24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/115


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1547 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0056/2021),

A.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport annwali tagħha għall-2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), osservat li ma ġiet identifikata ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (il-"Kunsill");

2.   

Jinnota b'sodisfazzjon li abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-pagamenti fit-totalità tagħhom għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019, inklużi n-nefqa amministrattiva u nefqa oħra tal-Kunsill, kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3.   

Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9, "Amministrazzjoni", tar-rapport tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) titqies li għandha riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għal tali kapitolu jkun aktar ikkonċentrat fuq il-kwistjonijiet li huma ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-Kunsill;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Josserva li l-baġit tal-Kunsill fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, u parti kbira minnu tintuża għan-nefqa relatata ma' persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jiddispjaċih li t-talba li ilha ssir biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jinqasam f'baġit distint għal kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet għal raġunijiet ta' trasparenza u biex jittejjeb l-obbligu ta' rendikont għaż-żewġ istituzzjonijiet ma ġietx ikkunsidrata u jħeġġeġ lill-Kunsill, kif għamel ripetutament f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti, iħejji baġits separati għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għar-raġunijiet ta' trasparenza u biex itejjeb l-obbligu ta' rendikont u l-effiċejnza tan-nefqa għaż-żewġ istituzzjonijiet;

5.

Jinnota li fl-2019, il-Kunsill kellu baġit globali ta' EUR 581 895 459 (meta mqabbel ma' EUR 572 854 377 fl-2018 u EUR 561 576 000 fl-2017), b'rata ta' implimentazzjoni globali ta' 92,3 % (meta mqabbla ma' 91,9 % fl-2018 u 93,8 % fl-2017); jinnota żieda dejjem tonqos fil-baġit li tammonta għal EUR 9 miljun (meta mqabbla ma' EUR 11,3-il miljun fl-2018 u EUR 16,5-il miljun fl-2017), ekwivalenti għal żieda ta' 1,6 % (meta mqabbla ma' 2 % fl-2018 u ta' 3 % fl-2017);

6.

Ifakkar li l-approprjazzjonijiet riportati mill-2018 għall-2019 ammontaw għal total ta' EUR 56 599 584, ekwivalenti għal rata ta' riport ta' 10,7 %, li ġejjin prinċipalment minn kategoriji bħas-sistemi tal-kompjuter (EUR 19,5-il miljun), il-bini (EUR 16,0-il miljun) u l-interpretazzjoni (EUR 11,9-il miljun); jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni ta' riporti fl-2019 li ammontat għal pagamenti totali ta' EUR 49 240 654 jew 87,7 %, inkluż għal sistemi tal-kompjuter (EUR 18,7-il miljun), għal bini (EUR 12,5-il miljun) u għal interpretazzjoni (EUR 10,4 miljun);

7.

Jirrikonoxxi tnaqqis minimu fir-rata ta' riport, li ammontat għal 9,8 %, mill-2019 sal-2020 (meta mqabbla ma' riport ta' 10,7 % mill-2018 sal-2019 u 11,5 % mill-2017 sal-2018); ifakkar lill-Kunsill, madankollu, li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali; jistieden lill-Kunsill isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jevita stimi tal-baġit eċċessivi;

8.

Jifraħ lill-Kunsill għar-rata ta' suċċess tal-impenji u l-pagamenti ta' 100 % għal-linja baġitarja ''Spejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegazzjonijiet''; jinnota wkoll ir-rata ta' impenn ta' 100 % għal-linji baġitarji "Sistemi tal-kompjuter" u "Informazzjoni" iżda jindika li r-rata ta' riport ta' dawn il-linji baġitarji għall-2020 kienet ta' 35,4 % u 32,9 %, rispettivament;

9.

Huwa infurmat li n-numru ta' laqgħat "istituzzjonali" u "oħrajn" kien jammonta għal 7 668 fl-2019 (meta mqabbel ma' 6 338 fl-2010); jinnota li l-għadd totali ta' laqgħat organizzati fl-2019 naqas b'0,8 % (jew 65 laqgħa) meta mqabbel mal-2018 minħabba t-tnaqqis fl-attività leġiżlattiva fit-tieni semestru minħabba l-elezzjonijiet Ewropej u l-elezzjoni jew il-ħatra ta' membri ġodda fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni;

10.

