SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
9 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Artikolu 7 – Tqassim tal-kompiti fi ħdan il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni – Artikolu 18 – Proċedura ta’ riżoluzzjoni – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni – Ġurisdizzjoni tas-SRB”
Fil-Kawża C‑602/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Settembru 2022,
ABLV Bank AS, fi stralċ, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, Rechtsanwalt,
rikorrent,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), inizjalment irrappreżentat minn H. Ehlers, L. Forestier, J. Rius Riu u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti, assistiti minn D. Arts, advocaat, kif ukoll minn N. De Backer u F. Miotto, avocates, sussegwentement minn H. Ehlers, L. Forestier u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn D Arts, advocaat, kif ukoll minn N. De Backer u F Miotto, avukati,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata minn A. Lefterov, G. Marafioti u R. Ugena Torrejón, bħala aġenti,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, I. Ziemele, O. Spineanu Matei, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, N. Piçarra, A. Kumin, D. Gratsias, Z. Csehi, B. Smulders u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ABLV Bank AS, fi stralċ, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Lulju 2022, ABLV Bank vs SRB (T‑280/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:429), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tat‑23 ta’ Frar 2018 li ma jaddottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward, rispettivament, tal-istituzzjoni ta’ kreditu ABLV Bank AS u tal-istituzzjoni ta’ kreditu ABLV Bank Luxembourg SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2014/59/UE
|
2 |
L-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), tipprevedi: “Deċiżjoni li l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humies sodisfatti jew le fir-rigward ta’ istituzzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014
|
3 |
Il-premessi 2, 10 sa 12, 24, 26, 31, 33, 58 u 122 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), huma fformulati kif ġej:
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 806/2014 intitolat “It-tqassim tal-kompiti fi ħdan l-SRM”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) i[s-SRB] għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-SRM. “(2) Soġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1), i[s-SRB] għandu jkollu r-responsabbiltà li jfassal il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni għal:
|
|
5 |
L-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi: “1. Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, i[s-SRB], il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta' riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta' riżoluzzjoni u s-setgħat ta' riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta' riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ. 2. L-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma:
[...] ” |
|
6 |
L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, i[s-SRB], il-Kunsill, l-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtortitajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin [...] ” |
|
7 |
L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura ta’ riżoluzzjoni”, jipprevedi: “1. [Is-SRB] għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba’ subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. i[s-SRB], matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista' jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu. Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta' istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mi[s-SRB], matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista' jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f'dak il-punt ġiet sodisfatta. [...] 4. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin: [...]
[...] 5. Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt. 6. Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, i[s-SRB] għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha:
7. Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, i[s-SRB] għandu jitrażmettiha lill-Kummissjoni. Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mi[s-SRB], il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-iskema ta' riżoluzzjoni, jew toġġezzjonaha fir-rigward tal-aspetti ta' diskrezzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni f'każijiet li mhumiex koperti fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Fi żmien 12-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mi[s-SRB], il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Kunsill biex:
Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mi[s-SRB]. Il-Kunsill jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandhom jiġġustifikaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta' oġġezzjoni li għandhom. Fil-każ fejn, fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mi[s-SRB], il-Kunsill ikun approva l-proposta tal-Kummissjoni għal modifika tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu jew il-Kummissjoni tkun oġġezzjonat skont it-tieni subparagrafu, i[s-SRB], fi żmien tmien siegħat, għandu jimmodifika l-iskema ta’ riżoluzzjoni skont ir-raġunijiet espressi. [...] 8. Fil-każ fejn il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, fuq il-bażi li ma jkunux se jintlaħaq il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c), l-entità rilevanti għandha tiġi stralċjata b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali applikabbli. 9. i[s-SRB] għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta' riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta' riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti istruzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawha f’konformità mal-Artikolu 29, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni. Fejn ikun hemm għajnuna mill-Istat jew mill-Fond, i[s-SRB] għandu jaġixxi f’konformità ma’ deċiżjoni dwar dik l-għajnuna meħuda mill-Kummissjoni. 10. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikseb mingħand i[s-SRB] kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. I[s-SRB] għandu jkollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta' informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni. ” |
|
8 |
L-Artikolu 22 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali tal-għodod ta’ riżoluzzjoni”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi: “L-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) huma dawn li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi: “L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni msemmija f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jeżerċitaw kontroll fuq l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjonijiet ta' dawk il-paragrafi, billi jieħdu l-miżuri meħtieġa skont l-Artikolu 35 jew 72 tad-Direttiva [2014/59] u billi jiżguraw li s-salvagwardji previsti f'dik id-Direttiva [...] jiġu sodisfatti. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw id-deċiżjonijiet kollha indirizzati lilhom mi[s-SRB]. ” |
|
10 |
L-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom kull wieħed jaħtru rappreżentant li jkun intitolat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-sessjonijiet eżekuttivi u tas-sessjonijiet plenarji bħala osservatur permanenti. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fid-dibattiti u għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha. ” |
Il-fatt li wasslu għall-kawża
|
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 20 tas-sentenza appellata. Għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru kif ġej. |
|
12 |
ABLV Bank, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Latvja u l-kumpannija omm tal-grupp ABLV. ABLV Bank Luxembourg hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Lussemburgu, li tikkostitwixxi waħda mis-sussidjarji tal-grupp ABLV u li tagħha ABLV Bank huwa l-azzjonist uniku. |
|
13 |
ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg kienu kkunsidrati, kull waħda minnhom, bħala “entità sinjifikattiva” u kienu suġġetti, f’dan ir-rigward, għas-superviżjoni tal-BĊE fil-kuntest tal-MSU introdott mir-Regolament Nru 1024/2013. |
|
14 |
Fit‑13 ta’ Frar 2018, l-United States Department of the Treasury (id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika), permezz tal-intermedjarju tal-Financial Crimes Enforcement Network (in-Netwerk għat-Trażżin tal-Kriminalità Finanzjarja, l-Istati Uniti, iktar ’il quddiem il-“FinCEN”), esprima l-intenzjoni tiegħu li jieħu miżuri speċjali intiżi li jaħtru lil ABLV Bank bħala entità li tirrappreżenta riskju kbir fil-qasam tal-ħasil tal-flus (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ miżura tal-FinCEN”). Wara dan l-avviż, ABLV Bank ma kinitx għadha f’pożizzjoni li tagħmel pagamenti f’dollari Amerikani (USD). |
|
15 |
Fit‑18 ta’ Frar 2018, il-BĊE talab lill-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“KSFK”), sabiex tissospendi l-pagamenti tal-obbligi finanzjarji ta’ ABLV Bank. Il-BĊE stieden lill-Kummissjoni għas-superviżjoni tas-settur finanzjarju (il-Lussemburgu), (iktar ’il quddiem il- “KSFK”) sabiex tieħu miżuri simili fir-rigward ta’ ABLV Bank Luxembourg. Moratorju fuq ABLV Bank daħal fis-seħħ fid‑19 ta’ Frar 2018 u ABLV Bank Luxembourg ingħatat sospensjoni tal-ħlas. |
