European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4867

15.9.2025

AVVIŻ TA’ POŻIZZJONI VAKANTI Nru 30/25/AD14/EESC

għal pożizzjoni ta’ direttur għad-Direttorat A — Korpi Statutorji u Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Membri

(Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

(C/2025/4867)

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet: l-20 ta’ Ottubru 2025 f’nofsinhar (ħin ta’ Brussell)

1.   Pożizzjoni vakanti: grad AD 14

2.   Dmirijiet

Taħt l-awtorità diretta tas-Segretarju Ġenerali, id-detentur tal-pożizzjoni jmexxi d-Direttorat għall-Korpi Statutorji u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Membri (Direttorat A) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li jikkonsisti f’madwar 70 persuna u jamministra baġit ta’ madwar EUR 34 miljun. Id-direttur huwa/hija responsabbli għall-iżvilupp strateġiku tad-direttorat.

Ir-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha jikkonsistu b’mod partikolari f’dan li ġej:

—

l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u s-superviżjoni tal-ħidma tat-tliet unitajiet u taż-żewġ setturi fi ħdan id-Direttorat A: l-unitajiet tar-Reġistru u Ppjanar Leġiżlattiv; tal-Konferenzi, Servizzi Interni u Protokoll, u tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Membri, u s-setturi tal-Modernizzazzjoni u Trasparenza (MODA), u tal-Ġestjoni u Ppjanar tal-Irkupru (RMP);

—

il-ġestjoni tas-segretarjat tas-Sessjoni Plenarja tal-KESE, tal-Bureau, tal-Grupp tal-Kwesturi, tal-Kumitat tal-Etika, u ta’ strutturi orizzontali oħra;

—

l-implimentazzjoni tal-programm leġiżlattiv tal-KESE f’kooperazzjoni mad-direttorati għall-ħidma leġiżlattiva u l-bgħit ta’ opinjonijiet adottati lill-istituzzjonijiet rikjedenti;

—

il-koordinazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-opinjonijiet – mill-wasla ta’ talba għal opinjoni sal-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

—

il-kontribut għat-titjib kontinwu tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri u l-modernizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma, b’enfasi fuq is-semplifikazzjoni u l-innovazzjoni diġitali;

—

l-għoti ta’ assistenza amministrattiva u finanzjarja lill-membri, lid-delegati tas-CCMI, u lill-konsulenti esterni, inkluż il-ġestjoni tar-rimborżi tagħhom;

—

is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-KESE dwar l-indennizzi;

—

il-ġestjoni tal-Helpdesk tal-Membri, l-iżgurar ta’ assistenza reattiva u personalizzata lill-membri individwali;

—

l-appoġġ għad-djalogu u l-involviment mal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest ta’ proġetti tal-IT u inizjattivi ta’ trasformazzjoni diġitali;

—

l-iżvilupp u ż-żamma ta’ kuntatti interistituzzjonali f’oqsma li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttorat;

—

l-għoti ta’ servizzi ta’ protokoll u ta’ interpretazzjoni għal-laqgħat u l-avvenimenti tal-KESE kif meħtieġ;

—

l-iżgurar tal-koordinazzjoni effettiva tal-ippjanar tal-kontinwità tal-operat, inkluż l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ reżiljenza;

—

il-promozzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat u tal-opinjonijiet adottati permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni interni u esterni adatti f’kooperazzjoni mad-Direttorat D – Komunikazzjoni u Relazzjonijiet Interistituzzjonali;

—

il-ġestjoni tar-riżorsi umani tad-Direttorat, inklużi l-motivazzjoni, il-prestazzjoni, u l-iżvilupp professjonali tal-persunal;

—

il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tad-Direttorat, li jaġixxi bħala l-uffiċjal awtorizzanti sottodelegat mis-Segretarju Ġenerali, u l-iżgurar tal-eżekuzzjoni responsabbli tal-baġit;

—

it-trawwim ta’ kultura ta’ inizjattiva, responsabbiltà, flessibbiltà u rispons, f’konformità mal-missjoni u l-viżjoni tal-KESE.

