12004V335

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU VI - IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - KAPITOLU I -DISPOSIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI - Sezzjoni 1 - L-istituzzjonijiet - Subsezzjon 1 - Il-Parlament Ewropew - Artikolu III-335

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0151 - 0152


Artikolu III-335

1. Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi Ombudsman Ewropew. Skond l-Artikoli I-10(2)(d) u I-49, hu għandu s-setgħa jirċievi ilmenti minn kull ċittadin ta' l-Unjoni jew kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċju reġistrat tagħha fi Stat Membru dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tar-rwol ġudizzjarju tagħha.

Skond il-kompiti tiegħu, l-Ombudsman, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq bażi ta' ilmenti sottomessi lilu direttament jew permezz ta' Membru tal-Parlament Ewropew, jipproċedi bl-inkjesti li dwarhom isib bażi, ħlief meta l-fatti allegati huma jew kienu s-suġġett ta' proċedimenti legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina, għandu jirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija konċernati, li għandhom perijodu ta' tliet xhur biex fih jinfurmawh bl-opinjonijiet tagħhom. L-Ombudsman Ewropew għandu mbagħad jgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija konċernati. Il-persuna li tippreżenta l-ilment għandha tiġi informata bir-riżultat ta' dawn l-inkjesti.

L-Ombudsman għandu jissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat ta' l-inkjesti tiegħu.

2. L-Ombudsman għandu jinħatar wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-mandat tiegħu. L-Ombudsman għandu jkun eleġibbli għall-ħatra mill-ġdid.

L-Ombudsman jista' jitkeċċa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijietu jew jekk ikun ħati ta' miskondotta serja.

3. L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu. Fil-qadi ta' dawk id-dmirijiet la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjoni, korp jew aġenzija. L-Ombudsman ma jistax, tul il-mandat tiegħu, jinvolvi ruħu f'xi xogħol ieħor, kemm jekk bi qligħ u kemm jekk le.

4. Liġi Ewropea tal-Parlament Ewropew għandha tistabbilixxi r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman. Il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara li jfittex opinjoni mill-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill.

--------------------------------------------------