dawn il-kunsiderazzjonijiet – li jidhru pjuttost raġonevoli – jikkorrispondu fil-parti l-kbira mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qrati tal-Unjoni meta huma kellhom jistħarrġu regolamenti privati li, permezz ta’ rekwiżiti ta’ liċenzjar jew permezz ta’ miżuri ekwivalenti oħra, setgħu jillimitaw l-aċċess għal suq ta’ servizzi (100). Il-ġurisprudenza tindika li n-natura antikompetittiva ta’ tali sistemi tiddependi prinċipalment fuq l-għan u d-disinn speċifiċi tagħhom. Hemm raġuni ġenwina u oġġettiva (u mhux antikompetittiva per se) li tispjega għaliex hija meħtieġa sistema ta’ liċenzjar għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari? Is-sistema taħdem b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju? Is-sistema tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni? Dawn huma l-kwistjonijiet li l-qrati tal-Unjoni ffokaw prinċipalment fuqhom f’dawn il-kawżi. B’mod ċar, hija meħtieġa iktar kawtela fl-evalwazzjoni meta l-assoċjazzjoni nnifisha toffri prodotti jew servizzi fis-suq li fih taġixxi bħala gwardjan. F’dan il-każ, ir-regolamenti tal-assoċjazzjonijiet jista’ jkollhom l-effett li jirriżervaw parti sinjifikattiva tas-suq għalihom innifishom, jew li jiddiskriminaw kontra l-kompetituri reali jew potenzjali, u b’hekk jipproteġu l-monopolju de facto tagħhom (101).

103. Konsegwentement, ma naħsibx li kull sett ta’ regoli privati li jimponu l-għoti ta’ liċenzja għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari jista’ jitqies, prima facie, li għandu għan antikompetittiv. Kollox jiddependi mill-kontenut, mill-kuntest u mill-għanijiet tas-sistema stabbilita. Fi kliem ieħor, ma narax kategorija ċara u ddefinita sew ta’ regolamenti dwar il-liċenzjar li n-natura dannuża tagħhom hija magħrufa sew jew ġeneralment aċċettata. Jew, fi kwalunkwe każ, ma nistax nikklassifika r-regoli inkwistjoni taħt kategorija speċifika u omoġenja ta’ aġir li l-esperjenza tgħidilna li huwa intrinsikament antikompetittiv. Din hija r-raġuni għaliex il-fehma preliminari tiegħi hija li r-regoli inkwistjoni ma għandhomx għan antikompetittiv.

104. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tistabbilixxi li dawn ir-regoli manifestament ma kinux neċessarji, peress li ma kien hemm ebda interess ġenerali li ġenwinament kien jeżiġi tali livell ta’ protezzjoni (102) u li l-adozzjoni tagħhom kienet (unikament jew prinċipalment) dovuta għar-rieda tal-operaturi tas-suq involuti (klabbs tal-futbol u/jew aġenti nnifishom) li jillimitaw l-għadd ta’ professjonisti attivi fis-suq tas-servizzi tal-aġenti.

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li r-regoli inkwistjoni ma għandhomx għan antikompetittiv, iżda jistgħu jipproduċu ċerti effetti restrittivi fuq suq rilevanti, hija mbagħad trid tivverifika jekk dawn ir-regoli jistgħux jiġu ġġustifikati skont il-ġurisprudenza Meca-Medina. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli inkwistjoni jistgħu wkoll ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

106. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ stadji tal-analiżi, ma għandix ħafna x’inżid ma’ dak li semmejt iktar ’il fuq. Ser nillimita ruħi biex infakkar li, fost ir-regoli tar-Regolamenti tal-FIFA dwar l-aġenti tal-plejers (fis-seħħ dak iż-żmien) li l-Qorti Ġenerali kellha tistħarreġ fil-kawża Piau, waħda minnhom kienet tobbliga lill-aġenti jiksbu liċenzja maħruġa mill-assoċjazzjoni nazzjonali kompetenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li (i) tali regola twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-effett” skont (dak li issa huwa) l-Artikolu 101(1) TFUE; u (ii) il-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti ma kinitx eliminata mis-sistema ta’ liċenzji. Din is-sistema stabbilixxiet mekkaniżmu li, skont il-Qorti Ġenerali, “[wassal] għal għażla ta’ kwalità, li hija adattata sabiex tilħaq l-għan li jogħlew l-istandards professjonali ta’ l-attività ta’ aġent tal-plejers, aktar milli għal restrizzjoni kwantitattiva għall-aċċess għal din l-attività” (103). Fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-proċess, ma neskludix il-possibbiltà li kunsiderazzjonijiet simili jistgħu, mutatis mutandis, ikunu validi wkoll fil-kawża ineżami.

4.      Ir-regoli dwar ir-rappreżentazzjoni multipla

107. Ir-regoli dwar ir-rappreżentanza multipla – li jeskludu r-rappreżentanza tripla tal-aġenti (plejer, klabb li jingaġa u klabb li jirrilaxxa) u ċerti rappreżentazzjonijiet doppji (plejer u klabb li jirrilaxxa, jew klabb li jirrilaxxa u klabb li jingaġġa) fi tranżazzjonijiet – jidhru, sa fejn nista’ nara jien, intiżi sabiex jevitaw kunflitt ta’ interess li jista’ jkun ta’ ħsara għall-partijiet involuti, u b’mod partikolari għall-atleti, li jistgħu jkunu inqas informati u viġilanti mill-klabbs tal-futbol. Dan jissuġġerixxi li r-regoli inkwistjoni ma humiex, prima facie, restrittivi għall-kompetizzjoni minħabba l-għan u – jekk kienu restrittivi minħabba l-effett, li fil-fatt huwa possibbli (104) – jistgħu probabbilment jiġu ġġustifikati skont il-ġurisprudenza Meca-Medina, jew eżentati skont l-Artikolu 101(3) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet rispettivi jiġu ssodisfatti.

108. Jiena naħseb li, fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni essenzjali għall-qorti tar-rinviju tkun li tivverifika jekk jeżistux miżuri alternattivi inqas restrittivi għall-kompetizzjoni (bħal obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni impost fuq l-aġenti u ta’ ksib ta’ kunsens bil-miktub mill-partijiet inkwistjoni) filwaqt li jkunu wkoll effettivi. Il-kwistjoni tidher li hija s-suġġett ta’ ċertu dibattitu (105). Jekk wieħed jikkunsidra li l-argumenti taż-żewġ partijiet għandhom l-istess valur, b’mod ġenerali, inkun inklinat li nħalli ċertu marġni ta’ manuvra lill-assoċjazzjonijiet sportivi, għar-raġunijiet indikati fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON (dwar il-ġurisprudenza Meca-Medina) u fil-punti 83 sa 94 iktar ’il fuq (dwar l-Artikolu 101(3) TFUE).

5.      Ir-regola dwar l-ikkuntattjar

109. Fir-rigward tar-regola dwar l-ikkuntattjar, jidhirli li – kif isostnu kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni – din hija intrinsikament antikompetittiva. Fil-fatt, din hija intiża sabiex tipprekludi lill-aġenti milli joffru s-servizzi tagħhom lil ċerti kategoiji ta’ klijenti ġodda potenzjali: dawk li diġà huma ingaġġati ma’ aġent ieħor fuq bażi esklużiva, sakemm ma jkunux jinsabu fl-aħħar xahrejn tal-kuntratt pendenti.

110. Ma naħsibx li jista’ jkun hemm ħafna dubji dwar il-fatt li kemm l-għan kif ukoll l-effett ta’ tali regola huma antikompetittivi. Lanqas ma smajt, min-naħa tal-partijiet, xi spjegazzjoni konvinċenti dwar ir-raġunijiet li għalihom tali regola setgħet tiġi ġġustifikata skont il-ġurisprudenza Meca-Medina jew eżentata skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

111. Fi kwalunkwe każ, ma nara l-ebda għan leġittimu ta’ interess ġenerali segwit mir-regola inkwistjoni. Sabiex tiġġustifika din ir-regola, il-FIFA tinvoka l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istabbiltà kuntrattwali. Madankollu, jidhirli li dan huwa interess ta’ natura ekonomika u purament privata. Filwaqt li ċerta stabbiltà tal-kuntratti bejn il-plejers u l-klabbs hija essenzjali sabiex tiġi żgurata r-regolarità tal-kompetizzjonijiet (106), niddubita li l-istess loġika tista’ tiġi applikata wkoll għall-kuntratti bejn l-aġenti u l-plejers jew il-klabbs. Bl-istess mod, ma huwiex ċar għalija x’ikunu ż-żidiet fl-effiċjenza li r-regola inkwistjoni tiġġenera fis-suq, li jistgħu jikkumpensaw għall-effetti antikompetittivi prodotti.

6.      Ir-regoli dwar is-sottomissjoni u l-iżvelar tal-informazzjoni

112. Fihom infushom, ir-regoli dwar is-sottomissjoni u l-iżvelar tal-informazzjoni ma jidhrux li huma partikolarment problematiċi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, ħlief jekk il-qorti tar-rinviju kellha tivverifika – kif spjegat fil-punti 171 u 187 iktar ’il quddiem – li, minħabba n-natura tal-informazzjoni kummerċjali kondiviża bejn l-aġenti li huma kompetituri reali jew potenzjali, dan jista’ jwassal għal ċerta forma ta’ kollużjoni bejniethom (107).

113. Sabiex nikkonkludi dwar l-Artikolu 101 TFUE, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kompatibbiltà tar-regoli inkwistjoni ma’ din id-dispożizzjoni tiddependi prinċipalment mill-kwistjoni dwar jekk effetti antikompetittivi sinjifikattivi ta’ dawn ir-regoli jistgħux jiġu ġġustifikati skont il-ġurisprudenza Meca-Medina, jew eżentati skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

D.      L-Artikolu 102 TFUE

114. It-tieni kwistjoni mqajma mid-domanda preliminari tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ regolamenti bħall-FFAR mal-Artikolu 102 TFUE.

