European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1728

18.6.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1728

tas-6 ta’ Diċembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f’liema ċirkostanzi jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-identifikazzjoni ta’ gruppi ta’ klijenti konnessi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-identifikazzjoni ta’ “grupp ta’ klijenti konnessi” kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (39) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi marbuta tant mill-qrib permezz ta’ fatturi ta’ riskju idjosinkratiċi li jkun prudenti li jiġu ttrattati bħala riskju wieħed. Fejn ma jkunx ċar taħt liema kategorija speċifika ta’ konnessjonijiet jenħtieġ li tiġi kklassifikata l-interkonnessjoni bejn persuni differenti, jenħtieġ li jipprevali prinċipju ġenerali ta’ prudenza u jenħtieġ li wieħed jassumi li jeżisti riskju wieħed. Għalhekk, jenħtieġ li ċ-ċirkostanzi li fihom jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-identifikazzjoni ta’ gruppi ta’ klijenti konnessi, jinftiehmu bħala listi mhux eżawrjenti. Jenħtieġ li l-każijiet fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu marbuta biss permezz tad-dipendenza tagħhom fuq fatturi esterni ġeografiċi jew settorjali komuni, ma jwasslux għal grupp ta’ klijenti konnessi.

(2)

Sabiex jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi li fihom il-kondizzjoni ta’ kontroll tiġi ssodisfata għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju wieħed, jenħtieġ li meta żewġ persuni ġuridiċi jew aktar ikunu parti mill-istess rapport finanzjarju kkonsolidat, il-kondizzjoni ta’ kontroll titqies bħala ssodisfata, anke fin-nuqqas ta’ skoperturi fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika kontrollanti, minħabba li fi grupp jista’ jinħoloq l-effett domino tad-diffikultajiet finanzjarji anke jekk l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda skopertura fil-konfront ta’ persuna kontrollanti.

(3)

Minħabba li relazzjoni ta’ kontroll mhijiex limitata għal persuni li huma parti mill-istess grupp konsolidat, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li fihom jeżisti riskju wieħed bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar fuq il-bażi ta’ kontroll, anke meta r-rapporti finanzjarji kkonsolidati ma jkunux qed jitħejjew, kemm jekk minħabba li jkunu involuti persuni fiżiċi, jew minħabba li l-persuni ġuridiċi jkunu stabbiliti f’pajjiż terz jew ir-reġim ġuridiku applikabbli għal dawk il-persuni ma jkunx jeħtieġ konsolidazzjoni finanzjarja. B’mod partikolari, meta l-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot, jew ikollha l-kapaċità li taħtar jew tneħħi l-maġġoranza tal-korp maniġerjali jew teżerċita influwenza dominanti fuq persuna oħra, jenħtieġ li l-kondizzjonijiet ta’ kontroll jitqiesu bħala ssodisfati.

(4)

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati aktar ċirkostanzi li fihom żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar jistgħu jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li waħda minnhom, direttament jew indirettament, ikollha kontroll fuq l-oħra jew oħrajn. B’mod partikolari, meta l-persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt jew il-kapaċità li tiddeċiedi dwar l-istrateġija jew dwar tranżazzjonijiet importanti ta’ persuna oħra, jew ikollha d-dritt jew il-kapaċità li tikkoordina l-ġestjoni ta’ persuna ġuridika waħda jew aktar, jenħtieġ li dawk iċ-ċirkostanzi jitqiesu li għandhom influwenza dominanti u b’hekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal riskju wieħed abbażi tal-kontroll.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li tal-anqas jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta tiġi vvalutata d-dipendenza ekonomika għall-fini tad-determinazzjoni ta’ riskju wieħed. Id-dipendenza ekonomika tirrikjedi li r-relazzjoni bejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollha l-potenzjal li tiskatta diffikultajiet ta’ finanzjament jew ta’ ripagament u ma tkunx tista’ tiġi sostitwita fil-ħin mingħajr ma ġġarrab kostijiet addizzjonali eċċessivi, jiġifieri kostijiet jew dħul imnaqqas li jistgħu jikkawżaw diffikultajiet ta’ ripagament.

