Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2026 (1)
Kawża C‑33/25
T vof
vs
Stichting Bloembollenkeuringsdienst
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 98/56/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tħawwil ta’ basal tal-fjuri infettati b’virus – Eżekuzzjoni – Multa – Konservazzjoni ta’ diversità ġenetika”
I. Introduzzjoni
1. Fl‑1636 u fl‑1637, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi assista għall-“Manija tat-Tulipani”, meqjusa ġeneralment bħala l-ewwel bużżieqa ekonomika fl-istorja. Matul dan il-perijodu, il-prezz ta’ basla tat-tulipani seta’ jaqbeż il-prezz ta’ proprjetà immobbli jew ta’ opra tal-arti. Jidher li din il-bużżieqa skattat mit-“tulipan miksur”, fjura bikolorata rari, misterjuża u sabiħa li wasslet għal domanda għolja. Kien biss fl‑1928 li nstab li il-kulur tal-fjura kienu effettivament ikkawżat minn virus – jiġifieri l-virus li jikser it-tulipani (iktar ’il quddiem il-“VJT” (2)).
2. Fil-kawża prinċipali, ġie kkonstatat li diversi lottijiet ta’ tulipani nstabu li kienu infettati bil-VJT. L-awtorità kompetenti pprojbixxiet it-tħawwil mill-ġdid tagħhom, irrispettivament minn jekk il-basal riżultanti kinux maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni.
3. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tfittex li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/56/KE (3). Hija tixtieq tkun taf jekk ir-rekwiżiti sanitarji u ta’ kwalità previsti minn din id-direttiva japplikawx biss għall-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni jew ugwalment għall-istadju tat-tħawwil, u, jekk japplikaw biss għall-kummerċjalizzazzjoni, jekk l-Istati Membri jibqgħux liberi li jestendu dawn ir-rekwiżiti għall-istadju tat-tħawwil.
4. Jista’ jingħad li l-kawża ineżami turi l-waqa’ tat-tulipan miksur, minn prodott ta’ lussu għal oġġett mhux mixtieq jew saħansitra pprojbit (4).
II. Il-qafas legali
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. Il-premessi 3, 8, 9 u 10 tad-Direttiva 98/56 huma fformulati kif ġej:
“(3) Billi l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet armonizzati fil-livell [tal-Unjoni Ewropea] għandu jassigura li x-xerrejja [fl-Unjoni] kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni li huwa b’saħħtu u ta’ kwalità tajba.
[...]
(8) Billi fl-ewwel lok hija r-responsabbiltà tal-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni li jagħmlu ċert li l-prodott tagħhom iwettaq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva;
(9) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, għandhom jassiguraw li l-fornituri jwettqu dawk il-kondizzjonijiet.
(10) Billi għandhom ikunu introdotti miżuri ta’ kontrolli [tal-Unjoni] li jassiguraw l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.”
6. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tagħha “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għall-marketing [kummerċjalizzazzjoni] tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali fi ħdan [l-Unjoni]”.
7. L-Artikolu 2(2) u (3) jipprevedi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
2. ‘Fornitur’: kull persuna naturali jew ġuridika involuta professjonalment fil-marketing [kummerċjalizzazzjoni] jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni.
3. ‘Marketing’: bejgħ jew konsenja minn fornitur lejn persuna oħra. ’Bejgħ’ jinkludi li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen, jesebixxi bl-iskop ta’ bejgħ, jew li joffri għall-bejgħ.”
8. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. Il-fornituri jistgħu jagħmlu l-marketing [kummerċjalizzazzjoni] tal-materjali tal-propagazzjoni biss jekk dan jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjali tal-propagazzjoni intiżi għal:
[...]
(ċ) il-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.
3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.”
9. L-Artikolu 5(1) (2) u (4) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. [...] il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed [ikkummerċjalizzat] meta:
– irid ikun mill-anqas spezzjonat b’mod viżwali, ikun sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u li jnaqqsu l-kwalità, jew minn kull sinjali jew sintomi tagħhom, li jnaqqsu l-utilità tiegħu,
[...]
– jekk marketed b’referenza għal xi varjetà permezz ta’ l-Artikolu 9, għandu jkollu identità u purità varjetali sodisfaċenti.
2. Xi materjal tal-propagazzjoni li, fuq il-bażi tas-sinjali jew tas-sintomi li jidhru, m’huwiex sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara, għandu jingħata trattament xieraq jew, meta xieraq, għandu jitneħħa.
[...]
4. Fil-każ ta’ basal tal-fjuri għandu wkoll jissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin:
– il-materjal tal-propagazzjoni irid ikun ġie dderivat minn materjal li, fl-istadju ta’ meta l-wiċċ tar-raba’ jkun għadu qiegħed jikber, ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, is-sinjali jew is-sintomi tagħhom.”
10. Skont l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva:
“1. Il-fornituri involuti fil-produzzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni għandhom:
– jidentifikaw u jissorveljaw punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom li jinfluwenzaw il-kwalità tal-materjal,
– iżommu l-informazzjoni, għall-eżami meta mitluba mill-korp uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza stabbilit fl-ewwel inċiż,
– jieħdu kampjuni meta dawn ikunu meħtieġa għall-analiżi f’laboratorju b’faċilitajiet u b’esperjenza xierqa,
– jassiguraw li, waqt il-produzzjoni, lottijiet tal-materjal tal-propagazzjoni jibqgħu separatament identifikabbli.
2. Fil-każ li jitfaċċa, fuq il-fond ta’ fornitur involut fil-produzzjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni, xi organiżmu li jagħmel il-ħsara li huwa elenkat fid-Direttiva 77/93/KEE [(5)] jew f’xi miżura stabbiliti skond l-Artikolu 5(5), il-fornitur għandu jirraporta lejn il-korp uffiċjali responsabbli u għandu jwettaq kull miżura ordnata minn dak il-korp.”