Jinnota li b'konformità mat-tnaqqis fl-attività tal-laqgħat u minkejja żieda ta' 2 % fil-prezz tal-i-slots (EUR 10 ogħla milli fl-2018), l-ispejjeż tal-interpretazzjoni naqsu bi 11 % (EUR 62,2 miljun meta mqabbla ma' EUR 70 miljun fl-2018) u li dawn l-ispejjeż koprew 62 480 jum ta' interpretazzjoni, tnaqqis ta' 13 % meta mqabbel mal-2018;

11.

Jinnota li n-numru ta' atti legali ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-2019 kien jammonta għal 1 326 (meta mqabbel ma' 1 210 fl-2018, 1 130 fl-2017 u 825 fl-2010); jaqbel li ż-żieda fin-numru ta' atti legali hija primarjament spjegata mill-ħtieġa li jiġu adottati kemm jista' jkun atti legali qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019;

12.

Ifakkar lill-Kunsill li t-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt huwa wieħed mill-fatturi prinċipali stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u l-wegħda tal-Kunsill li jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt b'rabta mal-emendi sostanzjali li jagħmel għall-proposti mill-Kummissjoni; jiddispjaċih li s'issa l-Kunsill ma għamilx valutazzjonijiet tal-impatt dwar ebda waħda mill-emendi tiegħu;

Ġestjoni interna, kontroll intern u prestazzjoni

13.

Jinnota, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni, il-passi meħuda mill-Kunsill biex joħloq struttura ta' ġestjoni aktar fissa, billi jitneħħew is-saffi tal-ġerarkija, bil-għan li tittejjeb il-komunikazzjoni, billi jeħfief it-teħid ta' deċiżjonijiet u billi tingħata s-setgħa lill-persunal billi jkun hemm sjieda akbar tal-fajls; jinnota l-introduzzjoni ta' għodda tal-IT għar-riżorsi umani ttestjata sew (SYSPER) u għodod oħra tal-IT użati għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-missjoni; japprezza dawn il-passi u jistieden lill-Kunsill ikompli b'dawn l-azzjonijiet;

14.

Jirrikonoxxi li hemm stabbilit qafas ta' kontroll intern li jipprovdi aċċertament raġonevoli tal-kisba tal-objettivi; jilqa' l-fatt li fir-rigward tal-2019 la ssemmew l-użu ħażin tal-fondi u lanqas l-irregolaritajiet fir-rapporti ta' kontroll mill-awditur intern jew mill-Qorti, jew fl-opinjonijiet tal-kumitat tal-awditjar; jinnota wkoll li d-dipartimenti kollha applikaw il-ġestjoni tar-riskju billi żammew reġistri tar-riskju b'informazzjoni dwar ir-riskji identifikati, il-valutazzjonijiet tagħhom u t-trattament tar-riskju magħżul; jinnota li ma ġie rrappurtat l-ebda livell ta' riskju kritiku fl-2019 u li ma mmaterjalizza l-ebda riskju sinifikanti; jilqa' l-fatt li 93 % tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa matul is-snin 2016 sa 2018 kienu fil-proċess li jiġu implimentati jew qed jiġu implimentati;

15.

Jilqa' t-titjib fis-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja u ta' prestazzjoni tal-Kunsill bħat-tnedija tal-proġett ta' ppjanar integrat fil-qasam tal-finanzi u l-attivitajiet f'Ottubru 2019 li se jirriżulta fl-integrazzjoni tal-ippjanar baġitarju annwali u pluriennali u l-istabbiliment ta' rabta bejn l-ippjanar finanzjarju u l-implimentazzjoni tal-baġit fil-livell tal-attivitajiet;

16.

Jinnota li fil-kuntest tat-titjib tal-pożizzjoni tal-fluss tal-flus, id-dewmien medju fil-ħlas tal-fatturi kien ta' 19-il jum fl-2019, bid-dewmien massimu jkun ta' 30 jum kalendarju;

17.

Ifakkar li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma għodda rikonoxxuta b'mod ġenerali biex jitkejlu l-kisbiet li ntlaħqu fir-rigward tal-objettivi stabbiliti; jistieden lill-Kunsill jipprovdi sinteżi fir-rapporti ta' ġestjoni tiegħu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u r-riżultati relatati;

Riżorsi umani

18.