115. Fis-sentenza Superleague, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-Artikolu 102 TFUE huwa “applikabbli għal kull entità li teżerċita attività ekonomika u li għandha, bħala tali, tiġi kklassifikata bħala impriża, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha”. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk applikabbli wkoll “għal entitajiet li huma kkostitwiti fil-forma ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom bħala għan, skont l-istatuti tagħhom, l-organizzazzjoni u l-kontroll ta’ sport partikolari, sa fejn dawn l-entitajiet jeżerċitaw attività ekonomika relatata ma’ dan l-isport, billi joffru oġġetti jew servizzi, u sa fejn għandhom jiġu kklassifikati, f’dan ir-rigward, bħala ‘impriżi’” (108) Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-FIFA “għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll fl-isfruttament tad-diversi drittijiet marbuta ma’ dawn il-kompetizzjonijiet” (109) (iktar ’il quddiem is-“swieq iddominati”).

116. Mis-sentenza Superleague, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita sew, jirriżulta li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi mhux biss lill-impriżi milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom fis-suq b’mod abbużiv fis-swieq iddominati jew fis-swieq l-oħra li fihom huma jistgħu jkunu attivi, iżda wkoll fi swieq oħra relatati jew ġirien li fihom huma ma joperawx (110), bħal dawk eżistenti b’mod axxendenti jew b’mod dixxendenti fir-rigward tas-swieq iddominati (111).

117. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa pjuttost ċar li, bl-adozzjoni ta’ regolamenti bħall-FFAR, il-FIFA tidher li tista’ tisfrutta s-setgħa tagħha fis-suq fis-swieq iddominati sabiex tinfluwenza l-mod li bih isseħħ il-kompetizzjoni f’żewġ swieq marbuta magħhom: is-suq tas-servizzi tal-aġenti (li fih jikkompetu l-aġenti), u s-suq tat-trasferiment tal-plejers (li fih jikkompetu l-klabbs tal-futbol) (iktar ’il quddiem is-“swieq konnessi”).

118. B’mod partikolari, il-FFAR jiddeterminaw min jidħol fis-suq tas-servizzi tal-aġenti (permezz tar-regoli dwar il-liċenzjar) u kif l-aġenti jistgħu u ma jistgħux jikkompetu ma’ xulxin (pereżempju, meta jkunu jistgħu jwettqu kuntatti biex jirreklutaw klijenti ġodda). Barra minn hekk, ir-regolazzjoni tal-attività tal-aġenti neċessarjament taffettwa s-suq dixxendenti tat-trasferiment tal-plejers, peress li l-aġenti huma attur ewlieni f’dan is-suq, fejn jistgħu jeżerċitaw influwenza sinjifikattiva fuq jekk plejers jiċċaqilqux minn klabb għall-ieħor u b’liema mod.

119. Madankollu, ir-regoli inkwistjoni jagħtu lok għall-abbużi allegati? Fil-fehma tiegħi, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti risposta definittiva għal din id-domanda. Madankollu, sabiex nassisti lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha, issa ser nippreżenta xi kunsiderazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

120. Qabelxejn, għandi nippreċiża li jidhirli li huwa kemxejn diffiċli li ssir evalwazzjoni relattivament iddettaljata tal-kwistjoni dwar jekk id-diversi regoli inkwistjoni jistgħux jagħtu lok għal abbuż minn pożizzjoni dominanti, peress li t-teorija tad-dannu li jirriżulta mill-abbużi allegati xi drabi tibqa’ mhux ċara sa ċertu punt. Essenzjalment, il-kwistjonijiet imqajma skont l-Artikolu 102 TFUE fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u dawk diskussi mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom jikkorrispondu għal dawk imqajma u diskussi skont l-Artikolu 101 TFUE. Dan iwassalni wkoll sabiex nistaqsi x’jista’ jkun il-valur miżjud ta’ evalwazzjoni tar-regoli inkwistjoni skont l-Artikolu 102 TFUE.

121. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma tal-fehma li r-regolamenti inkwistjoni għandhom kemm ċerti effetti ta’ sfruttament kif ukoll ċerti effetti ta’ esklużjoni. Jekk nifhem korrettament l-argumenti tagħhom, l-allegati effetti antikompetittivi tar-regoli inkwistjoni, mill-perspettiva tal-Artikolu 102 TFUE, huma dawn li ġejjin.

122. L-effetti ta’ sfruttament jirriżultaw mill-fatt li wħud mir-regoli inkwistjoni (bħal dawk relatati mar-remunerazzjoni, u mas-sottomissjoni u mal-iżvelar ta’ informazzjoni) jimponu fuqhom kundizzjonijiet kummerċjali inġusti. B’mod partikolari, kieku l-affarijiet jitħallew għall-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni – isostnu – l-aġenti jkunu liberi li jitolbu onorarji ogħla lill-klijenti tagħhom jew li jikkalkolawhom fuq il-bażi ta’ parametri differenti. Ir-regoli inkwistjoni, fil-fehma tagħhom, jippenalizzaw eċċessivament lill-aġenti, peress li ma jiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kwalità u l-importanza tas-servizzi li huma jipprovdu.

123.  L-effetti ta’ esklużjoni jkunu, minflok, il-konsegwenza tal-fatt li wħud mir-regoli inkwistjoni jillimitaw il-mod li bih l-aġenti jistgħu jaċċessaw is-suq tas-servizzi tagħhom u jikkompetu fih (bħal dawk dwar il-liċenzjar, ir-rappreżentazzjoni multipla u l-ikkuntattjar), u regoli oħra jillimitaw il-mod li bih il-klabbs jikkompetu fis-suq tat-trasferimenti (bħar-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti).

124.  L-abbużi ta’ sfruttament u ta’ esklużjoni huma kemxejn differenti f’dak li jirrigwarda n-natura tagħhom u l-mod li bih huma ta’ ħsara għall-konsumaturi.

1.      Abbuż ta’ sfruttament

125. Fir-rigward tal-abbużi ta’ sfruttament, nixtieq l-ewwel nenfasizza li dawn jeħtieġu analiżi partikolarment prudenti (112). Fil-fatt, fi swieq ħielsa u miftuħa, jidher improbabbli ħafna li jseħħu tali abbużi, peress li normalment jikkorreġu lilhom infushom. Madankollu, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti meta jkun hemm ostakoli kbar għad-dħul, jew meta l-impriża dominanti topera f’sitwazzjoni ta’ monopolju de jure jew de facto (113).

126. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena tal-fehma li l-kriterju bażiku fil-qasam tal-abbuż ta’sfruttament huwa jekk l-impriża dominanti timponix fuq il-klijenti jew il-fornituri tagħha klawżoli kummerċjali li ma għandhom ebda rabta raġonevoli man-natura tat-tranżazzjoni u/jew il-valur tal-prodott jew tas-servizz suġġett għall-kummerċ (114). Tali evalwazzjoni tinvolvi żewġ stadji prinċipali ta’ analiżi.

127. Bħala l-ewwel stadju, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix differenza bejn il-klawżoli kummerċjali imposti mill-impriża dominanti u dawk li kienu jiġu applikati li kieku kien hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq. Din id-differenza għandu jkollha ċerta importanza u taffettwa b’mod negattiv lill-klijenti jew lill-fornituri kkonċernati (115).

128. Fl-affermattiv, it-tieni stadju tal-analiżi jikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk il-klawżoli kummerċjali applikati mill-impriżi dominanti humiex “inġusti”, jew fihom innifishom jew meta mqabbla ma’ prodotti jew servizzi kompetituri suġġetti għall-kummerċ. Huwa f’dan it-tieni stadju tal-analiżi li l-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk teżistix relazzjoni ekonomika raġonevoli bejn il-klawżoli kummerċjali inkwistjoni u t-tranżazzjoni ekonomika sottostanti tikseb is-sens kollu tagħha. Kien neċessarju (jew raġonevoli) li din il-klawżola tiġi inkluża għall-impriża dominanti sabiex jiġi segwit ċertu interess kummerċjali leġittimu? Il-klawżola kienet ġusta, fis-sens li l-effett tagħha fuq il-pożizzjoni tal-klijent jew tal-fornitur ikkonċernat hija proporzjonata mal-għan imfittex mill-impriża dominanti? Dawn huma tipikament uħud mill-kwistjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati f’dan il-kuntest (116). B’mod estremament sempliċi, meta ebda spjegazzjoni leġittima u razzjonali ma tkun tista’ tiġi identifikata għall-inklużjoni ta’ klawżoli kummerċjali li jidhru eżorbitanti jew eċċessivament onerużi għall-klijenti jew għall-fornituri tal-impriża dominanti, dawn il-klawżoli jistgħu jiġu kklassifikati bħala “inġusti”, u konsegwentement abbużivi, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (117).

129. Fir-rigward tal-kawża ineżami, nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet.

130. Minn naħa, huwa diffiċli li jiġi kkontestat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha żewġ karatteristiċi li, kif imsemmi iktar ’il fuq, huma ġeneralment ikkunsidrati li jrendu possibbli abbużi ta’ sfruttament (118). Qabelxejn, jeżistu ostakoli għad-dħul partikolarment għoljin fis-swieq li fihom joperaw l-assoċjazzjonijiet sportivi (bħall-FIFA) (119). Barra minn hekk, l-istatus tagħhom ta’ monopolju de facto f’dawn is-swieq huwa biss sa ċertu punt limitat ir-riżultat ta’ iktar effiċjenza, investiment jew innovazzjoni. Fil-fatt, dan jirriżulta prinċipalment mill-istruttura piramidali tal-industrija sportiva fl-Unjoni. Dan l-istatus ta’ monopolju huwa msaħħaħ iktar mir-rwol ta’ regolatur de facto tal-ekosistema kollha (li għandha swieq iddominati fiċ-ċentru tagħha (120)) imħaddma mill-assoċjazzjonijiet, li huwa magħmul possibbli permezz tal-aċċettazzjoni espliċita jew taċita tal-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali (121).