11. L-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. Il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed [ikkummerċjalizzat] f’lottijiet [...]
2. Meta l-materjal tal-propagazzjoni ikun marketed, dan irid jiġi akkumpanjat minn tikketta jew minn dokument ieħor magħmul mill-fornitur.”
12. L-Artikolu 12(1) jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiggarantixxu l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-materjali tal-propagazzjoni jkunu spezzjonati uffiċjalment:
– ta’ mill-anqas permezz ta’ kontrolli bl-addoċċ, u
– ta’ mill-inqas fir-rigward tal-marketing [kummerċjalizzazzjoni] minn persuni professjonalment involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni,
sabiex jivverifikaw jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet. [...]
[...]”
13. L-Artikolu 13 jipprevedi li:
“1. Jekk, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali riferiti fl-Artikolu 12 [...] jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni ma jkunx jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jassigura li l-fornitur jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa jew, jekk din ma tkunx possibbli, għandu jipprojbixxi l-marketing [kummerċjalizzazzjoni] ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni ġewwa [l-Unjoni].
2. Jekk jinstab li xi materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq minn fornitur partikolari ma jkunx konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront ta’ dak il-fornitur.
3. Xi miżuri meħuda permezz tal-paragrafu 2 għandhom jiġu rtirati malli jkun stabbilit b’ċertezza suffiċjenti li l-materjal tal-propagazzjoni intiż għall-marketing mill-fornitur, ikun fil-ġejjieni, konformi mal-ħtiġiet u mal-kondizzjonijet ta’ din id-Direttiva.”
14. L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprevedi li “l-marketing [kummerċjalizzazzjoni] tal-materjal tal-propagazzjoni li jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva m’għandux ikun soġġett għall-ebda restrizzjonijiet fir-rigward tal-fornitur, tal-kwalità, tas-saħħa tal-pjanti, ta’ l-ittikkettjar u ta’ l-ippakkjar, apparti milli f’dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.
B. Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi
15. L-Artikolu 1 tal-Landbouwkwaliteitsbesluit 2007 (id-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli tal-2007) jittrasponi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi ċerti definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/56. Id-definizzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni” hija ekwivalenti għal dik prevista minn din id-direttiva.
16. Skont l-Artikolu 9 ta’ dan id-digriet, “[i]l-materjal ta’ propagazzjoni tal-basal tal-fjuri għandu jiġi kkummerċjalizzat biss jekk ikun konformi mal-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva [98/56] u mar-regoli stabbiliti minn jew skont dan id-digriet”.
III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
17. T vof (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija vennootschap onder firma (soċjetà f’isem kollettiv) u hija involuta fil-kultivazzjoni ta’ basal tal-fjuri. Hija affiljata ma’ Stichting Bloembollenkeuringsdienst (Fondazzjoni ta’ Servizz tal-Ispezzjoni tal-Basal tal-Fjuri; iktar ’il quddiem il-“BKD”).
18. Fir-rebbiegħa tal‑2020, waqt spezzjonijiet fl-istabbiliment tar-rikorrenti, il-BKD ikkonstatat li ħames lottijiet ta’ tulipani, kull wieħed ta’ varjetà differenti, kienu infettati mill-VJT (iktar ’il quddiem il-“lottijiet ikkonċernati”). Għaldaqstant, dawn il-lottijiet ġew miċħuda.
19. Fir-Registratie voorjaarsgewassen tal‑2021 (ir-Reġistrazzjoni tal-Għelejjel tar-Rebbiegħa tal‑2021), ir-rikorrenti indikat li hija kienet ħawlet mill-ġdid il-lottijiet ikkonċernati.
20. F’ittra ddatata l‑20 ta’ Jannar 2021, il-BKD talbet kjarifika dwar il-kwistjoni. Permezz ta’ posta elettronika tal‑21 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti wieġbet li kienet irreġistrat iktar minn 400 varjetà u li l-ħames lottijiet ikkonċernati ma kinux inqabdu fil-proċess tal-kontrolli. Barra minn hekk, hija applikat għal dispensa sabiex tħawwel dawn il-lottijiet.
21. Fil‑25 ta’ Jannar 2021, il-BKD ordnat lir-rikorrenti teqred tlieta mil-lottijiet ikkonċernati, u fin-nuqqas ta’ dan, il-kwistjoni kellha titressaq quddiem it-Tuchtgerecht voor de Bloembollensector (il-Qorti Dixxiplinari tas-Settur tal-Basal tal-Fjuri, il-Pajjiżi l-Baxxi). Barra minn hekk, hija tat dispensa ta’ darba għat-tħawwil taż-żewġ lottijiet li kien fadal, suġġett għal kundizzjonijiet. Il-BKD informat lir-rikorrenti li, minħabba t-tħawwil prematur u n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni fi żmien xieraq, hija kienet ser tissuġġetta din il-kwistjoni għall-istħarriġ tal-imsemmija qorti dixxiplinari.
22. L-għada, ir-rikorrenti talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tnaddaf il-lottijiet billi tidentifika u tneħħi il-basal tat-tulipani kkontaminati bil-VJT, il-BKD irrifjutat din it-talba. B’hekk, wara l-qlugħ tal-basal tal-fjuri, ir-rikorrenti identifikat u neħħiet dawk ikkontaminati bil-VJT minn tnejn mil-lottijiet ikkonċernati u qerdet it-tliet lottijiet l-oħra.
23. Fid-dikjarazzjoni dixxiplinari, il-BKD akkużat lir-rikorrenti li ħawlet jew, tal-inqas, li kkultivat, fil-ħarifa tal‑2020, basal tat-tulipani tal-lottijiet ikkonċernati bl-għan li taħsad, jew tal-inqas li tipproduċi kummerċjalment, dan il-basal li ma kinux ġejjin direttament minn materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkontrollat u kkonstatat bħala sostanzjalment ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, is-sinjali jew is-sintomi tagħhom, kif jeżiġi l-Artikolu 9 tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli tal-2007, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56.