|
16 |
Fit‑22 ta’ Frar 2018, il-BĊE kkomunika lis-SRB abbozz ta’ evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg, bl-għan li jikkonsultah dwar dan is-suġġett. |
|
17 |
Fit‑23 ta’ Frar 2018, il-BĊE qies li l-falliment ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u kkomunika l-evalwazzjonijiet tiegħu lis-SRB. |
|
18 |
Fl-istess jum, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2018/09, li permezz tagħha ddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ ABLV Bank (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ABLV Bank”), kif ukoll id-Deċiżjoni SRB/EES/2018/10, li permezz tagħha ddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ ABLV Bank Luxembourg (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg”). F’dawn id-deċiżjonijiet, is-SRB adotta l-evalwazzjoni tal-BĊE li ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg kienu qegħdin ifallu jew x’aktarx kienu ser ifallu u qies li ma kienx hemm prospett raġonevoli li miżuri oħra jipprekludu l-falliment tagħhom f’terminu raġonevoli. Madankollu, hija qieset li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg, miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tagħhom ma kinitx neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) u (5) ta’ dan ir-regolament. Fl-istess jum, l-imsemmija deċiżjonijiet ġew innotifikati lid-destinatarji rispettivi tagħhom, jiġifieri l-FKTK u l-KSSF. |
|
19 |
Id-deċiżjoni dwar ABLV Bank kienet tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[ABLV Bank] ma hijiex ser tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni”. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jippreċiża li din kienet “indirizzata lill- [KSFK], fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014” u li, “[s] kont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il- [KSFK] ser timplimenta [l-imsemmija deċiżjoni] u tiżgura li kwalunkwe miżura meħuda tkun konformi magħha, skont il-kunsiderazzjonijiet previsti”. |
|
20 |
L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg kellhom kontenut analogu. |
|
21 |
Fl‑24 ta’ Frar 2018, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa dwar id-deċiżjonijiet kontenzjużi. F’din l-istqarrija għall-istampa, ġie ppreċiżat li “wara d-deċiżjoni tal-[BĊE] li tiddikjara lil [ABLV Bank] u lis-sussidjarja tagħha [ABLV Bank Luxembourg] li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli, is-[SRB] iddeċieda li ma [kienx] neċessarju li tiġi adottata skema ta’ riżoluzzjoni minħabba l-assenza ta’ interess pubbliku għal dawn il-banek [;] konsegwentement, il-banek ser jiġu stralċati skont il-liġi Latvjana u dik Lussemburgiża rispettivament.” |
|
22 |
Fis‑26 ta’ Frar 2018, l-azzjonisti tal-ABLV Bank bdew proċedura li tippermetti lil din tal-aħħar li tikkonkludi l-likwidazzjoni tagħha u ressqu quddiem il-KSFK it-talba għall-approvazzjoni tal-pjan tagħhom ta’ likwidazzjoni volontarja. |
|
23 |
Fid‑9 ta’ Marzu 2018, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, (il-Lussemburgu) ċaħdet it-talba tal-KSSF intiża għax-xoljiment u għall-istralċ ta’ ABLV Bank Luxembourg filwaqt li aċċettat lil din tal-aħħar għall-benefiċċju tal-proċedura ta’ sospensjoni ta’ ħlas għal perijodu ta’ sitt xhur, li ġie estiż diversi drabi. Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2019, din il-qorti ordnat ix-xoljiment ta’ ABLV Bank Luxembourg u ordnat l-istralċ tagħha. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
24 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2018, ABLV Bank ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jiddeċiedi dwar l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. It-tieni motiv kien ibbażat, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jiddeċiedi li ma jaddottax skema ta’ riżoluzzjoni. It-tielet u r-raba’ motivi kienu bbażati fuq ksur tal-Artikolu 18(1) (a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-seba’ u t-tlettax-il motiv kienu bbażati fuq ksur tad-dritt li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). It-tmien sal-ħdax-il motiv kienu bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans (ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir ħażin tiegħu stess). It-tnax-il motiv kien ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. |
|
26 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn ABLV Bank. |
|
27 |
Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, wara li kkonstatat, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi huma atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 40 sa 42 tal-imsemmija sentenza, minn naħa, li ABLV Bank kienet ippreżentat ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm kif ukoll ta’ azzjonista unika ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li din id-deċiżjoni ma kinitx tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti, peress li d-dritt ta’ dawn l-azzjonisti li jirċievu dividendi u li jipparteċipaw fil-ġestjoni ta’ ABLV Bank Luxembourg ma kienx ġie affettwat mill-imsemmija deċiżjoni. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 45 tal-istess sentenza, li ABLV Bank ma kinitx direttament ikkonċernata mill-istess deċiżjoni. |
|
28 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, ċaħdet bħala inammissibbli l-kap tat-talbiet ta’ ABLV Bank intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg. Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat ir-rikors tagħha ammissibbli sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank. |
|
29 |
Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn ABLV Bank. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv imqajjem minn ABLV Bank, billi kkonstatat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li s-SRB ma kienx, permezz tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank, iddeċieda dwar l-istralċ ta’ din l-entità. |
|
31 |
Fit-tieni lok, hija ċaħdet it-tieni motiv imqajjem minn ABLV Bank billi kkonstatat, qabelxejn, fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, li mis-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), kien jirriżulta li s-SRB kien obbligat jieħu deċiżjoni pożittiva jew negattiva wara li jkun eżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kinux issodisfatti jew le. Sussegwentement, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59, li seta’ jitqies bħala l-ekwivalenti tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, kien jipprevedi espressament il-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat, fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jieħu deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni tirriskja li tikkomprometti l-istabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u, potenzjalment, tas-swieq finanzjarji, billi tħalli dubju dwar is-segwitu li għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-BĊE. |
|
32 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat flimkien, fil-punti 87 sa 153 tas-sentenza appellata, it-tielet u r-raba’ motiv imqajma minn ABLV Bank. Hija qieset b’mod partikolari, qabelxejn, fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, li, peress li l-evalwazzjoni, mis-SRB, tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni f’dan ir-rigward huwa ristrett. Sussegwentement, hija ċaħdet l-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq in-natura illegali tal-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN billi ddeċidiet, fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, li l-kawżi tan-nuqqas ma jikkostitwixxux element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014. Fl-aħħar nett, hija ċaħdet, fil-punti 103 sa 146 tal-istess sentenza, l-argument ta’ ABLV Bank intiż kontra l-evalwazzjoni tal-falliment tagħha li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ imwettqa mill-BĊE u adottata mis-SRB. |
|
33 |
Fir-raba’ lok, fil-punti 154 sa 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet is-sitt sal-għaxar motiv imqajjem minn ABLV Bank. |
It-talbiet tal-partijiet
|
34 |
Permezz tal-appell tagħha, ABLV Bank titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
35 |
Is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
36 |
Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2023, din il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑551/22 P, Il-Kummissjoni vs SRB. Wara l-għoti tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520), il-proċedura tkompliet. |
|
38 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Ġunju 2024, il-partijiet f’din il-proċedura ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu minn din is-sentenza f’din il-proċedura. |
Fuq l-appell
|
39 |
ABLV tibbaża ruħha fuq erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-ewwel żewġ motivi ppreżentati fl-ewwel istanza, dwar il-kompetenza tas-SRB, kif ukoll fuq difetti proċedurali li vvizzjaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tat-tielet u tar-raba’ motiv ippreżentati fl-ewwel istanza, dwar l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ ABLV Bank mis-SRB. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-argument ta’ ABLV Bank dwar l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN u dwar deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet Latvjani. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg. |