Min aħna

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, ta’ impjegati, u ta’ partijiet oħra li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, speċjalment fl-oqsma soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali. Il-KESE jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u l-effettività tal-Unjoni Ewropea billi jagħti l-opportunità lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri jesprimu fehmiethom fil-livell Ewropew.

Il-missjoni tad-Direttorat A hija li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u d-deċiżjonijiet politiċi tal-Kumitat, u fl-istess ħin isaħħaħ ir-rwol, il-viżibbiltà u l-kredibbiltà tiegħu bħala istituzzjoni ewlenija tal-UE għad-djalogu u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata. Id-Direttorat jiżgura koordinazzjoni effettiva fis-servizzi rilevanti kollha dwar kwistjonijiet orizzontali u għandu rwol ċentrali fl-appoġġ tal-attivitajiet leġiżlattivi tal-KESE – b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni effiċjenti tas-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea tal-KESE u l-laqgħat tal-Bureau.

Barra minn hekk, id-Direttorat A jipprovdi appoġġ strateġiku u operazzjonali lis-Segretarjat Ġenerali tal-KESE, jiżgura governanza u koordinazzjoni koerenti dwar kwistjonijiet trasversali bħall-immudellar tal-proċess tal-operat, il-kontinwità tal-operat u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-allinjament tal-ħtiġijiet tan-negozju fi proġetti tal-IT, u l-implimentazzjoni tal-proġett SPaCES li għaddej bħalissa.

Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu

X’noffru

B’madwar 700 membru tal-persunal u 329 membru, il-KESE joffri opportunitajiet eċċellenti ta’ karriera, waqt li jibqa’ istituzzjoni ċċentrata fuq il-bniedem bi struttura ta’ ġestjoni orizzontali li tpoġġi l-benesseri tal-persunal fil-qalba tal-prijoritajiet tagħha. Il-KESE, bħala impjegatur, huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni, u stabbilixxa strateġija għad-diversità u l-inklużjoni. Aħna kburin bid-diversi timijiet tagħna, li jixprunaw is-suċċess tagħna. Il-KESE jħeġġeġ applikazzjonijiet minn kandidati minn kull sfond.

Noffru

—

ambjent professjonali orjentat lejn l-objettivi, impenjat bis-sħiħ biex jiddjaloga mas-soċjetà ċivili u l-Istati Membri fl-istadji bikrija tat-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni;

—

ambjent tax-xogħol dinamiku u b’atmosfera amikevoli fejn napprezzaw ferm il-ġestjoni effettiva, sens qawwi ta’ inizjattiva, spirtu ta’ tim u l-flessibbiltà;

—

il-possibbiltà li jiġu segwiti korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi f’diversi oqsma (taħriġ intern, interistituzzjonali u estern);

—

approċċ tar-riżorsi umani modern li jiffavorixxi arranġamenti tax-xogħol flessibbli sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

3.   Eliġibbiltà

L-awtorità tal-ħatra ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura biex timla l-pożizzjoni ta’ direttur skont l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

Rekwiżiti ġenerali

—

ikunu ċittadini (1) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE u jgawdu d-drittijiet kollha bħala ċittadini;

—

ikunu ħielsa mill-obbligi kollha imposti fuqhom mil-liġijiet tas-servizz militari;

—

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet konċernati (2). Niġbdu l-attenzjoni tal-kandidati għar-restrizzjonijiet imposti mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE fir-rigward ta’ attivitajiet esterni, kariga uffiċjali li jkunu eletti għaliha u kunflitti ta’ interess (Artikoli 11, 11a, 12b, 13 u 15 tar-Regolamenti tal-Persunal);

—

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet involuti (3);

—

ikunu taħt l-età tal-irtirar li, għall-uffiċjali tal-UE, hija stabbilita fl-aħħar tax-xahar li matulu l-persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 66 sena (4).

b)

Rekwiżiti speċjali

(i)

Kwalifiki u ħiliet meħtieġa

Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’diploma (5) uffiċjalment rikonoxxuta f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

—

ta’ mill-anqas erba’ snin, meta t-tul taż-żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

—

ta’ mill-inqas tliet snin, segwiti minn sena ta’ esperjenza professjonali f’qasam marbut mad-deskrizzjoni tal-impjieg, meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ tliet snin jew aktar. Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali mitluba fil-punt 3(b)(ii).

