02013R0149 — MT — 03.01.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 149/2013

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 052 23.2.2013, p. 11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2155 tat-22 ta' Settembru 2017

  L 304

13

21.11.2017




▼B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 149/2013

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “klijent indirett” tfisser klijent ta’ klijent ta’ membru tal-ikklerjar;

▼M1

(b) “arranġamenti tal-ikklerjar indirett” tfisser sett ta' relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornituri u r-riċeventi ta' servizzi tal-ikklerjar indirett pprovduti minn klijent, klijent indirett jew it-tieni klijent indirett;

▼B

(c) “konferma” tfisser id-dokumentazzjoni tal-ftehim tal-kontropartijiet għat-termini kollha ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC (over the counter);

▼M1

(d) “tieni klijent indirett” tfisser klijent ta' klijent indirett;

(e) “tielet klijent indirett” tfisser klijent tat-tieni klijent indirett.

▼B



KAPITOLU II

ARRANĠAMENTI TAL-IKKLERJAR INDIRETTI

(Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

▼M1

Artikolu 2

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett minn klijenti

1.  Klijent jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lil klijenti indiretti sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) il-klijent ikun istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata jew ditta tal-investiment jew entità stabbilita f'pajjiż terz li titqies bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dik l-entita kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b) il-klijent jipprovdi s-servizzi tal-ikklerjar indirett b'termini kummerċjali raġonevoli u jiddivulga pubblikament it-termini u kundizzjonijiet ġenerali li bihom jipprovdi dawk is-servizzi;

(c) il-membru tal-ikklerjar ikun qabel mat-termini u kundizzjonijiet ġenerali msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

2.  Il-klijent imsemmi fil-paragrafu 1 u l-klijent indirett għandhom jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(a) it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fil-paragrafu 1(b);

(b) l-impenn tal-klijent li jonora l-obbligi kollha tal-klijent indirett lejn il-membru tal-ikklerjar fir-rigward tat-tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett.

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett għandhom jiġu dokumentati b'mod ċar.

3.  CCP ma għandhiex tipprevjeni l-konklużjoni tal-arranġamenti tal-ikklerjar indirett li tkun daħlet fihom fuq termini kummerċjali raġonevoli.

Artikolu 3

Obbligi tas-CCPs

1.  CCP għandha tiftaħ u żżomm kwalunkwe wieħed mill-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) skont it-talba tal-membru tal-ikklerjar.

2.  CCP li żżomm l-assi u l-pożizzjonijiet ta' diversi klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)(b) għandha żżomm reġistri separati tal-pożizzjonijiet ta' kull klijent indirett, tikkalkula l-marġini fir-rigward ta' kull klijent indirett u tiġbor l-ammont ta' dawk il-marġni fuq bażi gross, abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3).

3.  CCP għandu jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kull riskju materjali li jirriżulta mill-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tas-CCP għal żviluppi avversi tas-suq.

Artikolu 4

Obbligi tal-membri tal-ikklerjar

1.  Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu jagħmel dan fuq termini kummerċjali raġonevoli u għandu jiddivulga pubblikament it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li bihom jipprovdi dawn is-servizzi.

It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu r-riżorsi finanzjarji minimi u r-rekwiżiti tal-kapaċità operattiva għal klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar indirett.

2.  Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu jiftaħ u jżomm mill-inqas dawn il-kontijiet li ġejjin skont it-talba tal-klijent:

(a) kont omnibus bl-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn dak il-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu;

(b) kont omnibus bl-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn dak il-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu, li fihom il-membru tal-ikklerjar għandu jiżgura li l-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ma jpaċux il-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ieħor u li l-assi ta' klijent indirett ma jistgħux jintużaw biex ikopru l-pożizzjonijiet ta' klijent indirett ieħor

3.  Membru tal-ikklerjar li jżomm assi u pożizzjonijiet għall-kont ta' diversi klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu jipprovdi s-CCP fuq bażi ta' kuljum bl-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti li s-CCP tidentifika l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont ta' kull klijent indirett. Din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4).

4.  Membru tal-ikklerjar li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indiretti għandu mill-inqas jiftaħ u jżomm dawn il-kontijiet li ġejjin fis-CCP skont it-talba li tkun saret mill-klijent:

(a) kont segregat għall-iskop esklużiv li jinżammu l-assi u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti miżmuma mill-membru tal-ikklejar f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(a);

(b) kont segregat għall-iskop esklużiv li jinżammu l-assi u l-pożizzjonijiet ta' kull klijent indirett miżmuma mill-membru tal-ikklejar f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b).

5.  Membru tal-ikklerjar għandu jistabbilixxi proċeduri għall-ġestjoni ta' inadempjenza ta' klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indiretti.

6.  Membru tal-ikklerjar li jżomm l-assi u l-pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu:

(a) jiżgura li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 jippermettu l-likwidazzjoni fil-pront ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta' klijent, inkluż il-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet fil-livell tas-CCP, u jinkludi proċedura dettaljata biex jikkomunika mal-klijenti indiretti dwar l-inadempjenza tal-klijent u l-perjodu ta' żmien mistenni biex jiġu likwidati l-assi u l-pożizzjonijiet ta' dawk il-klijenti indiretti;

(b) wara li jitlesta l-proċess tal-ġestjoni tal-inadempjenza għall-inadempjenza ta' klijent, jirritorna fil-pront għand dak il-klijent, għall-kont tal-klijenti indiretti, kwalunkwe bilanċ dovut mil-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet.