Jinnota li l-għadd ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal għall-2019 ġie stabbilit għal 3 033 (meta mqabbel ma' 3 031 post fl-2018 u 3 027 post fl-2017); jilqa' l-isforzi biex l-organizzazzjoni tiġi razzjonalizzata billi 30 post AST5 jiġu trasformati fi 30 post AD5 bħala parti mill-kontinwazzjoni tal-modernizzazzjoni amministrattiva; jilqa' b'mod ġenerali l-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-organizzazzjoni tal-Kunsill u l-użu xieraq tar-riżorsi;

19.

Jitlob lill-Kunsill jirrapporta dwar il-proċess ta' simplifikazzjoni u t-titjib tal-proċeduri tar-riżorsi umani u l-azzjonijiet relatati kollha bħas-segwitu għall-istħarriġ tal-persunal li sar fil-ħarifa tal-2018, it-titjib tal-opportunitajiet ta' karriera għall-persunal, it-tisħiħ tal-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-għarfien, il-promozzjoni ta' għodod ta' komunikazzjoni moderni u l-appoġġ tal-prevenzjoni ta' riskji psikosoċjali; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkompleta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli eżistenti bi protezzjoni tad-dritt tal-membri tal-persunal għall-iskonnessjoni;

20.

Jilqa' l-programm ta' azzjoni pożittiva tas-segretarjat ġenerali tal-Kunsill għal trainees b'diżabilità, li jiffaċilita 4 sa 6 traineeships imħallsa fis-sena lil ċittadini tal-Unjoni b'diżabilità rikonoxxuta, kif ukoll il-politika ta' akkomodazzjoni raġonevoli tal-Kunsill li tippermetti lil persuni b'diżabilità jagħmlu xogħol fuq l-istess livell bħal persuni oħra;

21.

Jistieden lill-Kunsill jirrapporta dwar il-pjan ta' azzjoni tiegħu dwar il-ġeneri u l-miżuri meħuda biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal persuni b'diżabilità fil-Kunsill, il-proċeduri relatati stabbiliti u l-azzjonijiet meħuda biex jinkiseb bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-livelli ġerarkiċi kollha; jistieden ukoll lill-Kunsill jipprovdi informazzjoni dwar il-proporzjon ta' persuni b'diżabilità li qed jaħdmu fost il-persunali tiegħu, kif ukoll dwar il-bilanċ ġeografiku, u l-miżuri li ttieħdu sabiex jiġi żgurat il-bilanċ;

22.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi talab lill-ministri u lis-segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex joħolqu forum istituzzjonali speċifiku sabiex jiġu żgurati integrazzjoni aktar b'saħħitha tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrateġiji u l-proċessi ta' politika tal-Unjoni, koordinazzjoni tal-politiki relatati kollha, kif ukoll armonizzazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni permezz ta' approċċ intersezzjonali; jissottolinja li konfigurazzjoni speċifika bħal din tirrappreżenta element fundamentali fl-iżblokkar tan-negozjati dwar il-fajls ewlenin relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

23.

Jistieden lill-Kunsill jindirizza l-iżbilanċi ġeografiċi u bejn il-ġeneri sabiex jistabbilixxi rappreżentanza adegwata taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha, anki fil-livell maniġerjali;

Kunflitt ta' interess, fastidju, żvelar ta' informazzjoni protetta

24.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma rċeviex aktar informazzjoni dwar xi titjib fil-kultura u l-istandards etiċi tal-Kunsill bħal link apposta tas-sit web li jippreżenta taħriġ speċifiku dwar l-etika pubblika, kodiċi ta' kondotta applikabbli għall-persunal kollu li jistabbilixxi l-aspettattivi rigward l-integrità u l-valuri etiċi, u gwida interna dwar mistoqsijiet frekwenti dwar kwistjonijiet jew proċeduri etiċi relatati mal-protezzjoni tal-informaturi;

25.