131. Min-naħa l-oħra, madankollu, fid-dawl tan-natura pjuttost eċċezzjonali tal-abbużi ta’ sfruttament, il-kriterju biex jiġi ddikjarat li klawżola kuntrattwali imposta minn impriża dominanti hija inġusta, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jkun relattivament għoli. Klawżola ma hijiex inġusta sempliċement għaliex il-klijenti jew il-fornituri tal-impriżi dominanti ma kinux jaċċettawha li kieku dawn tal-aħħar ma setgħux jimponuha minħabba l-pożizzjoni monopolistika tagħhom. Kwalunkwe limitazzjoni tal-libertà kuntrattwali lanqas ma hija antikompetittiva. Hemm bżonn ta’ xi ħaġa oħra, kif spjegat iktar ’il fuq. Fuq il-bażi tal-informazzjoni (limitata) inkluża fil-proċess, ma jiniex ċert li xi waħda mir-regoli inkwistjoni hija manifestament eżorbitanti jew eċċessivament oneruża għall-aġenti, minħabba l-loġika sottostanti tagħhom. Fi kwalunkwe każ, din hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

2.      Abbuż ta’ esklużjoni

132. Is-sentenza Superleague (122), flimkien ma’ sentenzi oħra mogħtija fl-istess perijodu (bħal, b’mod partikolari, is-sentenza SEN, is-sentenza Unilever, is-sentenza Google Shopping u s-sentenza Alphabet (123)), ipprovdiet ukoll iktar ċarezza dwar il-kunċett ta’ “abbuż ta’ esklużjoni” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat żewġ elementi tal-analiżi, relatati mal-aġir tal-impriża dominanti: jekk din l-aġir huwiex konformi mal-“kompetizzjoni fuq il-mertu” (jew “mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu bejn l-impriżi”), u jekk huwiex kapaċi jipproduċi effetti ta’ esklużjoni.

133. Diskussjoni ddettaljata dwar in-natura eżatta ta’ dawn l-elementi u r-relazzjoni tagħhom tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-finijiet tal-kawża ineżami, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li s-setgħa tal-assoċjazzjonijiet sportivi li jadottaw regoli li jaffettwaw il-kompetizzjoni f’xi suq rilevanti diffiċilment tista’ titqies bħala l-espressjoni ta’ “kompetizzjoni fuq il-mertu”. Fil-fatt, kif spjegat iktar ’il fuq, din is-setgħa tirriżulta prinċipalment mill-istatus ta’ monopolju de facto tal-assoċjazzjonijiet sportivi fis-swieq iddominati u mir-rwol tagħhom ta’ regolatur de facto tal-ekosistema kollha, li għandha s-swieq iddominati fiċ-ċentru tagħha.

134. Evidentement, dan ma jfissirx li r-regolamenti maħruġa minn assoċjazzjonijiet sportivi għandhom jitqiesu bħala suspettużi, u wisq inqas jiġu preżunti li huma abbużivi. Dan ifisser biss li l-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 102 TFUE għandha tiġi evalwata każ b’każ, bħal forom oħra ta’ aġir (unilaterali) ta’ impriżi dominanti. Bħal fil-każ ta’ forom ta’ aġir multilaterali kopert mill-Artikolu 101(1) TFUE, f’dak li jirrigwarda wkoll il-forom ta’ aġir unilaterali, in-natura antikompetittiva tagħhom tista’ tiġi stabbilita billi jiġi eżaminat l-għan jew l-effetti tal-aġir (124).

135. Huwa minnu li, kuntrarjament għas-sentenza Superleague, meta tirregola s-swieq konnessi, l-assoċjazzjoni sportiva ma taġixxix f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali. Ovvjament, ir-regoli tal-FFAR ma jagħtu l-ebda vantaġġ lill-FIFA meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri reali jew potenzjali.

136. Madankollu, il-fatt li l-FIFA ma hijiex (u ma għandhiex l-intenzjoni li tkun) attiva f’xi wieħed mis-swieq konnessi (125), u li hija entità li ma tipprovax tagħmel profitt (126), huwa irrilevanti fil-kawża ineżami. Lanqas ma huwa preċiż li jingħad li l-FIFA ma għandha ebda interess ekonomiku involut. Fil-fatt, il-FIFA jista’ jkollha interess indirett li tirregola l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq, peress li hija assoċjazzjoni li għandha bħala membri l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li għandhom huma stess, bħala membri jew affiljati, entitajiet bħall-klabbs tal-futbol (127). Il-klabbs tal-futbol huma, kif spjegajt, l-impriżi li jikkompetu f’wieħed mis-swieq konnessi u x-xerrejja fis-suq konness l-ieħor.

137. Fil-fehma tiegħi, meta impriża tista’, de jure jew de facto, teżerċita rwol regolatorju, billi tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom impriżi jistgħu jaċċessaw suq partikolari u billi tfassal il-kundizzjonijiet li fihom dawn l-impriżi jistgħu sussegwentement jikkompetu, din is-setgħa għandha tkun strettament irregolata u eżerċitata bir-reqqa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-impriża hijiex attiva hija stess f’dan is-suq (128).

138. Dan premess, peress li – kif indikat fil-punt 120 iktar ’il fuq – il-kwistjonijiet imqajma skont l-Artikolu 102 TFUE fit-talba għal deċiżjoni preliminari u dawk diskussi mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom jikkorrispondu essenzjalment għal dawk imqajma u diskussi skont l-Artikolu 101 TFUE, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jistgħu, mutatis mutandis, ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-ewwel dispożizzjoni.

139. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Superleague, l-istess aġir jista’ jagħti lok għal ksur kemm tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet isegwu għanijiet komplementari u għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni distinti. L-Artikoli 101 u l-Artikolu 102 TFUE jistgħu għalhekk japplikaw simultanjament, meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ikunu ssodisfatti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod konsistenti, għalkemm bl-osservanza tal-karatteristiċi speċifiċi għal kull waħda minnhom (129).

140. F’dan ir-rigward, inżid element importanti: fil-punti 182 sa 209 u 231 sa 240 tas-sentenza Superleague, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-diversi ġustifikazzjonijiet u eżenzjonijiet tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(1) TFUE u fl-Artikolu 102 TFUE għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati b’mod armonjuż. Fil-fatt, il-kuntrarju ma jagħmel ebda sens minn perspettiva ġuridika u ekonomika. Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li ċerti regoli inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (minħabba li, pereżempju, tapplika l-ġurisprudenza Meca-Medina) jew jistgħu jiġu eżentati skont l-Artikolu 101(3) TFUE, hija jkollha teħodhom inkunsiderazzjoni u tislet il-konsegwenzi xierqa minn dan hija u tevalwa jekk l-istess aġir setax jitqies bħala ġġustifikat skont l-Artikolu 102 TFUE.

141. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tiġġustifika aġir li jista’ jkun kopert mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE. B’mod partikolari, impriża tista’ turi, għal dan l-għan, jew li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju, jew li l-effett ta’ esklużjoni li jiġi prodott jista’ jiġi kkontrobilanċjat, jew anki ssuperat, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza li minnhom jibbenefika wkoll il-konsumatur (130).

142. Għalhekk, fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-regoli inkwistjoni mal-Artikolu 102 TFUE, waħda mill-kwistjonijiet essenzjali fil-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju jkollha twettaq hija dik dwar jekk dawn ir-regoli ġenwinament għandhomx għan leġittimu u humiex neċessarji u proporzjonati għal dan l-għan, jew jekk l-effetti antikompetittivi prodotti humiex ikkontrobilanċjati jew issuperati minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza fis-swieq affettwati li minnhom jibbenefika wkoll il-konsumatur.

E.      L-Artikolu 56 TFUE

143. It-tielet kwistjoni mqajma mid-domanda preliminari tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ regolamenti bħall-FFAR mal-Artikolu 56 TFUE.

144. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-benefiċċju kemm tal-fornituri kif ukoll tad-destinatarji ta’ tali servizzi. F’dan ir-rigward, hija tipprekludi kull miżura nazzjonali, anki dawk applikabbli mingħajr distinzjoni, li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attività ta’ dawn il-fornituri fl-Istati Membri li ma humiex dak fejn huma stabbiliti (131).

145. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta grupp jew organizzazzjoni jeżerċitaw ċerta setgħa fuq l-individwi u jkunu f’pożizzjoni li jimponulhom kundizzjonijiet li jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali żgurati mit-Trattat (132). F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għar-regoli jew prattiki privati, inklużi dawk adottati mill-federazzjonijiet sportivi (133).

146. Madankollu, regoli tad-dritt privat jistgħu jiġu aċċettati anki jekk jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jekk jiġi ppruvat li l-adozzjoni tagħhom hija ġġustifikata minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali li ma huwiex ta’ natura purament ekonomika u li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li huma xierqa sabiex jiżguraw il-kisba ta’ dan l-għan u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.Hija l-parti li tkun introduċiet il-miżura li għandha turi li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti .(134)

147. Bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrestrinġux il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u, fl-affermattiv, jekk jistgħux jiġu ġġustifikati, fid-dawl tal-argumenti u tal-provi ppreżentati mill-partijiet (135). Minkejja dan, nixtieq madankollu nirrileva dan li ġej.

148. L-ewwel, huwa minnu li, sa ċertu punt, ir-regoli inkwistjoni għandhom l-effett li jarmonizzaw, fuq livell tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għall-eżerċizzju tal-attività ta’ aġent. F’ċertu sens, dan is-sett ta’ regoli jiffavorixxi l-moviment liberu tas-servizzi, peress li l-aġenti stabbiliti fi Stat Membru wieħed jistgħu, kważi awtomatikament, jipprovdu s-servizzi tagħhom bħala aġenti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor (136). Fil-fatt, għalkemm xi Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni li tiddevja mill-FFAR (li għalhekk tobbliga lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol rilevanti jadottaw regoli li jissupplimentaw parzjalment jew jissostitwixxu l-FFAR) (137), nifhem li r-regoli ewlenin tal-FFAR huma applikabbli fl-Unjoni kollha.

149. Madankollu, ma jistax jiġi miċħud li wħud mir-regoli inkwistjoni, meta ġew adottati, għamluha iktar diffiċli għall-aġenti stabbiliti f’ċerti Stati Membri (fejn l-attività ta’ aġent ma kinitx irregolata jew fejn kienet irregolata biss b’mod minimu) biex joperaw barra mill-pajjiż. Fil-fatt, dawn l-aġenti issa għandhom jiksbu liċenzja u josservaw ċertu numru ta’ regoli (li jirregolaw, inter alia, lil min jistgħu jirrappreżentaw u l-mod kif jistgħu jirreklutaw klijenti ġodda), taħt piena ta’ sanzjonijiet.