7.  Membru tal-ikklerjar li jżomm assi u pożizzjonijiet ta' klijenti indiretti f'kont kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu:

(a) jinkludi fil-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5:

(i) il-passi biex jittrasferixxi l-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn klijent inadempjenti għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu lil klijent ieħor jew lil membru tal-ikklerjar;

(ii) il-passi biex iħallas lil kull klijent indirett ir-rikavat mil-likwidazzjoni tal-assi u l-pożizzjonijiet ta' dak il-klijent indirett;

(iii) proċedura dettaljata li tikkomunika lill-klijenti indiretti l-inadempjenza tal-klijent u l-perjodu ta' żmien mistenni biex jiġu likwidati l-assi u l-pożizzjonijiet ta' dawn il-klijenti indiretti;

(b) jimpenja ruħu b'kuntratt li jiskatta l-proċeduri għat-trasferiment tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma minn klijent inadempjenti għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu għal klijent jew membru tal-ikklerjar ieħor li nħatar mill-klijenti indiretti rilevanti tal-klijent inadempjenti, fuq talba minn dawk il-klijenti indiretti u mingħajr ma jikseb il-kunsens tal-klijent inadempjenti. Il-klijent jew il-membru tal-ikklerjar l-ieħor għandu jkun obbligat jaċċetta dawn l-assi u l-pożizzjonijiet biss meta dan il-klijent jew il-membru tal-ikklerjar l-ieħor ikun daħal minn qabel f'relazzjoni kuntrattwali ma' dawn il-klijenti indiretti rilevanti fejn ħa impenn li jagħmel dan;

(c) jiżgura li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 5 jippermettu l-likwidazzjoni fil-pront ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta' klijent, inkluż il-likwidazzjoni ta' dawk l-assi u pożizzjonijiet fil-livell tas-CCP, f'każ li t-trasferiment imsemmi fil-punt (b) ma jkunx seħħ għal xi raġuni f'perjodu ta' żmien ta' trasferiment predefinit speċifikat fl-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(d) wara l-likwidazzjoni ta' dawn l-assi u l-pożizzjonijiet, jimpenja ruħu b'kuntratt biex jiskatta l-proċeduri għall-pagament tar-rikavati minn likwidazzjoni għal kull klijent indirett;

(e) meta l-membru tal-ikklerjar ma jkunx seta' jidentifika l-klijenti indiretti jew itemm il-pagament tar-rikavat minn likwidazzjoni msemmi fil-punt (d) għal kull klijent indirett, jirritorna fil-pront lill-klijent għall-kont tal-klijenti indiretti kwalunkwe bilanċ dovut mil-likwidazzjoni ta' dawn l-assi u pożizzjonijiet.

8.  Membru tal-ikklerjar għandu jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kwalunkwe riskju materjali li jirriżulta mill-forniment ta' servizzi tal-ikklejar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tiegħu għal żviluppi avversi tas-suq Il-membru tal-ikklerjar għandu jistabbilixxi l-proċeduri interni biex jiżgura li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(8) ma tkunx tista' tintuża għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 5

Obbligi tal-klijenti

1.  Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu joffri għażla lill-klijenti indiretti bejn mill-inqas it-tipi ta' kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u għandu jiżgura li dawk il-klijenti indiretti jkunu infurmati b'kollox dwar il-livelli tas-segregazzjoni u r-riskji assoċjati ma' kull tip ta' kont.

2.  Il-klijent imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jassenja wieħed mit-tipi ta' kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) lill-klijenti indiretti li ma jkunux għażlu wieħed f'perjodu ta' żmien raġonevoli stabbilit mill-klijent. Il-klijent għandu jinforma lill-klijent indirett dwar ir-riskji assoċjati mat-tip ta' kont assenjat mingħajr dewmien żejjed. Il-klijent indirett jista' jagħżel tip differenti ta' kont fi kwalunkwe ħin billi jitlob dan bil-miktub lill-klijent.

3.  Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indiretti jżomm rekords u kontijiet separati li jippermettulu jiddistingwi bejn l-assi u l-pożizzjonijiet tiegħu stess u dawk miżmuma għall-kont tal-klijenti indiretti tiegħu.

4.  Meta l-assi u l-pożizzjonijiet ta' diversi klijenti indiretti jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b), il-klijent għandu jipprovdi lill-membru tal-ikklerjar bl-informazzjoni meħtieġa fuq bażi ta' kuljum biex jippermetti li l-membru tal-ikklerjar jidentifika l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont ta' kull klijent indirett.

5.  Klijent li jipprovdi servizzi tal-ikklerjar indirett għandu, skont l-għażla tal-klijenti indiretti tiegħu, jitlob lill-membru tal-ikklerjar jiftaħ u jżomm fis-CCP il-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4).