Huwa konxju tar-rwol ewlieni tal-Kunsill fil-proċeduri ta' nomina u ħatriet għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni, il-Qorti u l-Kumitati konsultattivi (il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew); jirrakkomanda bis-saħħa rieżami ta' dak ir-rwol fid-dawl tal-prinċipji etiċi adottati mill-Unjoni, inkluż ir-rispett għall-integrità u d-dinjità; ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Qorti li l-imġiba etika "tikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri tal-ġestjoni finanzjarja u għaż-żieda fil-fiduċja tal-pubbliku, li hija indispensabbli għas-suċċess tal-politiki pubbliċi" u, b'mod partikolari, li "[K]ull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-UE"; iqis għaldaqstant neċessarju li hemm bżonn li jiġi evitat li jinħatru bħala membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni kandidati li jirrappreżentaw riskju għar-reputazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, bħal kandidati b'imġiba mhux etika kkonfermata mill-OLAF jew bi proċedimenti legali li jkunu għaddejjin kontrihom;

26.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħatriet ripetuti tal-Kunsill ta' kandidati biex isiru Membri tal-QEA kontra l-opinjoni negattiva dwar il-kandidat espressa f'vot ta' ċaħda mill-maġġoranza l-kbira fil-Plenarja tal-Parlament minħabba n-nuqqas ta' kompetenzi suffiċjenti tal-kandidati u l-imparzjalità personali jew politika;

27.

Jinsab imħasseb dwar l-assenza ta' kapitolu dwar qafas etiku fuq is-sit web uffiċjali tal-Kunsill li jikkonsisti f'regoli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti potenzjali ta' interess; jistieden lill-Kunsill jallinja ruħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni f'dan ir-rigward, bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha sit web b'taqsima ddedikata dwar it-trasparenza; jistieden lill-Kunsill jippreżenta pjan biex jintroduċi tali miżuri bi skadenzi stabbiliti b'mod ċar;

28.

Jikkondividi t-tħassib tal-Qorti dwar in-nuqqas ta' qafas tal-etika komuni tal-UE li jirregola l-ħidma tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill; fid-dawl tat-talbiet ripetuti tal-Qorti u tal-Ombudsman Ewropew biex tissaħħaħ l-etika u t-trasparenza tal-istituzzjoni, jenfasizza l-importanza għall-Kunsill, inklużi r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jaħdmu fil-Kunsill, li jarmonizzaw ir-regoli tal-etika u jinfurzaw ir-regoli tal-etika diġà eżistenti; ifakkar fl-obbligu tal-Kunsill li jittratta l-kunflitti ta' interess ta' livell għoli, ir-revolving doors u r-regoli dwar it-trasparenza tal-lobbying;

29.

Itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jallinja l-kodiċi ta' kondotta tal-President tal-Kunsill Ewropew ma' dawk tal-Parlament u tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm regoli stabbiliti biex jiġu approvati attivitajiet relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni wara li l-President tal-Kunsill Ewropew jitlaq/titlaq postu/postha;

30.

Jissottolinja l-fatt li fil-21 ta' Jannar 2020, is-segretarjat ġenerali tal-Kunsill bagħat ittra lid-delegazzjonijiet li tagħti informazzjoni dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja tas-segretarjat ġenerali tal-Kunsill wara li jkunu telqu mis-servizz f'konformita mat-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-2019, u mar-regoli ta' implimentazzjoni;

31.

Itenni t-tħassib kbir tiegħu f'dak li jikkonċerna l-kunflitt ta' interessi ta' għadd ta' rappreżentanti ta' Stati Membri involuti fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u baġitarji; jirrepeti l-appell qawwi tal-Parlament lill-Kunsill biex jiżgura li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma soġġetti li jibbenefikaw direttament minn sussidji tal-Unjoni permezz tan-negozji li huma proprjetarji tagħhom ma jipparteċipawx fid-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet politiċi jew baġitarji relatati; jitlob lill-Kunsill jipprovdi lill-Parlament informazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess;

Bini

32.

Jilqa' l-fatt li l-ħlas finali tal-ammont dovut lill-awtoritajiet Belġjani għall-proġett tal-bini Europa sar fl-2019 peress li ma kienx possibbli li jiġi ffirmat l-att finali relatat ta' bejgħ fl-2017; jinnota li l-approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 4,1 miljun riportati b'deċiżjoni mill-2017 sal-2018 ġew impenjati kif dovut fl-2018, iżda ma tħallsux, u ġew riportati għall-2019 għall-pagament;

33.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni allarmanti rrappurtata mill-midja dwar il-bini tal-binja l-ġdida Europa; jistieden lill-Kunsill jagħmel riċerka bir-reqqa dwar il-kuntrattur ewlieni u l-katina kollha ta' sottokuntratturi (sa 12 skont il-midja), kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema impjegati, u jippreżenta s-sejbiet tiegħu kollha lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

34.