150. Għalhekk, regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva bħal dawk inkwistjoni dwar il-liċenzjar, ir-rappreżentazzjoni multipla u l-ikkuntattjar jidhirli li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

151. Għall-kuntrarju, miniex ċert jekk tistax tinsilet konklużjoni simili fir-rigward tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-aġenti u s-sottomissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni. Fir-rigward ta’ din il-kategorija, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-onorarji massimi għall-avukati jidhirli li huma, mutatis mutandis, applikabbli għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali (138). F’dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-informazzjoni, il-fehma preliminari tiegħi hija li kull impatt negattiv li dawn ir-regoli jista’ jkollhom fuq il-kapaċità u l-inċentiv tal-aġenti sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet transkonfinali tagħhom ikun wisq inċert u indirett sabiex jiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE (139).

152. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni, diġà spjegajt għaliex ċerti għanijiet invokati mill-FIFA jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu li huma leġittimi u ta’ interess ġenerali. Is-sitwazzjoni hija, madankollu, inqas ċara fir-rigward ta’ għanijiet l-oħra invokati. Il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar din il-kwistjoni huma validi wkoll fil-kuntest attwali.

153. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ir-regoli inkwistjoni humiex xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet iddikjarati. B’mod partikolari, hija għandha tevalwa jekk dawn ir-regoli ġenwinament jissodisfawx il-ħsieb li jintlaħqu dawn l-għanijiet b’mod konsistenti u sistematiku (140).

154. Fil-fehma tiegħi, dan huwa stadju partikolarment importanti tal-analiżi. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk ir-regoli inkwistjoni humiex verament intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-FIFA u, għaldaqstant, li ma hemmx motiv moħbi li wassal għall-adozzjoni tagħhom. Kif indikajt fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, fil-fatt nissuspetta li, għal kważi kwalunkwe miżura adottata minn federazzjoni sportiva, jista’ jiġi improvizzat ex post xi tip ta’ interess ta’ natura ġenerali allegatament imfittex, meta tqum il-ħtieġa li l-miżura tiġi ġġustifikata. Barra minn hekk, huwa ovvju li miżura diffiċilment tista’ titqies li ġenwinament issegwi ċertu interess ġenerali, sakemm ma tikkontribwixxix b’mod sinjifikattiv għat-tfittxija ta’ dan l-interess.

155. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ir-regoli inkwistjoni jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet inkwistjoni. Dan l-approċċ jimplika, qabelxejn, li jiġi vverifikat li l-istess livell ta’ protezzjoni tal-interessi inkwistjoni ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi tal-libertajiet ekonomiċi tal-aġenti. Finalment, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tiżgura li r-regoli inkwistjoni jkunu proporzjonati stricto sensu, fis-sens li jistabbilixxu bilanċ ġust bejn l-interessi li l-FIFA tixtieq tipproteġi u dawk tal-aġenti li huma affettwati b’mod negattiv minnhom. Dan ma jkunx il-każ, pereżempju, meta regola jkollha effettivament interess leġittimu u validu, iżda, indipendentement mill-eżistenza ta’ miżuri alternattivi, il-piż impost fuq l-aġenti għal dan l-għan ikun fi kwalunkwe każ irraġonevoli u eċċessiv.

156. Għalhekk, skont l-Artikolu 56 TFUE, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ir-regoli li jagħtu lok għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi humiex iġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali li ma huwiex ta’ natura purament ekonomika u jekk josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li huma xierqa sabiex jiżguraw il-kisba ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan.

F.      L-Artikolu 6 tal-GDPR

157. Ir-raba’ u l-aħħar kwistjoni mqajma mid-domanda preliminari tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ regolamenti bħall-FFAR mal-Artikolu 6 tal-GDPR. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ipproċessar tad-data previst fl-Artikolu 16(2)(j) (ii) sa (v) u (k)(ii) tal-FFAR u fl-Artikolu 19 tal-FFAR.

158. Essenzjalment, l-Artikolu 16(2)(j) (ii) sa (v) u (k)(ii) tal-FFAR jeżiġi li l-aġenti jtellgħu online d-dettalji dwar il-ftehimiet mal-klijenti, ir-remunerazzjoni u l-kollaborazzjoni fuq pjattaforma operata mill-FIFA fi żmien 14‑il jum. Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tal-FFAR jobbliga lill-aġenti jiżvelaw data personali lill-FIFA, inkluża informazzjoni dwar il-klijenti, is-servizzi u t-tranżazzjonijiet, li mbagħad issir aċċessibbli għal ċerti partijiet ikkonċernati għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-FFAR.

159. L-Artikolu 6(1) tal-GDPR jistabbilixxi b’mod eżawrjenti u restrittiv lista tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala legali. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx liema każ ta’ pproċessar skont din id-dispożizzjoni tqis li huwa rilevanti għall-kawża prinċipali, jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u min-natura tar-regoli FFAR inkwistjoni li l-Artikolu 6(1)(f) huwa rilevanti f’dan il-kuntest.

160. L-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk ikun “meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali”.

161. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali kopert mill-imsemmija dispożizzjoni jkun legali. L-ewwel, il-kontrollur jew terz għandu jfittex li jilħaq interess leġittimu. It-tieni, l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-interess. It-tielet, l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna li d-data personali tagħha tkun inkwistjoni ma għandhomx jipprevalu fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz (141).

162. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju f’din l-evalwazzjoni (142). Għalhekk, fit-taqsimiet li ġejjin, ser nipprova nipprovdi xi gwida dwar kif il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt preċedenti jistgħux jiġu applikati għal regolamenti bħall-FFAR.

163. Qabel inkompli, madankollu, hija meħtieġa ftit kawtela: skont l-Artikolu 1(1) tal-GDPR, dan ir-regolament jagħti protezzjoni biss għall-ipproċessar ta’ data li tikkonċerna persuni fiżiċi. Għalhekk, kif tippreċiża l-premessa 14 tiegħu, il-GDPR ma japplikax għall-“ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna l-persuni ġuridiċi u b’mod partikolari l-impriżi stabbiliti bħala persuni ġuridiċi, inklużi l-isem u l-forma tal-persuna ġuridika u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ġuridika.”. Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi li r-regoli inkwistjoni huma inkompatibbli mal-Artikolu 6 tal-GDPR, din il-konstatazzjoni tapplika biss għad-data (personali) li tikkonċerna aġenti li huma persuni fiżiċi, bħal plejers tal-futbol jew – fejn rilevanti – persuni oħra (bħall-persunal tal-klabbs tal-futbol involuti jew aġenziji li permezz tagħhom l-aġenti jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom).

1.      Il-FFAR u l-interessi leġittimi

164. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar it-tfittxija ta’ interess leġittimu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(1)(d) tal-GDPR, huwa l-kontrollur, fil-mument meta tinġabar data personali dwar suġġett tad-data mingħand dan is-suġġett tad-data, li huwa responsabbli biex jinformah dwar l-interess leġittimu mfittex meta dan l-ipproċessar ikun ibbażat fuq l-Artikolu 6(1)(f) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn qabel, jekk il-FIFA osservatx dan l-obbligu billi informat direttament lill-aġenti dwar l-interess leġittimu mfittex waqt fil-mument tal-ġbir tad-data.

165. Jekk dan l-obbligu ma jkunx ġie osservat, il-ġbir ma jistax jiġi ġġustifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR.

166. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” fil-GDPR, firxa wiesgħa ta’ interessi tista’, bħala prinċipju, titqies li hija leġittima. Kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, dan il-kunċett ma huwiex limitat għall-interessi stabbiliti u ddeterminati mil-liġi, u l-interessi ta’ natura ekonomika jistgħu wkoll ikunu leġittimi. Interess leġittimu jista’ jeżisti, pereżempju, meta jkun hemm relazzjoni rilevanti jew xierqa bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, pereżempju meta s-suġġett tad-data jkun klijent jew għas-servizz tal-kontrollur, jew saħansitra fil-kuntest ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta (143).

167. Fil-kawża ineżami, ir-relazzjoni bejn il-FIFA u l-aġenti ma tixbahx ir-relazzjoni klassika ta’ klijent-servizz imsemmija fil-premessa 47 tal-GDPR. Madankollu, l-attivitajiet tal-aġenti huma – kif spjegat ukoll fil-punti 57, 58 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON – marbuta mill-qrib mal-qafas regolatorju tal-FIFA. Fil-fatt, l-aġenti huma professjonisti akkreditati rreġistrati mal-FIFA u awtorizzati sabiex jirrappreżentaw u jagħtu pariri lill-partijiet ikkonċernati fi ħdan l-ekosistema tal-industrija tal-futbol, bla ħsara għar-regoli stabbiliti minn dan il-korp governattiv. Għalhekk, jidher li hemm relazzjoni ta’ prossimità rilevanti u xierqa bejn it-tnejn.

168. Barra minn hekk, u b’rilevanza partikolari għal din il-kwistjoni, l-Artikolu 1(2) tal-FFAR jippreċiża li r-regoli tiegħu huma mfassla sabiex jiżguraw li l-aġir tal-aġenti jkun konformi mal-għanijiet fundamentali tas-sistema ta’ trasferiment tal-futbol u ma’ għanijiet oħra, li jinkludu – kif tindika l-FIFA – li l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-aġenti lill-klijenti għal spejjeż tinżamm b’onorarji ġusti u raġonevoli, il-limitazzjoni tal-kunflitti ta’ interess, it-tisħiħ tat-trasparenza finanzjarja u amministrattiva u l-prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-FIFA tispjega wkoll li l-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v) u (k)(ii) tal-FFAR u l-Artikolu 19 tal-FFAR prinċipalment jiżguraw it-trasparenza u jiżguraw is-superviżjoni u jinfurzaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-FFAR.

