Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 612 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Italja

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 612 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Italja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Italja żiedet kapitolu ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex torjenta d-deċiżjonijiet ta’ politika u toħloq il-kundizzjonijiet qafas biex jiżdied it-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-kompetittività abbażi ta’ disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xpruni tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih hija identifikat lil Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Dak inhar stess, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Italja għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva emendata 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Dan jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji referenzjarji u informazzjoni teknika, meta applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-30 ta’ April 2021, l-Italja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja 10 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Italja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fit-30 ta’ April 2024, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Italja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Italja 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress tal-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u rat fiex waslet l-implimentazzjoni tal-Italja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Italja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Italja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Italja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi wara li ġiet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2023. B’mod partikolari, għad hemm vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet residwi fis-settur finanzjarju, li għandhom rilevanza transfruntiera. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG tal-Italja naqas b’mod sinifikanti mill-quċċata tiegħu matul il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19, prinċipalment minħabba tkabbir nominali qawwi tal-PDG. Madankollu, il-proporzjon tad-dejn pubbliku għadu għoli, b’aktar minn 137 % tal-PDG fl-2023, u x-xejra ’l isfel hija mbassra li titreġġa’ lura din is-sena u s-sena d-dieħla. Dan it-treġġigħ lura huwa attribwit għal aġġustament kbir bejn l-istokk u l-flussi li jżid id-dejn, għal defiċits tal-gvern li għadhom mdaqqasa għalkemm qed jonqsu, kif ukoll għal tkabbir nominali tal-PDG aktar baxx. It-tkabbir tal-produttività b’mod ġenerali u bħala medja kien pożittiv iżda limitat, li jikkonferma l-ħtieġa ta’ riformi u investiment biex jingħelbu n-nuqqasijiet strutturali u biex jitrawmu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tal-produttività. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol tjiebu f’dawn l-aħħar snin u ma ssarrfux fi pressjonijiet fuq il-pagi. Ir-rati ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol żdiedu għal livelli rekord għalkemm dawn għadhom komparattivament baxxi. Is-settur finanzjarju kompla jissaħħaħ b’titjib fil-kwalità u l-profittabbiltà tal-assi bankarji, filwaqt li l-banek Taljani għadhom esposti b’mod konsiderevoli għas-self sovran u garantit mill-Istat fil-karti bilanċjali tagħhom. L-azzjoni ta’ politika kienet favorevoli biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-RRP, li fost l-oħrajn jippromwovi l-produttività u t-tkabbir potenzjali tal-PDG biex jgħin fit-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku fuq terminu itwal. Iż-żamma tal-pass tal-implimentazzjoni tal-RRP tibqa’ essenzjali u sforzi ta’ politika addizzjonali jkunu ta’ benefiċċju. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqas il-proporzjon għoli tad-dejn pubbliku. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, inkluża l-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, joffri mekkaniżmu ta’ sorveljanza xieraq u b’saħħtu biex jindirizza r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali, u biex jikkomplementa s-sorveljanza skont l-MIP.

(11)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja naqas minn 8,6 % tal-PDG fl-2022 għal 7,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż niżel minn 140,5 % tal-PDG fl-aħħar tal-2022 għal 137,3 % fl-aħħar tal-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 15 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 16 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Italja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f’Lulju li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra l-Italja, billi tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 17 li l-Italja fl-2023 tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju 18 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, l-Italja ġiet irrakkomandata tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Italja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 19 kienet kemxejn espansjonarja, b’0,3 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,0 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni ristrettiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’1,4 punt perċentwali tal-PDG). Il-pensjonijiet u t-tnaqqis fil-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol kienu l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji). In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,8 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,9 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,3 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Italja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħat-tisħiħ tal-grilji intelliġenti, il-kostruzzjoni tat-“Tyrrhenian link”, l-iżvilupp ta’ sistemi rapidi tat-trasport tal-massa, il-produzzjoni tal-idroġenu f’siti abbandunati, konnessjonijiet tal-internet veloċi u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber b’1,0 % fl-2024 u 1,2 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 1,2 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż, fix-xenarju leġiżlattiv mhux mibdul, huwa pproġettat li jonqos għal 4,3 % tal-PDG fl-2024 u għal 3,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied b’0.5 pp, għal 137,8 % sa tmiem l-2024 u, sussegwentement, jiżdied għal 138,9 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2026 u għal 2,2 % fl-2027. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG mill-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa pproġettat li jkompli jiżdied għal 139,8 % fl-2026, u li jonqos marġinalment għal 139,6 % fl-2027.