Jilqa' l-isforzi mill-Kunsill biex inaqqas l-impronta ambjentali tiegħu fil-binjiet tiegħu, li ġew irreġistrati taħt l-iskema Ewropea ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) mill-2016; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjoni ambjentali dettaljata f'Ottubru 2020 ibbażata fuq data tal-2019;

Diġitalizzazzjoni

35.

Jinnota li fl-2019 id-dipartiment tas-servizzi diġitali (SMART) tal-Kunsill ta firxa estensiva ta' servizzi lill-Kunsill u li saru investimenti sinifikanti fl-iżvilupp ta' għodod ġodda, bħas-sistema ta' ġestjoni tat-traduzzjoni, l-għodda ta' briefing, l-editur tat-tabelli tat-trilogi għall-ħolqien u l-ġestjoni tat-tabelli tat-trilogi, EDiT għall-abbozzar u l-editjar kollaborattiv tat-testi leġiżlattivi, l-eAġenda, u pjattaformi tekniċi oħra;

36.

Jinkoraġġixxi lill-Kunsill juża t-teknoloġija b'sors miftuħ sabiex jiġi evitat l-intrappolament tal-klijentela, jinżamm il-kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu, jiġu ggarantiti salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-utenti kif ukoll tiżdied is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku;

37.

Jinkoraġġixxi lill-Kunsill isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) biex jerġa' jinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tinkiseb is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali;

Trasparenza

38.

Jinnota li l-abbozz ta' gwida għall-aħjar prattika għall-presidenzi tal-Kunsill dwar il-kwistjoni ta' sponsorizzazzjoni ntbagħat fid-29 ta' Ġunju 2020 mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew (l-Ombudsman) dwar il-gwida għall-Istati Membri relatata mal-isponsorizzazzjoni u t-tfakkiriet regolari mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; itenni li kunflitti ta' interess jipperikolaw ir-reputazzjoni tal-Kunsill u tal-Unjoni kollha kemm hi;

39.

Jinnota li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-presidenzi tal-Kunsill tagħhom stess u jiddispjaċih li jagħżlu sponsorizzazzjoni korporattiva biex ikopru wħud mill-ispejjeż tagħhom; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni li din il-prattika jaf tikkawża lill-Kunsill u lill-Unjoni; iħeġġeġ lill-presidenzi jevitaw li jirrikorru għal sponsorizzar korporattiv biex ikopru spejjeż u jistaqsi lill-Kunsill, f'dak ir-rigward, jipprevedi l-ibbaġitjar tal-presidenzi;

40.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti pariri xierqa lill-presidenzi fl-istabbiliment ta' regoli ċari u trasparenti dwar l-isponsorizzazzjoni, billi jagħti attenzjoni partikolari lill-kunflitti possibbli ta' interessi f'każijiet fejn is-settur korporattiv ikollu interessi espliċiti fid-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsill; jappella lill-Kunsill jagħmel progress fir-rigward tal-linji gwida mingħajr dewmien, u b'mod partikolari jirrifletti dwar il-karattru attwalment mhux vinkolanti tal-gwida;

41.

Ifakkar li l-Ombudsman fetaħ investigazzjoni (OI/2/2017) dwar it-trasparenza tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill fl-2017 sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu aktar faċilment il-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni; jilqa' l-fatt li l-Ombudsman reċentement laqgħet b'mod pożittiv il-passi l-ġodda ta' trasparenza meħuda mill-Kunsill, bħall-pubblikazzjoni proattiva tar-rapporti ta' progress dwar in-negozjati fir-rigward tal-abbozzi ta' liġijiet, li huma konformi b'mod sħiħ mal-proposti magħmula mill-Ombudsman bħala riżultat tal-inkjesti tagħha u t-talbiet tal-aħħar riżoluzzjonijiet ta' kwittanza;

42.

Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman OI/2/2017 dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE, appoġġja b'mod qawwi l-proposti tal-Ombudsman dwar it-trasparenza leġiżlattiva u jitlob lill-Kunsill ikompli jtejjeb it-trasparenza leġiżlattiva, b'mod partikolari billi jirreġistra u jippubblika l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u billi jagħmel disponibbli aktar dokumenti tat-trilogu; iħeġġeġ lill-Kunsill iżid l-isforzi tiegħu fir-rigward tat-trasparenza billi, fost l-oħrajn, jippubblika d-dokumenti ta' ħidma tal-Kunsill f'format li jkun jista' jinqara minn magna; jistieden lill-Kunsill jirrapporta dwar miżuri oħra meħuda sabiex titjieb it-trasparenza leġiżlattiva;

43.

Jiġbed l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Ombudsman fil-każ 1946/2018/KR fejn l-Ombudsman titlob lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill iżomm rekord sħiħ ta' kwalunkwe laqgħa li saret bejn il-lobbisti u l-President tal-Kunsill Ewropew jew membri tal-kabinett tiegħu; jappoġġja bil-qawwa d-dikjarazzjoni tal-Ombudsman li l-membri tal-kabinett tal-President għandhom jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' interessi li huma rreġistrati fir-reġistru ta' trasparenza, jew jattendu avvenimenti organizzati minnhom; jinsab imħasseb li din id-dikjarazzjoni ma tingħatax attenzjoni u jappella li tingħata risposta lill-Ombudsman;

44.

Jinsab kuntent li t-tliet istituzzjonijiet, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, tennew l-ambizzjoni komuni tagħhom li jilħqu ftehim dwar reġistru ta' trasparenza bejn it-tliet istituzzjonijiet biex tingħata spinta lit-trasparenza tal-interazzjonijiet mar-rappreżentanti ta' interessi; jifraħ lill-Kunsill għall-passi pożittivi u l-kisbiet ulterjuri taħt il-Presidenza Ġermaniża li wassal għal qbil politiku dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju fil-15 ta’ Diċembru 2020, u jħeġġeġ lill-atturi kollha involuti biex jiġi ffirmat il-ftehim interistituzzjonali li ġie approvat mill-Parlament fit-27 ta’ April 2021, sabiex ir-reġistru jsir obbligatorju permezz tal-inklużjoni tal-Kunsill; iħeġġeġ lill-Kunsill jespandi l-ambitu tal-ftehim biex jagħmilha obbligatorja li l-lobbisti jirreġistraw biex ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-ambaxxaturi tal-presidenzi attwali u futuri u mad-deputati tagħhhom fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kif ukoll mas-segretarju ġenerali u mad-diretturi ġenerali tal-Kunsill;

45.

Jinnota li tressqu seba' ilmenti quddiem l-Ombudsman u li saret inkjesta strateġika waħda, kollha dwar it-trasparenza; jinnota li mis-seba' ilmenti, l-Ombudsman ikkunsidrat li kien hemm amministrazzjoni ħażina f'żewġ każijiet; jinnota li każ wieħed ingħalaq, u tnejn ġew ikkunsidrati bħala li ma għandhomx amministrazzjoni ħażina filwaqt li ż-żewġ ilmenti l-oħra għadhom pendenti; jinnota li fl-inkjesta, li kienet tikkonċerna t-trasparenza tal-korpi involuti fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, l-Ombudsman sabet li l-Kunsill kien ħa passi biex ikompli jtejjeb il-politika ta' trasparenza tiegħu u ddeċiediet li tagħlaq din l-inkjesta strateġika;

Komunikazzjoni

46.

Jaqbel li t-titjib fl-aċċessibbiltà tas-sit web tal-Kunsill, li kien parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-awditu estern fl-2018, kellu prijorità fl-2019; jilqa' bħala wieħed mir-riżultati inkoraġġanti l-fatt li l-hekk imsejħa "paġni ta' politika", li joffru informazzjoni ta' sfond dwar l-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni ewlenin li qed jiġu diskussi fil-Kunsill, ikkostitwew l-aktar taqsima li qed tikber malajr tas-sit web;

47.

