Brussell, 14.9.2020

COM(2020) 497 final

2020/0254(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (“id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 2 (preċeduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/384/UE tal-20 ta’ Ġunju 2011 3 ), l-Iżvezja diġà ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment 4 , irmiġġati f’portijiet (“elettriku mix-xatt”).

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-Iżvezja, minħabba li d-deroga attwali skadiet fil-25 ta’ Ġunju 2020.

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Awwissu 2019, l-awtoritajiet Żvediżi għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtawlu l-miżura attwali sal-31 ta’ Diċembru 2023. Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ April 2020.

L-intenzjoni tal-awtoritajiet Żvediżi hija li jkomplu japplikaw rata mnaqqsa ta’ SEK 5 (app. EUR 0,484)( 5 ) għal kull MWh ta’ taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku mix-xatt. Meta tressqet it-talba, din ir-rata ta’ taxxa kienet f’konformità mar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu għan-negozju kif stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE. L-Artikolu 13 tad-Direttiva jistipula limitu ta’ tolleranza ta’ 5 % għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro.

Jitfakkar li l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tobbliga lill-Istati Membri jivverifikaw darba fis-sena jekk ir-rati tat-taxxa espressi fil-muniti nazzjonali humiex konformi mar-rati minimi tad-Direttiva. Dan l-eżerċizzju jsir bl-użu tar-rati tal-kambju ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammonti ta’ tassazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien li jsir l-aġġustament annwali biss jekk il-konverżjoni tal-ammonti tal-livell ta’ tassazzjoni espressi f’euro jirriżulta f’żieda ta’ inqas minn 5 % jew EUR 5, skont liema jkun l-iżgħar ammont, fil-livell ta’ tassazzjoni espressa fil-munita nazzjonali.

Il-perjodu ta’ validità mitlub għad-deroga huwa mis-26 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023, u dan huwa f’kontinwità mad-deroga attwali u fi ħdan il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

L-għan tat-tnaqqis fit-taxxa hu li jħeġġeġ lil dawn il-bastimenti, li normalment jużaw mutur awżiljarju ta’ propulsjoni biż-żejt għall-provvista tal-elettriku tagħhom, biex minflok jużaw l-elettriku mix-xatt. Id-dispożizzjonijiet iwasslu għal inqas emissjonijiet minn bastimenti li jkunu rmiġġati, u għaldaqstant inaqqsu d-depożizzjoni ta’ sustanzi aċidifikanti, li hi partikolarment problematika fl-Iżvezja tal-Lbiċ. Id-dispożizzjonijiet jitqiesu wkoll li jwasslu għal titjib ambjentali lokali sinifikanti, inter alia billi jnaqqsu l-livelli tal-istorbju.

It-tnaqqis jikkonsisti f’taxxa akbar baxxa tal-enerġija applikabbli għall-elettriku mix-xatt, mil-livell normalment applikabbli ta’ SEK 34,7 għal kull MWh, għal SEK 5 għal kull MWh.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku – u l-elettriku prodott – abbord il-vapuri rmiġġati fil-portijiet. Jistgħu jagħmlu dan ukoll fil-każ ta’ elettriku prodott abbord vapuri għat-tbaħħir fuq passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. L-Iżvezja kkonfermat it-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar eżenzjoni fakultattiva.

L-Iżvezja se tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-provvista kollha tal-elettriku mix-xatt ta’ mill-inqas 380 V għall-bastimenti li jintużaw għat-trasport marittimu kummerċjali b’tunnellaġġ gross ta’ mill-inqas 400 tunnellata. L-awtoritajiet Żvediżi jqisu dan il-limitu xieraq sabiex ikun żgurat li l-maġġoranza assoluta tal-bastimenti użati fit-traffiku internazzjonali u tal-bastimenti akbar użati fit-traffiku nazzjonali jkunu koperti mit-tnaqqis propost. Huma dawn il-bastimenti li jitqiesu bħala responsabbli għall-parti l-kbira tal-emissjonijiet ikkawżati mit-tħaddim tal-muturi awżiljarji abbord meta jkunu rmiġġati fil-portijiet. It-tnaqqis ma japplikax meta l-vapur jintuża għal skopijiet privati jew meta ma jintużax jew jitneħħa mis-servizz fit-tul.

Madankollu, il-bastimenti ma għandhom l-ebda obbligu li jużaw l-elettriku mix-xatt.

L-awtoritajiet Żvediżi jagħrfu li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 167-174 tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020. Il-miżura tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet materjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ir-“Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa”, “GBER”).

