52007PC0659




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2007

KUMM(2007) 659 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta’ Adeżjoni ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/57/KE

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 approva “L-Aġenda ta’ Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent”, li introduċiet is-Sħubijiet Ewropej bħala mezz biex titwettaq il-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Fit-30 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta l-verżjoni riveduta tas-Sħubija Ewropeja ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ibbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni mressqa fid-9 ta’ Novembru 2005. Is-sħubijiet jinkludu prijoritajiet ta’ terminu qasir kif ukoll twil. Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2005 ta l-istatus ta’ kandidat lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li tiġi ppreżentata proposta għal Sħubija ta’ Adeżjoni għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Din is-sħubija mġedda hija msejsa fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 553/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 u jikkunsidra l-iżviluppi l-ġodda kif imfissra fir-Rapport ta’ Progress ta' l-2007. Jelenka l-prijoritajiet fuq termini qosra u twal għat-tħejjijiet tal-pajjiż għal integrazzjoni ulterjuri ma’ l-Unjoni Ewropea.

Biex jirrispondi għas-Sħubija Ewropeja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tiżviluppa pjan bi skeda u miżuri speċifiċi li l-pajjiż biħsiebu jieħu għal dan il-għan. Il-progress ta’ l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ser jiġi segwit mill-Kummissjoni b’mod regolari.

Il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea jiffurmaw il-bażi ta’ l-ipprogrammar ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, li se tibqa’ tingħata taħt l-istrumenti finanzjarji rilevanti, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Għajnuna Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill m’għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta’ Adeżjoni ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/57/KE

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 dwar l-istabbiliment ta’ sħubijiet Ewropej fil-qafas tal-proċess ta’ stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni[1], kif emendat, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubijiet Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fis-sħubijiet, kif ukoll dwar aġġustamenti sussegwenti. Jiddikjara wkoll li s-segwitu tas-sħubijiet se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, prinċipalment permezz tar-rapporti annwali ta' progress.

(3) Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2005 ta l-istatus ta’ kandidat lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Għalhekk, saret proposta għall-emenda tar-Regolament 553/2004 biex jinbidel l-isem tas-Sħubija ta' dan il-pajjiż minn “Sħubija Ewropea” għal “Sħubija ta’ Adeżjoni”[2].

(4) Fit-30 ta’ Jannar 2006 l-Kunsill adotta t-tieni Sħubija ta’ Adeżjoni ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja[3], wara l-proposta tal-Kummissjoni ta' Novembru 2005.

(5) Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2006-2007 jindika li s-sħubijiet jiġu aġġornat fi tmiem l-2007.

(6) Fit-12 ta’ Ġunju 2006 l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)[4], li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għal pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni.

(7) Jixraq għalhekk li tiġi adottata Sħubija ta’ Adeżjoni li taġġorna s-sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal ħidma ulterjuri, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar it-tħejjijiet ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea.

(8) Sabiex iħejju għal integrazzjoni ulterjuri ma’ l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Meċedonja għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u miżuri speċifiċi sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ din is-Sħubija ta’ Adeżjoni.

(9) Għalhekk id-Deċiżjoni 2006/57/KE għandha titħassar,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fis-Sħubija ta’ Adeżjoni ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropeja ser tiġi eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali dwar il-progress imressqa mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2006/57/KE għandha titħassar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS: L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA SĦUBIJA TA' ADEŻJONI 2007

1. INTRODUZZJONI

Il-Kunsill Ewropew approva l-introduzzjoni tas-sħubijiet bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-Sħbuija ta’ Adeżjoni proposta taġġorna s-Sħubija Ewropea ta’ Jannar 2006, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta’ Progress ta’ l-2007 tal-Kummissjoni dwar l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Din tidentifika l-prijoritajiet għal azzjoni ġodda u pendenti. Il-prijoritajiet il-ġodda huma adattati għall-ħtiġiet speċifiċi u l-istadju ta’ tħejjija tal-pajjiż, u jkunu aġġornati skond il-ħtieġa. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hi mistennija li tadotta pjan li jinkludi skeda u miżuri speċifiċi intiżi biex jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija ta’ Adeżjoni. Is-Sħubija Ewropeja tipprovdi wkoll gwida u għajnuna finanzjarja lill-pajjiż.

2. PRINĊIPJI

Il-Proċess ta’ Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa’ l-qafas għall-mira Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha li twassal għas-sħubija ġejjiena tagħhom. Il-prijoritajiet identifikati għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma marbuta mal-kapaċità tagħha li tilħaq il-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen ta’ l-1993 u l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, prinċipalment il-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 1997 u l-21 u t-22 ta’ Ġunju ta’ l-1999, id-dikjarazzjoni finali tas-Samit ta’ Żagreb ta’ l-24 ta’ Novembru 2000 u l-Aġenda ta’ Tessaloniki.

3. PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija ta’ Adeżjoni ġew magħżula fuq il-bażi li huwa realistiku li wieħed jistenna li l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tista' twettaqhom jew tmexxihom sostanzjalment 'il quddiem matul il-ftit snin li ġejjin. Hemm distinzjoni bejn il-prijoritajiet fuq terminu qasir, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq terminu medju, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tlieta jew erba’ snin. Il-prijoritajiet jirrigwardaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet, joħroġ ċar li l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja teħtieġ twettaq ħidmiet oħra li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija ġejjiena, anke b'kunsiderazzjoni għall-progress ġejjieni ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Fost il-prijoritajiet fuq terminu qasir, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta’ dawn il-prijoritajiet prinċipali ma tfissirx li hemm xi klassifika ta’ l-importanza tagħhom.