Fuq it-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja titlob lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq din il-kawża
|
40 |
Fir-replika tagħha, ABLV Bank talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tistieden lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar din il-kawża. Hija ssostni li, fid-dawl tal-argument ippreżentat mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520), din l-istituzzjoni taqbel mal-opinjoni tagħha dwar in-natura fondata ta’ dan l-appell. L-imsemmija istituzzjoni hija, barra minn hekk, f’pożizzjoni li tipprovdi spjegazzjonijiet fuq ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali talba tirrigwarda istituzzjoni tal-Unjoni li la hija parti f’din il-proċedura u lanqas f’dik mibdija fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni permezz tal-argumenti tal-partijiet u tad-dokumenti tal-proċess b’tali mod li din it-talba għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
L-argumenti tal-partijiet
|
42 |
Is-SRB isostni li dan l-appell huwa inammissibbli, sa fejn ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-appell ma jindikax bil-preċiżjoni meħtieġa l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata, u lanqas ma jsemmi l-argumenti legali mressqa speċifikament insostenn tal-aggravji invokati. Minħabba n-natura vaga u inkoerenti tal-imsemmi appell, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-iżbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
|
43 |
Il-BĊE jqis li l-appell ma jinkludi ebda lment preċiż ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jippermettix, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha u, min-naħa l-oħra, lis-SRB u lill-BĊE jiżguraw id-difiża tagħhom. Konsegwentement, hija tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tal-appell. |
|
44 |
ABLV Bank ssostni li l-appell huwa ammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
45 |
Għandu jitfakkar li, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li ikun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali speċifikament imressqa insostenn ta’ din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat. (ara d-digriet tas‑26 ta’ April 1993, Kupka-Floridi vs CES, C‑244/92 P, EU:C:1993:152, punti 8 u 9; sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 75, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2025, BĊE u l-Kummissjoni vs Corneli, C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2025:580, punt 58). |
|
46 |
Appell li l-argument tiegħu ma jkunx ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari għaliex l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-argument ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jkollux struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali u li ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-deċiżjoni kkontestata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il-Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, għalkemm parti mill-argumenti ta’ ABLV Bank ma tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti, xorta jibqa’ l-fatt li l-appell preżenti jinkludi sensiela ta’ argumenti legali relatati ma’ elementi identifikati b’mod ċar tas-sentenza appellata u li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li dan l-appell jiġi ddikjarat inammissibbli fl-intier tiegħu. |
|
49 |
Madankollu, din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti meħuda separatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
50 |
Skont ABLV Bank, il-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji u ta’ żnaturamenti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel żewġ motivi li hija qajmet fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, huwa naqas, b’mod żbaljat, milli jqajjem ex officio aggravji bbażati fuq ċerti difetti proċedurali li jivvizzjaw id-deċiżjoni dwar ABLV Bank. |
|
51 |
Fl-ewwel lok, ABLV Bank issostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji. |
|
52 |
Qabelxejn, din l-interpretazzjoni ma għandha ebda bażi fil-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 18 lanqas f’dan ir-regolament meħud fl-intier tiegħu. |
|
53 |
Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tikser il-limiti tas-setgħat tas-SRB iddefiniti fl-imsemmi Artikolu 18, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520). Mill-punt 83 ta’ din l-aħħar sentenza jirriżulta b’mod partikolari li l-istess Artikolu 18 ma jagħtix lis-SRB is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi. |
|
54 |
Il-premessa 26 tal-imsemmi regolament tirrikonoxxi espressament il-ħtieġa li jiġu limitati s-setgħat tas-SRB li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza. Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tal-istess regolament adottata mill-Qorti Ġenerali tagħti lis-SRB setgħa wiesgħa ħafna u mhux prevista f’dan l-artikolu li jiddetermina d-destin ta’ bank, mingħajr ma jkun neċessarju għalih, għal dan l-għan, li jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill. |
|
55 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali bbażat l-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmi Artikolu 18 fuq żewġ argumenti żbaljati. |
|
56 |
Minn naħa, fir-rigward tal-motiv tal-Qorti Ġenerali bbażat fuq l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59, ABLV Bank issostni li din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ u li l-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regolament Nru 806/2014 ma tistax tiġi kklassifikata bħala lakuna involontarja. Barra minn hekk, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-miżuri adottati wara deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni jaqgħu esklużivament taħt l-awtoritajiet nazzjonali. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, il-motiv li jinsab fil-punt 84 tas-sentenza appellata, dwar allegat bżonn li jitneħħa kull dubju dwar is-segwitu li għandu jingħata fil-livell nazzjonali lill-evalwazzjoni tal-BĊE li istituzzjoni ta’ kreditu tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, huwa ta’ natura politika. |
|
58 |
Fl-aħħar nett, il-prassi segwita mis-SRB wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura fl-ewwel istanza ma hijiex koerenti mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament li huwa ressaq f’din il-kawża u li ġiet adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 83 u 84 ta’ dik is-sentenza. |
|
59 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx korrettament l-effetti legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, filwaqt li dan huwa stadju neċessarju sabiex tiġi eżaminata l-legalità tagħhom. |
|
60 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx b’liema mod is-sitwazzjoni legali ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg ġiet emendata minn dawn id-deċiżjonijiet u llimitat ruħha li teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija deċiżjonijiet jimplikawx jew le “ordni ta’ stralċ”. |
|
61 |
Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jimponux l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg tiżnatura t-test ta’ dawn id-deċiżjonijiet u hija bbażata fuq żbalji. |
|
62 |
Qabelxejn, il-formulazzjoni magħżula fit-test ta’ dawn id-deċiżjonijiet, sa fejn din teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jimplimentaw l-imsemmija deċiżjonijiet konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fihom, ma tħalli ebda dubju dwar il-fatt li ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg kellhom jiġu llikwidati. |
|
63 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali assimilat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ma’ dokument materjali speċifiku. Dan il-kunċett ikopri l-kontenut stess tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dokument materjali jikkostitwixxi biss prova f’dan ir-rigward, bl-istess mod bħal reklami magħmula fil-kuntest ta’ konferenza stampa. Issa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 17 tas-sentenza appellata, is-SRB ħabbar li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jinvolvu l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg. |
|
64 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ destinatarju ta’ att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tal-Artikolu 297(2) TFUE. Hija kellha tikkunsidra li d-destinatarju ta’ att ma huwiex l-awtorità responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, iżda l-persuna li s-sitwazzjoni legali tagħha tkun inbidlet. F’dan il-każ, ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg huma d-destinatarji tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-persuni li jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
65 |
Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni dwar ABLV Bank hija vvizzjata b’difetti proċedurali, li kellhom jitqajmu ex officio mill-Qorti Ġenerali u issa għandhom jitqajmu mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, id-drittijiet ta’ ABLV Bank li tinstema’ u ta’ aċċess għall-fajl ma ġewx irrispettati fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx ikkomunikata b’mod korrett lil din tal-aħħar u ebda espożizzjoni tal-motivi ma ġiet prodotta. |
|
66 |
Is-SRB iqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