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Wara li jkunu kisbu l-kwalifiki stabbiliti fil-punt 3(b)(i), il-kandidati għandhom ikunu kisbu minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali marbuta mad-deskrizzjoni tal-impjieg, inkluż mill-inqas ħames snin f’pożizzjoni maniġerjali jew f’livell ta’ kap ta’ unità jew ogħla f’qasam rilevanti għall-pożizzjoni.

(iii)

Għarfien ta’ lingwi

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Għal raġunijiet operattivi, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti tal-Franċiż u tal-Ingliż (minimu livell C1). L-għarfien ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

Il-kandidati huma mgħarrfa li r-rekwiżiti lingwistiċi f’dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ġew definiti fl-interess tas-servizz, li l-persuna li tinħatar bħala d-direttur il-ġdid tkun mill-ewwel operattiva u kapaċi tikkomunika b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħha. L-Ingliż u l-Franċiż ilhom żmien twil jintużaw l-aktar għall-komunikazzjoni interna fil-KESE u dawn huma wkoll l-aktar lingwi meħtieġa għall-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni.

Fil-każ ta’ uffiċjali tal-UE

Skont l-Artikolu 29(1)(a)(i) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali tal-KESE ta’ mill-inqas grad AD14 jistgħu juru l-interess tagħhom f’din il-pożizzjoni. Jekk l-applikazzjoni tagħhom tirnexxi, l-uffiċjal jinħatar fil-grad attwali tiegħu.

Skont l-Artikolu 29(1)(a)(iii) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali tal-KESE tal-grad AD13 u li jkollhom mill-inqas sentejn ta’ anzjanità f’dak il-grad jiġu promossi għal AD14 f’każ li l-applikazzjoni tagħhom tirnexxi.

Skont l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kuntest tal-mobilità interistituzzjonali, uffiċjali fil-grad AD14 jistgħu japplikaw għal din il-pożizzjoni. F’każ li l-applikazzjoni tagħhom tirnexxi, jintalab it-trasferiment tal-uffiċjal u l-uffiċjal jinħatar fil-grad attwali tiegħu.

Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali fi gradi aktar baxxi jistgħu japplikaw jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3(a) u (b).

4.   Kriterji tal-għażla

Jekk il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-punt 3 (Eliġibbiltà) (a) u (b) huma sodisfatti, l-applikazzjonijiet tal-kandidati inklużi s-CV u l-ittra ta’ akkumpanjament jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla ta’ hawn taħt:

—

fehim b’saħħtu tal-operazzjonijiet u d-direzzjoni strateġika tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari tal-KESE;

—

esperjenza professjonali mixhuda bi prova fit-tmexxija ta’ timijiet kbar u fil-ġestjoni ta’ baġits sinifikanti, b’esperjenza soda fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, fl-iżvilupp tat-talenti, u fil-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol inklużiv u parteċipattiv;

—

ħiliet eċċezzjonali ta’ tmexxija, komunikazzjoni u interpersonali, kapaċi jimmotivaw timijiet differenti, jallinjaw ix-xogħol transfunzjonali, u jibnu l-fiduċja internament u esternament;

—

esperjenza fil-ġestjoni tat-tibdil u t-trasformazzjoni strateġika, inkluż il-kapaċità li jfasslu, jimplimentaw, u jirrapportaw dwar inizjattivi li jħarsu ’l quddiem, innovattivi u xprunati mill-impatt allinjati mal-valuri u l-prijoritajiet tal-KESE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-modernizzazzjoni diġitali u t-trasformazzjoni tar-Reġistru tal-istituzzjoni u l-flussi tax-xogħol;

—

mentalità orjentata lejn l-innovazzjoni, b’kapaċità murija li tinkorpora kultura ta’ kreattività u titjib kontinwu fost it-timijiet u s-sistemi;

—

impenn qawwi għas-sensibilizzazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-membri, b’esperjenza li turi li kapaċi jsemmgħu leħen il-membri, u jsaħħu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kemm internament kif ukoll esternament;