3.1. Prijoritajiet fuq terminu qasir

Prijoritajiet Ewlenin

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ l-impenji kollha li ntrabtet magħhom fil-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

- Il-promozzjoni ta’ djalogu kostruttiv u inklussiv, partikolarment fl-oqsma li jeħtieġu kunsens bejn il-partiti politiċi kollha, fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi.

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Liġi dwar il-pulizija.

- Il-kisba ta’ riżultati kostanti fl-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji u t-tisħiħ ta’ l-indipendenza u l-kapaċità globali tas-sistema ġudizzjarja. Tikkonkludi r-riforma tal-prosekuzzjoni u tiffinalizza l-ħatra tal-Kunsill Ġudizzjarju.

- Il-kisba ta’ riżultati kostanti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

- Jiġi żgurat li r-reklutaġġ u l-avvanz fil-karriera tal-ħaddiema taċ-ċivili ma tkunx soġġetta għal indħil politiku, tiżviluppa ulterjorment sistema bbażata fuq il-mertu u timplimenta bis-sħiħ il-Liġi dwar il-ħaddiema taċ-ċivil.

- Jitnaqqas it-tfixkil fil-ħolqien ta' l-impjiegi u tindirizza partikolarment il-qgħad taż-żgħażagħ u l-qgħad fuq perjodi twal.

- Jittejjeb l-ambjent kummerċjali ġenerali billi ttejjeb l-istat tad-dritt, issaħħaħ l-indipendenza ta’ l-aġenziji regolatorji u superviżorji, tħaffef il-proċeduri legali u tissokta r-reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà.

Kriterji politiċi

Id-demokrazija u l-Istat tad-dritt

- Tissokta l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Qafas Ohrid bil-għan li, fost l-oħrajn, tippromwovi l-bini ta’ fiduċja interetnika.

Parlament/Elezzjonijiet

- Jiġi żgurat li l-elezzjonijiet presidenzjali u muniċipali li jmiss jitmexxew skond il-kodiċi elettorali.

- Jittieħdu deċiżjonijiet minnufih dwar kwalunkwe irregolarità u jiġu imposti pieni li jimpedixxu każi ulterjuri.

- Tittejjeb il-kapaċità tal-parlament, prinċipalment billi jiżdidulu r-riżorsi.

Il-Gvern

- Tissaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjonijiet lokali. B’mod partikolari, jissaħħu l-kontrolli interni u l-verifiki.

- Jiġi stabbilit standard sodisfaċenti ta’ ġbir tat-taxxa muniċipali mal-pajjiż kollu.

- Tiġi żviluppata l-kapaċità tal-muniċipalitajiet għall-ġestjoni ta’ l-art ta’ l-Istat.

- Jiġi żgurat li l-għadd tal-persunal tal-muniċipalitajiet u l-kapaċità tagħhom ikunu suffiċjenti.

L-amministrazzjoni pubblika

- Tiġi introdotta sistema ta’ karrieri bbażati fuq il-mertu sabiex tinbena amministrazzjoni pubblika responsabbli, effikaċi u professjonali fuq il-livell ċentrali u lokali.

- Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-kodiċi ta’ etika għall-ħaddiema taċ-ċivil.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, prinċipalment billi tiġi żviluppata l-kapaċità għal ippjanar strateġiku u żviluppi tal-politika kif ukoll jittejjeb it-taħriġ, u tiġi żviluppata strateġija ġenerali dwar it-taħriġ tal-ħaddiema taċ-ċivil.

- Issir l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri adottati għall-iżgurar tat-trasparenza fl-amministrazzjoni, partikolarment fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u ssir il-promozzjoni ulterjuri għall-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili.

- Issir l-implimentazzjoni tar-riformi ta’ l-aġenziji dwar l-infurzar tal-liġi.

Is-sistema ġudizzjarja

- Jiġi żviluppat ulterjorment it-taħriġ inizjali u kontinwu fl-akkademja ta' l-imħallfin u l-prosekuturi.

- Jitlesta l-istabbiliment ta’ l-istrutturi ġodda tal-qorti u jiġu allokati miżuri xierqa biex jiġi żgurat li jkunu totatment operattivi u tittejjeb l-effiċjenza tagħhom.

- Jiġi żgurat l-infurzar xieraq u sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-qorti.

Il-Politika kontra l-korruzzjoni

- Jiġi żgurat is-segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-Kummissjoni Statali Kontra l-Korruzzjoni u l-Uffiċċju Statali tal-Verifika.

- Issir l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli adottati dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali. Jiġu imposti sanzjonijiet effettivi f’każi ta’ ksur.

- Isir is-segwitu ta’ l-analiżi li jitwettqu fir-rigward tad-drittijiet diskrezzjonarji ta’ ċerti uffiċjali pubbliċi.

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoranzi

- Issir il-konverġenza sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura kif ukoll il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali.

- Issir l-implimentazzjoni sħiħa mar-regoli li japplikaw għall-etika, il-kontroll intern u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fl-aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura u l-amministrazzjonijiet tal-faċilitajiet korrettivi, inkluż it-taħriġ regolari.

- Jiġu allokati riżorsi suffiċjenti biex jittejbu l-istandards tal-faċilitajiet korrettivi.

- Jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi għall-identifikazzjoni, l-azzjoni u l-penalizzazzjoni tas-suriet kollha ta' diskriminazzjoni minn entitajiet Statali kontra individwi jew gruppi.