|
67 |
Il-BĊE jsostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
68 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ ABLV Bank dwar l-allegati żbalji li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ma ddeterminatx korrettament l-effetti legali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u billi ma rrilevatx id-difetti proċedurali li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni dwar ABLV Bank ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. L-imsemmi argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. |
|
69 |
Fir-rigward tal-argumenti l-oħra invokati minn ABLV Bank insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, għandu jiġi rrilevat, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegat żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv imqajjem minn ABLV Bank fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jieħu deċiżjoni formali li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam, l-ewwel nett, mal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha. (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑25 ta’ Frar 2025, BSH Hausgeräte, C‑339/22, EU:C:2025:108, punt 27). |
|
71 |
Qabelxejn, il-formulazzjoni tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu, li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-gruppi li jitqiesu li huma importanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni kif ukoll ta’ gruppi transkonfinali oħra biss jekk iqis li l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 18(1)(a) sa (c) tal-imsemmi regolament huma ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, l-ewwel, il-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-entità jew tal-grupp ikkonċernat, it-tieni, l-assenza ta’ miżuri alternattivi fir-rigward tar-riżoluzzjoni kif ukoll, it-tielet, in-neċessità tagħha fl-interess pubbliku. |
|
72 |
Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, li tinsab fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB u li dan tal-aħħar jista’ jwettaq tali evalwazzjoni biss jekk, wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu, dan ma jwettaqx din l-evalwazzjoni fi żmien tlett ijiem kalendarji minn meta jirċievi din l-informazzjoni. It-tielet subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 18(1) jippreċiża li, meta l-BĊE jqis li l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. |
|
73 |
L-evalwazzjoni tal-BĊE li l-entità kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala konsegwenza l-bidu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, l-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament mis-SRB. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 67). |
|
74 |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprevedi, għaldaqstant, il-kompetenza tas-SRB sabiex jeżamina l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1(a) sa (c) ta’ dan l-artikolu fil-każijiet kollha fejn il-proċedura ta’ riżoluzzjoni tinbeda abbażi tal-evalwazzjoni kkomunikata mill-BĊE, dwar il-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tal-entità jew tal-grupp ikkonċernat, jew imwettqa mis-SRB innifsu, meta dan ikun esprima l-intenzjoni tiegħu li jwettaq tali evalwazzjoni, minkejja li l-imsemmi artikolu ma jinkludix indikazzjonijiet espliċiti dwar is-segwitu li għandu jingħata għal din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni meta s-SRB iqis li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti. |
|
75 |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jissuġġettaw id-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha jew tal-Kunsill. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 80), tali parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ma hijiex prevista fil-każ fejn skema ta’ riżoluzzjoni ma tiġix adottata. Għalhekk, meta s-SRB iqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ma humiex issodisfatti, din il-konklużjoni tas-SRB tikkostitwixxi l-istadju finali tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. |
|
76 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest madwar l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-kompetenza tas-SRB sabiex jieħu deċiżjoni li ma jaddottax skema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, teżisti disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, anki jekk jitqies li minn uħud minn dawn il-verżjonijiet jista’ jirriżulta li s-SRB huwa kompetenti biss sabiex jadotta deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni dwar, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-gruppi li jitqiesu li huma importanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni kif ukoll ma’ gruppi transkonfinali oħra, xorta jibqa’ l-fatt li, skont verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, dan għandu l-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kollha “dwar ir-riżoluzzjoni” ta’ tali istituzzjonijiet finanzjarji jew gruppi. |
|
77 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni purament letterali ta’ verżjoni lingwistika waħda jew ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-oħrajn, ma tistax tipprevali, u dan peress li l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni teżiġi li dawn jiġu interpretati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet imfassla bil-lingwi kollha (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Min-naħa l-oħra, il-premessa 33 tar-Regolament Nru 806/2014 tippreċiża li s-SRB għandu jħejji d-“deċiżjonijiet kollha dwar il-proċedura ta' riżoluzzjoni” u, sa fejn ikun possibbli, jadotta dawn id-deċiżjonijiet. |
|
79 |
Tali preċiżazzjoni tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta interpretazzjoni wiesgħa tat-tipi ta’ deċiżjonijiet li s-SRB huwa inkarigat li jadotta fil-kuntest tas-SRM. |
|
80 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tiegħu, mill-premessi 2, 10 sa 12, 31, 58 u 122 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan huwa intiż, permezz tal-istabbiliment ta’ proċess deċiżjonali uniformi u ċċentralizzat fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li jiggarantixxi proċess deċiżjonali iktar rapidu u effikaċi għar-riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja bl-għan b’mod partikolari li tiġi ggarantita prevedibbiltà ikbar fir-rigward tal-eżitu ta’ falliment ta’ bank, li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi finanzjarji essenzjali u li jiġu protetti d-depożitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il-Kummissjoni u SRB, C‑535/22 P, EU:C:2024:819, punt 164, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il-Kummissjoni u SRB, C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 190). |
|
81 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-BĊE li l-entità kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tal-istess regolament, għandha bħala konsegwenza l-bidu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tiegħu u, għaldaqstant, l-eżami tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 18(1), mis-SRB. |
|
82 |
Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 18 fis-sens li s-SRB ma huwiex kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni li ma jaddottax skema ta’ riżoluzzjoni meta jqis li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti ma tippermettix li tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti fir-rigward tal-eżitu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni mmexxija mis-SRB wara konstatazzjoni ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli u li b’hekk tiġi ggarantita ċerta prevedibbiltà fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali falliment, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri li ser jittieħdu wara tali konstatazzjoni. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, fil-każ li s-SRB iqis li l-imsemmija kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, din il-konklużjoni tas-SRB tikkostitwixxi l-istadju finali tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu informati dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni mmexxija mis-SRB. |
|
84 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li s-SRB huwa kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni meta jqis li l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma humiex issodisfatti. |
|
85 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni ABLV Bank, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520). |
|
86 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, stabbilita essenzjalment fil-premessi 24 u 26 tiegħu, li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti mill-istess regolament jaqa’ taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jiddefinixxu, u li jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, fid-dawl tar-riperkussjonijiet kunsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni nnifisha, kif ukoll fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Minn dawn il-premessi jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, għal dawn ir-raġunijiet, li huwa neċessarju li jipprevedi l-parteċipazzjoni xierqa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jiġifieri parteċipazzjoni li ssaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tas-SRB filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ delega tas-setgħat lill-aġenziji identifikati fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u mfakkra fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18). (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 69). |