(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,9 % fl-2024 u 1,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 1,6 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025.

(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 138,6 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis ipproġettat tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija u l-ispiża baġitarja ħafna aktar baxxa tal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tad-djar (¼ % tal-PDG minn madwar 3½ % fl-2023), minħabba bidliet fil-leġiżlazzjoni li wasslu wkoll għall-klassifikazzjoni statistika ta’ krediti ġodda tat-taxxa bħala “mhux pagabbli” (filwaqt li l-krediti tat-taxxa preċedenti kienu kklassifikati bħala “pagabbli”). Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2024 tirrifletti ż-żieda qawwija fl-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi minħabba l-impatt imdewwem tal-krediti tat-taxxa 2021-2023 għar-rinnovazzjoni tad-djar fuq il-fluss tal-flus. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun restrittiva fil-livell ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2024.

(16)In-nefqa li tammonta għal 0,6 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,8 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mil-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tal-Italja. Nefqa li tammonta għal 1,3 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 20 li l-Italja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 21 fl-2024 għal mhux aktar minn 1,3 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Italja hija pproġettata li tonqos bi 2,8 % fl-2024 22 , li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq aktar baxx fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 2,0 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (bi 2,9 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata b’0,9 % tal-PDG. Għalhekk, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala f’riskju li ma tkunx kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Italja tieħu azzjoni biex tnaqqas b’mod gradwali l-miżuri urġenti ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Italja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 23 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,0 % fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment 24 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 2,7 % tal-PDG f’dik is-sena. Madankollu, din tal-aħħar hija xprunata mill-kontribuzzjoni restrittiva ta’ nefqa kapitali oħra ta’ 3,2 % tal-PDG, li hija prinċipalment relatata mat-tnaqqis qawwi msemmi hawn fuq tas-sussidji relatati mal-krediti tat-taxxa għar-rinnovazzjoni tad-djar fl-2024. Fl-istess ħin, il-kontribuzzjoni tan-nefqa primarja kurrenti netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali għall-pożizzjoni fiskali, li hija affettwata mit-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali ta’ appoġġ għall-enerġija, hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0,4 % tal-PDG, li tindika l-użu sħiħ tal-iffrankar ta’ 0,8 % tal-PDG minn dawk il-miżuri attwali ta’ appoġġ għall-enerġija għal politiki espansjonarji li jżidu l-infiq kurrenti nett fl-2024, inkluż it-tnaqqis fil-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Italja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jkun 2,8 % tal-PDG fl-2024 minn 2,9 % tal-PDG fl-2023 25 . Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Imbagħad, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tonqos għal 0,8 % tal-PDG fl-2024 (minn 1,2 % tal-PDG fl-2023) , prinċipalment fir-rigward ta’ ReactEU.

(20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-estensjoni mistennija tat-tnaqqis fil-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol u żieda ulterjuri fin-nefqa fuq l-imgħax. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 141,7 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda mbassra tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment differenzjali inqas favorevoli fir-rata tal-imgħax u tat-tkabbir u aġġustament bejn l-istokk u l-flussi li jżid id-dejn relatat mal-impatt imdewwem fuq il-flus tar-rinnovazzjoni tad-djar appoġġata mill-gvern.