- Tittejjeb u tiġi implimentata l-istrateġija dwar ir-rappreżentanza ekwa tal-komunitajiet f’minoranza, prinċipalment billi jingħatawlhom riżorsi xierqa u jiġu imposti sanzjonijiet effikaċi meta ma jintlaħqux il-miri.

- Issir il-promozzjoni għall-aċċess għall-edukazzjoni, il-ġustizzja u l-benesseri soċjali għall-membri kollha ta’ gruppi f’minoranza.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

- Tissokta l-kooperazzjoni sħiħa ma’ l-ICTY u, fid-dawl tar-ritorn possibbli ta’ fajls mill-ICTY, jintlaħqu l-prekondizzjonijiet kollha meħtieġa li jiżguraw il-proċess.

- Tissokta l-promozzjoni tat-tranżizzjoni mill-Patt ta’ Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni li jkollu sjieda aktar reġjonali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ta’ l-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

- Jiġu żgurati relazzjonijiet tajba ta’ viċinat, partikolarment billi jiġu intensifikati l-isforzi biex tinstab soluzzjoni negozjata u reċiprokament aċċettabbli mal-Greċja dwar il-kwistjoni ta' l-isem, fil-qafas tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 817/93 u 845/93.

- Titrawwem kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva, prinċipalment dwar il-kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-ammissjoni mill-ġdid u l-ambjent.

Kriterji ekonomiċi

- Tissokta r-reġistrazzjoni ta’ l-art u l-beni immobbli u tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni għat-titjib taċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u jittejjeb l-iffunzjonar tal-mekkaniżmi ta' l-ekonomija tas-suq.

- Tittejjeb l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi, prinċipalment billi jiġu allokati fondi addizzjonali għat-taħriġ u għat-tiġdid ta’ l-infrastruttura kurrenti.

Il-kapaċità li jiġu sodisfatti l-obbligazzjonijiet tas-sħubija

Kapitolu 1: Il-moviment ħieles tal-prodotti

- Jiġi adottat u implimentat il-qafas leġiżlattiv orizzontali għall-iffinalizzar ta' l-infrastruttura meħtieġa, u tiġi żgurata s-segregazzjoni tal-ħidmiet bejn id-diversi funzjonijiet (regolamentazzjoni, standardizzazzjoni, akkreditazzjoni, metroloġija, valutazzjoni tal-konformità u sorveljanza tas-suq) għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità.

- Tiġi abbozzata strateġija komprensiva li turi l-kisbiet fl-implimentazzjoni ta' l- acquis għall-organizzazzjonijiet orizzontali rilevanti (standardizzazzjoni, akkreditazzjoni, metroloġija u s-sorveljanza tas-suq) u jiġu stabbiliti dati u responsabbilitajiet għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri leġiżlattivi u tittejjeb il-kapaċità amministrattiva fis-setturi differenti.

- Jiġi abbozzat pjan ta’ azzjoni għall-konformità ma’ l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE flimkien ma’ għanijiet għall-analiżi interna tal-leġiżlazzjoni domestika u l-prattiċi amministrattivi, għall-introduzzjoni ta' klawsoli ta' rikonoxximent reċiproku u għall-emendi sussegwenti neċessarji.

- It-tħaffif tar-rata ta' addozzjoni ta' l-istandards Ewropej u ż-żieda fl-isforzi sabiex issir membru sħiħ ta' organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni.

Kapitolu 3: Id-dritt ta' l-istabbiliment u l-ħelsien fl-għoti ta' servizzi

- Jitneħħa t-tfixkil li fadal għall-istabbiliment u l-għoti ta' servizzi transkonfinali li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni fiżiċi jew legali mill-UE.

- Fil-leġiżlazzjoni tiġi introdotta distinzjoni bejn l-għoti ta’ servizzi permezz ta’ stabbiliment permanenti u l-għoti fuq bażi temporanja.

Kapitolu 4: Il-moviment ħieles tal-kapital

- Jissaħħaħ ulterjorment il-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, partikolarment biex tikber is-sensibilizzazzjoni fost l-istituzzjonijiet li jirrapportaw u billi jiġi stabbilit rekord ta’ infurzar kredibbli min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet rilevanti.

- Isir progress fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ fuq il-moviment tal-kapital.

Kapitolu 5: L-akkwisti pubbliċi

- Jissaħħaħ il-Kumitat dwar l-Ilmenti, sabiex tinstab sistema ta’ rimedji effikaċi.

Kapitolu 6: Il-liġi tal-kumpaniji

- Jiġu żviluppati sistemi effikaċi u indipendneti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll pubbliku għall-verifiki statutorji u l-kumpaniji ta’ verifika. Jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi rilevanti.

Kapitolu 7: Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

- Titħejja strateġija nazzjonali u pjan ta’ azzjoni għall-bini tal-kapaċità neċessarja għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ l- acquis f’kull qasam kopert minn dan il-kapitolu, b’enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jingħata taħriġ speċjalizzat lill-entitajiet ta' l-infurzar tal-liġi, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali doganali.

- Jiġu żviluppati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tittejjeb il-kooperazzjoni fost l-entitajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha.

Kapitolu 8: Il-politika tal-kompetizzjoni

- Jinkisbu riżultati ta’ infurzar kredibbli fil-qasam ta’ l- anti-trust u ssir enfasi fuq l-aktar ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni.