|
87 |
F’dawn l-ewwel żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tkunx tirrigwarda, min-naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali” (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, twettaq “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija bbażata fuq il-premessa li l-bilanċ tas-setgħat, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, jikkostitwixxi garanzija fundamentali mogħtija mit-Trattati u li d-delega ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tippreġudika din il-garanzija, inkwantu din tagħti din is-setgħa lil awtoritajiet differenti minn dawk li ġew stabbiliti mit-Trattati sabiex jiżguraw u jikkontrollaw l-eżerċizzju tagħha fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 72). |
|
90 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-validità ta’ delega ta’ setgħat lil aġenzija, fid-dawl tal-bilanċ tas-setgħat iggarantit mit-Trattati, tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk din id-delega tirrigwardax setgħa diskrezzjonali wiesgħa jew, għall-kuntrarju, setgħat ta’ implementazzjoni ddefiniti b’mod preċiż. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 73). |
|
91 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn huma ta’ natura li jevitaw “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). |
|
92 |
Fil-fatt, filwaqt li jagħtu lis-SRB is-setgħa li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni humiex issodisfatti fil-każ ineżami u dik li jiddetermina l-istrumenti neċessarji għall-finijiet ta’ tali skema, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill ir-responsabbiltà għall-evalwazzjoni finali tal-aspetti diskrezzjonali tiegħu li jaqgħu taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li, jinvolvu bbilanċjar speċifiku tal-għanijiet u tal-interessi differenti, intiżi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-integrità tas-suq intern, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sovranità baġitarja tal-Istati Membri kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 81). |
|
93 |
Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtu lis-SRB setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u b’liema mezzi l-entità kkonċernata għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, din is-setgħa hija, skont l-Artikolu 18(1) u (4) sa (6) tar-Regolament SRM, irregolata minn kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tas-SRB u jirrigwardaw kemm il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni kif ukoll l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, li, sabiex tidħol fis-seħħ, għandha tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 77). |
|
94 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm l-Artikoli 7 u 18 tal-imsemmi regolament jipprevedu li s-SRB huwa inkarigat li jfassal u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, dawn madankollu ma jagħtuhx is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi. Hija ppreċiżat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tal-istess regolament, l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi element indispensabbli kemm għad-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ riżoluzzjoni kif ukoll għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ din tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punti 83 u 84). |
|
95 |
Kuntrarjament għal dak li tallega ABLV Bank, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-SRB fl-ebda każ ma għandu s-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi. |
|
96 |
Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 83 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520), huma intiżi li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni, li tinsab fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, li tgħid li jkun kuntrarju kemm għas-setgħat mogħtija lis-SRB mir-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li jitqies li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti indipendentement mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni. Il-konstatazzjoni li tinsab f’dan il-punt 83, li l-Artikoli 7 u 18 ta’ dan ir-regolament ma jagħtux lis-SRB is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi, tirrigwarda għalhekk biss l-iskemi ta’ riżoluzzjoni. |
|
97 |
Barra minn hekk, għalkemm, kif tirrileva ABLV Bank, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, (C‑551/22 P, EU:C:2024:520), li kienet meħtieġa parteċipazzjoni xierqa tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni sabiex jiġi evitat “trasferiment tar-responsabbiltà”, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, għal dan l-għan, fil-punti 75 sa 81 ta’ din is-sentenza, fuq kumulu ta’ elementi li jikkaratterizzaw l-adozzjoni, mis-SRB, ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Issa, ma jkunx hemm dawn l-elementi meta s-SRB jiddeċiedi li ma jaddottax skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
98 |
Minn naħa, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 18 ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni li tissuġġetta lill-entità kkonċernata għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u jiddetermina l-applikazzjoni għaliha tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-użu tas-SRF. L-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament jispeċifika li dawn l-istrumenti jistgħu, bl-eċċezzjoni ta’ dak ta’ separazzjoni tal-assi, jiġu applikati separatament jew flimkien sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, konformement mal-prinċipji tar-riżoluzzjoni ddefiniti fl-Artikolu 15 ta’ dan tal-aħħar. |
|
99 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punti 77 u 81 tal-istess sentenza, li, sabiex tiġi adottata skema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jevalwa, b’mod diskrezzjonali, żewġ aspetti distinti tas-sitwazzjoni inkwistjoni, l-ewwel wieħed dwar jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali skema humiex issodisfatti u t-tieni wieħed dwar id-determinazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni neċessarji għal dan l-għan kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-użu tas-SRF. |
|
100 |
Issa, l-adozzjoni, mis-SRB, ta’ deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni teħtieġ biss li s-SRB jikkonkludi li l-kundizzjonijiet kumulattivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali skema ma humiex issodisfatti, u dan jeżentah milli jkollu jiddetermina l-istrumenti li kienu jkunu neċessarji għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni. Issa, id-determinazzjoni ta’ dawn l-istrumenti teħtieġ, kif tfakkar fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, ibbilanċjar speċifiku tal-għanijiet u tal-interessi differenti, intiżi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-integrità tas-suq intern, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sovranità baġitarja tal-Istati Membri kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri. |
|
101 |
Minn dan isegwi li l-portata tal-evalwazzjonijiet diskrezzjonali li għandhom jitwettqu mis-SRB sabiex jiddeċiedi li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni hija neċessarjament iktar limitata minn dik tal-evalwazzjonijiet li għandhom isiru mis-SRB sabiex jiddeċiedi li jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
102 |
Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 77 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, is-setgħa tas-SRB li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 humiex issodisfatti hija, skont il-paragrafi 1, 4 u 5 tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, irregolata minn kriterji u minn kundizzjonijiet oġġettivi li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tas-SRB (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 45). |
|
103 |
Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni ma jistax ikollha l-effett, minnha nnifisha, li timponi miżuri konkreti jew li timpenja fondi, peress li l-uniku effett tagħha huwa li ttemm il-proċedura ta’ riżoluzzjoni mmexxija mis-SRB. |
|
104 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument ta’ ABLV Bank li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma għandha ebda bażi fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas fl-istess regolament u tikser il-limiti tas-setgħat tas-SRB iddefiniti fl-imsemmija dispożizzjoni kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520). |
|
105 |
It-tieni, fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank dirett kontra l-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
106 |
Fil-fatt, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, dwar, essenzjalment, ir-riskju ta’ inċertezza li jirriżulta minn assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjoni li ma tiġix implimentata skema ta’ riżoluzzjoni, hija relatata ma’ wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri n-neċessità, imfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, li tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti fir-rigward tal-eżitu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni mmexxija mis-SRB wara konstatazzjoni ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli u li b’hekk tiġi ggarantita ċerta prevedibbiltà fir-rigward tal-eżitu ta’ tali falliment, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri li ser jittieħdu wara tali konstatazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu li bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ dan ir-riskju. |