(21)Id-dħul mit-taxxa tal-Italja meta mqabbel mal-PDG huwa relattivament għoli meta mqabbel mal-Istati Membri pari, bil-kontribuzzjoni ewlenija ġejja mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Wara l-approvazzjoni parlamentari ta’ liġi abilitanti li tipprevedi mandat wiesa’ għar-riforma tas-sistema tat-taxxa, il-gvern adotta diversi digrieti ta’ implimentazzjoni. Madankollu, il-miżuri adottati s’issa ma jindirizzawx l-isfidi ewlenin tas-sistema tat-tassazzjoni, u t-tnaqqis fil-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol, illeġiżlat biss sal-2024 u ffinanzjat permezz ta’ dispożizzjonijiet temporanji, għandu kamp ta’ applikazzjoni pjuttost limitat. Barra minn hekk, l-estensjoni tar-reġimi tat-taxxa b’rata fissa, inkluż għal dawk li jaħdmu għal rashom, taggrava l-ekwità u l-effiċjenza orizzontali tas-sistema tat-taxxa billi tnaqqas ir-ridistribuzzjoni, tiffavorixxi kategoriji speċifiċi tal-kontribwenti u tiddiżinċentiva t-tkabbir tan-negozju. Barra minn hekk, filwaqt li diversi miżuri importanti dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa u s-simplifikazzjoni qed jiġu implimentati bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħal dikjarazzjonijiet tal-VAT mimlija minn qabel, miżuri reċenti oħra jirriskjaw li jipproduċu effetti avversi fuq il-konformità mar-regoli tat-taxxa. Dawn jinkludu t-terminu ta’ 5 snin għall-ġbir tal-kontijiet tat-taxxa, it-tnaqqis tas-sanzjonijiet relatati mal-evażjoni tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u t-tiġdid ta’ miżuri simili għall-amnestiji tat-taxxa. L-effett fuq il-konformità mar-regoli tat-taxxa li għandha s-sistema ta’ ftehim minn qabel bejn il-kontribwent u l-amministrazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar jirrikjedi wkoll monitoraġġ mill-qrib. B’mod ġenerali, riforma aktar strutturali u li tiffavorixxi t-tkabbir tas-sistema tat-taxxa tkun teħtieġ bidla newtrali mil-lat baġitarju tal-piż tat-taxxa minn fatturi produttivi għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. F’dan ir-rigward, għad ma hemm l-ebda dettall magħruf dwar is-simplifikazzjoni ppjanata tat-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li l-aġġornament tal-valuri katastali, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma skaduti u diverġenti mill-valuri tas-suq, ma kienx inkluż fil-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa. Barra minn hekk, huwa osservat telf sinifikanti ta’ dħul fir-rigward tal-konċessjonijiet pubbliċi, inklużi l-bajjiet. Barra minn hekk, minkejja dħul relattivament għoli mit-taxxi ambjentali, is-sistema tat-taxxa tal-Italja tista’ tappoġġa aħjar it-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari billi tallinja t-tassazzjoni mal-livell tal-emissjonijiet tas-CO2 tas-sorsi tal-enerġija u tal-vetturi, inkluż għall-karozzi tal-kumpaniji.

