|
5.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 42/9 |
DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2021/135
tat-12 ta’ Novembru 2020
li tissupplimenta r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet dettaljati għall-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva tal-fond ta’ proviżjonament komuni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 213(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 212(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju”), il-provvedimenti magħmula biex jitkoprew l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji jew assistenza finanzjarja għandhom jinżammu f’fond ta’ proviżjonament komuni. Ir-riżorsi tal-fond ta’ proviżjonament komuni se jitqassmu f’kompartimenti li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-istrumenti ta’ kontribuzzjoni. Skont l-Artikolu 213(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-proviżjonament ta’ garanziji baġitarji u ta’ assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi permezz tal-fond ta’ proviżjonament komuni għandu jkun ibbażat fuq rata ta’ proviżjonament effettiva. |
|
(2) |
Ir-rata ta’ proviżjonament effettiva jenħtieġ li tiġi stabbilita abbażi tar-rati ta’ proviżjonament inizjali ddeterminati separatament għal kull garanzija baġitarja jew assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi skont l-Artikolu 211(2). Skont l-Artikolu 213(2) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li tapplika biss għall-ammont ta’ riżorsi previsti għall-pagament ta’ talbiet għall-ħlas ta’ garanzija fil-fond ta’ proviżjonament komuni, fuq perjodu ta’ sena. Ir-rata ta’ proviżjonament effettiva se tapplika għall-kompartimenti kollha fil-fond ta’ proviżjonament komuni li jistgħu joħolqu obbligazzjoni kontinġenti għall-baġit tal-Unjoni. |
|
(3) |
Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva jenħtieġ li tkun ibbażata fuq metodi stabbiliti għall-kejl u l-ġestjoni tar-riskji ta’ kreditu, li jintużaw b’mod wiesa’ fis-settur finanzjarju. Dawn il-metodi jiddependu ħafna fuq l-istima tad-distribuzzjoni tat-telf tal-portafoll ta’ kreditu b’mod separat u b’mod konġunt għall-istrumenti kollha ta’ kontribuzzjoni. Il-metodoloġija tiffoka b’mod partikolari fuq il-valutazzjoni ta’ żewġ komponenti tar-riskju ta’ kreditu – it-telf mistenni u dak mhux mistenni. |
|
(4) |
Ir-rata ta’ proviżjonament effettiva jenħtieġ li tirrifletti l-benefiċċji tal-akkomunament tal-garanziji baġitarji u tal-assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi bi profili tar-riskju u b’xejriet ta’ flussi ta’ flus differenti. Għaldaqstant, il-metodoloġija biex jiġi stabbilit il-livell ta’ proviżjonament effettiv fil-fond ta’ proviżjonament komuni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ diversifikazzjoni, li jippermetti li jiġi ottimizzat il-livell ta’ proviżjonament meħtieġ mill-atti bażiċi rispettivi tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni. |
|
(5) |
Il-korrelazzjoni tat-telf bejn il-kompartimenti fil-fond ta’ proviżjonament komuni hija informazzjoni importanti biex tiġi determinata r-rata ta’ proviżjonament effettiva. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi stabbilit approċċ robust biex jiġi vvalutat il-livell ta’ korrelazzjoni bejn il-kompartimenti. |
|
(6) |
Ir-rata ta’ proviżjonament effettiva għandha tkun ir-referenza għall-kalkolu mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit għall-proviżjonament skont l-Artikolu 211(4)(a) tar-Regolament Finanzjarju, għal kwalunkwe rikostituzzjoni tal-fond ta’ proviżjonament komuni skont l-Artikolu 213(4)(b) tar-Regolament Finanzjarju jew għat-tfigħ lura fil-baġit ta’ kwalunkwe surplus ta’ provvedimenti skont l-Artikolu 213(4)(a) tar-Regolament Finanzjarju, għal kull strument separat ta’ kontribuzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-rata ta’ proviżjonament effettiva tiġi kkalkulata mill-maniġer finanzjarju tar-riżorsi tal-fond ta’ proviżjonament komuni (“il-maniġer finanzjarju”), f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 213(1) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata ta’ proviżjonament effettiva għandha tipprovdi livell ta’ protezzjoni li jagħmel tajjeb għall-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, ekwivalenti għal-livell li jkun ipprovdut mir-rati ta’ proviżjonament rispettivi li kieku r-riżorsi kellhom jinżammu u jiġu ġestiti separatament. Jekk l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita r-rata ta’ proviżjonament effettiva b’mod prudenti ma tkunx kompletament disponibbli, il-maniġer finanzjarju jenħtieġ li jitħalla jistabbilixxi r-rata ta’ proviżjonament effettiva għal 100 %, bħala miżura ta’ salvagwardja, biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan l-Artikolu. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 282(3)(g) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 213 ta’ dan ir-Regolament dwar ir-rata ta’ proviżjonament effettiva għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-istess data, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-maniġer finanzjarju bl-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-previżjonijiet tal-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ għall-kompartimenti rilevanti tal-fond ta’ proviżjonament komuni għall-perjodu rilevanti; |
|
(b) |
informazzjoni rilevanti oħra meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-adegwatezza tal-proviżjonament, abbażi tal-metodoloġija għall-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva. |
2. Il-maniġer finanzjarju għandu jikkalkula r-rata ta’ proviżjonament effettiva applikabbli għall-perjodu annwali rilevanti f’konformità mal-proċedura baġitarja, billi juża l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1.