|
107 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni ABLV Bank, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, fil-punt 83 tal-istess sentenza, li l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59 huwa applikabbli għas-SRB, iżda rreferiet għal din id-dispożizzjoni b’analoġija, fil-kuntest ta’ analiżi kuntestwali tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. |
|
108 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, permezz tal-argument tagħha dirett kontra dan il-punt 83, ABLV Bank tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta wettqet tali analoġija, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 71 sa 103 ta’ din is-sentenza, in-natura żbaljata ta’ tali analoġija ma hijiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li turi li s-SRB ma huwiex kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, sabiex jikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni motiv imqajjem minn ABLV Bank fl-ewwel istanza. Tali argument għandu għalhekk, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
|
109 |
It-tielet, l-istess japplika fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq il-prassi segwita mis-SRB wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura fl-ewwel istanza. Fil-fatt, il-fatt li din il-prattika ma hijiex koerenti mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 li s-SRB ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali u li dan adotta, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkontesta l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
|
110 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank dirett kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jimponux l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, l-ewwel motiv imqajjem minn ABLV Bank fl-ewwel istanza, li permezz tiegħu hija sostniet li s-SRB kien eċċeda l-kompetenza mogħtija lilu minn dan ir-regolament billi ordna l-istralċ ta’ ABLV Bank. |
|
111 |
L-ewwel, fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq allegati żbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali żbalji, jekk jitqiesu stabbiliti, ma jistgħux jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel motiv imqajjem minn ABLV Bank fl-ewwel istanza, peress li l-eżami fil-mertu tar-rikors għal annullament ippreżentat minnha kien jirrigwarda biss id-deċiżjoni dwar ABLV Bank, peress li r-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg ġie ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. |
|
112 |
It-tieni, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ABLV Bank li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-test tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank billi kkonstatat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, is-SRB ma ddeċidiex l-istralċ ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, għandu jiġi rrilevat li mit-test tal-imsemmija deċiżjoni ma jirriżultax li din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija ineżatta. |
|
113 |
L-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat. |
|
114 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, permezz ta’ dan l-argument, ABLV Bank tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni dwar ABLV Bank ma timponix l-istralċ tagħha, tali argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, f’dan il-punt 75, li l-istralċ ta’ ABLV Bank ma rriżultax minn din id-deċiżjoni, iżda minn deċiżjoni meħuda mill-azzjonisti tagħha wara l-imsemmija deċiżjoni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 49, u tal‑24 ta’ Frar 2022, Bernis et vs SRB, C‑364/20 P, EU:C:2022:115, punti 50, 51, 77 u 78.). |
|
115 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tat-test biss tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, bl-esklużjoni ta’ avviżi pubbliċi magħmula mill-awtur tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
116 |
Fil-fatt, billi kkonstatat, fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li l-istqarrija għall-istampa tas-SRB tal‑24 ta’ Frar 2018 ma tissostitwixxix id-deċiżjonijiet kontenzjużi u ma tistax toħloq obbligi li ma jirriżultawx minnhom, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li t-test ta’ dawn id-deċiżjonijiet huwa l-uniku element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom, iżda ddeċidiet, essenzjalment, li stqarrija għall-istampa jista’ jkollha biss rwol komplementari għal dan l-għan u għalhekk ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni li tirriżulta mit-test stess tal-imsemmija deċiżjonijiet. |
|
117 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegat żball li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ma interpretatx b’mod korrett il-kunċett ta’ “destinatarju”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tal-Artikolu 297(2) TFUE, tali żball ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni dwar ABLV Bank ma timponix il-likwidazzjoni tagħha u, għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-ewwel motiv imqajjem minn ABLV Bank fl-ewwel istanza. L-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq tali żball għandu għalhekk jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. |
|
118 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li dan l-iżball ċaħħad lil ABLV Bank u lil ABLV Bank Luxembourg mid-drittijiet tagħhom iggarantiti fl-Artikolu 41 tal-Karta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha u li dan għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. |
|
119 |
Isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
120 |
ABLV Bank issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturamenti tal-fatti fl-eżami tat-tielet u tar-raba’ motivi ppreżentati fl-ewwel istanza, relatati mal-evalwazzjoni, mis-SRB, tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ ABLV Bank, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
121 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali adottat, fil-punti 90 sa 96 tas-sentenza appellata, kunċett eċċessivament restrittiv tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u b’hekk kisret l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li dan l-istħarriġ għandu jkun iktar limitat minn dak imwettaq mill-qrati nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza. Barra minn hekk, il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Unjoni għandu jkun proporzjonali għall-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkonċernata. |
|
122 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 103 sa 109 ta’ dik is-sentenza, żnaturat il-proċess li ġie ppreżentat lilha billi ddeċidiet li d-deċiżjoni dwar l-ABLV Bank kien fiha evalwazzjoni impliċita tal-falliment attwali jew prevedibbli tal-ABLV Bank mis-SRB, minkejja li dan tal-aħħar kien indika, b’mod partikolari fil-punt 124 tar-risposta tiegħu, li l-BĊE kien wettaq din l-evalwazzjoni waħdu u li s-SRB kien ġie biss ikkonsultat. |
|
123 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti b’ommissjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) tad‑9 ta’ Marzu 2018 kif ukoll avvenimenti sussegwenti oħra li kkontestaw l-evalwazzjonijiet tas-SRB li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
124 |
Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx b’mod korrett għal ċerti argumenti dwar l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ ABLV Bank imqajma fl-ewwel istanza. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument li l-moratorju li minnu bbenefikat ABLV Bank seta’ jiġi estiż sabiex jiġu evitati l-problemi ta’ likwidità li hija kienet ikkonfrontata bihom, għall-iżbalji allegati dwar il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tad-depożiti u għall-allegata natura inġustifikata u arbitrarja tat-talba għal konverżjoni tal-likwidità tagħha Euroclear fi flus fi ħdan il-Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja). |
|
125 |
Fil-ħames lok, is-sentenza appellata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ likwidità tal-banek, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni dwar is-superviżjoni prudenzjali u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Din is-sentenza tippreżupponi li s-sistema ta’ likwidità prevista mid-dritt tal-Unjoni hija rilevanti biss f’perijodu ta’ prosperità u mhux f’każ ta’ kriżi ta’ likwidità. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-imsemmija sentenza, il-fatt li din is-sistema ta’ likwidità tiġi żnaturata jekk jiġu imposti rekwiżiti ta’ likwidità addizzjonali fuq istituzzjoni ta’ kreditu f’każ ta’ kriżi. |
|
126 |
Is-SRB iqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat u, parzjalment, manifestament ineffettiv. |
|
127 |
Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