(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Italja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Italja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. L-investimenti b’mod partikolari huma kkonċentrati ħafna lejn tmiem l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u jistħoqqilhom attenzjoni speċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament 2021/1060, l-Italja hija obbligata li tagħmel rieżami ta’ kull programm sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Filwaqt li l-Italja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali bejn iċ-Ċentru-Tramuntana u n-Nofsinhar. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, fil-livell nazzjonali u b’mod partikolari fil-livell sottonazzjonali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. Lil hinn mill-miżuri tal-kapaċità amministrattiva, huwa partikolarment importanti li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati, flimkien ma’ pjanijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura u strateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-Italja jenħtieġ li tkompli tgħolli l-kwalità tas-servizzi pubbliċi essenzjali fin-Nofsinhar, b’mod partikolari s-servizzi tal-ilma u tal-iskart, inkluż billi tippromwovi operaturi uniċi fil-livell reġjonali. Għadu importanti li jiġu promossi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika, billi jiżdiedu l-kisba tal-edukazzjoni terzjarja u s-sehem ta’ adulti rreġistrati fit-taħriġ. Jibqa’ prijorità, b’mod partikolari fin-Nofsinhar, it-tnaqqis tal-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, billi tittejjeb is-sistema edukattiva u jiġu mmirati aħjar il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jitkompla l-appoġġ għall-impjieg tan-nisa billi tiżdied il-provvista ta’ indukrar bikri tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità. L-Italja tista’ wkoll tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-ekosistemi industrijali, b’mod partikolari fin-Nofsinhar. Intervent effettiv jista’ jinvolvi politiki industrijali integrati li jappoġġaw l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji strateġiċi, speċjalment fl-oqsma tal-innovazzjoni diġitali, l-enerġija nadifa u l-effiċjenza fir-riżorsi, b’mod partikolari fis-setturi li diġà għandhom preżenza qawwija fin-Nofsinhar, bħall-industriji tal-karozzi u tal-aeronawtika. Il-pjan strateġiku għaż-Żona Ekonomika Speċjali unika l-ġdida għan-Nofsinhar jista’ jsir qafas koerenti biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-produttività tan-negozju billi jiġu mmirati proġetti kritiċi u tissaħħaħ l-integrazzjoni tul il-ktajjen tal-valur.

(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Italja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mat-tassazzjoni, id-demografija, inklużi l-implikazzjonijiet tagħha għas-sostenibbiltà fiskali, l-istrateġija industrijali u l-politika tal-kompetizzjoni.

(25)L-Italja hija wieħed mill-Istati Membri tal-UE bl-iktar popolazzjoni anzjana, bl-inqas rata tat-twelid u bl-età tan-nisa li jwelldu l-ewwel tarbija tagħhom ogħla mill-medja. Il-bilanċ tal-migrazzjoni għadu pożittiv, iżda ma għadux jikkumpensa għar-rata baxxa tat-twelid. B’riżultat ta’ dan, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tkompli tonqos, u b’hekk tillimita t-tkabbir potenzjali. Żviluppi demografiċi mhux favorevoli huma mistennija li jżidu n-nefqa fuq il-pensjonijiet bħala sehem tal-PDG sal-2040, aggravati aktar mill-iskemi ta’ rtirar bikri introdotti f’dawn l-aħħar snin. Fuq terminu itwal, in-nefqa fuq il-pensjonijiet hija mistennija li tonqos progressivament, anke bis-saħħa tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2011 dment li tiġi implimentata bis-sħiħ, inkluż billi jiġu limitati l-iskemi ta’ rtirar bikri. Suq tax-xogħol aktar b’saħħtu u aktar inklużiv għan-nisa u ż-żgħażagħ, flimkien ma’ kwalità ogħla tal-impjiegi, inkluż f’termini ta’ livelli aktar baxxi ta’ faqar fost dawk li jaħdmu u aċċess aħjar għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema mhux standard, jistgħu jgħinu biex tittaffa l-isfida demografika. Għal dan l-għan, il-politiki relatati mal-familja, inklużi miżuri li jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-opportunitajiet indaqs kif ukoll servizzi ta’ kura aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, jista’ jkollhom ukoll rwol importanti. Barra minn hekk, il-migrazzjoni tista’ tintuża wkoll biex tiġġieled it-tnaqqis demografiku, b’mod partikolari fit-terminu qasir u medju. Għalkemm il-miżuri meħuda fl-2024 iżidu l-għadd ta’ ċittadini mhux tal-UE ammessi fl-Italja u jissimplifikaw ir-rikonoxximent ta’ titoli edukattivi barranin, strateġija komprensiva biex tattira u żżomm ħaddiema u studenti b’livell għoli ta’ ħiliet tibqa’ essenzjali għall-ġlieda kontra l-eżodu ta’ mħuħ u għall-ġlieda kontra x-xejriet demografiċi. F’dan il-kuntest, dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 26 .