(6)

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li fihom il-kondizzjonijiet tal-kontroll u tad-dipendenza ekonomika jeżistu flimkien. Għal dak il-għan, jenħtieġ li meta żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar jikkostitwixxu riskju wieħed ibbażat fuq il-kontroll u persuna waħda jew aktar tkun tant interkonnessa mill-qrib u interdipendenti fuq persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jkunu ekonomikament dipendenti, dawk il-persuni kollha jikkostitwixxu riskju wieħed ġenerali. Meta jivvalutaw il-koeżistenza tal-kontroll u d-dipendenza ekonomika, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw kull każ separatament, filwaqt li jqisu l-konnessjonijiet possibbli abbażi ta’ ċirkostanzi individwali. Meta persuni li huma parti minn gruppi ta’ kontroll differenti jkunu interkonnessi wkoll permezz tad-dipendenza ekonomika, jenħtieġ li dawk il-persuni kollha jinġabru fi grupp globali wieħed ta’ klijenti konnessi. Jenħtieġ li tali grupp ikun jinkludi l-grupp ta’ kontroll, kwalunkwe persuna jew persuni ekonomikament dipendenti u kwalunkwe persuna jew persuni kkontrollati minn dawk il-persuni ekonomikament dipendenti.

(7)

Sabiex titqies il-possibbiltà li l-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali tista’ tipprekludi l-eżistenza ta’ riskju wieħed, jenħtieġ li istituzzjoni tkun tista’ tippreżenta evidenza adegwata li żewġ persuni jew aktar fiżiċi jew legali ma jikkostitwux riskju wieħed, minkejja l-issodisfar tal-kondizzjonijiet biex dawk il-persuni jitqiesu bħala klijenti konnessi. F’dawk il-każijiet, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jidentifikaw dawk il-persuni bħala grupp ta’ klijenti konnessi.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(9)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Relazzjoni ta’ kontroll

1.   Żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar għandhom jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li waħda minnhom, direttament jew indirettament, ikollha kontroll fuq l-oħra jew l-oħrajn meta waħda minnhom tkun meħtieġa tħejji rapporti finanzjarji konsolidati li jinkludu lill-oħra jew l-oħrajn f’konformità mal-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 10, kif stipulat fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal persuni ġuridiċi mhux inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati minħabba eżenzjonijiet jew derogi stabbiliti fid-Direttiva 2013/34/UE jew l-IFRS 10, kif stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv.

3.   Meta l-paragrafu 1 ma japplikax, żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar għandhom jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li waħda minnhom, direttament jew indirettament, ikollha kontroll fuq l-oħra jew l-oħrajn, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fuq persuna jew persuni oħra;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt jew il-kapaċità li taħtar jew tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ persuna jew persuni oħra;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika tkun tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq persuna jew persuni oħra skont liġi jew kuntratt, jew dispożizzjonijiet f’memoranda jew artikoli ta’ assoċjazzjoni.

4.   Meta l-paragrafi 1, 2 jew 3 ma japplikawx, żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li waħda minnhom, direttament jew indirettament, ikollha kontroll fuq l-oħra jew l-oħrajn, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin, iżda mhux limitata għalihom:

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt jew il-kapaċità li tiddeċiedi dwar l-istrateġija jew li tidderieġi l-attivitajiet ta’ persuna jew persuni oħra;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt jew il-kapaċità li tiddeċiedi dwar tranżazzjonijiet importanti, inkluż it-trasferiment ta’ profitti jew telf ta’ persuna jew persuni oħra;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt jew il-kapaċità li tikkoordina l-ġestjoni ta’ persuna ġuridika waħda jew aktar.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, meta, f’każijiet eċċezzjonali, istituzzjoni tkun tista’ turi li ma jipprevali l-ebda riskju wieħed, minkejja li ċ-ċirkostanzi msemmija f’dawk il-paragrafi jkunu ġew issodisfati fir-rigward ta’ żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar, l-istituzzjoni tista’ tagħżel li ma tidentifikax dawk il-persuni bħala grupp ta’ klijenti konnessi.

Artikolu 2

Dipendenza ekonomika

1.   Żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li huma interkonnessi b’mod li, jekk waħda minnhom kellha tesperjenza problemi finanzjarji, b’mod partikolari diffikultajiet ta’ finanzjament jew ta’ ripagament, l-oħra, jew l-oħrajn x’aktarx li wkoll jiltaqgħu ma’ problemi finanzjarji, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin, iżda mhux limitati għalihom:

(a)

meta l-insolvenza jew l-inadempjenza ta’ persuna fiżika jew ġuridika probabbilment tirriżulta fl-insolvenza jew l-inadempjenza ta’ persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra;

(b)

meta persuna fiżika jew ġuridika tkun iggarantiet b’mod sħiħ jew parzjali l-iskopertura ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra u l-iskopertura tkun tant sinifikanti għall-garanti li l-garanti x’aktarx li jesperjenza problemi finanzjarji jekk issir pretensjoni;