- Jiġi stabbilit kontroll effikaċi ex-ante ta’ l-għajnuna mill-Istat.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u jingħataw baġit u persunal xierqa.

Kapitolu 9: Servizzi finanzjarji

- Jissaħħu l-leġiżlazzjoni u l-qafas superviżorju, inkluż l-infurzar, is-settur finanzjarju, partikolarment għas-settur ta’ l-assigurazzjoni u s-swieq tal-garanziji.

- Jiġi żgurat li l-indipendenza ta’ awtorità superviżorja għas-settur ta' l-assigurazzjoni tkun operattiva u mogħnija b'kemm persunal teħtieġ.

Kapitolu 10: Is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-midja

- Jintemm il-ksur tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiġi ssodisfat l-obbligu tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

- Jiġu infurzati salvagwardi tal-kompetittività għall-operaturi b’setgħa sinifikanti fis-suq.

- Jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva ta’ l-awtoritajiet regolatorji għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-midja.

- Tiġi żgurata għajn stabbli u sostenibbli ta' fondi għax-xandar tas-servizz pubbliku u l-Kunsill tax-Xandir.

Kapitolu 11: L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

- Titħaffef ir-reġistrazzjoni ta’ l-art agrikola fil-leġiżlazzjoni tal-beni immobbli.

- Jiġu żgurati l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data agrikola tajba u affidabbli.

- Jissoktaw it-tħejjijiet sabiex jiġu stabbiliti entitajiet ta’ ħlas effikaċi u finanzjarment sodi għall-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi agrikoli, skond ir-rekwiżiti ta' l-UE u l-istandards internazzjonali tal-verifika.

Kapitolu 12: Is-sikurezza ta’ l-ikel u l-politika veterinarja u fitosanitarja

- Tissokta l-konverġenza tal-leġiżlazzjoni ma’ l- acquis veterinarju u fitosanitarju, b’enfasi għal-leġiżlazzjoni ta’ qafas kompatibbli ma’ l- acquis .

- Jissokta t-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizz veterinarju kemm fuq il-livell ċentrali kif ukoll fuq dak lokali sabiex tiddaħħal fis-seħħ sistema ta’ kontroll kompatibbli ma’ dik ta’ l-UE, partikolarment għall-kontrolli fuq l-importazzjoni.

- Jiġi żgurat il-karattru operattiv tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bovini u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom u tinbeda sistema għall-identifikazzjoni tal-ħnieżer, in-nagħaġ u l-mogħoż.

- Issir il-konverġenza ulterjuri tas-sistemi ta’ kontroll tal-mard u s-saħħa ta’ l-annimali mar-rekwiżiti leġiżlattivi u istituzzjonali ta’ l-UE u l-pjanijiet ta’ kontinġenza għal mard li għandu jkun notifikat.

- Issir il-valutazzjoni ta’ l-istabbiliment agroalimentari mar-rekwiżiti ta’ l-UE, li għandha sservi ta’ bażi għal pjan ġejjieni ta’ titjib għal dawk l-istabbilimenti.

Kapitolu 14: Il-politika tat-trasport

- Jitwettaq il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Iżvilupp ta’ Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk u tisaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ l-Osservatorju tat-Trasport ta’ l-Ewropa tax-Xlokk.

- Tissokta l-konverġenza ma’ l- acquis dwar it-trasport, prinċipalment dwar it-trasport ta’ prodotti perikoużi, l-aċċess għas-suq, il-kundizzjonijiet soċjali, l-implimentazzjoni tat-takografija diġitali u t-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

- Fis-settur ferrovjarju, tiġi stabbilita entità regolatorja li tkun indipendenti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, tiġi stabbilita awtorità dwar is-sigurtà responsabbli mill-ħruġ ta’ ċertifikati tas-sigurtà u ssir il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni mar-regoli ta' l-UE dwar it-trasport tal-prodotti perikolużi bil-ferrovija. Tiġi żgurata l-affidabbiltà finanzjarja permezz tal-kumpens għall-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri u jitnaqqsu d-djun.

- Jiġu implimentati l-impenji taħt l-ewwel fażi tranżitorja ta’ l-Ispazju Komuni Ewropew ta’ l-Avjazzjoni inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-avjazzjoni rilevanti.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta’ l-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Kapitolu 15: L-enerġija

- Tissokta l-konverġenza tal-leġiżlazzjoni dwar is-swieq interni ta' l-elettriku u l-gass, l-effiċenza ta' l-enerġija u l-għejun ta' enerġija li tiġġedded ma' l- acquis sabiex gradwalment is-suq ta' l-enerġija jinfetaħ għall-kompetizzjoni.

- Jissokta t-tisħiħ ta’ l-indipendenza tal-Kummissjoni Regolatorja ta’ l-Enerġija.

- Jiġu rrispettati l-obbligi skond il-qafas tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija fir-rigward ta' l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l- acquis dwar is-suq intern tal-gass u l-elettriku u dwar l-iskambji transkonfinali ta' l-elettriku.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fis-setturi kollha ta' l-enerġija, inkluża l-Aġenzija dwar l-Enerġija fil-qasam ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-għejun ta' enerġija li tiġġedded.

- Tinbena l-faċilità xierqa għall-ħażna ta’ materjali rajdoattivi.

- Jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq u indipendenti tad-Direttorat dwar is-Sikurezza tar-Radjazzjoni.

Kapitolu 16: It-tassazzjoni

- Tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali u għall-ġlieda ta’ l-evażjoni fiskali.