6.  Klijent għandu jipprovdi lill-klijenti indiretti tiegħu biżżejjed informazzjoni biex jippermetti li dawn il-klijenti indiretti jidentifikaw is-CCP u l-membru tal-ikklerjar użati biex jikklerjaw il-pożizzjonijiet tagħhom

7.  Meta l-assi u l-pożizzjonijiet ta' wieħed mill-klijenti indiretti jew aktar jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b), il-klijent għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha fl-arranġament tal-ikklerjar mal-klijenti indiretti tiegħu biex jiżgura li, fil-każ ta' inadempjenza ta' dak il-klijent, il-membru tal-ikklerjar jista' jirritorna fil-pront lill-klijenti indiretti r-rikavati mil-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-assi miżmuma għall-kont ta' dawn il-klijenti indiretti skont l-Artikolu 4(7)

8.  Klijent għandu jipprovdi lill-membru tal-ikklerjar b'biżżejjed informazzjoni biex jidentifika, jissorvelja u jġestixxi kwalunkwe riskju materjali li jirriżulta mill-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett li seta' jaffettwa r-reżiljenza tal-membru tal-ikklerjar

9.  Klijent għandu jkollu arranġamenti fis-seħħ biex jiżgura li, meta jsir inadempjenti, l-informazzjoni kollha li għandu fir-rigward tal-klijenti indiretti tiegħu tkun disponibbli għall-membru tal-ikklerjar, inkluż l-identità tal-klijenti indiretti msemmija fl-Artikolu 5(4).

▼M1

Artikolu 5a

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett minn klijenti indiretti

1.  Klijent indirett jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lit-tieni klijenti indiretti dment li l-partijiet għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) il-klijent indirett ikun istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata jew ditta tal-investiment jew entità stabbilita f'pajjiż terz li titqies bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dik l-entità kienet stabbilita fl-Unjoni;

(b) il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(i) it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b);

(ii) l-impenn tal-klijent indirett li jonora l-obbligi kollha tat-tieni klijent indirett lejn il-klijent fir-rigward ta' tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(c) l-assi u l-pożizzjonijiet tat-tieni klijent indirett jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a).

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett imsemmija fil-punt (b) għandhom jiġu ddokumentati b'mod ċar.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-partijiet għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-membru tal-ikklerjar u l-klijent ikunu parti mill-istess grupp, iżda l-klijent indirett ma jkunx parti minn dak il-grupp;

(b) il-klijent u l-klijent indirett ikunu parti mill-istess grupp, iżda la l-membru tal-ikklerjar u lanqas it-tieni klijent indirett ma jkunu parti minn dak il-grupp.

3.  Għall-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti li jkunu daħlu fihom il-partijiet fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a):

(a) l-Artikoli 4(1), 4(5), 4(6) u 4(8) għandhom japplikaw għall-klijent bħallikieku dak il-klijent kien membru tal-ikklerjar;

(b) l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw għall-klijent indirett bħallikieku dak il-klijent indirett kien klijent.

4.  Għall-arranġamenti tal-ikklerjar indirett li jkunu daħlu fihom il-partijiet fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b):

(a) l-Artikoli 4(5) u 4(6) għandhom japplikaw għall-klijent bħallikieku dak il-klijent kien membru tal-ikklerjar;

(b) l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw għall-klijent indirett bħallikieku dak il-klijent indirett kien klijent.

Artikolu 5b

Rekwiżiti għall-forniment ta' servizzi tal-ikklerjar indirett mit-tieni klijienti indiretti

1.  It-tieni klijent indirett jista' jipprovdi biss servizzi tal-ikklerjar indirett lit-tielet klijenti indiretti dment li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha:

(a) il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett ikunu istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment jew entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz li jitqiesu bħala istituzzjoni ta' kreditu jew ditta tal-investiment kieku dawk l-entitajiet kienu stabbiliti fl-Unjoni;

(b) il-membru tal-ikklerjar u l-klijent ikunu parti mill-istess grupp, iżda l-klijent indirett ma jkunx parti minn dak il-grupp;

(c) il-klijent indirett u t-tieni klijent indirett ikunu parti mill-istess grupp, iżda l-klijent tat-tieni klijent indirett ma jkunx parti minn dak il-grupp;

(d) it-tieni klijent indirett u t-tielet klijent indirett jikkonkludu, bil-miktub, arranġament tal-ikklerjar indirett. L-arranġament tal-ikklerjar indirett għandu jinkludi mill-inqas dawn it-termini kuntrattwali li ġejjin:

(i) it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 2(1)(b);

(ii) l-impenn tat-tieni klijent indirett li jonora l-obbligi kollha tat-tielet klijent indirett lejn il-klijent indirett fir-rigward ta' tranżazzjonijiet koperti mill-arranġament tal-ikklerjar indirett;

(e) l-assi u l-pożizzjonijiet tat-tielet klijent indirett jinżammu mill-membru tal-ikklerjar f'kont kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a).

L-aspetti kollha tal-arranġament tal-ikklerjar indirett imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dokumentati b'mod ċar.

2.  Meta t-tieni klijenti indiretti jipprovdu servizzi tal-ikklerjar indiretti skont il-paragrafu 1:

(a) l-Artikoli 4(1), 4(5), 4(6) u 4(8) għandhom japplikaw kemm għall-klijent kif ukoll għall-klijent indirett bħallikieku kienu membri tal-ikklerjar;

(b) l-Artikoli 2(1)(b), 5(2), 5(3), 5(6), 5(8) u 5(9) għandhom japplikaw kemm għall-klijent indirett kif ukoll għat-tieni klijent indirett bħallikieku kienu klijenti.