169. Għandi tliet rimarki x’nagħmel f’dan ir-rigward.

170. L-ewwel, fil-fehma tiegħi, il-limitazzjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi huma b’mod ċar ħafna interessi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6 tal-GDPR. B’mod simili, li l-FIFA titħalla timmonitorja u tinfurza l-osservanza tar-regoli sostantivi tal-FFAR hija wkoll, bħala prinċipju, għan leġittimu, sakemm – ma għandix għalfejn inżid – ir-regoli sostantivi inkwistjoni ma jiksrux xi dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

171. It-tieni, għandi ngħid li t-“trasparenza” tista’ ċertament titqies bħala valur li jistħoqqlu protezzjoni fih innifsu meta jikkonċerna l-attività tal-awtoritajiet pubbliċi, peress li hemm rabta ovvja bejn id-demokrazija u t-trasparenza (jew il-ftuħ) fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika (144). Madankollu, fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ persuni privati, is-sitwazzjoni ma hijiex daqshekk ċara. Fil-fatt, it-trasparenza għandha tiġi rrikonċiljata mar-rispett tal-ħajja privata. Barra minn hekk, it-trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ individwu jista’ jkollha xi konsegwenzi sfortunati – punt li ser nerġa’ nittratta iktar ’il quddiem – bħall-promozzjoni tal-kollużjoni bejn il-kompetituri jew l-awtorizzazzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali. F’dan ir-rigward, naħseb għalhekk li l-qorti tar-rinviju għandha, għal kull tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi sottomessa għal raġunijiet (allegatament) ta’ trasparenza, tagħmel id-domanda li ġejja: it-trasparenza għandha tiġi żgurata għal liema għan?

172. It-tielet, jiena wkoll kemxejn konfuż fir-rigward tal-għan li tinżamm “il-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-aġenti lill-klijenti b’onorarji ġusti u raġonevoli” (145). “Ġusti” u “raġonevoli” huma żewġ aġġettivi li inevitabbilment jeħtieġu evalwazzjoni suġġettiva. Il-kwistjoni dwar jekk ċerti onorarji humiex “ġusti u raġonevoli” jew le tiddependi, naturalment, mill-perspettiva adottata waqt l-eżami ta’ dawn l-onorarji. Jiena pjuttost ċert li t-timijiet u l-aġenti tal-futbol spiss jistgħu ma jaqblux f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, nistaqsi jekk assoċjazzjoni ta’ impriżi (in casu, il-FIFA) tistax validament issostni li hija ssegwi interess leġittimu meta titlob lil ċerti msieħba kummerċjali (in casu, aġenti) jiżvelaw informazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ natura kunfidenzjali, sabiex tkun tista’ “tikseb prezz irħas” (in casu, onorarji orħos) mingħandhom, milli kieku l-kwistjoni kienet suġġetta għal kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Madankollu, dan jista’ jkun differenti jekk – kif spjegat iktar ’il fuq – ċertu mekkaniżmu għall-iffissar tal-onorarji jitqies meħtieġ biex jiġi żgurat livell minimu ta’ kompetittività u ekwità fil-kompetizzjonijiet jew sabiex jiġu protetti operaturi tas-suq rilevanti oħra (bħall-atleti, u b’mod partikolari atleti żgħażagħ) minn kunflitti ta’ interess jew prattiki abbużivi jew frawdolenti.

2.      Il-FFAR u n-neċessità

173. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar in-neċessità, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-interess leġittimu mfittex fil-qasam tal-ipproċessar tad-data jistax raġonevolment jinkiseb b’mod daqstant effiċjenti b’mezzi oħra li huma inqas restrittivi fir-rigward tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (146).

174. Għandu jitfakkar ukoll li l-kundizzjoni dwar il-ħtieġa tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha “tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (147).

175. Minn din il-perspettiva, li jiġi ddeterminat jekk ċertu pproċessar ta’ data huwiex “meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, jeżiġi b’mod partikolari li jiġi vverifikat li l-miżuri li jipprevedu tali pproċessar: (i) ġenwinament jipproteġu l-interess pubbliku invokat (fis-sens li ma hemm l-ebda motiv moħbi warajhom); (ii) ġew adottati b’reazzjoni għal ħtieġa oġġettiva li jintlaħaq l-għan inkwistjoni; (iii) huma xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet (jiġifieri jidhru li x’aktarx jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-kisba tagħhom); u (iv) jistgħu jiġu ssostitwiti b’miżuri alternattivi li jinterferixxu inqas fil-ħajja privata tal-persuni fiżiċi involuti.

176. Fil-kawża ineżami, il-FIFA ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu s-sottomissjoni ta’ informazzjoni essenzjali biss, u jiżguraw id-disponibbiltà tagħhom lill-partijiet li għalihom l-aċċess għal tali data huwa vitali għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

177. Madankollu, ninnota li d-dispożizzjonijiet tal-FFAR inkwistjoni jirrikjedu li l-aġenti jissottomettu lill-FIFA volum pjuttost sostanzjali ta’ data (kemm f’termini kemm ta’ tip kif ukoll ta’ kwantità) (148). Din ma tinkludix biss l-informazzjoni personali relatata mal-profil tal-aġent, il-lista tal-klijent u s-servizzi pprovduti, iżda wkoll id-dettalji tal-arranġamenti kuntrattwali, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u r-remunerazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu wkoll li parti minn din l-informazzjoni ssir aċċessibbli, potenzjalment, għal grupp pjuttost kbir ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi: klabbs oħra, plejers u aġenti tal-plejers.

178. Jekk dan huwa l-każ, waħda mill-kwistjonijiet essenzjali li l-qorti tar-rinviju għandha tindirizza hija, fil-fehma tiegħi, dik dwar jekk il-portata tad-data li għandha tiġi pprovduta lill-FIFA u dik tad-data li għandha tiġi żvelata lil terzi, jistgħux ikunu limitati b’mod plawżibbli u/jew ikunux disponibbli alternattivi daqstant effiċjenti u inqas intrużivi.

179. Għal dan l-għan, naħseb li l-FIFA għandha tispjega, quddiem il-qorti tar-rinviju, għaliex, fir-rigward ta’ kull tip ta’ informazzjoni, il-komunikazzjoni tagħha mill-aġenti u, jekk ikun il-każ, l-iżvelar tagħha lill-partijiet ikkonċernati, huma indispensabbli, peress li dan jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni tal-interessi leġittimi inkwistjoni għall-FIFA.

3.      Il-FFAR u l-interessi prevalenti tas-suġġetti tad-data

180. Fl-aħħar, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jipprevalixxux fuq l-interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ terz. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-kundizzjoni timplika bbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni, li jiddependi, bħala prinċipju, miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari.

181. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar – li jeħtieġ għarfien relattivament fil-fond tal-interessi involuti – (149), sabiex nassistiha fl-evalwazzjoni tagħha, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

182. Din il-kundizzjoni fundamentalment tinvolvi l-verifika tas-segwenti: jekk jiġi preżunt li l-ipproċessar ta’ data ġenwinament ifittixx interess leġittimu, u li huwa neċessarju għal dan l-għan, l-ipproċessar xorta waħda jkun żejjed peress li jqiegħed piż intollerabbli fuq is-suġġetti tad-data? Fi kliem ieħor, is-sagrifiċċju tal-interessi tas-suġġetti tad-data huwa sempliċement eċċessiv, fid-dawl tar-raġunijiet u tal-modalitajiet tal-ipproċessar tad-data?

183. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-ibbilanċjar tad-drittijiet opposti inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data, il-portata tal-ipproċessar u lill-impatt tiegħu fuq l-individwu inkwistjoni (150). Fil-fatt, mill-premessa 47 tal-GDPR jirriżulta li l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu b’mod partikolari jipprevalu fuq l-interess tal-kontrollur, meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi li fihom is-suġġetti tad-data ma jistennewx b’mod raġonevoli tali pproċessar.

184. Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża ineżami, fejn l-aġenti joperaw fi ħdan qafas regolatorju bħall-FFAR, jidher raġonevoli li wieħed jistenna li l-korp regolatorju li stabbilixxa dak il-qafas jipproċessa d-data tagħhom. B’mod partikolari, il-monitoraġġ u l-infurzar effiċjenti tal-osservanza mill-FIFA ma jkunux fattibbli mingħajr aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar l-aġenti u s-servizzi tagħhom.

185. Madankollu, f’dan il-kuntest ukoll, jistgħu jqumu mistoqsijiet dwar jekk l-aġenti setgħux raġonevolment jistennew li l-aspetti kollha ta’ din id-data jew uħud minnhom jiġu żvelati lil partijiet oħra minbarra l-korp li jirregola l-futbol. Fil-fatt, ma huwiex ċar kif l-iżvelar tad-data tal-aġenti lill-klabbs, lill-plejers u lill-aġenti l-oħra huwa konsistenti mal-interess leġittimu li għalih il-FIFA tipproċessa d-data – jiġifieri, li teżerċita l-awtorità regolatorja tagħha sabiex tilħaq l-għanijiet tal-FFAR.

186. L-aġenti joperaw f’suq kompetittiv ħafna, fejn l-informazzjoni dwar il-bażi ta’ klijenti u l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom hija data kummerċjali siewja. Jekk dawn id-dettalji jsiru aċċessibbli għall-kompetituri (aġenti rivali) jew għall-klijenti potenzjali (plejers u klabbs), dan jista’, minn naħa, jaffettwa l-istruttura kompetittiva tas-suq u, min-naħa l-oħra, jikkawża wkoll dannu finanzjarju serju lill-aġenti.

187. Kif imsemmi fil-punt 171 iktar ’il fuq, l-iżvelar lill-kompetituri tad-data ekonomika u finanzjarja tal-aġenti jista’ jiffavorixxi l-kollużjoni fis-suq. Dan jista’ jwassal ukoll għal prattiki kompetittivi inġusti, li jippermettu lill-aġenti rivali jinterferixxu fin-negozjati futuri. Barra minn hekk, dan jista’ jnaqqas il-fiduċja fir-relazzjonijiet aġent-klijent, peress li r-riskju li jiġu esposti dettalji kuntrattwali u finanzjarji sensittivi jista’ jiskoraġġixxi negozjati trasparenti u fl-aħħar mill-aħħar inaqqas il-fiduċja fil-qafas regolatorju. Sa fejn il-FIFA teżerċita azzjoni regolatorja fir-rigward tal-aġenti, dawn għandu jkollhom ċerta fiduċja li dan il-korp jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tagħhom marbuta mal-ħajja privata u mal-kunfidenzjalità. Il-kuntest ġuridiku ma jistax ikun iffokat esklużivament fuq l-interessi tal-klabbs u tal-plejers, leġittimi daqs kemm jistgħu jkunu leġittimi dawn l-interessi.