24. Fit‑13 ta’ Jannar 2022, it-Tuchtgerecht voor de Bloembollensector (il-Qorti Dixxiplinari tas-Settur tal-Basal tal-Fjuri) iddikjarat dawn l-akkużi bħala pprovati u imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 12 500.
25. Ir-rikorrenti appellat minn dik is-sentenza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku), li hija l-qorti tar-rinviju.
26. Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti ssostni li hija l-uniku produttriċi li tikkultiva l-varjetajiet inkwistjoni, li minnhom hemm biss numru żgħir ta’ basal disponibbli. Għalhekk, il-qerda tal-basal twassal għall-qerda tal-varjetà. Meta jinstab il-mard f’varjetà tant rari tat-tulipani, il-produtturi jipprovaw jidentifikaw u jeliminaw il-basal infettati, sabiex jevitaw l-estinzjoni tal-varjetà. Għal raġunijiet purament kummerċjali, ikun jagħmel iktar sens li l-basal kollha infettati jinqerdu jew, minn tal-inqas, li ma jitħawlux mill-ġdid, peress li l-ispejjeż tal-identifikazzjoni u tat-tneħħija tagħhom ta’ spiss ikunu ogħla mid-dħul li jirriżulta minnhom. Għalkemm ir-rikorrenti ħawlet il-lottijiet ikkonċernati fl‑2020, hija ma kkummerċjalizzathomx sussegwentement u lanqas ma kellha l-intenzjoni li tagħmel dan.
27. Min-naħa tagħha, il-BKD issostni li t-tħawwil ta’ lottijiet miċħuda jikser l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56, moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tagħha. Fil-fehma tagħha, id-definizzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, kif tinsab fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, tinkludi “li wieħed iżomm disponibbli”. Ir-rikorrenti żammet il-basal tal-fjuri “disponibbli” billi kkultivathom u għaldaqstant ikkummerċjalizzathom. Dan ifisser li r-rekwiżiti li għandu jissodisfa l-materjal tal-propagazzjoni, previsti fl-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva 98/56 (u msemmija fl-Artikolu 9 tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli tal-2007), tabilħaqq japplikaw.
28. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-espressjoni ‘li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen’ li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 98/56], għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll meta materjal tal-propogazzjoni fil-forma ta’ basal tal-fjuri jkun tħawwel iżda ma jkunx għadu nħasad, b’tali mod li t-tħawwil tal-basal tal-fjuri jimplika wkoll li dan il-basal ikun ikkummerċjalizzat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?
2) L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 tapplika wkoll fil-każ ta’ kultivatur ta’ basal tal-fjuri għall-konservazzjoni ta’ kultivar partikolari [(6)]?
3) L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 tista’ tiġi invokata wkoll anki meta ma tkun ġiet adottata l-ebda modalità ddettaljata msemmija fl-Artikolu 3(3) [tad-Direttiva 98/56]?
4) Fid-dawl b’mod partikolari tal-premessa 10 tagħha, id-Direttiva 98/56 tippermetti lill-Istati Membri, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li jagħmlu riferiment għall-Artikoli 3 sa 9 tal-imsemmija direttiva, jagħtu lill-kunċett ta’ ‘kummerċjalizzazzjoni’ tifsira iktar wiesgħa mid-definizzjoni inkluża fil-punt 3 tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva 98/56], b’tali mod li t-tħawwil ta’ basal tal-fjuri jitqies ukoll bħala ‘kummerċjalizzazzjoni’, u l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa?”
29. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Elleniku u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, kif ukoll ir-rikorrenti, ipparteċipaw għas-seduta li nżammet fil‑5 ta’ Marzu 2026.
IV. Evalwazzjoni
A. Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda preliminari
1. Kummenti preliminari
30. Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. Għalhekk, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis ukoll li jkun neċessarju li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (7).
31. Barra minn hekk, il-fatt li l-qorti tar-rinviju formalment għamlet riferiment, fid-domandi tagħha, għal ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza fil-kawża prinċipali, billi tislet mill-ġabra tal-materjal ipprovdut minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (8).
32. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, l-ewwel domanda magħmula tirrigwarda biss il-punt dwar jekk id-definizzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/56, b’mod partikolari l-espressjoni “li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen”, tinkludix il-kultivazzjoni ta’ basal tal-fjuri li għadhom ma nħasdux. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, wara dan permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk Stat Membru jistax jestendi din id-definizzjoni sabiex tinkludi t-tħawwil ta’ basal tal-fjuri, b’tali mod li ksur tad-dritt nazzjonali li jirreferi għall-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva 98/56 jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa.
33. Madankollu, mill-proċess li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-argumenti ppreżentati waqt is-seduta, jirriżulta li l-problema fil-kawża prinċipali hija usa’ minn dik indikata mill-formulazzjoni tad-domandi, peress li din tirrigwarda wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni imposta mid-Direttiva 98/56 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 5(4) tagħha.
34. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni hija jekk it-Tuchtgerecht voor de Bloembollensector (il-Qorti Dixxiplinari tas-Settur tal-Basal tal-Fjuri) kinitx korretta meta kkonstata li, billi ħawlet mill-ġdid il-lottijiet ikkonċernati li kienu ġew miċħuda minħabba l-preżenza tal-VJT, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56.
35. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tidher li tiffavorixxi interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/56 li ma tinkludix l-attivitajiet li jseħħu fl-istadju (ta’ produzzjoni) tat-taħwil ta’ basal tal-fjuri (9), meta dawn ikunu għadhom ma humiex prodott lest. Il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni jikkondividu din il-pożizzjoni. Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ammetta li, strettament, l-istadju tat-tħawwil ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “kummerċjalizzazzjoni”. Madankollu, huwa sostna li d-Direttiva 98/56 tistabbilixxi regoli applikabbli għall-fażi ta’ tħawwil.
36. Barra minn hekk, billi ssemmi, rispettivament, il-premessi 10 u 18 tad-Direttiva 98/56 fir-raba’ domanda u fil-motivazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb kjarifika dwar il-livell ta’ armonizzazzjoni impost minn din id-direttiva u dwar is-setgħa miżmuma mill-Istati Membri sabiex jirregolaw il-qasam tal-materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti ornamentali.
37. Minn dan isegwi li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu t-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkonstatat li ma huwiex sostanzjalment ħieles minn organiżmi il jagħmlu l-ħsara u minn mard, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.
38. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, wara dan, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 98/56 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li l-Istati Membri jipprojbixxu t-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li ġie kkonstatat, fl-istadju tal-kultivazzjoni, li ma kienx sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni.
2. Fuq l-ewwel domanda preliminari
a) Id-dispożizzjonijiet introduttorji tad-Direttiva 98/56 jiffokaw fuq il-“kummerċjalizzazzjoni” tal-materjal ta’ propagazzjoni
39. Id-Direttiva 98/56 tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-materjal tal-propagazzjoni nnifsu (Titolu III), mill-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni (Titolu IV) kif ukoll fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ittikkettjar tal-materjal tal-propagazzjoni (Titolu V).
40. Dawn ir-rekwiżiti huma intiżi li japplikaw f’kamp ta’ applikazzjoni partikolari. Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/56 (taħt it-Titolu I tagħha, intitolat “Skop”), din id-direttiva tapplika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
41. Min-naħa tagħha, “kummerċjalizzazzjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 98/56 bħala “bejgħ jew konsenja minn fornitur lejn persuna oħra”. “‘Bejgħ’ jinkludi li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen, jesebixxi bl-iskop ta’ bejgħ, jew li joffri għall-bejgħ.” Bl-istess mod, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, “fornitur” tfisser “kull persuna naturali jew ġuridika involuta professjonalment fil-marketing [kummerċjalizzazzjoni] jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni”.
42. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56, il-fornituri jistgħu jikkummerċjalizzaw materjal ta’ propagazzjoni biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva.
43. Fil-fehma tiegħi, qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet introduttivi jindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/56 huwa limitat għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni, u b’hekk jeskludi l-produzzjoni ta’ dan il-materjal.
44. Madankollu, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 jeżiġi li l-materjal ta’ propagazzjoni jiġi kkontrollat fl-istadju tal-kultivazzjoni, u dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit sanitarju stabbilit fih japplikax ukoll għall-istadju tal-produzzjoni.
45. Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jidhru d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u l-għanijiet tad-Direttiva 98/56. L-oriġini tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħhom (10).
b) L-evoluzzjoni mid-Direttiva 91/682/KEE għad-Direttiva 98/56
46. F’dak li jirrigwarda l-oriġini tad-Direttiva 98/56, mill-premessi 19 sa 23 tagħha jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li tiffaċilita s-sistema stabbilita mill-predeċessur tagħha, li hija d-Direttiva 91/682/KEE (11), jiġifieri billi tiċċara l-persuni li għandhom jiġu kkontrollati taħt dik is-sistema ġuridika (12).
47. Għal dan l-għan, id-definizzjoni ta’ “fornitur” ġiet emendata biex tkopri ħafna inqas attivitajiet (13). Filwaqt li, skont l-Artikolu 3(c) tad-Direttiva 91/682, din id-definizzjoni kienet tinkludi “ir-riproduzzjoni, il-produzzjoni, il-preżervazzjoni u/jew it-trattament u t-tqegħid fis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ materjal tal-propagazzjoni jew ta’ pjanti ornamentali, id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/56 tkopri biss l-attivitajiet ta’ “marketing [kummerċjalizzazzjoni] jew [...] importazzjoni”.
48. Madankollu, nirrileva wkoll li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 91/682 kienet tapplika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali u tal-pjanti ornamentali.
49. Sabiex jinftiehem bis-sħiħ jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/682 kienx usa’ minn dak tad-Direttiva 98/56, jeħtieġ li jsir paragun bejn l-istruttura ġenerali taż-żewġ direttivi.
c) L-istruttura ġenerali tad-Direttiva 91/682
50. Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 91/682, irrid nippreċiża qabel kollox li, l-istess bħall-Artikolu 3(c) ta’ din id-direttiva, dwar id-definizzjoni ta’ “fornitur”, diversi dispożizzjonijiet oħra tagħha jindikaw li r-rekwiżiti li hija tipprevedi kienu japplikaw kemm għall-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll għall-istadju ta’ produzzjoni.
51. L-ewwel, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/682 jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istandards stabbiliti f’din id-direttiva jiġu osservati fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni [...]” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
52. It-tieni, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/682 kien jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti ornamentali jiġu spezzjonati uffiċjalment matul il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, għall-inqas permezz ta’ kontrolli għall-għarrieda, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti u mal-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva” (15) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
53. It-tielet, u fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/682 li jimponu rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ saħħa fuq il-materjal ta’ propagazzjoni kienu indirizzati lill-“fornituri”, u b’hekk kienu neċessarjament jinkludu l-attivitajiet kollha msemmija fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54. Dan iwassalni għall-evalwazzjoni tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 98/56.
d) L-istruttura ġenerali tad-Direttiva 98/56
55. Kif issemma iktar ’il fuq, it-Titolu III tad-Direttiva 98/56, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 5 tagħha, jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-materjal ta’ propagazzjoni.
56. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/56 huwa dispożizzjoni ġenerali li tiddetermina l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III, jiġifieri li l-fornituri ma jistgħux jikkummerċjalizzaw il-materjal ta’ propagazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jidderoga mill-paragrafu 1 tiegħu, peress li jipprevedi li l-fornituri jistgħu jikkummerċjalizzaw materjal ta’ propagazzjoni intiż għall-finijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (ċ), anki jekk dan il-materjal ma jikkonformax ma’ dawn ir-rekwiżiti (16).
57. Min-naħa tagħhom, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 98/56 huma d-dispożizzjonijiet essenzjali li jistabbilixxu r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-materjal ta’ propagazzjoni. Tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ settijiet ta’ rekwiżiti rilevanti għall-kawża ineżami: (i) rekwiżiti applikabbli għall-materjal kollu, stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 5(1) u, (ii) rekwiżit applikabbli għall-basal tal-fjuri, skont l-Artikolu 5(4). Fid-dawl tar-rilevanza tagħha għall-kawża ineżami, ser nanalizza din l-aħħar dispożizzjoni b’mod separat.
58. Għalhekk, bla ħsara għall-obbligu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti minn atti oħra tal-Unjoni (17), waqt il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, il-materjal kollu ta’ propagazzjoni għandu josserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/56, li l-ewwel inċiż tiegħu jeżiġi li l-materjal ta’ propagazzjoni jkun, minn tal-inqas wara spezzjoni viżiva, sostanzjalment ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu ħsara u li jnaqqsu l-kwalità jew minn kull sinjal jew sintomi tagħhom li jnaqqas l-utilità tiegħu.
59. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/56, jekk, fuq il-bażi ta’ sinjali viżibbli jew ta’ sintomi, il-materjal ma jkunx sostanzjalment ħieles minn organiżmi ta’ ħsara, dan għandu jiġi ttrattat b’mod xieraq jew, fejn ikun meħtieġ, imneħħi.
60. F’dan il-kuntest, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinterpreta, essenzjalment, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/56 bħala li jindika li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva japplikaw indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-materjal huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni.
61. Jien ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.
62. L-ewwel, kif tixhed il-formulazzjoni simili użata fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/56, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jittrattaw l-istess rekwiżit, fejn it-tieni waħda tiddetermina konsegwenza speċifika tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit stabbilit mill-ewwel inċiż. It-tieni, l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat indipendentement mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 3(1) tagħha, li jipprevedu li r-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva japplikaw biss għall-materjal ta’ propagazzjoni waqt il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
63. Għalhekk, essenzjalment, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/56 joffri alternattiva għall-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni. Jekk il-materjal jiġi ttrattat b’mod korrett, xorta jista’ jiġi kkummerċjalizzat. Din il-possibbiltà hija offruta biss fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/56, peress li dan huwa l-uniku rekwiżit li jista’ jiġi ssodisfatt bit-trattament tal-materjal ta’ propagazzjoni. Għall-kuntrarju, l-erba’ inċiżi l-oħra tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jikkonċernaw aspetti li ma jistgħux jiġu ttrattati b’suċċess (bħal difetti jew vitalità mhux sodisfaċenti, dimensjonijiet, kapaċità ta’ ġerminazzjoni jew ukoll l-identità varjetali u l-purità). Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-aħħar rekwiżiti jista’ jwassal biss għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-materjal, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
64. Din l-interpretazzjoni hija appoġġjata mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/56. L-Artikolu 7, li jinsab taħt it-Titolu IV dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-fornituri (18), jimponi rekwiżiti speċifiċi fuq il-fornituri involuti fil-produzzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 2, jekk organiżmu ta’ ħsara elenkat fir-Regolament 2016/2031 (19) jew fi kwalunkwe miżura stabbilita skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 98/56 jidher fl-istabbiliment ta’ fornitur attiv fil-produzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni, il-fornitur għandu jirrapportah lill-korp uffiċjali responsabbli u għandu jieħu kwalunkwe miżura stabbilita minn dan il-korp.
65. Għalhekk, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/56 jipprevedi espressament it-teħid ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-istadju tal-produzzjoni, jekk jirriżultaw iċ-ċirkustanzi msemmija fih. Fil-fehma tiegħi, barra minn dan il-qafas, tali eżekuzzjoni ma tistax isseħħ. Fil-kawża ineżami, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-BKD invokat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
66. Issa ser ngħaddi għall-eżami tat-Titolu V tad-Direttiva 98/56, intitolat “Marketing [kummerċjalizzazzjoni] u tikkettjar tal-materjal tal-propagazzjoni”. Dan it-titolu jista’ jagħti l-impressjoni li r-rekwiżiti l-oħra, bħal dawk elenkati fit-Titolu III, li għandhom jiġu ssodisfatti mill-materjal ta’ propagazzjoni, japplikaw ukoll għal stadji oħra. Madankollu, ma naħsibx li dan huwa l-każ. Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V jeħtieġu, essenzjalment, li l-materjal ta’ propagazzjoni jiġi kkummerċjalizzat f’lottijiet (Artikolu 8(1)), b’riferiment għal varjetà, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 ikunu ssodisfatti, u li jkun akkumpanjat minn tikketta (Artikolu 8(2)). Ir-rekwiżiti kemm tat-Titolu III kif ukoll tat-Titolu V għalhekk jikkonċernaw aspetti li jagħmlu parti integrali tal-prodott (20) u japplikaw għall-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni. L-unika differenza tinsab fil-fatt li r-rekwiżiti tat-Titolu III huma intrinsiċi għall-materjal ta’ propagazzjoni, filwaqt li r-rekwiżiti tat-Titolu V huma esterni għalih.
67. Finalment, it-Titolu VIII tad-Direttiva 98/56 ikopri l-miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet ġenerali, fejn l-Artikoli 12 u 13 tiegħu huma partikolarment rilevanti għall-finijiet tal-kawża ineżami. Filwaqt li l-Artikolu 12 jikkonċerna l-ispezzjonijiet biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 13 jittratta l-eżekuzzjoni.
68. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 98/56, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri (21) jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Għal dan il-għan, skont it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, huma għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni jiġi uffiċjalment spezzjonat ta’ mill-inqas fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni lil persuni li jwettqu attività professjonali ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew ta’ materjal ta’ propagazzjoni.
69. L-intervenjenti kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentraw fuq l-espressjonijiet “ta’ mill-inqas” u “fir-rigward tal-marketing [kummerċjalizzazzjoni]”, billi sostnew li l-ispezzjonijiet jistgħu jseħħu wkoll fl-istadju tal-produzzjoni. Minkejja li din l-interpretazzjoni hija plawżibbli, jidhirli li l-enfasi għandha titqiegħed fuq it-tip ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha huwa obbligatorju li jkun hemm spezzjoni (22).
70. Din l-aħħar interpretazzjoni hija appoġġjata billi t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(1) jinqara b’mod konġunt mal-Artikolu 6(2) u mal-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva 98/56. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ “materjal tal-propagazzjoni lejn persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni” hija eżentata minn ċerti rekwiżiti imposti mid-direttiva. Dan jindika li t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(1) għandu jitqies b’mod globali, jiġifieri, mingħajr ma wieħed jiffoka fuq id-dikotomija bejn “kummerċjalizzazzjoni” u “produzzjoni”.
71. Bl-istess mod, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/56 jinkludi wkoll il-produzzjoni, l-ispezzjonijiet f’dan l-istadju ma jkunux fakultattivi.
72. Fi kwalunkwe każ, hemm ċertezza waħda: filwaqt li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/682 kien jeżiġi spezzjonijiet uffiċjali waqt il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, id-Direttiva 98/56 tirreferi biss għall-kummerċjalizzazzjoni (23).
73. Finalment, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 98/56 jistabbilixxi l-konsegwenzi ġenerali tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, fosthom il-fatt li jiġi żgurat li l-fornitur jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa (24), jew, jekk dan ma jkunx possibbli, jimponi projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni. Skont l-Artikolu 13(2), meta fornitur ma jikkonformax ruħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, għandhom jittieħdu miżuri xierqa fir-rigward ta’ dan il-fornitur, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(3).
74. Fil-qosor, jidher li d-Direttiva 91/682 kienet tapplika kemm għall-istadji ta’ produzzjoni kif ukoll għal dawk ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, jidher li d-Direttiva 98/56 tapplika biss għall-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni, bla ħsara għall-Artikolu 7 tagħha, li japplika speċifikament għall-fornituri li jipproduċu materjal ta’ propagazzjoni.
75. Madankollu, din il-konklużjoni hija ttestjata mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 (25), li jeżiġi li l-basal tal-fjuri jiġu kkontrollati fl-istadju tal-kultivazzjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni legali speċifika.
e) Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56
76. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huma biss żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/56, jiġifieri l-Artikolu 7 u l-Artikolu 5(4), li jidhru li jikkontestaw il-konklużjoni, li mill-bqija kienet tkun inekwivoka, li din id-direttiva tapplika biss għall-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti ornamentali.
77. Fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/56, il-formulazzjoni tiegħu hija madankollu pjuttost sempliċi. Għalhekk, ir-rekwiżiti imposti fuq il-produtturi huma ddefiniti sew. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma huwiex kompletament ċar la fir-rigward tat-tip ta’ materjal li huwa jkopri, u lanqas fir-rigward tal-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit li huwa jimponi.
78. Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, applikabbli għall-basal tal-fjuri, il-materjal ta’ propagazzjoni għandu jiġi dderivat direttament minn materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkontrollat u kkonstatat bħala sostanzjalment ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, mis-sinjali jew mis-sintomi tagħhom.
79. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 jirreferi għal żewġ tipi ta’ materjal, jiġifieri l-materjal ġenitur (jew is-sors) u l-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta. Minn naħa, il-kontrolli fl-istadju tal-kultivazzjoni u l-kundizzjonijiet sanitarji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jikkonċernaw il-materjal ġenitur. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tapplika għall-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta meta jiġi kkummerċjalizzat.
80. Essenzjalment, huwa l-materjal ġenitur li għandu jiġi kkontrollat fl-istadju tal-kultivazzjoni u li għandu jiġi kkonstatat li huwa sostanzjalment ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, mis-sinjali jew mis-sintomi tagħhom, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-materjal ġenitur huwiex ser jiġi kkummerċjalizzat jew le. Għall-kuntrarju, skont l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 98/56, u b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1) tagħha, il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta, li huwa intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, għandu jkun oriġina minn materjal ġenitur li jissodisfa din il-kundizzjoni sanitarja.
81. Minn dan isegwi li l-materjal ġenitur li jkun ġie kkontrollat u kkonstatat li ma huwiex sostanzjalment ħieles minn kwalunkwe organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, mis-sinjali jew mis-sintomi tagħhom, ma jistax jitħawwel mill-ġdid sabiex jiġi prodott materjal ta’ propagazzjoni intiż għall-kummerċjalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, jekk il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta ma jkunx intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 ma japplikax għalih.