128 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni, mi[s-SRB], tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità, l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti lis-SRB marġni ta’ diskrezzjoni ċert dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, fosthom dik dwar il-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-entità jew tal-grupp ikkonċernat, humiex issodisfatti. |
|
129 |
Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, sa fejn is-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni ċert fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, li teħtieġ għażliet ta’ natura teknika u li teħtieġ li jitwettqu previżjonijiet u evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza ta’ dan l-eżami ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-SRB bl-evalwazzjoni tagħha stess, iżda huwa intiż li jivverifika li d-deċiżjoni meħuda minnu fi tmiem l-imsemmi eżami ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55; tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il-Kummissjoni u SRB, C-535/22 P, EU:C:2024:819, punt 266, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il-Kummissjoni u SRB, C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 275). |
|
130 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni ABLV Bank, il-kunċett tal-istħarriġ ġudizzjarju adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, jew mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
131 |
Fil-fatt, għalkemm, fir-rigward ta’ qasam li jagħti lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi, ta’ data ta’ natura ekonomika. B’hekk, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54, u tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il-Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 125). |
|
132 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qorti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
133 |
Minn dan isegwi li l-argument ta’ ABLV Bank li l-Qorti Ġenerali adottat kunċett eċċessivament restrittiv tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq l-evalwazzjoni, mis-SRB, tal-falliment ta’ entità li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
134 |
Barra minn hekk, il-fatt li dan il-kunċett tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju huwa differenti minn dak adottat mill-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-insolvenza, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex ta’ natura li juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-intensità tal-istħarriġ tagħha. L-argument ibbażat fuq tali ċirkustanza għandu għalhekk jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. |
|
135 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-proċess ippreżentat lill-Qorti Ġenerali, fil-punti 103 sa 109 tas-sentenza appellata, ma huwiex manifest, fid-dawl tal-elementi ta’ dan il-proċess, invokati minn ABLV Bank, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fid-deċiżjoni dwar ABLV Bank, is-SRB adotta l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ ABLV Bank mill-BĊE, hija ineżatta. Għaldaqstant, l-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq l-eżistenza ta’ tali żnaturament għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
136 |
L-istess japplika fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument ta’ ABLV Bank dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tas-sentenza tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) tad‑9 ta’ Marzu 2018. |
|
137 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, din is-sentenza ma tikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ ABLV Bank, iżda biss dik ta’ ABLV Bank Luxembourg. Issa, ir-rikors għal annullament ippreżentat minn ABLV Bank kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg ġie ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tas-sentenza appellata, b’tali mod li ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmija sentenza fil-kuntest tal-eżami tagħha fil-mertu tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank. |
|
138 |
Fir-rigward tal-argument dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ avvenimenti oħra sussegwenti għad-deċiżjonijiet kontenzjużi, dan l-argument ma jindikax l-elementi tal-istess sentenza li huma għalhekk ikkritikati u ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità ta’ din is-sentenza, b’tali mod li għandu, kif isostnu s-SRB u l-BĊE, jiġi miċħud bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. |
|
139 |
Fir-raba’ lok, għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, kif isostni s-SRB, l-argument ta’ ABLV Bank li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx b’mod korrett għall-argumenti tagħha b’rabta mal-moratorju li hija bbenefikat minnu, mal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tad-depożiti u mat-talba għall-konverżjoni tal-likwidità tagħha Euroclear fi flus mal-Bank tal-Latvja. |
|
140 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ likwidità fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikkaratterizzati minn irtirar massiv ta’ depożiti wara ksur ta’ fiduċja bejn ABLV Bank u l-klijentela tagħha, il-proporzjon ta’ kopertura ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-kapitalizzazzjoni tagħha kienu ta’ importanza iżgħar meta mqabbla mad-disponibbiltà immedjata ta’ likwidità fi ħdan l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu. |
|
141 |
L-argument ta’ ABLV Bank li l-Qorti Ġenerali qieset, f’din is-sentenza, li s-sistema ta’ likwidità prevista mid-dritt tal-Unjoni hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt 115. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni ABLV Bank, billi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-proporzjon ta’ kopertura tagħha kien ta’ importanza iżgħar meta mqabbel mad-disponibbiltà immedjata tal-likwidità fi ħdan din l-istituzzjoni ta’ kreditu, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qieset li l-proporzjon ta’ kopertura huwa, b’mod ġenerali, irrilevanti, iżda biss li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, elementi oħra kellhom jingħataw importanza ikbar. |
|
142 |
Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ABLV Bank għandha l-intenzjoni li ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li rekwiżiti ta’ likwidità addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk imposti mis-sistema ta’ likwidità prevista mid-dritt tal-Unjoni setgħu jiġu imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, hija ma turix li tali soluzzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
143 |
Għaldaqstant, l-argument ta’ ABLV Bank dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ likwidità fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
144 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat, parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB fir-rigward ta’ dan l-aggravju fl-intier tiegħu u mill-BĊE fir-rigward ta’ parti mill-argumenti mressqa minn ABLV Bank fil-kuntest tal-imsemmi aggravju. |
Fuq it-tielet aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
145 |
ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ċertu numru ta’ żbalji u ta’ żnaturamenti fl-eżami tal-argumenti tagħha dwar l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN u d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet Latvjani. |
|
146 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument li ABLV Bank kienet ippreżentat fl-ewwel istanza dwar l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN billi ssuġġeriet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li din kienet ikkritikat biss lill-BĊE talli ma kkjarifikax il-portata ta’ dan il-proġett quddiem l-imsieħba tagħha. Fil-fatt, ABLV Bank ikkritikat lill-BĊE u lis-SRB li rreferew għall-imsemmi proġett bħala li jikkostitwixxi deċiżjoni awtorevoli u li tawha piż kunsiderevoli fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha. |
|
147 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq ABLV Bank oneru tal-prova kbir wisq u żnaturat l-argument tagħha billi ċaħditu minħabba li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kawżi tas-sitwazzjoni ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli. Għalhekk, permezz tal-argument tagħha, ABLV Bank sostniet li l-evalwazzjonijiet tal-BĊE u tas-SRB dwar is-sitwazzjoni tagħha ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ kienu bbażati mhux fuq evalwazzjoni teknika ta’ din is-sitwazzjoni, iżda fuq kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali kif ukoll fuq il-konstatazzjoni li l-mudell kummerċjali ta’ ABLV Bank ma kienx għadu vijabbli minħabba l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN. |
|
148 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċertu numru ta’ ċirkustanzi u ta’ provi prodotti minn ABLV Bank insostenn tal-argument tagħha. |
|
149 |
ABLV Bank ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq id-dritt Latvjan u fuq il-kompetenza tal-KSFK fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. ABLV Bank semmiet ukoll diverġenzi bejn l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN u d-deċiżjonijiet tal-KSFK li jikkonstataw l-osservanza, minn ABLV Bank, tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam. Barra minn hekk, ABLV Bank sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN kien jikkostitwixxi tentattiv ta’ pajjiż terz li jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika tal-Latvja sabiex iwassalha sabiex temenda l-leġiżlazzjoni tagħha. |
|
150 |