(26)L-ekonomija tan-Nofsinhar ikkontribwiet għall-irkupru ta’ wara l-COVID. Madankollu, ir-reġjuni tan-Nofsinhar għadhom ikkaratterizzati minn attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud aktar baxx milli fir-reġjuni taċ-Ċentru-Tramuntana. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet tan-Nofsinhar huma mistennija li jiġu affettwati b’mod partikolari mill-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni. Diversi miżuri ta’ politika qed jappoġġaw attivitajiet ekonomiċi fin-Nofsinhar, b’mod partikolari inċentivi fiskali. Fl-2023, l-Italja ħolqot Żona Ekonomika Speċjali waħda għan-Nofsinhar, li tittrasferixxi r-responsabbiltà għaż-żoni preċedenti taħt korp wieħed fi ħdan il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri. Il-pjan strateġiku għal din iż-żona għad irid jiġi approvat. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE jikkontribwixxu għall-investimenti u r-riformi fir-reġjuni tan-Nofsinhar. Strateġija industrijali u ta’ żvilupp għan-Nofsinhar hija meħtieġa biex jiġu mmirati aħjar il-miżuri ta’ politika eżistenti u jittejjeb il-valur miżjud tal-investimenti tal-UE u dawk nazzjonali. F’dan ir-rigward, in-Nofsinhar għandu potenzjal konsiderevoli f’għadd ta’ setturi, bħal-loġistika fil-Mediterran u l-ktajjen tal-valur tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju biex l-għarfien xjentifiku jinbidel f’soluzzjonijiet prattiċi huwa essenzjali għar-rivitalizzazzjoni industrijali u għall-pożizzjonament tan-Nofsinhar fil-ktajjen tal-valur globali. Għal dan l-għan, l-istituzzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-rwol tal-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, speċjalment fin-Nofsinhar, pereżempju billi tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, se tkun strumentali. L-identifikazzjoni u l-għażla ta’ dawn is-setturi strateġiċi fi strateġija ta’ żvilupp huma fattur rilevanti biex tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni tan-Nofsinhar, b’impatt pożittiv fil-livell nazzjonali. L-immirar tal-miżuri ta’ politika eżistenti u l-iffukar tal-investiment ippjanat fuq dawn is-setturi jistgħu jkomplu jżidu l-impatt ekonomiku tagħhom.

(27)It-titjib fl-ambjent tan-negozju jiffaċilita l-intraprenditorija, u kundizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-kompetizzjoni jiffavorixxu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi u jwasslu għal titjib fil-kompetittività u fil-produttività. Kompetizzjoni akbar u regolamentazzjoni settorjali mtejba jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi u jtejbu l-finanzi tal-gvern, u jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tal-Italja ta’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività kif imsemmi fil-premessa (10). Il-liġi tal-kompetizzjoni annwali tal-2022, adottata f’Diċembru 2023, se jkollha tiġi implimentata b’mod xieraq. F’konformità mal-leġiżlazzjoni Taljana, il-pjan Taljan għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedi l-adozzjoni ta’ liġi tal-kompetizzjoni fuq bażi annwali. Madankollu, ma jispeċifikax is-setturi kollha li għandhom jiġu koperti mil-liġijiet annwali tal-kompetizzjoni. Inizjattiva leġiżlattiva hija partikolarment ġustifikata għall-kummerċ bl-imnut, b’mod partikolari fir-rigward tar-Regolament dwar il-ftuħ tal-ħwienet u t-tmexxija tal-promozzjonijiet tal-bejgħ, għall-professjonijiet regolati, b’mod partikolari biex jiġu ffaċilitati l-kundizzjonijiet għall-aċċess għalihom, kif ukoll għall-ferroviji, fejn l-għoti ta’ kuntratti għat-trasport reġjonali u s-servizzi bejn il-bliet jeħtieġ li jkun kompetittiv. Barra minn hekk, skont l-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni, għad hemm ostakli sinifikanti għall-kompetizzjoni f’għadd ta’ setturi oħra, bħas-servizzi postali, il-farmaċewtiċi, il-kmamar tal-kummerċ u s-servizzi privati ta’ kiri ta’ vetturi.