82. Din l-interpretazzjoni hija konformi, b’mod partikolari, ma’ dik tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/56, imsemmija fil-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, ninterpreta l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva bħala dispożizzjoni speċjali fir-rigward tal-Artikolu 5(4) tagħha. Minn naħa, l-ewwel artikolu msemmi jittratta, inter alia, materjal imħawwel li jkun infettat minn organiżmu ta’ ħsara elenkat fir-Regolament Nru 2016/2031, f’liema każ il-fornituri għandhom jieħdu l-miżuri kollha stabbiliti mill-korp uffiċjali responsabbli, irrispettivament minn jekk dak il-materjal ikunx ser jitħawwel mill-ġdid biex jipproduċi materjal ta’ propagazzjoni maħsub għall-kummerċjalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 jikkonċerna l-materjal ikkontaminat minn kwalunkwe “organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard”, li ma humiex neċessarjament elenkati fir-Regolament 2016/2031. F’dan il-każ, ma hija prevista ebda miżura li tikkonċerna l-materjal ġenitur ikkontaminat, peress li din id-dispożizzjoni ġuridika ma tapplikax għall-materjal ġenitur, iżda għall-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta, kif irrilevajt fil-punt 79 iktar ’il fuq.
83. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li nipproponi fil-punti 80 u 81 iktar ’il fuq ma tippreġudikax l-effett utli tad-Direttiva 98/56, li hija intiża li tiżgura li x-xerrejja jirċievu materjal ta’ propagazzjoni b’saħħtu u ta’ kwalità tajba (26).
84. Fil-fatt, id-Direttiva 98/56 tinkludi mekkaniżmi ta’ traċċar tas-sors tal-materjal ta’ propagazzjoni, u b’hekk tiżgura li dan joriġina minn materjal ġenitur b’saħħtu. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6 tagħha, il-fornituri huma obbligati jkunu rreġistrati fir-rigward tal-attivitajiet li huma jwettqu (27). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(1), il-fornituri għandhom iżommu rekords dwar il-kompożizzjoni u l-oriġini tal-lottijiet differenti. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 8(2), il-materjal tal-propagazzjoni, meta kkummerċjalizzat, għandu jkun akkumpanjat minn tikketta jew dokument ieħor imħejji mill-fornitur (28).
85. F’dan ir-rigward, il-kawża ineżami għandha tiġi distinta minn dik li tat lok għas-sentenza Bundesminister für Gesundheit (29), li għaliha għamel riferiment il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
86. F’dik it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE (30), moqri flimkien mal-Artikolu 2(40) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakketti individwali tagħhom jikser ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni tagħhom ma jitqegħdux fis-suq huwa limitat għall-istadju li fih dawn il-prodotti jiġu pprovduti minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur, u b’hekk tiġi eskluża l-provvista ta’ dawn il-prodotti minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut.
87. Skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati li ma jkunux konformi ma’ din id-direttiva, kif ukoll mal-atti ta’ implimentazzjoni u mal-atti delegati previsti fiha, ma jitqegħdux fis-suq. L-Artikolu 2(40) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” fis-sens li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, isiru disponibbli għall-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod (31).
88. Billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2014/40, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakketti individwali tagħhom jikser ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni tagħhom ma jitqegħdux fis-suq ma huwiex limitat għall-istadju li fih dawn il-prodotti jiġu fornuti minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur (32).
89. Diversi aspetti jipprekludu l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-kawża ineżami. L-ewwel, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bundesminister für Gesundheit, l-eżekuzzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/40 fl-istadju tal-kummerċ bl-ingrossa kienet strumentali sabiex jiġi evitat li prodotti li ma humiex konformi jitqiegħdu finalment għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, ikun inutli li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva jiġu osservati biss fl-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi, peress li l-istadji preċedenti jwasslu neċessarjament għat-tqegħid fis-suq, fis-sens tal-imsemmija direttiva (33).
90. Għall-kuntrarju, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża ineżami, it-tħawwil ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali ma jwassalx neċessarjament għal kummerċjalizzazzjoni, peress li dan jista’ jkollu għanijiet oħra, bħall-prevenzjoni tal-estinzjoni ta’ ċerta varjetà (34). Fil-fehma tiegħi, din id-distinzjoni hija appoġġjata mill-formulazzjoni rispettiva tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 98/56. L-ewwel artikolu jimponi obbligu iktar ġenerali u l-effettività tiegħu tista’ teħtieġ intervent f’livelli oħra tal-katina tal-provvista; it-tieni artikolu jimponi obbligu iktar speċifiku u mmirat, limitat għall-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 84 iktar ’il fuq, l-effett utli tad-Direttiva 98/56 huwa żgurat mill-mekkaniżmi ta’ traċċabbiltà li hija tistabbilixxi.
91. It-tieni, il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali u t-tabakk huma prodotti fundamentalment differenti. Konsegwentement, id-Direttiva 2014/40 u d-Direttiva 98/56 għandhom għanijiet differenti u jsegwu loġika totalment differenti. B’mod partikolari, il-prodotti tat-tabakk ma humiex prodotti ordinarji u, fid-dawl tal-effetti partikolarment dannużi tat-tabakk fuq is-saħħa tal-bniedem, għandha tingħata importanza kbira lill-protezzjoni tas-saħħa, b’mod partikolari, sabiex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ (35). Id-Direttiva 2014/40 kienet għalhekk ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, u b’hekk tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Dan l-aspett kellu rwol determinanti fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja (36). Għall-kuntrarju, id-Direttiva 98/56 ġiet adottata abbażi ta’ dak li kien l-Artikolu 43 TKE dwar il-Politika Agrikola Komuni (37).
92. Konsegwentement, ir-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux it-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkonstatat li ma kienx sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, bil-kundizzjoni li l-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta minnu ma jkunx intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.
3. Fuq ir‑raba’ domanda preliminari
93. Fid-dawl tar-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda magħmula, id-domanda li għandha tiġi indirizzata sussegwentement hija dik dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jestendu r-rekwiżit previst fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 98/56 sabiex jinkludu materjal ta’ propagazzjoni li ma huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni u jeżegwixxu dan ir-rekwiżit konsegwentement.
94. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha ssir distinzjoni bejn il-grad ta’ armonizzazzjoni u l-qasam ta’ armonizzazzjoni.