Jilqa' l-fatt li t-titjib irriżulta f'esperjenza aħjar tal-utenti tal-web, inkluż għall-persuni b'diżabilità kif imkejjel mill-punteġġ tal-aċċessibbiltà li żdied minn 47 % fl-aħħar tal-2018 għal 67 % f'Diċembru 2019; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li fadal, li huma primarjament relatati mal-esperjenza tal-utent u l-istandards għall-ħolqien tal-kontenut, se jiġu implimentati fl-2020; jitlob lill-Kunsill ikompli jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati u l-kisbiet tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, partikolarment dwar l-aċċess ta' persuni b'diżabilità;

48.

Jinnota li l-infrastruttura u l-faċilitajiet ta' produzzjoni tax-xandir awdjoviżiv tal-Kunsill komplew jitjiebu fl-2019 sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-operazzjonijiet u biex l-infrastruttura tibqa' valida għall-futur u tkun aktar reżiljenti sabiex tkun tista' tittratta l-volum dejjem jikber ta' kopertura bil-vidjo;

Ir-rwol tal-Kunsill fil-ħatra tal-prosekuturi Ewropej għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-"UPPE")

49.

Ifakkar li fl-2019 u fl-2020 il-kumitati nazzjonali ta' qabel l-għażla ħatru kandidati għal evalwazzjoni u l-bord tal-għażla Ewropew iddelibera dwar il-kwalifiki tat-22 prosekutur Ewropew li kellhom jinħatru fl-UPPE fl-2020; ifakkar li skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 (1), il-bord tal-għażla Ewropew jevalwa l-kandidati u jipprovdi lill-Kunsill klassifika li l-Kunsill għandu jqis;

50.

Ifakkar li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2020/1117 (2) tiddikjara li "[F]ir-rigward tal-kandidati nnominati mill-Belġju, il-Bulgarija u l-Portugall, il-Kunsill ma segwiex l-ordni ta' preferenza mhux vinkolanti tal-bord tal-għażla, abbażi ta' valutazzjoni differenti tal-merti ta' dawk il-kandidati li twettqet fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill";

51.

Ifakkar li fis-27 ta' Lulju 2020, l-Awstrija, l-Estonja, il-Lussemburgu u n-Netherlands ippubblikaw dikjarazzjoni li enfasizzat li "trid tiġi evitata kompetizzjoni bejn il-klassifikazzjonijiet tal-bordijiet tal-għażla nazzjonali u l-klassifikazzjoni tal-bord tal-għażla Ewropew, bir-riskju li jitnaqqas il-komponent Ewropew tal-proċedura ta' ħatra";

52.

Jiddispjaċih li l-Kunsill ma weġibx b'mod xieraq għad-diversi mistoqsijiet parlamentari bil-miktub bejn Lulju u Settembru 2020 li fihom intalbet spejgazzjoni għalfejn iddeċieda li ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet mill-bord tal-għażla Ewropew u intalab li l-proċess ta' valutazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li ma jiġux segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-għażla Ewropew tiġi elaborata;

53.

Jinsab ferm imħasseb dwar ir-rivelazzjonijiet tal-midja li l-gvern Portugiż ta informazzjoni żbaljata lill-Kunsill dwar it-titlu u l-esperjenza tal-kandidat ikklassifikat fit-tieni post mill-bord tal-għażla Ewropew, li b'hekk wasslet għall-ħatra tiegħu bħala l-prosekutur Portugiż Ewropew;

54.

Ifakkar li l-prosekuturi Ewropej jeħtiġilhom ikunu indipendenti u kull suspett ta' intervent minn gvern nazzjonali favur kandidat kontra r-rakkomandazzjoni tal-bord tal-għażla Ewropew ikollu impatt negattiv gravi fuq ir-reputazzjoni, l-integrità u l-indipendenza tal-UPPE bħala istituzzjoni;

Qagħda attwali fir-rifjut tal-kwittanza

55.

Jenfasizza l-prerogattivi tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, jiġifieri, is-setgħa li jagħti l-kwittanza sabiex tinżamm it-trasparenza u li jiżgura l-obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-kontribwenti tal-Unjoni;

56.

Jinnota li, matul kważi għoxrin sena, il-Parlament żviluppa l-prattika li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni;

57.

Billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tappoġġja d-dritt tal-kontribwenti u biex il-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-użu tad-dħul pubbliku;

58.

Itenni li kemm il-ftuħ kif ukoll it-trasparenza fl-amministrazzjoni tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jirrikjedu proċedura ta' kwittanza miftuħa u trasparenti li biha kull istituzzjoni tal-Unjoni tkun responsabbli għall-baġit li teżegwixxi, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju;

59.

Itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza permezz ta' memorandum ta' qbil bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill matul il-proċedura annwali ta' kwittanza;

60.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha fit-Trattati, u f'konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-objettivi stabbiliti fihom, u l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni reċiproka sinċiera;

61.

Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Kunsill u jfakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-segretarju ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009 sal-2019;

62.

Jisħaq li s-sitwazzjoni attwali, fejn il-Parlament jista' jiċċekkja biss ir-rapporti tal-Qorti u tal-Ombudsman Ewropew kif ukoll l-informazzjoni dwar is-sit web tal-Kunsill iżda fejn ma jirċevix tweġibiet bil-miktub jew orali mill-Kunsill matul il-proċedura annwali ta' kwittanza, tagħmilha impossibbli għall-Parlament li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza, u li din għandha effett negattiv dejjiemi fuq iż-żewġ istituzzjonijiet u tiskredita l-proċedura għall-iskrutinju politiku tal-ġestjoni tal-baġit;

63.

Jissottolinja l-ħtieġa li jerġgħu jinbdew negozjati mal-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim reċiprokament sodisfaċenti biex finalment tingħeleb din is-sitwazzjoni ta' staġnar;

64.

Itenni li hemm tim tan-negozjati f'isem il-Parlament u li fil-25 ta' Mejju 2020 intbagħtet ittra mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament lis-segretarju ġenerali tal-Kunsill li tissuġġerixxi li jinbdew in-negozjati;

65.

Għadu konvint li ftehim dwar din il-kwistjoni huwa possibbli u għalhekk, jistieden lill-Kunsill jissokta n-negozjati mingħajr dewmien żejjed sabiex tinstab soluzzjoni li tirrispetta l-obbligu ta' responsabbiltà lejn iċ-ċittadini;

66.

Jinnota li r-rwoli tal-istituzzjonijiet rispettivi fil-proċeduri ta' kwittanza għandha ssirilhom distinzjoni minn xulxin; jenfasizza li l-Parlament ma jaċċettax li ż-żewġ istituzzjonijiet għandhom rwol ekwivalenti u reċiproku fil-proċedura ta' kwittanza;

67.

Fir-rigward tar-rwol speċifiku tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura ta' kwittanza, itenni t-talbiet tiegħu lill-Kunsill biex jagħti rakkomandazzjonijiet ta' kwittanza fir-rigward ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

68.

Jirrikonoxxi li x-xejra pożittiva ta' dan il-proċess ġiet interrotta bil-pandemija tal-COVID-19; jinnota bi tħassib, madankollu, li fil-ħarifa tal-2020 it-tentattivi kollha min-naħa tal-Parlament biex jiltaqa' għal skambju preliminari inizjali mal-Kunsill ma rnexxewx;

69.

Jindika li sakemm ma jkunux għaddejjin negozjati bejn il-partijiet, il-fehmiet tal-Parlament għadhom validi u li n-negozjati bejn il-partijiet huma prekundizzjoni biex tissolva l-kwistjoni;

70.

Ifakkar fid-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President Věra Jourová u l-Kummissarju Johannes Hahn, fis-seduti ta' smigħ tagħhom quddiem il-Parlament fl-2019 li kienu lesti jimpenjaw ruħhom f'din il-kwistjoni sabiex jgħinu biex tinkiseb aktar trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; iqis li n-negozjati jistgħu jiġu estiżi biex jinkludu lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-Parlament jingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar kif il-Kunsill qed jimplimenta l-baġit tiegħu.

71.

Jinnota li ħafna komunikazzjonijiet u dokumenti huma disponibbli biss bl-Ingliż; jinnota wkoll li l-laqgħat ta' ħidma jsiru mingħajr il-possibbiltà ta' interpretazzjoni; jitlob li l-Kunsill jirrispetta l-prinċipji, id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-Regolament Nru 1/1958, kif ukoll fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet interni, bħall-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba; jistieden għalhekk lill-Kunsill jipprovdi r-riżorsi umani meħtieġa biex jiżgura li l-multilingwiżmu jiġi rispettat, billi jżid l-għadd ta' persunal responsabbli għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.

(1)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8).

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas-27 ta' Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 18).