- Jittieħdu miżuri strutturali mill-aktar fis għar-riforma tal-politika tal-kontroll u tittejjeb il-kapaċità tal-kontroll.

- Tiġi żviluppata strateġija għall-verifika u sistema xierqa ta’ l-IT.

- Isir impenn favur il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni ta' l-intrapriżi u l-assigurazzjoni tal-konformità ta' miżuri fiskali ġodda ma' dawn il-prinċipji.

Kapitolu 18: L-istatistika

- Tissaħħaħ il-kapaċità ta’ l-Uffiċċju Statali ta’ l-Istatistika biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha taċ-ċensiment tal-popolazzjoni li jmiss u għall-iżvilupp kostanti tal-kontijiet nazzjonali u l-istatistika b'rabta magħhom; partikolarment, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġbir u l-ipproċessar ta’ l-istatistika agrikola u kummerċjali skond l-istandards u l-metodoloġija ta’ l-UE u jiżdied ir-rappurtaġġ tad- data ta’ l-istatistika lill-Eurostat.

- Jiġi finalizzat il-ħolqien ta’ reġistru ta’ l-ististika dwar il-kummerċ u l-agrikoltura, inklużi l-proċeduri li jiżguraw li r-reġistri jimtlew b’informazzjoni aġġornata.

Kapitolu 19: L-impjieg u l-politika soċjali

- Tissokta t-traspożizzjoni ta’ l- acquis u jissaħħu l-istrutturi amministrattivi u ta’ l-infurzar relatati, inkluż l-Ispettorat tax-Xogħol.

- Tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ inklużjoni u protezzjoni soċjali.

- Jiġi żgurat djalogu soċjali li jiffunzjona u rappreżentattiv.

- Isiru sforzi ulterjuri sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà.

Kapitolu 20: Il-politika industrijali u ta’ l-impriżi

- Issir id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġija industrijali li twassal għal tkabbir u innovazzjoni.

- Tiġi introdotta valutazzjoni sistematika ta’ l-impatt ta’ regolamenti ġodda fuq l-impriżi.

- Jissaħħu r-riżorsi tad-dipartiment ta’ l-SME u l-Aġenzija dwar l-SME u tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ strateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-SME u l-Karta Ewropea dwar l-Impriżi Żgħar.

- Tissokta l-ħidma dwar is-simplifikazzjoni regolatorja, il-“giljottina regolatorja” u jitnaqqas it-tfixkil burokratiku għan-negozji; jiġu introdotti valutazzjonijiet ta’ l-impatt tar-regolamenti.

Kapitolu 22: Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti strutturali

- Jissaħħaħ l-istabbiliment ta’ strutturi istituzzjonali u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-oqsma ta’ l-ipprogrammar, it-tħejjija ta’ proġetti, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju, partikolarment fil-livell ta’ ministeri rilevanti, għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ l-UE bħala tħejjija għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

- Tiġi finalizzata l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali.

Kapitolu 23: Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali

- Tiġi implimentata l-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad- data personali. Jiġi ffirmat u ratifikat il-protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku tad- data Personali fir-rigward ta’ l-awtoritajiet superviżorji u l-fluss transkonfinali tad- data .

- Għal aktar prijoritajiet ara t-taqsima dwar il-kriterji politiċi.

Kapitolu 24: Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

- Tissokta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri, jiġu żviluppati d- databases ewlenin għall-ġestjoni tal-fruntieri u jiġi żgurat li jkunu konnessi, jittejjeb it-tagħmir għall-analiżi ta' dokumenti u s-sorveljanza tal-fruntieri, jiġi introdott vjaġġar ta' kwalità għolja u dokumenti ta' l-identità u jingħata taħriġ ulterjuri lill-persunal.

- Jingħataw fondi u taħriġ xierqa għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-pulizija, tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni kemm fost il-korpi tal-pulizija kif ukoll bejn il-pulizija u aġenziji oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pulizija kriminali u l-proeskuturi pubbliċi.

- Tiġi żviluppata u implimentata strateġija komprensiva għar-riżorsi umani u t-taħriġ għall-pulizija u jittejjeb it-tagħmir tagħhom.

- Tiġi intensifikata ulterjorment il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, prinċipalment permezz ta’ użu aħjar ta’ miżuri investigattivi speċjali u bil-ħruġ u s-segwitu immedjat ta' mandati ta' arrest internazzjonali (inkluża l-kriminalità informatika, b'enfasi speċjali fuq il-pornografija tat-tfal), u tiġi stabbilita sistema integrata ta’ intelligence għall-użu bejn l-aġenziji differenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-armi u d-drogi.

- Jissaħħu l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kapaċità investigattiva fir-rigward tal-kriminalità informatika.

- Jiġi implimentat il-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid bejn il-KE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jiġu negozjati ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid mal-pajjiżi minn fejn joriġinaw il-migranti fi tranżitu.

- Jiġi intensifikat il-proċess ta’ l-introduzzjoni ta’ strumenti legali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni (internazzjonali).

- Tiġi żgurata l-konformità ta' l-atti dwar l-ażil u l-frustieri ma' l- acquis rilevanti.

Kapitolu 25: Ix-xjenza u r-riċerka

- Tissaħħaħ il-kapaċità għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex tiġi żgurat il-parteċipazzjoni b'suċċess fil-programmi ta' qafas Komunitarji.

- Jinbeda t-tfassil ta’ politika integrata dwar ir-riċerka u jittieħdu azzjonijiet għall-integrazzjoni fiż-Żona Ewropea ta’ Riċerka.