▼B



KAPITOLU III

NOTIFIKA LILL-AETS GĦALL-FINI TAL-OBBLIGU TAL-IKKLERJAR

(L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 6

Dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika

1.  In-notifika għall-fini tal-obbligu tal-ikklerjar għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-identifikazzjoni tal-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC;

(b) l-identifikazzjoni tal-kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC;

(c) informazzjoni oħra li għandha tiġi inkluża fir-reġistru pubbliku skont l-Artikolu 8;

(d) kwalunkwe karatteristika oħra neċessarja biex wieħed jiddistingwi bejn kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC minn kuntratti tad-derivattivi OTC li mhumiex ta’ dik il-klassi;

(e) evidenza tal-livell ta’ standardizzazzjoni tat-termini kuntrattwali u l-proċessi operazzjonali għall-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(f) dejta dwar il-volum tal-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC;

(g) dejta dwar il-likwidità tal-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC;

(h) evidenza tad-disponibbiltà għall-parteċipanti fis-suq ta’ informazzjoni dwar l-ipprezzar ġusta, affidabbli u ġeneralment aċċettata għall-kuntratti fil-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC;

(i) evidenza tal-impatt tal-obbligu tal-ikklerjar fuq id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-ipprezzar għall-parteċipanti fis-suq.

2.  Għall-iskop ta’ valutazzjoni tad-data jew id-dati minn meta jibda l-obbligu tal-ikklerjar, inkluż kwalunkwe dħul fis-seħħ gradwali u l-kategoriji tal-kontropartijiet li japplika għalihom l-obbligu tal-ikklerjar, in-notifika għall-fini tal-obbligu tal-ikklerjar tinkludi:

(a) id-dejta rilevanti għall-valutazzjoni tal-volum mistenni tal-klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC jekk isir soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar;

(b) evidenza tal-abilità tas-CCP li timmaniġġa l-volum mistenni tal-klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC jekk isir soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar u biex timmaniġġja r-riskju li jinħoloq mill-ikklerjar tal-klassi rilevanti tal-kuntratti tad-derivattivi OTC, inkluż permezz ta’ arranġamenti tal-ikklerjar tal-klijenti jew tal-klijenti indiretti;

(c) it-tip u l-għadd ta’ kontropartijiet attivi u mistennija li jkunu attivi fis-suq għall-klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC jekk isir soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar;

(d) ħarsa ġenerali lejn il-kompiti differenti li għandhom jitwettqu sabiex wieħed jibda jikklerja mas-CCP, flimkien mad-determinazzjoni taż-żmien meħtieġ sabiex jitwettaq kull kompitu;

(e) informazzjoni dwar l-immaniġġjar tar-riskji, il-kapaċità ġuridika u operazzjonali tal-firxa tal-kontropartijiet attivi fis-suq għall-klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC jekk isir soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar.

3.  Id-dejta dwar il-volum u l-likwidità għandu jkun fiha għall-klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC u għal kull kuntratt tad-derivattivi fil-klassi, l-informazzjoni dwar is-suq rilevanti, inkluża d-dejta storika, id-dejta attwali kif ukoll kwalunkwe bidla li hija mistennija tirriżulta jekk il-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC issir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar, inklużi:

(a) l-għadd ta’ tranżazzjonijiet;

(b) il-volum totali;

(c) l-interess miftuħ totali;

(d) il-profondità tal-ordnijiet inkluż l-għadd medju ta’ ordnijiet u tat-talbiet għal kwotazzjonijiet;

(e) il-firxa tal-ispreads;

(f) il-kejl tal-likwidità f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress;

(g) il-kejl tal-likwidità għall-eżekuzzjoni ta’ proċeduri ta’ inadempjenza.

4.  L-informazzjoni relatata mal-livell ta’ standardizzazzjoni tat-termini kuntrattwali u l-proċessi operazzjonali għall-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC prevista fil-paragrafu 1 punt (e) għandha tinkludi, għall-klassi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC u għal kull kuntratt tad-derivattiv fil-klassi, id-dejta dwar il-prezz ta’ referenza ta’ kuljum kif ukoll l-għadd ta’ jiem kull sena bi prezz ta’ referenza li tqis affidabbli matul mill-inqas it-tnax-il xahar preċedenti.



KAPITOLU IV

KRITERJI GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-KLASSIJIET TAL-KUNTRATTI TAD-DERIVATTIVI OTC SOĠĠETTI GĦALL-OBBLIGU TAL-IKKLERJAR

(L-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 7

Kriterji li jiġu vvalutati mill-AETS

1.  Fir-rigward tal-grad ta’ standardizzazzjoni tat-termini kuntrattwali u l-proċessi operazzjonali tal-klassi rilevanti tal-kuntratti tad-derivattivi OTC, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha tqis:

(a) jekk it-termini kuntrattwali tal-klassi rilevanti tal-kuntratti tad-derivattivi OTC jinkorporawx dokumentazzjoni ġuridika, inkluż ftehimiet qafas ta’ nnettjar, definizzjonijiet, termini standard u l-konfermi li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt komunement użati minn kontropartijiet;

(b) jekk il-proċessi operazzjonali ta’ dik il-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC humiex soġġetti għal proċessar awtomatizzat ta’ wara n-negozju u avvenimenti taċ-ċiklu tal-ħajja li huma mmaniġġjati b’mod komuni skont skeda bi qbil wiesa’ fost il-kontropartijiet.

2.  Fir-rigward tal-volum u tal-likwidità tal-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC, l-AETS għandha tqis:

(a) jekk il-marġni jew ir-rekwiżiti finanzjarji tas-CCP ikunux proporzjonati mar-riskju li l-obbligu tal-ikklerjar għandu l-għan jimmitiga;

(b) l-istabbiltà tad-daqs tas-suq u l-intensità fir-rigward tal-prodott matul iż-żmien;

(c) il-probabbiltà li d-dispersjoni tas-suq tibqa’ biżżejjed f’każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar;

(d) l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet.