Madankollu, b’deroga mill-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-konformità mal-proċedura baġitarja, il-maniġer finanzjarju għandu jikkalkula r-rata ta’ proviżjonament effettiva applikabbli għall-ewwel perjodu annwali billi juża l-informazzjoni disponibbli u rilevanti malajr kemm jista’ jkun.
3. Il-maniġer finanzjarju għandu jikkalkula r-rata ta’ proviżjonament effettiva billi juża l-metodoloġija stabbilita fl-Anness. Il-maniġer finanzjarju, mal-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva, għandu jagħti valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq u kwalunkwe suppożizzjoni rilevanti oħra, kif stabbilit fil-metodoloġija użata fil-kalkolu.
Artikolu 2
1. Il-maniġer finanzjarju jista’ jistabbilixxi r-rata ta’ proviżjonament effettiva ta’ 100 % sabiex jissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 213(1) tar-Regolament Finanzjarju, biex jiżgura li l-livell ta’ protezzjoni li jagħmel tajjeb għall-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jkun ekwivalenti għal-livell li jkun ipprovdut mir-rati ta’ proviżjonament rispettivi li kieku r-riżorsi kellhom jinżammu u jiġu ġestiti separatament.
2. L-ewwel paragrafu għandu japplika biss meta l-informazzjoni relatata ma’ strument ta’ kontribuzzjoni sinifikanti fil-fond ta’ proviżjonament komuni, li tkun essenzjali għall-kalkolu tar-rata ta’ proviżjonament effettiva b’mod prudenti, ma tkunx kompletament disponibbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mid-data tal-applikazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
ANNESS
1.
Ir-rata ta’ proviżjonament effettiva tal-fond ta’ proviżjonament komuni għandha tiġi kkalkulata billi jitqies l-ammont ta’ telf mistenni kif ukoll mhux mistenni għal kull strument ta’ kontribuzzjoni, u għall-proporzjon ta’ diversifikazzjoni, li jirrappreżenta l-korrelazzjoni bejn it-telf tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni, kif stabbilit bil-formula li ġejja:
Fejn
EPR t – ir-rata ta’ proviżjonament effettiva, espressa bħala perċentwal tal-ammont tar-riżorsi previsti għall-pagament tat-talbiet għal ħlas ta’ garanzija għas-sena t, jekk il-proviżjonament għall-istrumenti ta’ kontribuzzjoni jinżamm u jiġi ġestit separatament;
EL i,t – it-telf mistenni għall-kompartiment i, għas-sena t, iddeterminat mis-servizzi awtorizzanti għall-kompartiment rilevanti u li jirrappreżenta l-ammont ta’ riżorsi li huma meħtieġa biex jkunu koperti t-talbiet għal ħlas ta’ garanzija mistennijin għas-sena t;
UL i,t – it-telf mhux mistenni għall-kompartiment i, għas-sena t, iddeterminat mis-servizzi awtorizzanti għall-kompartiment rilevanti u li jirrappreżenta l-volatilità (id-devjazzjoni standard) tat-telf mistenni għall-kompartiment;
i,j – il-kompartiment
t – is-sena
x t – il-koeffiċjent ta’ aġġustament, espress bħala perċentwal ta’ UL i,t għas-sena t, li jirrifletti l-marġni meħtieġ biex ikopri l-volatilità, fuq terminu qasir, tal-istimi tat-telf, filwaqt li jipprovdi protezzjoni addizzjonali kontra l-likwidità insuffiċjenti;
ρ i,j – il-matriċi ta’ korrelazzjoni bejn it-telf tal-kompartimenti individwali matul il-ħajja tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni;
DR – il-proporzjon ta’ diversifikazzjoni, li jirrifletti d-differenza bejn is-somma tat-telf mhux mistenni tul il-ħajja tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni kollha fid-denominatur u t-telf komuni mhux mistenni tul il-ħajja għall-kompartimenti kollha, ikkalkulat kif ġej:
2.
Il-proporzjon ta’ diversifikazzjoni għandu jiġi kkalkulat mill-maniġer finanzjarju għas-sena t, abbażi tal-inputs mis-servizzi awtorizzanti u l-istimi tal-matriċi ta’ korrelazzjoni.
3.
Il-matriċi ta’ korrelazzjoni bejn il-kompartimenti għandha tiġi stabbilita mill-maniġer finanzjarju, bl-użu ta’ data storika meta disponibbli, ta’ varjabbli ta’ sostituzzjoni għall-kompartimenti bl-użu ta’ data disponibbli pubblikament (bħall-indiċi tal-bonds, tal-ekwità), li jirrappreżentaw il-kopertura ġeografika jew settorjali għall-kompartimenti rispettivi. Il-matriċi ta’ korrelazzjoni tista’ tiġi aġġustata mill-maniġer finanzjarju biex jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u fatturi rilevanti oħra.