Kapitolu 26: L-Edukazzjoni u l-Kultura

- Jiġi finalizzat il-qafas leġiżlattiv u amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-programmi Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ Attivi u jissaħħu l-entitajiet implimentattivi.

Kapitolu 27: L-ambjent

- Tissokta l-konverġenza leġiżlattiva ma’ l- acquis , partikolarment fl-oqsma tal-kwalità ta’ l-arja, il-ġestjoni ta’ l-iskart u l-kwalità ta’ l-ilma, u tittejjeb b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ ambjentali.

- Jissaħħu l-Ispettorat Ambjentali u entitajiet oħra ta’ infurzar, jiġi stabbilit rekord kredibbli ta’ infurzar u jiġi żgurat li l-multi u sanzjonijiet oħra jiġu applikati b'mod effikaċi u jħallu effett dissważiv.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali u lokali u tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet amministrattivi responsabbli minn kwistjonijiet marbuta ma’ l-ambjent.

- Jitħejjew pjani strateġiċi, inklużi strateġiji finanzjarji, u titħejja strateġija nazzjonali għall-ġestjoni ta’ l-iskart u pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart.

- Tiġi żviluppata strateġija ta’ investiment ambjentali msejsa fuq l-istimi tan-nefqa tal-konverġenza.

- Issir l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali f'politiki settorjali oħra, partikolarment permezz ta' l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali.

- Jiżdied l-investiment fl-infrastruttura ambjentali, b’enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament ta’ l-ilma maħmuġ ( waste water ), il-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb, l-indirizzar tat-tniġġiż ta' l-arja u l-ġestjoni ta' l-iskart.

Kapitolu 29: L-unjoni doganali

- Tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

- Issir konverġenza ulterjuri tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri ma’ l- acquis , partikolarment fil-qasam tat-tranżitu u l-allokazzjoni tal-kwoti tariffarji.

- Issir il-konverġenza dwar iż-żoni ta’ żvilupp teknoloġiku/industrijali ma’ l- acquis .

Kapitolu 31: Il-Poliitka barranija, tas-sigurtà u d-difiża

- Tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni għall-infurzar tal-pożizzjoni komuni fil-qasam tal-miżuri restrittivi internazzjonali.

Kapitolu 32: Il-kontroll finanzjarju

- Issir l-analiżi tad-dokument ta’ politika dwar il-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi (PIFC) u jitressqu liġijiet dwar il-PIFC u l-verifika interna, sabiex kemm il-politiki tal-PIFC u l-leġiżlazzjoni kurrenti jsiru komprensivi u konsistenti, u l-pjan ta' azzjoni jiġi aġġornat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fuq terminu medju marbuta mal-PIFC.

- Jiġi finalizzat il-ħolqien ta’ unitajiet ta’ verifika interna f’istituzzjonijiet ċentrali ta’ l-Istat, fejn xieraq jinħolqu unitajiet simili fil-livell muniċipali u jiġu żgurati persunal, taħriġ u tagħmir xierqa.

- Jiġu żviluppati s-sistema ta' ġestjoni effikaċi, monitoraġġ, kontroll u verifika meħtieġa għall-implimentazzjoni deċentralizzata tal-programmi taħt l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni ta' l-UE.

- Tittejjeb l-indipendenza operattiva u finanzjarja ta’ l-Uffiċċju Statali tal-Verifika u jiġi żgurat is-segwitu tas-sejbiet tar-rapporti tiegħu.

3.2. Prijoritajiet fuq terminu medju

Kriterji politiċi

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

Il-Gvern

- Jitlesta l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni.

L-amministrazzjoni pubblika

- Tiġi żviluppata ulterjorment il-kapaċità ta’ l-amministrazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-politika tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

- Titlesta l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

- Jiġu infurzati r-regolamenti marbuta mal-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interessi, b'konformità ma' standards internazzjonali.

Id-drittijiet umani u l-ħarsien tal-minoranzi

- Issir il-promozzjoni ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-entitajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u f’ċentri ta’ detenzjoni u faċilitajiet korrettivi.

- L-istrateġija dwar ir-rappreżentanza ekwa tal-komunitajiet li ma jinsabux f'maġġoranza tiġi implimentata ulterjorment.

Il-kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali

- Issir il-promozzjoni tad-djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet tajba ta’ viċinat u l-kooperazzjoni.

Kriterji ekonomiċi

- Jiżdiedu l-isforzi għas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tas-suq ta’ l-elettriku, fid-dawl ta’ l-impenji tal-pajjiż għal-liberalizzazzjoni, billi jitneħħew id-distrosjonijiet attwali minħabba fi prezzijiet li ma jippermettux l-irkupru ta' l-ispejjeż u billi jissaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u l-infrastruttura fiżika.

- Tittejjeb il-kwalità ta’ l-infiq pubbliku billi tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur pubbliku għall-ippjanar fuq terminu medju u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-baġit. Jissokta t-titjib tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni, billi jingħataw fondi ulterjuri għall-infrastruttura u l-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi riċenti fis-settur ta’ l-edukazzjoni.

- Jissokta t-titjib tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad, partikolarment billi jittieħdu miżuri addizzjonali għall-indirzzar tal-qgħad taż-żgħażagħ u l-qgħad fuq perjodi twal bl-immodernizzar tas-sistema tas-sigurtà soċjali u ta' l-edukazzjoni.

- Jissoktaw l-isforzi għall-integrazzjoni tas-settur informali fis-settur formali ta’ l-ekonomija.

- Tittejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż, partikolarment għall-enerġija u t-trasport, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-ekonomija b'mod ġenerali.

Il-kapaċità li tissodisfa l-obbligi ta' l-adeżjoni

Kapitolu 1: Il-moviment ħieles tal-prodotti

- Tiġi żviluppata struttura ta' sorveljanza tas-suq konformi ma' l- acquis .

Kapitolu 3: Id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà għall-forniment tas-servizzi

- Issir il-konverġenza ma’ l- acquis ta’ l-UE fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, inkluż l-għoti ta’ taħriġ, u jiġu żviluppati l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

- Issir il-konverġenza tas-servizzi postali ma’ l- acquis , inkluż il-ħolqien ta’ awtorità regolatorja nazzjonali indipendenti.

Kapitolu 5: L-akkwisti pubbliċi

- Jiġu stabbiliti strutturi dwar l-akkwisti pubbliċi li jkunu operattivi bis-sħiħ, li jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-akkwisti pubbliċi jsiru skond l-istandards tal-KE. Tiġi żviluppata sistema ta’ akkwisti elettroniċi ( e-procurement) .

Kapitolu 7: Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

- Tinbena l-kapaċità neċessarja għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ l- acquis f’kull qasam kopert minn dan il-kapitolu u jinkisbu riżultati sodisfaċenti dwar il-ivestigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-trattament ġudizzjarju tal-piraterija u l-iffalsifikar.

Kapitolu 8: Il-politika tal-kompetizzjoni

- Issir konverġenza ulterjuri ma’ l- acquis fir-rigward ta’ l- anti-trust u l-għajnuna mill-Istat.

- Jittejjeb ulterjorment ir-rekord ta’ l-infurzar fl-oqsma ta’ l- anti-trust u l-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

- Tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-gvern, il-qasam kummerċjali u l-pubbliku ġenerali.

Kapitolu 9: Is-servizzi finanzjarji

- Jiġi stabbilit rekord kredibbli dwar il-ġlieda kontra s-sewqan mingħajr poloz ta’ assigurazzjoni.

- Issir konverġenza ulterjuri mal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar is-servizzi finanzjarji.

Kapitolu 11: L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

- Tittejjeb il-kapaċità ta’ l-amministrazzjoni agrikola u jitlestew it-tħejjijiet għall-infurzar u l-applikazzjoni prattika tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-politika agrikola komuni, partikolarment is-sistema integrata ta’ ġestjoni u kontroll (IACS), u jiġi żgurat l-iffunzjonar tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-pakketti ta’ l-art (LPIS).

Kapitolu 12: Is-sikurezza ta’ l-ikel u l-politika veterinarja u fitosanitarja

- Issir konverġenza ulterjuri ma’ l- acquis fir-rigward tat- transmissible spongiform encephalopathies (TSE) u prodotti sekondarji ta’ l-annimali, isiru l-implimentazzjoni u l-kontroll ta' l-infurzar tagħha u tiġi stabbilita s-sistema neċessarja għall-ġbir u t-trattament.

- Tiġi stabbilita awtorità dwar is-saħħa tal-pjanti b'persunal xieraq. Issir konverġenza ulterjuri tal-leġiżlazzjoni fitosanitarja ma’ l- acquis .

- Jiġi adottat pjan għat-titjib ta' l-istabbiliment agroalimentari u tinbeda l-implimentazzjoni tiegħu.

- Tissaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji fil-qasam tas-sikurezza ta’ l-ikel, u fil-qasam veterinarju u dak fitosanitarju.

Kapitolu 14: Il-politika tat-trasport

- Tissokta l-ħidma lejn it-tlestija tal-konverġenza ma’ l- acquis fil-qasam tat-trasport bit-triq (inkluża l-implimentazzjoni tat-takografu diġitali), tissokta l-konverġenza ma’ l- acquis ferrovjarju (l-ewwel u t-tieni pakkett ferrovjarju u l-interoperabbiltà), tinkiseb il-konverġenza sħiħa mal-leġiżlazzjoni ta' l-avjazzjoni u jiġi żgurat l-infurzar attiv tal-leġiżlazzjoni korrispondenti.

- Jiġu implimentati l-impenji skond it-tieni fażi tranżitorja tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni Ewropew ta’ l-Avjazzjoni

Kapitolu 17: Il-politika ekonomika u monetarja

- Issir il-konverġenza tal-qafas legali sabiex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-bank ċentrali.

Kapitolu 18: L-istatistika

- Jiġu żviluppati ulterjorment l-oqsma kollha ta' l-istatistika, tinkiseb l-armonizzazzjoni sħiħa fl-oqsma ewlenin f'termini ta' frekwenza, ambitu, klassifikazzjonijiet, immedjatezza u kwalità u tiddaħħal fis-seħħ sistema uniformi ta’ ġestjoni u produzzjoni.

- Tiddaħħal fis-seħħ sistema nazzjonali ta’ l-istatistika li tkun koordinata tajjeb.

Kapitolu 19: L-impjieg u l-politika soċjali

- Jiġi żviluppat mekkaniżmu għad-djalogu soċjali.

- Jiġu żviluppati politiki għall-inklużjoni soċjali fuq terminu twil u jittejjeb l-aċċess tas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli.

- Isir it-tisħiħ ulterjuri tal-politiki dwar il-protezzjoni soċjali.

- Jiġu żviluppati mekkaniżmi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà.