3.  B’rabta mad-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar l-ipprezzar ġusta, affidabbli u ġeneralment aċċettata tal-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC, l-AETS għandha tqis jekk l-informazzjoni meħtieġa biex tipprezza b’mod preċiż il-kuntratti fil-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC hijiex faċilment aċċessibbli għall-parteċipanti tas-suq fuq bażi kummerċjali raġonevoli u jekk din tibqax faċilment aċċessibbli jekk il-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC issir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar.



KAPITOLU V

REĠISTRU PUBBLIKU

(L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 8

Dettalji li għandhom jiġu inklużi f’Reġistru tal-AETS

1.  Ir-reġistru pubbliku tal-AETS għandu jinkludi għal kull klassi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar:

(a) il-klassi tal-assi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(b) it-tip ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(c) is-sottostanti tal-kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(d) għas-sottostanti li jkunu strumenti finanzjarji, indikazzjoni ta’ jekk is-sottostanti huwiex strument finanzjarju uniku jew emittent jew indiċi jew portafoll;

(e) għal sottostanti oħra indikazzjoni tal-kategorija tas-sottostanti;

(f) il-muniti nozzjonali u tas-saldu tal-kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(g) il-firxa tal-maturitajiet ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(h) il-kundizzjonijiet tas-saldu tal-kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(i) il-firxa tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC fil-klassi;

(j) l-identifikatur tal-prodott tal-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(k) kwalunkwe karatteristika oħra meħtieġa biex wieħed jiddistingwixxi kuntratt wieħed fil-klassi rilevanti ta’ kuntratti tad-derivati OTC minn ieħor.

2.  Fir-rigward tas-CCPs li huma awtorizzati jew rikonoxxuti għall-iskop tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku tal-AETS jinkludi għal kull CCP:

(a) il-kodiċi tal-identifikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012 ( 1 );

(b) l-isem sħiħ;

(c) il-pajjiż tal-istabbiliment;

(d) l-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.  B’rabta mad-dati li minnhom jibda l-obbligu tal-ikklerjar, inkluż kwalunkwe implimentazzjoni gradwali, ir-reġistru pubbliku tal-AETS għandu jinkludi:

(a) l-identifikazzjoni tal-kategoriji tal-kontropartijiet li għalihom japplika kull perjodu ta’ dħul gradwali;

(b) kwalunkwe kundizzjoni oħra meħtieġa skont l-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, biex japplika l-perjodu ta’ dħul gradwali.

4.  Ir-reġistru pubbliku tal-AETS għandu jinkludi referenza tal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li skonthom kien stabbilit kull obbligu tal-ikklerjar.

5.  Fir-rigward tas-CCP li ġiet nnotifikata lill-AETS mill-awtorità kompetenti, ir-reġistru pubbliku tal-AETS għandu jinkludi mill-inqas:

(a) l-identifikazzjoni tas-CCP;

(b) il-klassi tal-assi tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma nnotifikati;

(c) it-tip ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(d) id-data tan-notifika;

(e) l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li tinnotifika.



KAPITOLU VI

FRAMMENTAZZJONI TAL-LIKWIDITÀ

(Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Artikolu 9

Speċifikazzjoni tan-nozzjoni tal-frammentazzjoni tal-likwidità

1.  Il-frammentazzjoni tal-likwidità titqies li seħħet meta l-parteċipanti f’ċentru tan-negozjar ma jkunux jistgħu jikkonkludu tranżazzjoni ma’ parteċipanti ieħor wieħed jew aktar f’dak iċ-ċentru minħabba n-nuqqas ta’ arranġamenti tal-ikklerjar li l-parteċipanti kollha jkollhom aċċess għalihom.

2.  Aċċess minn CCP għal ċentru tan-negozjar li diġà huwa moqdi minn CCP oħra ma għandux jitqies li joħloq frammentazzjoni tal-likwidità fiċ-ċentru tan-negozjar jekk, mingħajr il-ħtieġa li jimponi rekwiżit fuq il-membri tal-ikklerjar tas-CCP eżistenti li jsiru membri tal-ikklerjar tas-CCP rikjedenti, il-parteċipanti kollha taċ-ċentru tan-negozjar ikunu jistgħu jikklerjaw, direttament jew indirettament, permezz ta’ wieħed minn dawn:

(a) mill-inqas waħda mis-CCPs komuni;

(b) arranġamenti tal-ikklerjar stabbiliti mis-CCPs.

3.  L-arranġamenti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet taħt il-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu stabbiliti qabel is-CCP rikjedenti tibda tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lill-ċentru tan-negozjar rilevanti.

4.  Aċċess għal CCP komuni kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ żewġ membri tal-ikklerjar jew aktar, jew żewġ klijenti jew aktar klijenti jew permezz ta’ arranġamenti tal-ikklerjar indiretti.

5.  L-arranġamenti tal-ikklerjar imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jistgħu jipprevedu t-trasferiment ta’ tranżazzjonijiet eżegwiti minn dawn il-parteċipanti fis-suq lill-membri tal-ikklerjar ta’ CCPs oħra. Għalkemm l-aċċess minn CCP għal ċentru tan-negozjar ma għandux jirrikjedi l-interoperabbiltà, arranġament tal-interoperabbiltà li ġie miftiehem mis-CCPs rilevanti u approvat mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jista’ jintuża biex jissodisfa r-rekwiżit tal-aċċess għal arranġamenti tal-ikklerjar komuni.