L-awtoritajiet Żvediżi jagħrfu li dik il-miżura tiffavorixxi lis-sidien ta’ vapuri użati għat-trasport marittimu kummerċjali. Madankollu, huma jqisu li dan huwa newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li l-miżura hi disponibbli għall-vapuri kollha (għajr għall-vapuri għall-użu privat) irmiġġati f’portijiet Żvediżi. Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-Iżvezja tassumi li l-effett se jkun negliġibbli minħabba li l-għażla tal-portijiet tiddependi fuq id-destinazzjoni tal-merkanzija iktar milli fuq it-tnaqqis tal-kostijiet tal-irmiġġ bħala riżultat tat-taxxa aktar baxxa għall-elettriku mix-xatt.

In-nefqa baġitarja annwali hija stmata li tammonta għal SEK 6 miljun.

Il-miżura tingħata fl-għamla ta’ ħlas lura li jnaqqas il-piż tat-taxxa fuq l-elettriku kkonċernat.

L-awtoritajiet Żvediżi jqisu li t-tnaqqis fit-taxxa applikata għall-elettriku mix-xatt ma joħloqx benefiċċju kompetittiv sinifikanti għall-operaturi tal-bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt meta mqabbel ma’ dawk li jużaw il-ġenerazzjoni abbord. Li kieku jitqies biss il-kost tal-elettriku nnifsu u t-taxxa, il-kost għall-elettriku mix-xatt b’rata ta’ taxxa aktar baxxa jkun kemxejn aktar baxx mill-prezz għall-elettriku prodott abbord. Madankollu, il-kost totali għall-użu tal-elettriku mix-xatt huwa affettwat wkoll minn kostijiet addizzjonali fl-għamla ta’ tariffi tan-network, ta’ investimenti fil-konnessjoni abbord u direttament jew indirettament il-kostijiet ta’ investimenti fil-faċilitajiet ta’ provvista tal-portijiet. Madankollu, peress li l-investimenti fil-faċilitajiet tal-provvista fil-portijiet u abbord huma pjuttost għoljin, l-awtoritajiet Żvediżi jqisu li rata tat-taxxa aktar baxxa hija prerekwiżit għall-portijiet u għas-sidien tal-vapuri li jagħmlu dawn l-investimenti.

L-għan tal-miżura huwa li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport marittimu. Il-miżura se tnaqqas l-emissjonijiet fl-arja u l-istorbju minn bastimenti rmiġġati. Il-miżura se twassal għal mod ieħor biex tiġi ffaċilitata l-kisba fl-ibliet portwarji tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja (2008/50/KE). Dan għandu wkoll impatt pożittiv fuq parametri oħra tal-kwalità tal-arja madwar il-portijiet.

L-Iżvezja talbet li l-awtorizzazzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023, u tibda mis-26 ta’ Ġunju 2020, mingħajr interruzzjoni bid-deroga attwali u fi ħdan il-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

It-tassazzjoni fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(ċ) jipprevedi eżenzjoni ta’ taxxa obbligatorja fuq il-prodotti tal-enerġija għat-tbaħħir kif ukoll għall-elettriku li hu prodott abbord inġenju. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprevedu l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw rati differenti ta’ taxxa, inkluż eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, effettivament dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux tnaqqis fit-tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt.

Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suġġett, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE 6 .

Dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

Valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jaqra kif ġej:

Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu 7 .

Il-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ trattament favorevoli ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-iskop tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu aktar eżenzjonijiet u tnaqqis għal konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

L-Iżvezja talbet li l-miżura jenħtieġ li tapplika għal perjodu ta’ madwar tliet snin u nofs, inqas mill-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2), jiġifieri sitt snin. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga jkun twil biżżejjed sabiex ma jaqtax qalb l-operaturi tal-portijiet u l-fornituri tal-elettriku milli jkomplu jew milli jibdew jagħmlu l-investimenti meħtieġa f’faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt. Dan il-perjodu se jipprovdi ċertezza tad-dritt anki għall-operaturi tal-vapuri, li jridu jippjanaw l-investimenti tagħhom f’tagħmir abbord.

Madankollu, jenħtieġ li d-deroga ma ddgħajjifx l-iżviluppi fil-ġejjieni tal-qafas legali eżistenti u jenħtieġ li tqis ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Din ir-reviżjoni ssegwi l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 8 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas għat-tassazzjoni tal-enerġija tal-UE mit-28 ta’ Novembru 2019 9 . Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tevalwa l-għażliet possibbli bil-ħsieb li tippubblika fi żmien dovut proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija; u talab lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, lir-rati minimi u lit-tnaqqis u lill-eżenzjonijiet speċifiċi tat-taxxa.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt li jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba għall-perjodu mitlub, jenħtieġ li l-validità tad-deroga tkun soġġetta għad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni, f’mument qabel tintemm is-sena 2023.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Fil-mument ta’ tressiq tat-talba, ir-rata aktar baxxa tat-taxxa ta’ SEK 5 (madwar EUR 0,484) ( 10 ) għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Żvediżi, kienet f’konformità mar-rata minima ta’ tassazzjoni għall-elettriku għall-użu għan-negozju kif stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE.

