European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2474

4.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2474

tas-17 ta’ Ottubru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mil-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”), żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), inkluż dawk fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru”) stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament, ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

It-Taqsima 1 tal-Appendiċi II tal-Ftehim Settorjali dwar l-Inġenji tal-Ajru tistabbilixxi l-proċeduri ta’ klassifikazzjoni tar-riskji għal tranżazzjonijiet soġġetti għal dak il-Ftehim Settorjali dwar l-Inġenji tal-Ajru. Il-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar l-Inġenji tal-Ajru (il-“Parteċipanti”) għandhom jiddeċiedu, permezz ta’ proċedura bil-miktub, dwar emendi fit-Taqsima 1 tal-Appendiċi II tal-Ftehim Settorjali dwar l-Inġenji tal-Ajru li jeskludu tranżazzjonijiet b’valur tal-kuntratt tal-esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun (tranżazzjonijiet de minimis) li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli mill- proċedura tal-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur. Dawk l-emendi jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-Parteċipanti u jissimplifikaw il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur.

(3)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Parteċipanti, peress li dik id-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa d-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli abbażi tal-abbozz tat-test mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli għandha tkun li tappoġġa dik id-deċiżjoni abbażi tal-abbozz tat-test mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEUNICKE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1233/oj).


ANNESS

APPENDIĊI II

RATI MINIMI TAL-PRIMJUM

2

Għal tranżazzjonijiet b'valur tal-kuntratt ta' esportazzjoni ta' inqas minn USD 5 miljun, jekk l-esportazzjoni tinvolvi inġenji tal-ajru agrikoli u d-debitur aħħari jkun bidwi jew kumpanija tal-bexx, Parteċipant jista' japplika l-klassifikazzjoni tar-riskju li jqis xierqa u għandu jinnotifika t-tranżazzjoni f'konformità mal-Artikolu 24(a) ta' dan il-Ftehim Settorjali. Għat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha b'valur tal-esportazzjoni ta' inqas minn USD 5 miljun (b'mod partikolari dawk fejn id-debitur aħħari huwa linja tal-ajru jew kumpanija tal-kiri tal-inġenji tal-ajru, irrispettivament minn jekk l-esportazzjoni tinvolvix inġenji tal-ajru agrikoli) Parteċipant li ma jixtieqx isegwi l-proċedura ta' klassifikazzjoni tar-riskju stabbilita fl-Artikoli 6 sa 8 ta' dan l-Appendiċi għandu japplika l-klassifikazzjoni tar-riskju “8” għax-xerrej/għall-mutwatarju li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni u għandu jinnotifika t-tranżazzjoni f'konformità mal-Artikolu 24(a) ta' dan il-Ftehim Settorjali.

3

Għal tranżazzjonijiet b'valur tal-kuntratt ta' esportazzjoni ta' inqas minn USD 5 miljun, ħlief għal tranżazzjonijiet li għandhom jiġu nnotifikati f'konformità mal-Artikolu 24(a) skont in-nota 2 f'qiegħ il-paġna ta' dan l-Appendiċi, għandu japplika perjodu ta' ħamest ijiem ta' xogħol.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2474/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)