KAPITOLU VII

KONTROPARTIJIET NONFINANZJARJI

Artikolu 10

(Artikolu 10(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Kriterji biex jiġi stabbilit liema kuntratti tad-derivattivi OTC oġġettivament qed inaqqsu r-riskji

1.  Kuntratt tad-derivattivi OTC ikun oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqas ir-riskji relatati direttament mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor ta’ kontroparti nonfinanzjarja jew ta’ dak il-grupp, meta waħdu jew flimkien ma’ kuntratti ta’ derivattivi oħra, direttament jew permezz ta’ strumenti kkorrelati mill-qrib, jissodisfa waħda mill-kriterji li ġejjin:

(a) ikopri r-riskji li jirriżultaw minn bidla potenzjali fil-valur tal-assi, servizzi, inputs, prodotti, komoditajiet jew obbligazzjonijiet li l-kontroparti nonfinanzjarja jew grupp tagħha jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, jipprovdu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, jbigħu jew iġġarrabu jew li b’mod raġonevoli jantiċipaw li se jippossjedu, jipproduċu, jimmanifatturaw, jipproċessaw, jipprovdu, jixtru, jikkummerċjalizzaw, jikru, jbigħu jew iġġarrbu tul il-kors normali tal-operat tagħha;

(b) tkopri r-riskji li jirriżultaw mill-impatt indirett potenzjali fuq il-valur tal-assi, is-servizzi, l-inputs, il-prodotti, il-komoditajiet jew l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), li jirriżultaw minn varjazzjoni tar-rati tal-imgħax, ir-rati tal-inflazzjoni, ir-rati tal-kambju jew ir-riskju tal-kreditu;

(c) tikkwalifika bħala kuntratt ta’ ħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

Artikolu 11

(Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Limiti tal-ikklerjar

Valuri limiti tal-ikklerjar għall-fini tal-obbligu tal-ikklerjar għandhom ikunu:

(a) EUR 1 biljun f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC;

(b) EUR 1 biljun f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi tal-ekwità OTC;

(c) EUR 3 biljuni f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi ta’ rata tal-imgħax OTC;

(d) EUR 3 biljuni f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi tal-kambju OTC;

(e) EUR 3 biljuni f’valur gross nozzjonali għal kuntratti tad-derivattivi tal-komoditajiet OTC u kuntratti tad-derivattivi OTC oħrajn mhux previsti fil-punti (a) sa (d).



KAPITOLU VIII

TEKNIKI TAL-MITIGAZZJONI TAR-RISKJI GĦAL KUNTRATTI TAD-DERIVATTIVI OTC MHUX IKKLERJATI MINN CCP

Artikolu 12

(Artikolu 11(14)(a) tar-Regolament (EU) No 648/2012)

Konferma f’waqtha

1.  Kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż bejn il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet nonfinanzjarji msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u li mhuwiex ikklerjat minn CCP għandu jiġi kkonfermat, fejn disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi, kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard:

(a) għal swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu u swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu konklużi sa u inkluż it-28 ta’ Frar 2014, sa tmiem it-tieni jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi OTC;

(b) għal swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu u swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu konklużi wara t-28 ta’ Frar 2014, sa tmiem il-jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi OTC;

(c) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt(a) li jiġu konklużi sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2013, sa tmiem it-tielet jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi;

(d) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt (a) li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2013, sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2014, sa tmiem it-tieni jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi;

(e) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt (a) li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2014 sa tmiem il-jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi.

2.  Kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż ma’ kontroparti nonfinanzjarja mhux imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandu jiġi kkonfermat kemm jista’ jkun malajr, fejn disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi, u mhux aktar tard:

(a) għal swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu u swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu konklużi sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2013, sa tmiem il-ħames jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi OTC;

(b) għal swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu u swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2013, sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2014, sa tmiem it-tielet jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi OTC;

(c) għal swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu u swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2014, sa tmiem it-tieni jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi OTC;

(d) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt(a) li jiġu konklużi sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2013, sa tmiem is-seba’ jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi;

(e) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt (a) li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2013, sa u inkluż il-31 ta’ Awwissu 2014, sa tmiem ir-raba’ jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi;

(f) għal swaps ta’ ekwità, swaps tal-kambju, swaps ta’ komoditajiet u d-derivattivi l-oħra kollha mhux previsti fil-punt (a) li jiġu konklużi wara l-31 ta’ Awwissu 2014 sa tmiem it-tieni jum ta’ negozju wara d-data tal-eżekuzzjoni.

3.  Fejn tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew 2 tiġi konkluża wara 16.00 ħin lokali, jew ma’ kontroparti li tinsab f’żona ta’ ħin differenti li ma tippermettix il-konferma sal-iskadenza stipulata, il-konferma għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u, mhux aktar tard minn jum wieħed ta’ negozju wara l-iskadenza stipulata fil-paragrafu 1 jew 2 kif rilevanti.

4.  Il-kontropartijiet finanzjarji għandhom ikollhom il-proċedura neċessarja biex jirrapportaw fuq bażi ta’ kull xahar lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) l-għadd ta’ tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC mhux konfermati msemmija fil-paragrafu 1 u 2 li kienu ilhom pendenti għal aktar minn ħamest ijiem ta’ negozju.