B’hekk il-miżura jidher li taqa’ taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE, li jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, ma jistax jiġi stabbilit f’dan l-istadju jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex issodisfati u jekk il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, f’każ ta’ għajnuna eżentata, li taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Politika tal-ambjent u tibdil fil-klima

Il-miżura mitluba tikkonċerna l-aktar il-politika ambjentali tal-UE. Sa fejn tgħin biex jonqos il-ħruq tal-karburanti abbord il-bastimenti fil-portijiet, il-miżura fil-fatt se tikkontribwixxi għall-objettiv li titjieb il-kwalità tal-arja lokali, jitnaqqas l-istorbju u tiġġieled kontra l-bidla fil-klima. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentjali 11 tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ bosta mis-sustanzi li jniġġsu l-arja jinżammu taħt il-valuri limitu, il-valuri fil-mira u standards oħra tal-kwalità tal-arja stabbiliti fid-Direttiva. Dan l-obbligu jirrikjedi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet fejn ikun rilevanti u huwa probabbli li fil-portijiet li għandhom dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mix-xatt se jitħeġġeġ bħala element tal-istrateġija kumplessiva għall-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mix-xatt jitħeġġeġ ukoll fid-Direttiva (UE) 2016/802 12 li tirregola l-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi.

Skont l-awtoritajiet Żvediżi, l-użu tal-elettriku mix-xatt wassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi nitriċi, tal-materja partikolata u tal-ossidi tal-karbonju. Attwalment, l-awtoritajiet Żvediżi ma għandhomx aktar stimi riċenti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet attribwiti għall-miżura. Il-potenzjal sħiħ tal-miżura ma ntlaħaqx peress li jeħtieġ tagħmir għali kemm fuq il-mollijiet kif ukoll fuq il-vapuri. L-użu tal-elettriku mix-xatt huwa ta’ importanza fil-ħidma Żvediża biex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-arja f’konformità mad-Direttiva 2008/50/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.

Politika dwar l-enerġija

Il-miżura hija konformi mad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi 13 , li tindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku mix-xatt f’portijiet fejn hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-kostijiet mhumiex sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Ġiet rikonoxxuta wkoll bħala objettiv ta’ interess komuni għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE 14 .

Ta’ min ifakkar hawnhekk li l-pożizzjoni kompetittiva tal-elettriku mix-xatt mhijiex favorevoli minħabba r-raġuni importanti li l-alternattiva, jiġifieri l-elettriku prodott abbord il-bastimenti f’portijiet marittimi, attwalment tgawdi minn eżenzjoni tat-taxxa netta sħiħa: mhux talli l-karburant tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, li jikkorrispondi għal sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, talli l-elettriku nnifsu prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat ukoll (ara l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96/KE). Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ fiha nnifisha titqies diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, din tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ fattibbiltà. Tabilħaqq, it-tassazzjoni fuq l-elettriku prodott abbord tkun teħtieġ dikjarazzjoni mingħand sid il-vapur – ħafna drabi stabbilit f’pajjiż terz – jew mingħand l-operatur tal-ammont ta’ elettriku kkunsmat. Id-dikjarazzjoni trid tiddetermina wkoll dak il-porzjon tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien tal-vapuri jekk ikollhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat.

Politika dwar it-trasport

Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Unjoni 15 u mal-iskopijiet strateġiċi u mar-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 16 .

Suq intern u kompetizzjoni ġusta

Mill-perspettiva tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta, il-miżura tnaqqas biss id-distorsjoni li teżisti fit-taxxa bejn żewġ sorsi tal-elettriku f’kompetizzjoni bejniethom għad-dgħajjes rmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mix-xatt, ikkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-karburanti tal-bastimenti.

L-awtoritajiet Żvediżi ma osservawx bidliet konsiderevoli fl-għażla tal-portijiet, min-naħa tas-sidien tal-vapuri b’rabta mad-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt. Attwalment, huma prinċipalment il-kumpaniji tal-laneċ u l-bastimenti li jbaħħru fuq rotot stabbiliti li jagħmlu użu mill-elettriku mix-xatt. L-għażla tal-port mis-sidien mhijiex ibbażata fuq jekk jiġix fornut l-elettriku mix-xatt jew le. Skont il-partijiet ikkonċernati il-vapuri tal-kruċieri spiss jagħżlu rmiġġ fejn l-elettriku mix-xatt ikun disponibbli.

Barra minn hekk, aċċess għall-elettriku mix-xatt se jkun disponibbli għall-vapuri kkonċernati, tkun xi tkun il-bandiera li jtajru u bla ma jwassal għal trattament tat-taxxa aktar vantaġġat ta’ operaturi ekonomiċi nazzjonali meta mqabbel ma’ dak tal-kompetituri tagħhom minn Stati Membri oħra tal-UE.

