European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2374

1.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2374

tal-4 ta’ Novembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ACCC/C/2015/128 dwar l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, ACCC/C/2013/96 dwar Proġetti ta’ Interess Komuni, ACCC/C/2014/121 dwar id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ACCC/C/2010/54 dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE)dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (1) (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (2).

(2)

Skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ġie stabbilit il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Kumitat għall-Konformità”). Il-Kumitat għall-Konformità għandu l-kompetenza li jagħmel rieżami tal-konformità mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus mal-obbligi tagħhom skont dik il-Konvenzjoni.

(3)

Il-Laqgħa tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Laqgħa tal-Partijiet”), matul it-tmien sessjoni tagħha, u s-Segment Konġunt ta’ Livell Għoli taħt il-Laqgħa tal-Partijiet, li se jseħħ m is-17 sal-20 ta’ Novembru 2025, għandhom jadottaw id-deċiżjoni VIII/8e dwar il-konformità mill-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż is-sejbiet tal-Kumitat ta’ Konformità fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 b’rabta mal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali rigward id-deċiżjonijiet finali dwar l-għajnuna mill-Istat u r-rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni VII/8f b’rabta mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, Proġetti ta’ Interess Komuni u d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jekk s-sejbiet tal-Kumitat tal-Konformità jiġu adottati mill-Laqgħa tal-Partijiet bħala deċiżjonijiet, huma jsiru vinkolanti fuq il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

(4)

Ladarba tiġi adottata, id-deċiżjoni VIII/8e se jkollha effetti legali. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Laqgħa tal-Partijiet”) dwar il-konformità mill-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) b’rabta mal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali rigward id-deċiżjonijiet finali dwar l-għajnuna mill-Istat, kif indirizzat fil-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128, għandha tkun li tapprova l-addozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e kif ukoll li tilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport ippreżentat mill-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-“Kumitat għall-Konformità”) dwar it-talba ACCC/M/2021/4 tal-Laqgħa tal-Partijiet dwar il-konformità mill-Unjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet dwar il-konformità mill-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’rabta mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs), mal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) u mad-Direttiva 2010/75/UE, kif indirizzat fil-komunikazzjonijiet ACCC/C/2010/54, ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121, rispettivament, u fid-deċiżjoni VII/8f, għandha tkun li tapprova l-addozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e, jekk il-punti li ġejjin jiġu riflessi f’dak l-abbozz ta’ deċiżjoni:

(a)

b’rabta mal-NECPs, id-deċiżjoni VIII/8e tirrikonoxxi u tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni għamlet progress sinifikanti fl-iżgurar tal-konformità mas-sejbiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità dwar il-komunikazzjoni ACCC/C/2010/54 b’rabta mal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u li l-Unjoni ikkonformat ma’ parti minn dawk is-sejbiet fir-rigward tal-adozzjoni ta’ struzzjonijiet għall-finijiet tal-punt (a), il-paragrafu 2 tad-deċiżjoni VII/8f; u

(b)

b’rabta mal-PCIs, id-deċiżjoni VIII/8e tirrikonoxxi t-titjib li sar mill-Unjoni, permezz ta’ arranġamenti prattiċi, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-punti (a) u (b), il-paragrafu 8 tad-deċiżjoni VII/8f u biex tikkonforma mal-Artikoli 3(9) u 6(8) u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Artikolu 3

Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt laqgħat tal-koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2005/370/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/370/oj).

(3)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2374/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)