188. Konsegwentement, obbligu wiesa’ ta’ sottomissjoni ta’ data, u l-possibbiltà li din id-data tiġi aċċessata minn terzi, jistgħu jinterferixxu mhux biss mad-drittijiet tal-aġenti għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali (Artikoli 7 u 8 tal-Karta), iżda possibbilment ukoll mal-libertà ta’ intrapriża tal-aġenti (Artikolu 16 tal-Karta).

189. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi eskluż li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’, tal-inqas parzjalment, ma jkunx iġġustifikat bħala neċessarju għall-finijiet ta’ interessi leġittimi, fis-sens tal- Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, sa fejn, b’mod partikolari, ċerta informazzjoni ta’ natura ekonomika u finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ partijiet oħra minbarra l-FIFA u tal-organi u l-korpi tagħha.

190. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ parti tad-domanda preliminari għandha tkun li r-regolamenti maħruġa minn assoċjazzjonijiet sportivi li jikkonċernaw is-sottomissjoni ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi u l-iżvelar tagħha lil terzi huma konformi mal-Artikolu 6(1) tal-GDPR meta, b’mod partikolari, dawn ir-regolamenti (i) ġenwinament ikollhom interess li jistħoqqlu l-protezzjoni; (ii) ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ għal dak l-għan; u (iii) ma jpoġġux piż intollerabbli fuq is-suġġetti tad-data fir-rigward tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata u l-interessi finanzjarji tagħhom.

V.      Konklużjoni

191. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja) fis-sens li regoli previsti f’regolamenti ta’ assoċjazzjonijiet sportivi li jikkonċernaw l-attività tal-aġenti tal-futbol ma humiex preklużi:

–        mill-Artikolu 101 TFUE, jekk kwalunkwe effett antikompetittiv sinjifikattiv li jistgħu jipproduċu dawn ir-regoli jista’ jiġi ġġustifikat skont il-ġurisprudenza Meca-Medina jew eżentat skont l-Artikolu 101(3) TFUE;

–        mill-Artikolu 102 TFUE, jekk dawn ir-regoli ġenwinament ikollhom għan leġittimu u jkunu neċessarji u proporzjonati għal dan l-għan, jew jekk l-effetti antikompetittivi prodotti jkunu kkontrobilanċjati jew issuperati minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza fis-swieq affettwati li minnhom jibbenefika wkoll il-konsumatur;

–        mill-Artikolu 56 TFUE, jekk dawn ir-regoli, meta jinkludu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ikunu ġġustifikati minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali li ma jkunx ta’ natura purament ekonomika u jkunu josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li jkunu xierqa sabiex jiżguraw il-kisba ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-għan; u

–        mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), jekk dawk li jikkonċernaw is-sottomissjoni ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi u l-iżvelar tagħha lil terzi ġenwinament isegwu interessi li jixirqilhom protezzjoni, ikunu jikkonċernaw biss id-data strettament neċessarja għal dan l-għan u ma jimponux fuq is-suġġetti tad-data piż intollerabbli fir-rigward tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata u tal-interessi finanzjarji tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: L-Ingliż.


2      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, iktar ’il quddiem is-“sentenza ISU”).


3      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, U:C:2023:1011, iktar ’il quddiem is-“sentenza Superleague”).


4      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010, iktar ’il quddiem is-“sentenza Royal Antwerp”).


5      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824, iktar ’il quddiem is-“sentenza FIFA”).


6      C‑428/23 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża ROGON”)


7      C‑133/24 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża CD Tondela”).


8      ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


9      Fejn rilevanti, kif applikati flimkien ma’ regoli oħra maħruġa mill-FIFA, bħall-Artikolu 18b(1) ta’ Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers (iktar ’il quddiem il-“FIFA RSTP”), l-Artikolu 7 tal-Regolamenti tal-FIFA dwar il-Ħidma ma’ Intermedjarji), l-Artikoli 8, 14, 57 u 58 tal-Istatuti tal-FIFA tal‑2021, l-Artikoli 5, 49 u 53 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FIFA tal‑2019 u l-Artikoli 4 u 82 tal-Kodiċi ta’ Etika tal‑2020 tal-FIFA.


10      Ara s-sentenza Superleague, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.      


11      Ibid., punti 85 sa 87 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12      Ibid., punt 84.


13      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punt 8, iktar ’il quddiem is-“sentenza Walrave”). Ikkonfermata sussegwentement, inter alia, fis-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 76) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Bosman”), u tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 43) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dèliege”).


14      Ara, b’riferimenti oħra, Parrish, R., u Miettinen, S., The Sporting Exception in European Union Law, TMC Asser Press, 2008; u Weatherill, S., “The impact of the rulings of 21  December 2023 on the structure of EU sports law”, The International Sports Law Journal, Vol. 23, 2023, p. 414.


15      Ara, pereżempju, is-sentenza Walrave, punt 9; u s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, EU:C:1976:115, punt 15); tat‑8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, EU:C:2003:255, punti 54 sa 56); u tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 26) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Meca-Medina”). Ara wkoll, fid-duttrina legali, Ibáñez Colomo, P., “Competition law and sports governance: Disentangling a complex relationship”, World Competition, Vol 45, Ħarġa 3, 2022, p. 331 sa 334.


16      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497, punti 49 u 53) (iktar ’il quddiem is-“sentenza TopFit”), u s-sentenza FIFA, punt 79.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Wouters”). Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża FENIN vs Il‑Kummissjoni (C‑205/03 P, EU:C:2005:666, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 24) (iktar ’il quddiem is-“sentenza MOTOE”), u tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa (C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punti 26 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, EU:C:1999:430, punti 59 u 60). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Albany (C‑67/96, EU:C:1999:28, punt 182) u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2215, punti 31 sa 35).


21      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, EU:C:1988:475, punt 9), u tal‑31 ta’ Mejju 1989, Bettray (344/87, EU:C:1989:226, punti 17 sa 20).


22      Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, EU:C:1990:97, punt 11); tas‑16 ta’ Diċembru 1992, B & Q (C‑169/91, EU:C:1992:519, punt 15); tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 24); u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C‑20/03, EU:C:2005:307, punt 31).


23      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fastweb et (Frekwenza ta’ fatturazzjoni) (C‑468/20, EU:C:2022:996, punt 50).


24      Ara reċentement, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2024, Tallinna Kaubamaja Grupp u KIA Auto (C‑606/23, EU:C:2024:1004, punti 28, u 32 sa 34), u s-sentenza ISU, punt 109. Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 16 u 17).


25      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punti 90 sa 97).


26      Dwar din il-kwistjoni, ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-għan li jiġu ssalvagwardjati l-istrutturi sportivi attwali u li tinżamm il-funzjoni soċjali tal-isport fil-qafas Komunitarju tal‑10 ta’ Diċembru 1999 (ir-Rapport ta’ Ħelsinki dwar l-Isport) [COM (1999) 644 final], punt 4.2.1.1.


27      L-istess bħalma l-fatt li wieħed ikun eliġibbli u/jew magħżul biex jilgħab fi ħdan tim nazzjonali jista’ jkollu ċertu impatt fuq il-karrieri tal-plejers u, b’estensjoni, anki fuq l-immaġni pubblika tal-klabbs tal-futbol tagħhom.


28      Ara, pereżempju, l-argument li tirreferi għalih is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1989, B & Q (C‑145/88, EU:C:1989:593, punt 7).


29      Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott il-kawża Mickelsson u Roos (C‑142/05, EU:C:2006:782, punt 45).


30      Ara, b’mod simili, is-sentenza Deliège, punti 64 sa 66, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva li “għandhom inevitabbilment l-effett li jillimitaw l-għadd ta’ parteċipanti f’tornew”, iżda dan l-effett “huwa inerenti għall-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni sportiva internazzjonali ta’ livell għoli, li jimplika neċessarjament l-adozzjoni ta’ ċerti regoli jew kriterji ta’ selezzjoni”. Enfasi miżjuda minni.


31      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Hünermund et (C‑292/92, EU:C:1993:863, punti 1 u 28) u tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:187, punt 63).


32      Ara l-Artikoli 120 u 199 TFUE, u l-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża Schindler (C‑275/92, EU:C:1993:944, punt 123) u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 1).


33      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) u (3) TUE. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:350, punt 45).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deliège, punti 67 u 68; u TopFit, punt 60.


35      Dwar il-kunċett ta’ lex sportiva, ara pereżempju Anderson, J., Modern Sports Law: A Textbook, Hart Publishing, 2010, p. 20 sa 23; u Parrish, R., Lex Sportiva and EU Sports Law, European Law Review, Vol. 27, Ħarġa 6, 2012, 37, p. 716.


36      Ara, pereżempju, l-Artikolu 4 tal-Karta dwar l-Isport Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa (2022): “L-organizzazzjonijiet ta’ moviment sportiv igawdu kompletament mil-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilita fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [(iktar’ il quddiem il-“KEDB”)]. Huma jgawdu minn proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomi u għandhom jagħżlu l-mexxejja tagħhom b’mod demokratiku f’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


37      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 12(1) tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 11(1) tal-KEDB, “huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika, sa fejn dan jippermetti li ċ-ċittadini jaġixxu b’mod kollettiv f’oqsma ta’ interess komuni u li jikkontribwixxu, billi jagħmlu dan, għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika”. Dan id-dritt jinkludi mhux biss il-libertà li tinħoloq jew tiġi xolta assoċjazzjoni, iżda jkopri wkoll il-possibbiltà għal din l-assoċjazzjoni li taġixxi fil-frattemp, li jfisser, inter alia, li hija tkun tista’ tkompli bl-attivitajiet tagħha u topera mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat. Ara, b’riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 110 sa 113).


38      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ April 1984, van de Haar u Kaveka De Meern (177/82 u 178/82, EU:C:1984:144, punti 11 u 12).


39      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Arduino (C‑35/99, EU:C:2002:97, punt 43).