Artikolu 13

(Artikolu 11(14)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Rikonċiljazzjoni tal-portafoll

1.  Il-kontropartijiet finanzjarji u nonfinanzjarji ta’ kuntratt ta’ derivattivi OTC għandhom jiftiehmu bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi oħra ekwivalenti ma’ kull kontroparti tagħhom dwar l-arranġamenti skont liema għandhom jiġu rikonċiljati l-portafolji. Tali ftehim għandu jintlaħaq qabel ma jidħlu għal kuntratt tad-derivattivi OTC.

2.  Ir-rikonċiljazjoni tal-portafolji għandha titwettaq mill-kontropartijiet tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ma’ xulxin jew minn parti terza kwalifikata b’mandati kif dovut biex tagħmel dan minn kontroparti. Ir-rikonċiljazzjoni ta’ portafoll għandha tkopri t-termini kummerċjali ewlenin li jidentifikaw kull kuntratt tad-derivattivi OTC partikolari u għandhom jinkludu tal-anqas il-valwazzjoni attribwita għal kull kuntratt skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

3.  Sabiex tiġi identifikata minn stadju bikri kwalunkwe diskrepanza f’terminu materjali tal-kuntratt ta’ derivattivi OTC, inkluża l-valwazzjoni tiegħu, ir-rikonċiljazzjoni tal-portafoll għandha titwettaq:

(a) għal kontraparti finanzjarja jew kontraparti nonfinanzjarja msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(i) kuljum ta’ negozju meta l-kontropartijiet ikollhom 500 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ xulxin, jew aktar;

(ii) darba fil-ġimgħa meta l-kontropartijiet ikollhom bejn 51 u 499 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ xulxin fi kwalunkwe waqt matul il-ġimgħa;

(iii) darba kull tliet xhur meta l-kontropartijiet ikollhom 50 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ xulxin jew inqas fi kwalunkwe waqt matul it-trimestru.

(b) għal kontroparti nonfinanzjarja mhux imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(i) darba kull tliet xhur meta l-kontropartijiet ikollhom aktar minn 100 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ xulxin fi kwalunkwe waqt matul it-trimestru;

(ii) darba fis-sena meta l-kontropartijiet ikollhom 100 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ xulxin jew inqas.

Artikolu 14

(Artikolu 11(14)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Kompressjoni ta’ portafoll

Il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet nonfinanzjarji b’500 kuntratt ta’ derivattivi OTC pendenti ma’ kontroparti jew aktar li ma jkunux ikklerjati ċentralment għandu jkollhom proċeduri biex regolarment, u mill-inqas darbtejn fis-sena, janalizzaw il-possibbiltà li jwettqu eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll biex inaqqsu r-riskju tal-kreditu tal-kontroparti tagħhom u jwettqu dan l-eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll.

Il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet nonfinanzjarji għandhom jiżguraw li jkunu kapaċi jipprovdu spjegazzjoni raġonevoli u valida lill-awtorità kompetenti rilevanti għalfejn ikkonkludew li ma għandux jitwettaq eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll.

Artikolu 15

(Artikolu 11(14)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

1.  Meta jikkonkludu kuntratti ta’ derivattivi OTC ma’ xulxin, il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet nonfinanzjarji għandhom ikunu ftiehmu dwar proċeduri u proċessi dettaljati b’rabta ma’:

(a) l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tat-tilwim dwar ir-rikonoxximent jew il-valwazzjoni tal-kuntratt u dwar l-iskambju tal-kollateral bejn il-kontropartijiet. Dawk il-proċeduri għandhom mill-inqas jirreġistraw it-tul ta’ żmien li tista’ tibqa’ pendenti tilwima, il-kontroparti u l-ammont li huwa kkontestat;

(b) ir-riżoluzzjoni tat-tilwim mingħajr telf ta’ żmien permezz ta’ proċess speċifiku għal dawk it-tilwimiet li ma jiġux riżolti fi żmien ħamest ijiem ta’ negozju.

2.  Il-kontropartijiet finanzjarji għandhom jirrapportaw lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE dwar kwalunkwe tilwim bejn il-kontropartijiet b’rabta ma’ kuntratt ta’ derivattivi OTC, il-valwazzjoni tiegħu jew l-iskambju tal-kollateral għal ammont jew b’valur ogħla minn EUR 15-il miljun u pendenti għal mill-inqas 15-il jum ta’ negozju.

Artikolu 16

(Artikolu 11(14)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Kundizzjonijiet tas-suq li jimpedixxu l-valwazzjoni skont is-suq

1.  Kundizzjonijiet tas-suq li jimpedixxu valwazzjoni skont is-suq ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC jitqiesu li jeżistu f’kwalunkwe waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet:

(a) meta s-suq ma jkunx attiv;

(b) meta l-firxa ta’ stimi raġonevolment ġusti tal-valuri tkun sinifikanti u l-probabbiltajiet tal-istimi differenti ma jkunux jistgħu jiġu vvalutati b’mod raġonevoli.

2.  Suq għal kuntratt ta’ derivattivi OTC għandu jitqies mhux attiv meta l-prezzijiet ikkwotati ma jkunux disponibbli minnufih u b’mod regolari u dawk il-prezzijiet disponibbli ma jirrappreżentawx tranżazzjonijiet reali fis-suq u li jseħħu b’mod regolari fuq bażi distakkata.