—

mentalità orjentata lejn ir-riżultati b’enfasi ċara fuq il-ġenerazzjoni ta’ impatt tanġibbli, appoġġjata minn kapaċità pprovata li jinkisbu eżiti li jistgħu jitkejlu u li tiġi segwita l-prestazzjoni organizzazzjonali;

—

il-kapaċità li jħaddnu u jixprunaw kultura kollaborattiva u adattiva, b’impenn għall-innovazzjoni, it-titjib kontinwu, u l-allinjament strateġiku;

—

ħiliet analitiċi, ta’ networking u ta’ negozjar ta’ livell għoli b’saħħithom, inkluż il-kapaċità li jitrawmu sinerġiji mal-istituzzjonijiet tal-UE u li l-KESE jiġi rrappreżentat b’mod effettiv f’kuntesti interistituzzjonali;

—

ir-reżiljenza, id-diskrezzjoni, u l-integrità, speċjalment meta jiġu indirizzati kwistjonijiet sensittivi jew ta’ interess għoli;

—

impenn favur id-diversità, l-ekwità u l-inklużjoni, li jirriflettu l-valuri u l-kultura tas-Segretarjat Ġenerali tal-KESE.

5.   Proċedura tal-għażla

5.1   Ammissjoni għall-proċedura tal-għażla

Ser titfassal lista ta’ kandidati li ppreżentaw applikazzjoni kompluta qabel id-data tal-għeluq u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċjali ta’ eliġibbiltà stipulati fil-punti 3(a) u 3(b) fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet. Din il-lista se tintbagħat lill-president tal-bord tal-għażla flimkien mal-applikazzjonijiet.

Il-bord tal-għażla se jeżamina l-applikazzjonijiet u jfassal il-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Huwa se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġjata mid-dokumenti ġustifikattivi (6).

Il-kandidati li l-applikazzjonijiet tagħhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati fil-punti 3(a) u (b) jiġu meqjusa bħala mhux eliġibbli. Huma jiġu infurmati kif dovut.

5.2   Valutazzjoni tal-kwalifiki

Abbażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, il-bord tal-għażla jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli bil-għan li titfassal lista ta’ kandidati bi profil li l-aktar jaqbel mad-deskrizzjoni tad-dmirijiet f’punt 2. Biex jagħmel dan, il-bord tal-għażla l-ewwel se jassenja fattur ta’ ponderazzjoni lil kull kriterju ta’ selezzjoni li jirrifletti l-importanza relattiva tiegħu. Il-punti jinġabru flimkien sabiex jiġu identifikati dawk il-kandidati li l-profil tagħhom jaqbel l-aktar mad-dmirijiet li għandhom jitwettqu.

Il-bord tal-għażla jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-informazzjoni mogħtija mill-kandidati fil-formola tal-applikazzjoni (kwalifiki u esperjenza professjonali), il-Curriculum Vitae (CV) u l-ittra ta’ akkumpanjament.

L-eliġibbiltà (rekwiżiti ġenerali u speċjali) trid tiġi ssodisfata sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet. Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi tal-applikazzjonijiet, fl-ittra ta’ akkumpanjament il-kandidati għandhom jenfasizzaw il-motivazzjoni tagħhom u l-aspetti tas-CV tagħhom li huma jqisu bħala l-aktar rilevanti biex jitwettqu d-dmirijiet involuti.

Il-bord tal-għażla jista’ jillimita l-għadd ta’ kandidati fil-lista ta’ preselezzjoni li jgħaddu għall-istadju li jmiss għal dawk il-kandidati li jiksbu l-ogħla total ta’ punti fl-evalwazzjoni tal-kwalifiki tagħhom.

Il-kandidati li ma jiġux inklużi fil-lista ta’ preselezzjoni jiġu infurmati.

5.3   Intervista

Il-kandidati li jkunu temmew b’suċċess l-istadju preċedenti jiġu mistiedna għal intervista biex jiġu vvalutati u mqabbla fuq il-bażi tal-kwalifiki, l-esperjenza professjonali, il-ħiliet u l-għarfien tagħhom, kif stabbilit hawn fuq. Il-bord tal-għażla jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-kandidati biex jagħmlu test bil-miktub, minbarra l-intervista.