Kapitolu 20: Il-politika industrijali u imprenditorjali

- Isir l-iżvilupp ulterjuri ta’ mekkaniżmi ta’ sostenn għall-SMEs u jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-servizzi fininzjarji – Issir id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġija industrijali li twassal għal tkabbir u innovazzjoni.

- Tiġi kkunsidrata strateġija ta' żvilupp dwar is-simplifikazzjoni ta' edukazzjoni imprenditorjali msejsa fuq proġetti pilota ta' suċċess b’fondi tad-donaturi.

Kapitolu 22: Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti strutturali

- Tiġi msaħħa l-kapaċità amministrattiva fil-livell ċentrali u tiġi żviluppata fil-livelli reġjonali u lokali. Tiġi żgurata distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u tissaħħaħ il-kapaċità tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet/strutturi implimentattivi maħtura, inklużi l-awtoritajiet lokali.

Kapitolu 24: Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

- Tiġi żgurata l-konverġenza ma’ l- acquis rilevanti fil-qasam ta’ l-ażil u l-immigrazzjoni.

Kapitolu 25: Ix-xjenza u r-riċerka

- Tiġi applikata politika integrata ta' riċerka.

Kapitolu 26: L-Edukazzjoni u l-Kultura

- Jissuktaw l-isforzi għal titjib fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni primarja, u biex tiġi stabbilita edukazzjoni vokazzjonali moderna u sistema ta’ taħriġ u settur ta’ l-edukazzjoni għolja marbuta mas-suq tax-xogħol u l-ħtiġiet ekonomiċi u ssir il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni għolja.

Kapitolu 27: L-ambjent

- Tissokta l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali f'politiki settorjali oħra, partikolarment permezz ta' l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali.

- Jiżdiedu ulterjorment l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b’enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament ta’ l-ilma maħmuġ ( waste water ), il-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb, l-indirizzar tat-tniġġis ta' l-arja u l-ġestjoni ta' l-iskart.

Kapitolu 28: Il-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

- Issir konverġenza sħiħa ma’ l- acquis ta’ l-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa għal sorveljanza effikaċi tas-suq.

- Tissokta l-konverġenza ma’ l- acquis ta’ l-UE fil-qasam tal-politika tas-saħħa pubblika, b’mod aktar speċifiku fl-oqsma tat-tabakk, id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli u l-mard jittieħed. Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva u finanzjarja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

- Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi msejsa fuq il-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni, u tiġi żgurata l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-kura tas-saħħa mentali.

Kapitolu 31: Il-Poliitka barranija, tas-sigurtà u d-difiża

- Issir il-konformità tal-ftehim konkluż ma’ l-Istati Uniti dwar il-kundizzjonijiet ta’ ċessjoni ta’ persuni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali skond il-prinċipji gwida ta’ l-UE li ġew adottati mill-Kunsill Ewropew f’Settembru 2002.

Kapitolu 32: Il-kontroll finanzjarju

- Jiġi żviluppat ulterjorment u implimentat il-modell ta’ kontroll intern tal-finanzi pubbliċi (PIFC) ta’ l-UE (responsabbiltà ġestjonali deċentralizzata u verifika interna li tiffunzjona b’mod indipendenti) permezz ta’ leġiżlazzjoni koerenti u kapaċità istituzzjonali xierqa taħt il-gwida tal-Ministeru għall-Affarijiet Finanzjarji.

- Tissaħħaħ ulterjorment il-kapaċità operattiva u l-indipendenza funzjonali u finanzjarja ta’ l-Uffiċċju Statali tal-Verifika.

- Jiġu implimentati proċeduri u kapaċità amministrattiva li jiżguraw il-ħarsien effettiv ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE.

4. PROGRAMMAR

L-għajnuna Komunitarja skond il-proċess ta' stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se tingħata skond l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2666/2000 tal-5 ta’ Diċembru tas-sena 2000 (ir-regolament CARDS)[5]. Il-ftehimiet ta’ ffinanzjar iservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għalhekk, din id-Deċiżjoni mhux se jkollha implikazzjonijiet finanzjarji. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jista’ jkollha aċċess għal fondi minn programmi li jinkludu diversi pajjiżi u programmi orizzontali.

5. KUNDIZZJONALITÀ

L-għajnuna Komunitarja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tiddependi fuq il-progress fit-twettiq tal-kriterji ta’ Kopenħagen kif ukoll fuq il-progress fil-kisba tar-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-prijoritajiet speċifiċi ta’ din is-Sħubija Ewropeja. Nuqqas ta' rispett għal dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal sabiex il-Kunsill jieħu miżuri xiereqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006, jew fil-każ ta’ programmi qabel l-2007, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-għajnuna Komunitarja għandha wkoll tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet imfissra mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, partikolarment fir-rigward tal-ħidma tal-benefiċjarji li jwettqu r-riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Il-kundizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta’ ffinanzjar ser jiġu segwiti minn ftehim ta’ ffinanzjar iffirmat ma’ l-ex Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja.

6. MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta’ Adeżjoni ser tiġi eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, prinċipalment ir-rapporti annwali tal-progress imressqa mill-Kummissjoni.

[1] ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, tal-17.2.2006, p. 7).

[2] Id-Deċiżjoni KE XX [data] (proposta mnedija fis-6 ta’ Novembru 2007).

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/57/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet miġbura fis-Sħubija Ewropeja ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/518/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 32).

[4] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

[5] ĠU L 306, 7.12.2000, p 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, tas-27.12.2005, p. 23).