Barra minn hekk, ABLV Bank ipproduċiet provi fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja), li wrew l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn uffiċjali tal-BĊE u l-FinCEN, kollużjoni li l-BĊE u s-SRB kienu jafu biha. |
|
151 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq użu ħażin ta’ poter mis-SRB, għar-raġuni, esposta fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li l-elementi mressqa minn ABLV Bank f’dan ir-rigward ma kinux imputabbli lis-SRB, filwaqt li dan tal-aħħar ibbaża ruħu b’mod wiesa’ fuq xogħol imwettaq mill-BĊE u fil-livell nazzjonali. |
|
152 |
Is-SRB u l-BĊE jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
153 |
Fl-ewwel lok, l-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq allegati żnaturamenti tal-proċess mill-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
154 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, li ABLV Bank kienet invokat diversi drabi n-natura illegali tal-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 179 tal-imsemmija sentenza, li ABLV Bank sostniet li l-BĊE u s-SRB kienu bbażaw id-deċiżjoni dwar ABLV Bank fuq l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega ABLV Bank, billi kkonstatat, fil-punt 100 tal-istess sentenza, li hija kienet tqis li l-BĊE kien obbligat jikkjarifika, ma’ dawn l-imsieħba, il-portata tal-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN, il-Qorti Ġenerali ma naqqsitx il-portata tal-argument tagħha dwar dan il-proġett għal dan l-argument biss, iżda qieset li dan l-argument kien jagħmel parti mill-argumenti tagħha, fatt li ABLV Bank ma tikkontestax. |
|
155 |
Barra minn hekk, billi ddeċidiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, peress li l-kawżi tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità ma jikkostitwixxux element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014, ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN kienx iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha, kuntrarjament għal dak li tallega ABLV Bank, li tesponi l-kontenut tal-argument li din kienet ippreżentat fl-ewwel istanza, iżda mmotivat iċ-ċaħda ta’ dan l-argument. |
|
156 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, permezz tal-argument tagħha, ABLV Bank tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, f’dan il-punt 101, li l-kawżi tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità ma jikkostitwixxux element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament, tali argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni jiġi adottat b’mod validu meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament ikunu ssodisfatti, irrispettivament mill-motivi li wasslu lill-entità inkwistjoni għal sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il-Kummissjoni u SRB, C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 191). |
|
157 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank dwar l-oneru tal-prova, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha u li dan għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. |
|
158 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank dwar l-insuffiċjenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċertu numru ta’ ċirkustanzi u ta’ provi, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għaldaqstant hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs l-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
159 |
Għaldaqstant, dan l-argument jista’ jintlaqa’ biss jekk jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Issa, ABLV Bank ma tinvokax tali żnaturament, billi tillimita ruħha, essenzjalment, li titlob evalwazzjoni ġdida tal-fatti, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
|
160 |
L-imsemmi argument għandu għalhekk jiġi miċħud, kif isostnu s-SRB u l-BĊE, bħala inammissibbli. |
|
161 |
Fir-raba’ lok, l-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 205 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
162 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 204 ta’ din is-sentenza li, skont ġurisprudenza stabbilita, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed esklużivament jew mill-inqas b’mod determinanti, għal finijiet oħrajn għajr dawk li għalihom ingħata l-poter inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattat FUE sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑146/13, EU:C:2015:298, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
163 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank, is-SRB ibbaża ruħu, parzjalment, fuq atti adottati mill-BĊE u minn awtoritajiet nazzjonali ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex juri li huwa adotta din id-deċiżjoni għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat FUE. |
|
164 |
Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB u mill-BĊE fir-rigward ta’ dan l-aggravju kollu kemm hu. |
Fuq ir-raba' aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
165 |
ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ċertu numru ta’ żbalji fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg. |
|
166 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li huwa biss it-test tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li huwa rilevanti u li dan it-test ma għandux jiġi interpretat konformement mar-reklami pubbliċi magħmula mill-awtur tiegħu. |
|
167 |
Il-Qorti Ġenerali b’hekk assimilat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ma’ dokument materjali speċifiku, meta dan il-kunċett ikopri l-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li dokument materjali jikkostitwixxi biss prova f’dan ir-rigward, bl-istess mod bħal avviżi orali. L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali jkollha konsegwenzi inaċċettabbli u tippreġudika l-Istat tad-dritt. |
|
168 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat it-test tad-deċiżjonijiet kontenzjużi meta qieset li dawn ma kinux jimponu l-istralċ tal-entitajiet ikkonċernati. Fil-fatt, il-formulazzjoni magħżula fit-test ta’ dawn id-deċiżjonijiet, sa fejn teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jimplimentaw l-imsemmija deċiżjonijiet konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fihom, ma tħalli ebda dubju dwar il-fatt li ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg kellhom jiġu stralċati. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk metodu ta’ stralċ preċiż kienx jiġi deċiż jew jekk id-deċiżjoni f’dan is-sens tirriżultax direttament mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ hija irrilevanti. |
|
169 |
ABLV Bank issostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tagħha li deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni hija att li jista’ jiġi kkontestat. Hija ssostni, billi tirreferi għal deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni adottati mis-SRB fir-rigward ta’ entitajiet oħra, li tali deċiżjonijiet jibdlu s-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti tal-entità kkonċernata minn tali skema. Minn dan hija tiddeduċi li l-istess japplika fir-rigward ta’ deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
170 |
Fir-raba’ lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma qisitx li deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha konsegwenzi iktar speċifiċi, sa fejn tipprekludi lil din l-istituzzjoni milli twettaq attivitajiet irregolati ta’ depożitu u ta’ self. |
|
171 |
Is-SRB u l-BĊE jqisu li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
172 |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ ABLV Bank ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg, wara li kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li din id-deċiżjoni tipprevedi li ebda skema ta’ riżoluzzjoni ma ser tiġi adottata fir-rigward ta’ ABLV Bank Luxembourg, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti ta’ ABLV Bank Luxembourg, bħal ABLV Bank. |
|
173 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 112 sa 116 ta’ din is-sentenza, hemm lok, għall-istess raġunijiet, li jiġi miċħud l-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq żnaturament tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg u fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-effetti tagħha bħala infondati. |
|
174 |
L-istess japplika fir-rigward tal-argument ta’ ABLV Bank ibbażat fuq analoġija mad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni adottati mis-SRB fir-rigward ta’ entitajiet oħra, peress li tali deċiżjonijiet huma irrilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-effetti tad-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg. |
|
175 |
Għall-bqija, l-argument ta’ ABLV Bank dirett kontra l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha sa fejn kien dirett kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tas-sentenza appellata, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza. |
|
176 |
Isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
|
177 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
178 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż. |
|
179 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
180 |
Peress li s-SRB u l-BĊE talbu l-kundanna ta’ ABLV Bank u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk esposti mis-SRB u mill-BĊE. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.