Rigward il-kompetizzjoni bejn il-portijiet, huwa mistenni li jitqies negliġibbli kwalunkwe impatt potenzjali li jista’ jirriżulta fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jekk il-bastimenti jbiddlu r-rotot tagħhom minħabba l-possibbiltà ta’ konsum ta’ elettriku mix-xatt b’rata ta’ taxxa mnaqqsa. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, l-użu tal-elettriku mix-xatt x’aktarx ma jkunx, tal-inqas f’termini ta' żmien qasir, iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord minkejja t-tnaqqis fit-taxxa, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt x’aktarx ukoll li ma joħloqx distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet u mhux se jġiegħel il-bastimenti jbiddlu l-itinerarju tagħhom skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva.

Il-perjodu ta’ żmien li għalih qed jiġi propost li tittawwal l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata ta’ taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni attwali, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data tal-iskadenza tal-miżura.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, jenħtieġ li ma jiġix trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal valutazzjoni ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

•Proporzjonalità

Il-proposta tħares il-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ikkonċernat.

•Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi dan it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba tal-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

L-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa. F’aktar dettall, skont stima tan-nefqiet tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Żvediżi jistennew li jkun hemm telf ta’ SEK 6 miljun fis-sena għas-snin li ġejjin.

L-Iżvezja tistenna li l-miżura jkollha impatt pożittiv fuq il-kisba tal-miri ambjentali tagħha u b’mod partikolari fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja f’konformità mad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa. L-użu tal-elettriku mix-xatt wassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi nitriċi, tal-materja partikolata u tal-ossidi tal-karbonju. Il-potenzjal sħiħ tal-miżura ma ntlaħaqx peress li jeħtieġ tagħmir għali kemm fuq il-mollijiet kif ukoll fuq il-vapuri.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hi riżultat ta’ talba li għamlet l-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

•Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma twassal għall-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-ebda pjan ta’ implimentazzjoni ma huwa neċessarju. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2023. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika trid tkun f’konformità mal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jintalab tiġdid wara li l-perjodu ta’ validità jkun skada.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Il-proposta ma għandhiex bżonn dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistipula li l-Iżvezja se titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’portijiet Żvediżi (“elettriku mix-xatt”). Ir-rata ta’ taxxa trid tkun skont il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu għan-negozju kif stipulat bid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi fornut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, kif stipulat fl-Artikolu 14(1)(ċ), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE.

L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2020, b’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE attwali, sal-31 ta’ Diċembru 2023, fi ħdan il-perjodu massimu ta’ sitt snin permess mid-Direttiva, kif mitlub mill-Iżvezja.

2020/0254 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 17 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE 18 l-Iżvezja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sal-25 ta’ Ġunju 2020.

(2)Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Awwissu 2019, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ April 2020.

(3)Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, l-Iżvezja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ dan l-elettriku jitqies bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’portijiet, meta mqabbel mal-ħruq tal-karburanti minn dawk il-bastimenti.

(4)Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għal tnaqqis fl-istorbju. Għalhekk, il-miżura mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni ta’ politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima.

(5)Il-permess li ngħatat l-Iżvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-alternattiva l-aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura mhux probabbli li se twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex ma jaqtax qalb l-operaturi ekonomiċi rilevanti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023. Madankollu, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2023.

(7)Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-vapuri u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u għar-ridistributuri tal-elettriku, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Iżvezja tkun tista’ tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2020, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE jkomplu mingħajr waqfien.

(8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja hija awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’portijiet (“elettriku mix-xatt”), dment li jitħarsu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-26 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih isiru applikabbli dawn ir-regoli ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51-70.
(2)    ĠU L 301, 21.10.2014, p. 27-28.
(3)    ĠU L 170, 30.06.2011, pp. 36-37.
(4)    It-terminu "dgħajsa għall-użu privat jew għad-divertiment" huwa definit fl-Artikolu 14(1)(ċ) it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE.
(5)    Il-kalkoli kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri SEK 10,3300 għal kull EUR 1. Ara. ĠU C 353/1 tat-2.10.2018.
(6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1-78).
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
(8)    SWD(2019) 329 final.
(9)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2019, 14608/19, FISC 458. 
(10)    Il-kalkoli kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri SEK 10,3300 għal kull EUR 1. Ara. ĠU C 353/1 tat-2.10.2018.
(11)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(12)    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58-78).
(13)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infastruttura tal-karburanti alternattivi, (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1-20).
(14)    C(2014) 2231 final tad-9 ta’ April 2014.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
(16)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, COM(2009) 8 finali tal-21 ta’ Jannar 2009.
(17)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(18)    ĠU L 301, 21.10.2014, p. 27-28.