Artikolu 17

(Artikolu 11(14)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Kriterji għall-użu tal-valwazzjoni skont mudell

Biex tintuża valwazzjoni skont mudell, il-kontropartijiet finanzjarji u nonfinanzjarji għandu ikollhom mudell li:

(a) jikkorpora l-fatturi kollha li l-kontropartijiet kieku jqisu meta jistipulaw prezz, inkluż bl-użu kemm jista’ jkun ta’ informazzjoni tal-valwazzjoni skont is-suq;

(b) ikun konsistenti mal-metodoloġiji ekonomiċi aċċettati għall-ipprezzar tal-istrumenti finanzjarji;

(c) ikun ikkalibrat u ttestjat għall-validità bl-użu ta’ prezzijiet minn kwalunkwe tranżazzjoni attwali osservabbli fis-suq fl-istess strument finanzjarju jew abbażi ta’ kwalunkwe dejta osservabbli tas-suq;

(d) ikun validat u mmonitorjat b’mod indipendenti, minn diviżjoni differenti minn dik li tkun qed tieħu r-riskju;

(e) ikun dokumentat kif dovut u approvat mill-bord tad-diretturi għal kemm-il darba jkun hemm bżonn, wara kwalunkwe bidla materjali u mill-inqas darba fis-sena. Din l-approvazzjoni tista’ tiġi ddelegata lil xi kumitat.

Artikolu 18

(Artikolu 11(14)(c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Dettalji tan-notifika ta’ tranżazzjoni intragrupp lill-awtorità kompetenti

1.  L-applikazzjoni jew in-notifika lill-awtorità kompetenti tad-dettalji tat-tranżazzjoni intragrupp għandha tkun bil-miktub u għandha tinkludi:

(a) il-kontropartijiet ġuridiċi fit-tranżazzjonijiet inklużi l-identifikaturi tagħhom skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012;

(b) ir-relazzjoni korporattiva bejn il-kontropartijiet;

(c) dettalji tar-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ sostenn bejn il-partijiet;

(d) il-kategorija tat-tranżazzjoni intragrupp kif speċifikat fil-paragrafu 1 u l-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e) id-dettalji tat-tranżazzjonijiet li l-kontroparti qed titlob l-eżenzjoni għalihom, inklużi:

(i) il-klassi tal-assi ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(ii) it-tip ta’ kuntratti tad-derivattivi OTC;

(iii) it-tip ta’ sottostanti;

(iv) il-muniti nozzjonali u tas-saldu;

(v) il-firxa tat-termini tal-kuntratti;

(vi) it-tip ta’ saldu;

(vii) id-daqs, il-volumi u l-frekwenza antiċipati tal-kuntratti ta’ derivattivi OTC fis-sena.

2.  Bħala parti mill-applikazzjoni jew in-notifika tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti, kontroparti għandha wkoll tissottometti informazzjoni ta’ sostenn li turi li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) sa (10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma ssodisfati. Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jinkludu kopji ta’ proċeduri dokumentati tal-immaniġġjar tar-riskji, informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet storiċi, kopji tal-kuntratti rilevanti bejn il-partijiet u jistgħu jinkludu opinjoni ġuridika fuq talba mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 19

(Artikolu 11(14)(d) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Dettalji tan-notifika ta’ tranżazzjoni intragrupp lill-AETS

1.  In-notifika minn awtorità kompetenti dwar id-dettalji tat-tranżazzjoni intragrupp għandha titressaq lill-AETS bil-miktub:

(a) fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika fir-rigward ta’ notifika skont l-Artikolu 11(7) jew l-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b) fi żmien xahar minn meta d-deċiżjoni tiġi sottomessa lill-kontroparti fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 11(6), 11(8) jew 11(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.  In-notifika lill-AETS għandha tinkludi:

(a) l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 18;

(b) jekk hemmx deċiżjoni pożittiv jew negattiva;

(c) fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva:

(i) sommarju tar-raġuni għalfejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11(6), 11(7), 11(8), 11(9) jew 11(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif applikabbli jitqiesu ssodisfati;

(ii) jekk l-eżenjoni hijiex eżenzjoni sħiħa jew eżenzjoni parzjali fir-rigward ta’ notifika relatata mal-Artikoli 11(6), 11(8) jew 11(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(d) fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva:

(i) l-identifikazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-Artikolu 11(6), 11(7), 11(8), 11(9) jew 11(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif applikabbli li mhumiex issodisfati;

(ii) sommarju tar-raġuni għalfejn dawn il-kondizzjonijiet jitqiesu li ma ġewx issodisfati.

Artikolu 20

(Artikolu 11(14)(d) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)

Informazzjoni dwar l-eżenzjoni intragrupp li għandha tiġi ddivulgata pubblikament

L-informazzjoni dwar eżenzjoni intragrupp li għandha tiġi ddivulgata pubblikament għandha tinkludi:

(a) il-kontropartijiet ġuridiċi fit-tranżazzjonijiet inklużi l-identifikaturi tagħhom skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012;

(b) ir-relazzjoni bejn il-kontropartijiet;

(c) jekk l-eżenjoni hijiex eżenzjoni sħiħa jew eżenzjoni parzjali;

(d) l-ammont aggregat nozzjonali tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li għalih tapplika l-eżenzjoni intragrupp.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 13, 14 u 15 għandhom japplikaw sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 352, 21.12.2012, p. 20.

( 2 ) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

( 3 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.