European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3113

10.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3113

tad-9 ta’ Diċembru 2024

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(2)

Fit-8 ta’ Novembru 2024, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-KSNU żied żewġ persuni mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Id-Deċiżjoni 2014/450/PESK jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L 203, 11.7.2014, p. 106, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/450/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“5.

JUMA BARKALLA, Abdel Rahman

Nomina: Maġġur Ġeneral tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u Kmandant fil-Punent tad-Darfur.

Data tat-twelid: 1 ta’ Jannar 1969.

Post tat-twelid: Bahr Elarab, fil-Lvant tad-Darfur, is-Sudan.

Nazzjonalità: Sudaniż.

Passaport: Sudan P07834700.

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Sudan 21052659309.

Data tan-nomina min-NU: 8 ta’ Novembru 2024.

Raġuni għall-elenkar:

Abdel Rahman Juma Barkalla ġie elenkat fit-8 ta’ Novembru 2024 skont il-paragrafu 3(c) tar-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-KSNU.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdel Rahman Juma Barkalla, Maġġur Ġeneral tal-RSF u l-Kmandant fil-Punent tad-Darfur, qed jiġi nominat għall-azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inklużi atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. L-attakki tal-RSF fid-Darfur poġġew mijiet ta’ eluf ta’ ċivili f’riskju minħabba ġlied intensiv, nuqqas ta’ aċċess umanitarju, u vjolenza mmirata lejn il-popolazzjoni ċivili u l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

F’Mejju u Ġunju 2023, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili f’El Geneina, fil-Punent tad-Darfur, iffaċċjaw theddid immirat u qtil mill-RSF u l-milizzja alleata. Fl-4 ta’ Awwissu 2023, persuni armati fl-uniformijiet tal-RSF ukoll ħatfu u qatlu l-attivist fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Ahmed Mohammed Abdullah u l-kollega tiegħu Adam Omer f’Nyala, fin-Nofsinhar tad-Darfur.

Il-Gvernatur tal-Punent tad-Darfur, Khamis Abakar, inqatel fl-14 ta’ Ġunju 2023, u deher l-aħħar ma’ Barkalla (ara S/2024/65, il-paragrafu 71). Filmati fuq il-media soċjali wrew li Abakar kien imġiegħel jidħol f’bini minn suldati tal-RSF, segwiti minn filmat ieħor aktar tard li juri l-ġisem mejjet ta’ Abakar u t-truppi fl-uniformijiet tal-RSF qed jiċċelebraw madwaru.

Bejn Mejju u Novembru 2023, l-RSF u l-milizzji alleati tiegħu wettqu mill-inqas 10 attakki kontra persuni ċivili fil-bliet tal-Punent tad-Darfur ta’ El-Geneina u Ardamata, fejn qatlu eluf ta’ persuni u difnuhom f’aktar minn 13-il qabar tal-massa. Matul dawn l-attakki ġie rrappurtat li ġew wkoll stuprati u abbużati sesswalment nisa u bniet.

6.

HAMID MOHAMED, Osman Mohamed

Nomina: Maġġur Ġeneral tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u Kap tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet tal-RSF.

Data tat-twelid: 1 ta’ Jannar 1966.

Post tat-twelid: Kadiqali, fin-Nofsinhar tad-Darfur, is-Sudan.

Nazzjonalità: Sudaniż.

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Sudan 11540384888.

Data tan-nomina min-NU: 8 ta’ Novembru 2024.

Raġuni għall-elenkar

Osman Mohamed Hamid Mohamed ġie elenkat fit-8 ta’ Novembru 2024 skont il-paragrafu 3(c) tar-Riżoluzzjoni 1591(2005) tal-KSNU.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Osman Mohamed Hamid Mohamed, Maġġur Ġeneral u Kap tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet tal-RSF, qed jiġi nominat għall-azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inklużi atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa ta dikjarazzjonijiet f’isem l-RSF wara rebħiet kbar u huwa parti importanti mill-ippjanar operazzjonali tal-RSF. L-attakki tal-RSF fid-Darfur poġġew mijiet ta’ eluf ta’ ċivili f’riskju minħabba ġlied intensiv, nuqqas ta’ aċċess umanitarju, u vjolenza mmirata lejn il-popolazzjoni ċivili u l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

F’Mejju u Ġunju 2023, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili f’El Geneina, fil-Punent tad-Darfur, iffaċċjaw theddid immirat u qtil mill-RSF u l-milizzja alleata. Fl-4 ta’ Awwissu 2023, persuni armati fl-uniformijiet tal-RSF ukoll ħatfu u qatlu l-attivist fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Ahmed Mohammed Abdullah u l-kollega tiegħu Adam Omer f’Nyala, fin-Nofsinhar tad-Darfur.

Fl-14 ta’ Ġunju 2023, il-Gvernatur tal-Puntent tad-Darfur, Khamis Abakar, inqatel wara li ttieħed f’kustodja mill-ġellieda tal-RSF aktar kmieni dakinhar. Filmati fuq il-media soċjali wrew li Abakar kien imġiegħel jidħol f’bini minn suldati tal-RSF, segwiti minn filmat ieħor aktar tard li juri l-ġisem mejjet ta’ Abakar u t-truppi fl-uniformijiet tal-RSF qed jiċċelebraw madwaru.

Bejn Mejju u Novembru 2023, l-RSF u l-milizzji alleati tiegħu wettqu mill-inqas 10 attakki kontra persuni ċivili fil-bliet tal-Punent tad-Darfur ta’ El-Geneina u Ardamata, fejn qatlu eluf ta’ persuni u difnuhom f’aktar minn 13-il qabar tal-massa. Matul dawn l-attakki ġie rrappurtat li ġew wkoll stuprati u abbużati sesswalment nisa u bniet.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3113/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)