L-intervista (u t-test, jekk ikun hemm) se ssir bl-Ingliż u bil-Franċiż.

L-intervisti huma mistennija li jsiru f’Jannar 2026. L-intervisti se jsiru fl-uffiċċji tal-KESE fi Brussell u/jew bl-użu ta’ software tal-vidjokonferenzi (7).

Kandidati li, wara l-istadju tal-intervista (u t-test bil-miktub, jekk ikun hemm), jitqiesu bħala l-aktar adatti għall-ħtiġijiet tal-pożizzjoni jiġu mistiedna jattendu f’ċentru ta’ evalwazzjoni. Huma se jiġu infurmati dwar il-programm u l-metodoloġija fi żmien debitu u se jkunu jistgħu jindikaw il-lingwa preferuta tagħhom (Ingliż jew Franċiż). L-għan ta’ din l-evalwazzjoni huwa li jiġu evalwati l-ħiliet maniġerjali tagħhom. Ir-riżultat tal-evalwazzjoni mhuwiex ta’ natura vinkolanti u huwa maħsub biex jagħti lill-bord tas-selezzjoni l-elementi addizzjonali għall-proċedura tal-għażla.

5.4   Lista ta’ kandidati adatti

Sabiex titlesta l-proċedura, il-bord tas-selezzjoni jistabbilixxi lista ta’ kandidati adatti u jibgħatha lill-Bureau tal-KESE li jaġixxi bħala l-awtorità tal-ħatra għal deċiżjoni finali. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi li jintervista lill-kandidati fil-lista ta’ preselezzjoni.

6.   Sommarju tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ

Il-persuna magħżula tiġi reklutata fil-grad AD 14, u l-klassifikazzjoni finali tiġi stabbilita mill-KESE abbażi tal-esperjenza professjonali b’konformità mar-regoli applikabbli rilevanti. L-uffiċjal se jkun soġġett għal perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur. Għal raġunijiet ta’ indipendenza, il-kandidati magħżula jridu jkunu ġew meħlusa mill-karigi kollha preċedenti sad-data li fiha jidbew il-ħidma fil-pożizzjoni.

Għal iżjed tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20250513&qid=1756371990912

Il-post tal-impjieg huwa Brussell.

7.   Applikazzjonijiet

L-applikanti għal din il-pożizzjoni għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni online (HR Forms) (8), flimkien ma’ dawn id-dokumenti mehmużin bl-Ingliż jew bil-Franċiż:

—

ittra ta’ akkumpanjament;

—

Curriculum Vitae abbażi tal-mudell Europass (9);

—

kopja (10) tal-karta tal-identità jew tal-passaport;

—

kopji tal-lawrji u ċ-ċertifikati universitarji jew postgradwatorji;

—

kopji tal-attestazzjonijiet ta’ impjieg li jindikaw b’mod ċar in-natura u t-tul tal-attività rilevanti;

—

sakemm ma jkunx indikat b’mod ċar fil-kopji tal-attestazzjonijiet tal-impjieg, prova tad-daqs tat-timijiet immexxija u tal-baġit ġestit;

—

sakemm ma jkunx indikat b’mod ċar fil-lawrji universitarji, prova ta’ għarfien lingwistiku permezz ta’ ċertifikati jew, fin-nuqqas ta’ dan, spjegazzjoni dettaljata, dwar kif inkiseb dan l-għarfien;

—

għall-uffiċjali tal-UE, dokument uffiċjali li jiċċertifika l-progress fil-karriera u l-grad attwali.

L-applikazzjonijiet mhux kompluti jitqiesu invalidi u ma jiġux ikkunsidrati.

Iżjed ’il quddiem, il-persuna magħżula tintalab tipproduċi l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha mitlubin.