(c)

meta parti sinifikanti mid-dħul gross jew min-nefqiet grossi ta’ persuna fiżika jew ġuridika jkunu derivati minn tranżazzjonijiet ma’ persuna fiżika jew ġuridika oħra li ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti fil-ħin mingħajr ma jġarrbu kostijiet addizzjonali eċċessivi;

(d)

meta parti sinifikanti mill-oġġetti prodotti jew is-servizzi offruti minn persuna fiżika jew ġuridika tinbiegħ jew tiġi fornuta lil persuna fiżika jew ġuridika oħra u dik ir-relazzjoni ma tkunx tista’ tiġi sostitwita fil-ħin mingħajr ma ġġarrab kostijiet addizzjonali eċċessivi;

(e)

meta parti sinifikanti mir-riċevibbli jew mill-obbligazzjonijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika tkun lejn persuna fiżika jew ġuridika oħra;

(f)

meta s-sors mistenni tal-fondi biex jitħallas lura s-self ta’ żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar ikun l-istess u l-ebda waħda minn dawn il-persuni ma jkollha sors indipendenti ieħor ta’ introjtu li minnu s-self ikun jista’ jinqata’ u jitħallas lura kompletament, u s-sors mistenni tal-fondi ma jkunx jista’ jiġi sostitwit fil-ħin mingħajr ma jġarrbu kostijiet addizzjonali eċċessivi;

(g)

meta l-problemi finanzjarji ta’ persuna fiżika jew ġuridika jkunu mistennija li joħolqu diffikultajiet għal persuna fiżika jew ġuridika oħra biex tħallas lura l-obbligazzjonijiet tagħha b’mod sħiħ u fil-ħin minħabba li l-persuni jkunu legalment jew kuntrattwalment responsabbli b’mod konġunt lejn l-istituzzjoni;

(h)

meta żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar jiddependu fuq l-istess sors għall-maġġoranza tal-finanzjament tagħhom u, fil-każ ta’ insolvenza jew inadempjenza ta’ dak is-sors ta’ finanzjament, dak is-sors ta’ finanzjament ma jistax jiġi sostitwit fil-ħin mingħajr ma jġarrbu kostijiet addizzjonali eċċessivi;

(i)

meta żewġ persuni ġuridiċi jew aktar ikunu ġestiti fuq bażi unifikata kif imsemmi fl-Artikolu 22(7), il-punt (a) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(j)

meta l-korp maniġerjali ta’ żewġ persuni ġuridiċi jew aktar ikun jikkonsisti fil-biċċa l-kbira mill-istess persuni kif imsemmi fl-Artikolu 22(7), il-punt (b) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(k)

meta l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta’ żewġ persuni ġuridiċi jew aktar tkun miżmuma mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, meta, f’każijiet eċċezzjonali, istituzzjoni tkun tista’ turi li ma jipprevali l-ebda riskju wieħed minkejja li tiġi ssodisfata ċirkostanza waħda jew aktar imsemmija f’dak il-paragrafu fir-rigward ta’ żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar, l-istituzzjoni tista’ tagħżel li ma tidentifikax dawk il-persuni bħala grupp ta’ klijenti konnessi.

Artikolu 3

Relazzjonijiet ta’ kontroll u dipendenzi ekonomiċi kkombinati

1.   Tliet persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar għandhom jikkostitwixxu riskju wieħed, meta tnejn jew aktar minn dawk il-persuni jikkostitwixxu riskju wieħed permezz ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 1 (grupp ta’ kontroll) u persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar ikunu konnessi ma’ persuna waħda jew aktar li jkunu parti mill-grupp ta’ kontroll permezz ta’ dipendenza ekonomika f’konformità mal-Artikolu 2.

2.   Meta l-persuna li tkun konnessa permezz ta’ dipendenza ekonomika kif imsemmi fil-paragrafu 1 tkun parti minn grupp ieħor ta’ klijenti konnessi, il-persuni kollha, li jew ikunu kkontrollati minn dik il-persuna ekonomikament dipendenti jew li jkunu huma stess ekonomikament dipendenti fuq dik il-persuna, għandhom jikkostitwixxu wkoll riskju wieħed mal-persuni tal-grupp ta’ kontroll imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, meta, f’każijiet eċċezzjonali, istituzzjoni tkun tista’ turi li ma jipprevali l-ebda riskju wieħed minkejja li jkunu ġew issodisfati ċ-ċirkostanzi msemmija f’dawk il-paragrafi fir-rigward ta’ tliet persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar, l-istituzzjoni tista’ tagħżel li ma tidentifikax dawk il-persuni bħala grupp ta’ klijenti konnessi.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1728/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)