40      Dwar dan is-suġġett, ara wkoll ftit kunsiderazzjonijiet kumplimentari fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:375, punti 31 sa 34).


41      Ara s-sentenza Superleague, punti 95 sa 106 u l-ġurisprudenza ċċitata.


42      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża KUBERA (C‑144/23, EU:C:2024:522, punti 104 u 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Għal din l-espressjoni fid-duttrina legali, ara pereżempju Tridimas, T., “Constitutional review of member state action: The virtues and vices of an incomplete jurisdiction”, International Journal of Constitutional Law, Vol. 9, Ħarġa 3‑4, 2011, p. 737 sa 756.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni (T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 73, iktar ’il quddiem is-“sentenza Piau”).


45      Ara, inter alia, is-sentenzi Piau, punti 69 sa 75, u FIFA, punti 117 sa 120. Ara wkoll il-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIFA, punti 122 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata.


47      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 97 sa 105), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punti 21 sa 35, u 42 sa 54).


48      Bit-terminu “akkordji”, ser nirreferi għall-forom kollha ta’ aġir li huma koperti mill-Artikolu 101 TFUE: “l-akkordji [...] bejn impriżi, id-deċiżjonijiet [ta’] assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi [...] miftiehma”.


49      Sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, EU:C:1994:413); tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265); u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas (C‑211/22, EU:C:2023:529).


50      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela.


51      Fir-rigward ta’ dawn l-akkordji, ara, inter alia s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 91u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punti 50 sa 53).


52      Mill-perspettiva tal-benesseri orjentat purament lejn il-konsumatur, ir-regoli dwar il-prezzijiet massimi fis-swieq axxendenti jistgħu saħansitra jkunu ta’ benefiċċju, peress li l-kompetizzjoni sabiex jiġu offruti prodotti jew servizzi taħt il-massimu tista’ tnaqqas l-ispejjeż ġenerali tal-prodott jew tas-servizz offruti dixxendentement. In casu, billi jħallsu onorarji tal-aġenti iktar baxxi, il-klabbs tal-futbol jistgħu ipotetikament jallokaw iktar riżorsi għal oqsma oħra u jiffrankaw flus li mbagħad jistgħu jiġu mgħoddija parzjalment lill-konsumaturi (pereżempju, billi jnaqqsu l-prezz tal-biljetti għal-logħbiet). F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-Komunikazzjoni – Rapport dwar il-Kompetizzjoni f’Servizzi Professjonali (COM/2004/83/final), il-Kummissjoni kitbet: (i) “il-prezzijiet fissi jew minimi huma l-istrumenti regolatorji li x’aktarx ikollhom l-iktar effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni, billi jeqirdu jew inaqqsu serjament il-benefiċċji li s-swieq kompetittivi jagħtu lill-konsumaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 31); u (ii) “huwa possibbli li l-prezzijiet massimi jistgħu jipproteġu lill-konsumaturi minn ħlasijiet eċċessivi fi swieq ikkaratterizzati minn ostakoli kbar għad-dħul u nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ għall-maġġoranza tal-professjonijiet tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 35). Enfasi miżjuda minni.


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 94); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑565/08, EU:C:2010:403, punt 34).


54      Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Uniti hija partikolarment interessanti f’dan ir-rigward. Pereżempju, fil-kawża State Oil Co. vs Khan (522 U.S. 3, 1997), il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, filwaqt li ċaħdet il-preċedent, iddeċidiet, essenzjalment, li l-iffissar massimu tal-prezzijiet ma għandux jitqies bħala illegali fih innifsu, u għalhekk għandu jiġi evalwat fid-dawl tar-“regola tar-raġuni”, li tinvolvi l-analiżi tal-effetti kompetittivi reali tal-prattika fil-kuntest speċjali tagħha tas-suq. Barra minn hekk, f’NCAA vs Alston et (375, F. supp.3d 1058, il-Qorti Distrettwali, 2019), il-Qorti tal-Appell tal-Istati Uniti għad-Disa’ Ċirkuwit eżaminat il-limiti ta’ kumpens introdotti mill-Assoċjazzjoni Atletika Kolleġjali Nazzjonali għall-atleti studenti, li kellhom jiġu infurzati mill-iskejjel membri tagħha. Ir-regoli b’hekk stabbilixxew il-prezz fis-suq tax-xogħol min-naħa tax-xerrejja, li naqqas il-kumpens għal mill-inqas xi atleti studenti għal inqas minn dak li kien jirriżulta f’suq kompetittiv. Madankollu, din il-qorti eżaminat ir-restrizzjonijiet previsti mir-regola tar-raġuni, għar-raġuni, inter alia, li ċertu livell ta’ kooperazzjoni kien neċessarju fis-suq rilevanti. Is-sentenza tal-Qorti Distrettwali ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti fl-Opinjoni tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2021 (141 S. Ct. 2141 (2021)). Dwar din l-opinjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, nota ta’ qiegħ il-paġna 61.


55      Ara, b’riferimenti oħra, Easterbrook, F. H., “Maximum price fixing”, The University of Chicago Law Review, Vol. 48 (4), 1981, p. 886 sa 910; u Whish, R., u Bailey, D., “Horizontal guidelines on purchasing agreements: Delineation between by object and by effect restrictions’, Final Report, ippubblikat mill-Kummissjoni fl‑2022.


56      L-Artikoli 101(1)(a) u (c) TFUE jsemmu, bħala eżempji ta’ tipi ta’ akkordji pprojbiti, dawk li jinvolvu “l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” u dawk li jinvolvu “it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista”. Sussegwentement, l-abbużi taħt l-Artikolu 102 TFUE jinkludi, b’mod partikolari, “l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”. Enfasi miżjuda minni.


57      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 37), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni (T‑240/17, EU:T:2019:778, punt 297).


58      Ara, għal eżempju wieħed biss, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, Mandeville Island Farms, Inc. vs American Crystal Sugar Co., 334 U.S 219 (1948).


59      Ara l-OECD, “Purchasing power and buyers’ Cartels” – OECD competition policy roundtable background note”, Pariġi, 2022, p. 6 u 7.


60      Ibid. Ara wkoll l-OECD, “Purchasing power and buyers cartels – Summaries of contributions”, Pariġi, 20 ta’ Ġunju 2022; u Khemani, R.S., Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, “Application of competition law: Exemptions and exceptions”, 2002, p. 29.


61      F’dan il-kuntest, nirrileva, inċidentalment, li l-qrati tal-Istati Uniti kkonstataw b’mod ġenerali li l-kampjonati sportivi ma għandhomx jitqiesu li huma “akkordji”. Madankollu, il-fehmiet fid-duttrina tal-Istati Uniti huma mħallta dwar il-mod l-iktar konvenjenti ta’ kif għandhom jitqiesu l-azzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet sportivi fid-dawl tad-dritt antitrust. Ara, b’riferimenti għall-ġurisprudenza u l-akkademja, Roberts, G.R., “The antitrust status of sports league revisited”, Tulane Law Review, Vol. 64, Ħarġa 1, 1989, p. 117; Ross, S.F., u Szymanski, S., “Antitrust and inefficient joint ventures: Why sports leagues should look more like McDonald’s and less like the United Nations”, Marquette Sports Law Review, Vol. 16, Ħarġa 2, 2006, p. 213; u Dabscheck, B., “The sporting cartel in history”, Sport in History, Vol. 28, Ħarġa 2, 2008, p. 329.


62      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2023 C 259, p. 1), punti 278 sa 304.


63      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, EU:C:1994:413, punti 28 sa 45).


64      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela, punti 43 sa 45.


65      Ibid., punti 29 u 38.


66      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(2)(b) tal-FFAR.


67      Għandi nżid, inċidentalment, li jekk, u sa fejn, tali regoli huma intiżi sabiex jiżguraw li l-aġenti jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom, billi jevitaw il-kunflitti ta’ interessi, dawn ir-regoli jistgħu probabbilment ikunu ġġustifikati skont il-ġurisprudenza Meca-Medina jew eżentati skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Ara l-kunsiderazzjonijiet segwenti għal iktar dettall.


68      Ara l-punti 56 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Ara s-sentenza FIFA, punti 100 sa 102 u l-ġurisprudenza ċċitata.


70      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 171 iktar ’il quddiem.


71      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, punti 35 sa 37.


72      Ara, inter alia, is-sentenza FIFA, punti 154 u 155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


73      Dwar din il-kwistjoni, ara, b’mod ġenerali, Monti, G., “Article 81 EC and public policy”, Common Market Law Review, Vol. 39, Ħarġa 5, 2002, p. 1057.


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIFA, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata.


75      Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Avviż, Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 97, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2004”), punti 102 sa 104.


76      Ara, b’mod estensiv, Brook, O., “Struggling with Article 101(3) TFEU: Diverging approaches of the Commission, EU Courts, and five competition authorities”, Common Market Law Review, Vol. 56, Ħarġa 1, 2019, p. 121 sa 156.


77      Ara, pereżempju, is-sentenza Superleague, punti 237 u 238.


78      Ara s-sentenza Royal Antwerp, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata.


79      Ara, pereżempju, il-punti 341 u 559 tal-Linji Gwida li sar riferiment għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 iktar ’il fuq, u l-punt 56 tal-Linji Gwida 2004.


80      Enfasi miżjuda minni.


81      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 36, l-Artikolu 45(3), l-Artikolu 52(12) u l-Artikolu 65(1) TFUE.


82      Ftit li xejn għandi għalfejn nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza stabbilita sew dwar ir-“rekwiżiti imperattivi” jew ir-“raġunijiet imperattivi” ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għar-regoli dwar il-moviment liberu, li jirriżultaw mis-sentenza ewlenija Cassis de Dijon: sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979 Rewe-Zentral (120/78, EU:C:1979:42, punt 8).


83      Ara s-sentenza FIFA, punt 83.


84      Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza SEN”).


85      Ara l-eżempju mogħti mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:375, punt 35).


86      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 21) (enfasi miżjuda minni). Fid-dutttrina, ara inter alia, Lugard, P. u Hancher, L. Honey, I shrunk the article! A critical assessment of the Commission’s Notice on Article 81(3) of the EC Treaty, European Competition Law Review, Vol 25, Ħarġa 7, 2004, p. 410, u Bourgeois, J.,H.,J. u Bocken, J., “Guidelines on the application of Article 81(3) of the EC Treaty of how to restrict a restriction”, Legal Issues of Economic Integration, Vol 32, Ħarġa 2, 2005, p. 111 sa 121.