Il-kopji tad-dokumenti ġustifikattivi b’lingwa oħra li mhijiex il-Franċiż jew l-Ingliż għandhom ikunu akkumpanjati minn sommarju b’waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

Id-data tal-għeluq biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet hija l- 20 ta’ Ottubru 2025 f’nofsinhar (ħin ta’ Brussell). Il-KESE ma jqis l-ebda applikazzjoni li tasallu wara din id-data u l-ħin. L-applikanti huma mħeġġin ma jħallux sal-aħħar jum biex jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom, peress li livell għoli ta’ traffiku fuq l-internet jew xi qtugħ fil-konnessjoni tal-internet jista’ jikkawża problemi biex tintbagħat l-applikazzjoni. Il-KESE ma jistax jinżamm responsabbli għal kwalunkwe dewmien minħabba diffikultajiet bħal dawn.

Il-kandidati b’diżabbiltà jew bi ħtiġijiet speċifiċi li jistgħu jikkawżawlhom diffikultajiet matul il-proċedura jistgħu jiddikjaraw dan il-fatt fil-formola tal-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni rilevanti sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tieħu l-miżuri adatti, fejn possibbli. Jekk applikabbli, il-kandidati huma mitluba jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom, fuq karta separata, dettalji dwar kwalunkwe arranġament li huma jqisu neċessarju biex jgħinhom.

8.   Osservazzjonijiet

Il-kariga se timtela kif u meta r-riżorsi baġitarji jippermettu.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi stabbilit li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ta’ xi ħadd mill-kandidati ma tistax tiġi sostanzjata minn dokumenti ġustifikattivi jew li xi ħadd mill-kandidati ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, l-applikazzjoni tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

L-applikanti m’għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jippruvaw jikkuntattjaw lill-membri tal-bord tas-selezzjoni, direttament jew indirettament. L-awtorità tal-ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi l-kandidati li jagħmlu dan.

Il-KESE jappoġġja d-diversità u huwa favur ħafna r-rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-ġeneri, tan-nazzjonalitajiet kollha tal-Istati Membri u tal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li teskludi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ ġeneru, diżabilità, razza, fehmiet politiċi jew reliġjużi jew orjentazzjoni sesswali. F’konformità ma’ dawn il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, huma partikolarment imħeġġin l-applikazzjonijiet mill-ġeneru u n-nazzjonalitajiet l-inqas rappreżentati.

Il-KESE jimpenja ruħu li jipproteġi l-ambjent.

B’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), ir-riċevitur jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun intbagħtet.

9.   Talbiet għal rieżami – ilmenti

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jressqu lment skont l-Artikolu 90(2) jew li jitressaq appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jistgħu jitolbu rieżami intern ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-bord tas-selezzjoni li direttament u immedjatament taffettwa l-istatus tagħhom fl-għażla minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-proċedura tal-għażla deskritti f’dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. It-talba għandha ssir permezz ta’ email (SpecSelections@eesc.europa.eu) fi żmien 10 ijiem kalendarji mid-data li fiha d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-kandidat/a permezz ta’ email. Din għandha tindika d-deċiżjoni u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba.

Il-bord tal-għażla jieħu deċiżjoni u tintbagħat tweġiba motivata lill-kandidat/a fi żmien debitu.


(1)  Kif iddikjarat fl-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(2)  Qabel ma tinħatar, il-persuna magħżula se tintalab tipprovdi ċertifikat tal-kondotta mill-pulizija li jikkonferma li ma għandhiex rekord kriminali biex tikkonferma li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 28(c) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Qabel ma tinħatar, il-persuna magħżula tiġi eżaminata f’wieħed miċ-ċentri mediċi tal-UE, sabiex jiġi kkonfermat li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 28(e) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Kif iddikjarat fl-Artikolu 52(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(5)  Jiġu kkunsidrati biss id-diplomi u ċ-ċertifikati li jkunu ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li huma soġġetti għal ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġin mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri.

(6)  Jekk jogħġbok ara l-punt 7 għal-lista ta’ dokumenti ġustifikattivi meħtieġa.

(7)  L-intervisti jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza ma’ kandidati li ma jkunux fi Brussell fil-perjodu li jsiru l-intervisti. Il-KESE inkella jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u jagħti indennizz ta’ kuljum.

(8)   https://candform.eesc.europa.eu/en/dashboard

(9)   http://europass.europa.eu.

(10)  Jistgħu jiġu pprovduti kopji bil-lingwa oriġinali. Il-formola tal-applikazzjoni online għandha timtela bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4867/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)