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Italja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona euro.

(28)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) (3) u (4) hawn taħt. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ tkabbir dgħajjef fil-produttività, li b’estensjoni jappoġġa t-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b’riżultat ta’ dan jikkontribwixxu wkoll biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni (1). Ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu kemm biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 27.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 27 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Is-sistema tat-taxxa ssir aktar ta’ appoġġ għat-tkabbir, b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol u f’konformità mal-objettivi tas-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi jitnaqqas l-infiq tat-taxxa u jiġu aġġornati l-valuri katastali, filwaqt li jiġu żgurati l-ġustizzja u l-progressività u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika.

2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.    

3.Sabiex jittaffew l-effetti fuq it-tkabbir potenzjali, tindirizza x-xejriet demografiċi negattivi inkluż billi jiġu attirati u jinżammu ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet u billi jiġu indirizzati l-isfidi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-faqar fost dawk li jaħdmu, b’mod partikolari tal-ħaddiema b’kuntratti mhux standard.

4.Tiddefinixxi strateġija industrijali u ta’ żvilupp biex tnaqqas d-distakk territorjali billi jiġu ssimplifikati l-miżuri ta’ politika attwali u billi jitqiesu proġetti infrastrutturali ewlenin kif ukoll ktajjen ta’ valur strateġiċi. Tindirizza r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, il-professjonijiet regolati u l-ferroviji.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17). ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1). ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    COM(2024) 77 final.
(7)    COM(2023) 901 final.
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(9)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). “Nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 10160/21 INIT; ST 10160/21 ADD 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 1; ST 10160/21 ADD 1 REV 2; ST 10160/21 ADD 1 REV 2 COR 1).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2023 tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Italja (ST 16051 2023 INIT).
(12)    SWD(2024) 612 final.
(13)    SWD(2024) 104 final.
(14)    Indikaturi Eurostat-Euro, 22.4.2024.
(15)    COM(2023) 141 final.
(16)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024) 598 final.
(17)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Italja ĠU C 334, 1.9.2022, p. 96.
(18)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Italja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 5,9 % f’termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(19)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(20)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja tal-2023 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2023, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 105.
(21)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(22)    Dan iqis iż-0,04 % tal-miżuri ta’ darba tal-PDG fl-2024, relatati ma’ diversi taxxi minn ras il-għajn u dħul relatat mal-kontribwenti li volontarjament jirregolarizzaw il-pożizzjoni tat-taxxa tal-passat tagħhom (l-hekk imsejħa “tregua fiscale”) b’sanzjonijiet u multi mnaqqsa kkumpensati minn interventi relatati mal-għargħar li laqat lill-Italja f’Mejju 2023 (kif ukoll iż-0,3 % tal-PDG fl-2023, relatati ma’ diversi taxxi minn ras il-għajn u dħul relatati mal-kontribwenti li volontarjament jirregolarizzaw il-pożizzjoni tat-taxxa tal-passat tagħhom (l-hekk imsejħa “tregua fiscale”) b’sanzjonijiet u multi mnaqqsa parzjalment biss b’interventi relatati mal-għargħar li laqtu lill-Italja f’Mejju 2023). Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrefera wkoll għall-għargħar devastanti li laqat l-Italja f’Mejju 2023 u qabel li l-ispiża tal-appoġġ dirett ta’ emerġenza relatat ma’ dak l-għargħar jitqies f’valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u, fil-prinċipju, jitqies bħala miżuri temporanji u ta’ darba.
(23)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, fejn applikabbli, netti mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(24)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, (ii) il-miżuri ta’ darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(25)    Meta jsir arrotondament fl-ewwel deċimali, id-differenza tal-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment bejn l-2024 u l-2023 hija ta’ 0,0.
(26)    SWD(2024)132 final.
(27)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.