87      Ċertament, ma kienx hemm ħafna ġurisprudenza dwar l-Artikolu 101(3) TFUE matul is-snin reċenti. Jidhirli li l-kawżi prinċipali fuq dan il-punt huma s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610) (iktar ’il quddiem is-“sentenza GlaxoSmithKline”), u tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni  (C‑382/12 P, EU:C:2014:2201) (iktar ’il quddiem is-“sentenza MasterCard”).


88      Fl-ekosistema tal-futbol, fejn il-forniment ta’ servizzi differenti huwa marbut mill-qrib, meta jiġu evalwati l-vantaġġi prodotti, huwa neċessarju li titqies is-sistema ġenerali li r-regoli inkwistjoni jagħmlu parti minnha, inkluż, fejn xieraq, il-vantaġġi oġġettivi kollha li jirriżultaw minnhom, mhux biss fis-swieq fejn ġiet stabbilita r-restrizzjoni (in casu dawk fejn jikkompetu l-aġenti u/jew il-klabbs), iżda wkoll fis-swieq l-oħra li jinteraġixxu magħhom dawn tal-ewwel. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MasterCard, punti 236 u 237.


89      Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport”, tat‑18 ta’ Jannar 2011, COM (2011) 12 finali, Taqsima 41.1.


90      Ara, pereżempju, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, “Global report on corruption in sport”, 2022 (disponibbli online), p. 3.


91      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, punt 49.


92      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punti 64 sa 71).


93      Punt 195 tas-sentenza. Ara wkoll is-sentenzi GlaxoSmithKline, punt 92; Royal Antwerp, punti 121 u 122; u FIFA, punt 154.


94      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MasterCard, punt 241.


95      Ara, b’analoġija, is-sentenza Superleague, punti 144 sa 146. Ara wkoll is-sentenza Piau, punt 92.


96      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ISU, punti 133 sa 139; Superleague, punti 146 sa 152; u FIFA, punt 111.


97      Ara, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-Kompetizzjoni f’Servizzi Professjonali, imsemmi fin-nota ta’qiegħ il-paġna 52 iktar ’il fuq, speċjalment p. 9 u 10, “Komunikazzjoni dwar is-servizzi professjonali –Spazju għal iktar riformi – Segwitu tar-Rapport dwar il-kompetizzjoni f’servizzi professjonali” [COM(2005) 405 final], b’mod partikolari l-punti 10 sa 13, u 33; u OECD, “Competition and regulation in professions and occupations – OECD roundtables on competition policy papers”, 2024, speċjalment p. 6, 13, 14, 29, 31 u 47.


98      Ara d-dokumenti msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna preċedenti. Ara wkoll – f’ġurisdizzjonijiet oħra – l-Uffiċċju Kanadiż għall-Kompetizzjoni, “Self-Regulated Professions, Balancing Competition and Regulation”, Rapport, 11 ta’ Diċembru 2007; u l-Kummissjoni Awstraljana għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur, “Regulation, Competition and the Professions”, 13 ta’ Lulju 2001. It-tnejn li huma disponibbli online.


99      Imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 53 u 98 iktar ’il fuq, punti 49 sa 53.


100      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas  (C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 68, 69 u 82, iktar ’il quddiem is-“sentenza OTOC”).


101      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi MOTOE, punti 51 u 52; OTOC, punti 62, u 88 sa 92; ISU, punti 144 sa 146; u Superleague, punt 176. Ara wkoll id-digriet tat‑23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il‑Kummissjoni (C‑171/05 P, EU:C:2006:149, punt 38).


102      Dwar dan il-punt, jista’ jkun interessanti li wieħed jinnota li ċerti rapporti kkummissjonati mill-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin jidhru li jissuġġerixxu li tista’ tkun meħtieġa sistema ta’ liċenzjar sabiex tiġi żgurata governanza tajba fl-industrija tal-aġenti tal-futbol. Ara, pereżempju, “Study on Sports Agents in the European Union”, Novembru 2009, p. 7, 84 sa 91, u 107 sa 132; u Parrish, R., et al., “Promoting and Supporting Good Governance in the European Football Agents Industry – Final Report”, 2019, p. 56 sa 70 (iktar’ il quddiem ir-“Rapport Parrish”). Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas‑17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-aġenti tal-plejers fl-isport (2011/C 236 E/14), ukoll esprima l-fehma li kienet meħtieġa sistema ta’ liċenzjar għall-aġenti tal-futbol.


103      Ara l-punti 100 sa 104 tas-sentenza. Fl-appell, ara d-digriet tat‑23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il‑Kummissjoni (C‑171/05 P, EU:C:2006:149, punt 38).


104      Pereżempju, mingħajr ir-regoli inkwistjoni, l-aġenti jistgħu jipproponu lill-partijiet sabiex japplikaw onorarji inqas għoljin pro quota, jekk dawn jintgħażlu sabiex jirrappreżentaw iktar minn parti waħda fit-tranżazzjoni.


105      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rapport Parrish, p. 78 sa 84.


106      Ara, f’dan ir-rigward, u b’riferiment għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela, punti 58 u 79.


107      Fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti sew f’dan il-qasam, ara inter alia s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punti 113 u 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).


108      Punti 112 u 113 tas-sentenza Superleague.


109      Ibid. punt 117.


110      Ara, pereżempju, is-sentenzi fil-kawża Superleague, punt 129, u iktar reċenti, tal‑25 ta’ Frar 2025, Alphabet et (C‑233/23, EU:C:2025:110, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Alphabet”).


111      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia (C‑525/16, EU:C:2018:270, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


112      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra - Latvijas Autoru apvienība (C‑177/16, EU:C:2017:286, punti 36 sa 54) (iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet fil-kawża AKKA-LAA”).


113      Ibid., punti 3 u 4. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża SABAM (C‑372/19, EU:C:2020:598, punti 23 sa 25).


114      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22); tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība (C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 35) (iktar ’il quddiem is-“sentenza AKKA-LAA”); u tal‑25 ta’ Novembru 2020, SABAM (C‑372/19, EU:C:2020:959, punt 28) (iktar ’il quddiem is-“sentenza SABAM”).


115      Ara, f’dan is-sens, il-punti 56 sa 58 tas-sentenza AKKA-LAA.


116      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:6, punti 10 sa 15); tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni (T‑83/91, EU:T:1994:246, punt 140); u tat‑22 ta’ Novembru 2001, AAMS vs Il‑Kummissjoni (T‑139/98, EU:T:2001:272, punt 79).


117      Ibid. punt 36. Ara wkoll is-sentenza SABAM, punt 31. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AKKA-LAA, punt 131.


118      Fid-duttrina, ara, flimkien ma’ referenzi oħra, Lianos, I., Korah, V., u Siciliani, P., Competition Law – Analysis, Cases, & Materials, Oxford University Press, 2019, p. 1228; u O’Donoghue, R. u Padilla, J., The Law and Economics of Article 102 TFEU, It-Tielet Edizzjoni, Hart Publishing, 2020, p. 294 sa 315.


119      Ara l-punt 36 tas-sentenza Superleague.


120      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 149 tas-sentenza Superleague.


121      Ara wkoll il-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CD Tondela.


122      Ara, b’mod partikolari, il-punti 124 sa 126 u 131 tas-sentenza.


123      Sentenza SEN, punti 44 sa 48, u 65 sa 77; sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.  Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 39); sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 165 sa 167) (iktar ’il quddiem “Google Shopping”); u sentenza Alphabet, punti 37, 38 u 54 sa 58).


124      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Superleague, punt 131, u Google Shopping, punt 167. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Illumina u Grail vs Il‑Kummissjoni (C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:264, punt 230).


125      Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14  P, EU:C:2015:717, punti 27 u 34 sa 36).


126      Dan huwa element ieħor irrilevanti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MOTOE, punt 27, u s-sentenza OTOC, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.


127      Ara s-sentenza FIFA, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata.


128      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Superleague, punti 135 sa 137 u l-ġurisprudenza ċċitata.


129      Punt 119 tas-sentenza.


130      Ara, reċentement, is-sentenza Alphabet, punti 70 u 71, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


131      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Superleague, punt 247 u l-ġurisprudenza ċċitata.


132      Ara, pereżempju, is-sentenza TopFit, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


133      Ibid., punt 49.


134      Ara s-sentenza Superleague, punti 251 u 252 u l-ġurisprudenza ċċitata.


135      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Royal Antwerp, punt 143.


136      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-FFAR.


137      Ara l-Artikolu 3(3) tal-FFAR.


138      Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑565/08, EU:C:2011:188, punti 47 sa 54).


139      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punti 45, 50 u 51).


140      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIFA, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata.


141      Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse (C‑394/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mousse”, EU:C:2025:2, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


142      Ibid., punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


143      Ibid., punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-premessa 47 tal-GDPR.


144      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(1) TFUE, li jistabbilixxi li “[s]abiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ.” (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll l-Artikolu 15(2) u (3) TFUE u l-Artikolu 11(1) sa (3) TUE.


145      Enfasi miżjuda minni.


146      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Koninklijke Nederlandse Lawn Tennisbond (C‑621/22, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


147      Ibid., punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


148      Barra minn hekk, nirrileva li, skont ir-Rapport tal-FIFA dwar l-Aġenti tal-Futbol tal‑2024, mill‑5 ta’ Diċembru 2024, total ta’ 7 558 individwu kienu liċenzjati bħala aġenti tal-futbol. Dan jimplika portata sinjifikattiva tal-ipproċessar potenzjali tad-data, konformi mal-kunċett ta’ “skala kbira” fis-sens tal-premessa 91 tal-GDPR, li jirreferi għall-ipproċessar ta’ “ammont kunsiderevoli” ta’ data personali li tista’ taffettwa numru kbir ta’ suġġetti tad-data. Din il-klassifikazzjoni għandha ċerti konsegwenzi skont id-dispożizzjonijiet tal-GDPR.


149      Sentenza Mousse, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


150      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Klawżoli ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 116).