95. Fir-rigward tal-grad ta’ armonizzazzjoni, mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/56, kif issostni l-Kummissjoni, huwa ċar li din id-direttiva hija miżura ta’ armonizzazzjoni massima (jew totali) fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni, li jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li ma jimponux restrizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fid-direttiva f’dak li jirrigwarda l-fornitur, il-kwalità, is-saħħa tal-pjanti, l-ittikkettjar u l-imballaġġ (38).
96. Madankollu, il-livell ta’ armonizzazzjoni applikat ma jippermettilniex nagħtu risposta għad-domanda dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jestendu r-rekwiżiti tad-Direttiva 98/56 għall-istadju tat-tħawwil. Dan jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni eżawrixxiex il-qasam kollu tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (39).
97. F’dan ir-rigward, mir-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda neċessarjament jirriżulta li d-Direttiva 98/56 ma eżawrixxietx il-kamp kollu tal-materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti ornamentali, peress li s-sistema stabbilita tikkonċerna biss il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-materjal (40).
98. Konsegwentement, meta l-Istati Membri jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, rekwiżiti sanitarji u ta’ kwalità li l-materjal ta’ propagazzjoni mhux intiż għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jissodisfa, tali rekwiżiti jaqgħu taħt il-kompetenzi li huma jżommu u ma humiex irregolati mid-Direttiva 98/56 (41).
99. Madankollu, jidher li huma meħtieġa żewġ rimarki addizzjonali.
100. Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax japplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn direttiva u b’hekk iċaħħduha mill-effett utli tagħha (42). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom josservaw ir-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni (43).
101. Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami jippreżentaw ċertu xebh ma’ dawk iċ-ċirkustanzi li fihom, sabiex tirregola sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun intiża li tadotta, b’mod dirett u inkundizzjonat, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati f’dan l-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda minn dan l-att tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi. Dan ifisser li huwa possibbli li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal sitwazzjonijiet interni u sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, jeżisti interess ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar domanda magħmula f’dawn iċ-ċirkustanzi (44).
102. Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza timplika li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw ir-rekwiżiti sanitarji u ta’ kwalità stabbiliti fid-Direttiva 98/56 fl-istadju tat-tħawwil, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati bl-istess mod kif jiġu interpretati meta jiġu applikati fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni.
103. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu t-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkonstatat li ma kienx sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.
B. Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari
104. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deroga stabbilita fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll għal ċerti varjetajiet ta’ basal tal-fjuri intiżi għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, minkejja li ma ġewx adottati modalitajiet ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.
1. Il-ħtieġa li tingħata risposta għal dawn id-domandi
105. L-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva 98/56 japplika biss għal sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti kwantitajiet ta’ materjal ta’ propagazzjoni, minkejja l-fatt li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fitosanitarji u ta’ kwalità relatati, meta din il-kummerċjalizzazzjoni tkun intiża sabiex tikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tad-diversità ġenetika (45). Fi kliem ieħor, din id-deroga tista’ tiġi invokata biss fir-rigward tal-materjal intiż għall-kummerċjalizzazzjoni.
106. Fir-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda, nikkonkludi li t-tħawwil tal-basal tal-fjuri li ma humiex intiżi għall-kummerċjalizzazzjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/56. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi din il-proposta ta’ risposta, jista’ jiġi konkluż li ma għadux iktar neċessarju li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula.
107. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li risposti għal dawn id-domandi hija mitluba biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tħawwil tal-basal tal-fjuri jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/56.
108. Barra minn hekk, fir-risposta proposta tiegħi għar-raba’ domanda magħmula, nikkonkludi wkoll li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jestendu r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 98/56 għall-istadju tat-tħawwil. Għall-istess raġunijiet bħal dawk li wasslu għal din il-konklużjoni, għandu jingħad ukoll li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll għal dan l-istadju d-deroga prevista fl-Artikolu 3(2)(c) ta’ din id-direttiva.
109. Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 101 iktar ’il quddiem, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fi kwalunkwe każ għat-tieni u għat-tielet domanda.
2. Analiżi
110. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva 98/56 tistax tapplika għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika mhux biss ta’ speċi sħiħa, iżda wkoll ta’ ċerta varjetà (46), xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jidher li jipprekludi din l-applikazzjoni. Għall-kuntrarju, is-sempliċi riferiment għall-“konservazzjoni tad-diversità ġenetika”, mingħajr speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti addizzjonali, jindika li dan għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-konservazzjoni ta’ varjetà.
111. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, l-ewwel, mill-kuntest tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56. L-interess li jiġu protetti l-varjetajiet, kif ukoll li tiġi żgurata l-identità u l-purità tagħhom, jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-aħħar inċiż tal-Artikolu 5(1) u minn dik tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-premessa 11 tagħha.
112. It-tieni, għalkemm id-Direttiva 98/56 hija intiża sabiex tiżgura li x-xerrejja jirċievu materjal ta’ propagazzjoni b’saħħtu u ta’ kwalità tajba, jidher li l-għanijiet tagħha huma iktar wiesgħa mill-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva kienet dak li sar l-Artikolu 43 TFUE, dwar il-Politika Agrikola Komuni.
113. It-tielet, fid-dawl tal-firxa sinjifikattiva ta’ varjetajiet ta’ basal tat-tulipani, fejn hemm ir-riskju ta’ estinzjoni ta’ xi wħud minnhom, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 fis-sens li tinkludi l-konservazzjoni tad-diversità ġenetika biss tal-ispeċi u mhux tal-varjetajiet iċċaħħad id-deroga stabbilita fih mill-effett utli tagħha.
114. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 jistax japplika anki jekk ma jkunux ġew adottati miżuri ddettaljati skont l-Artikolu 3(3) tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, qabel kollox, il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.
115. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56 jippreċiża li “jistgħu” (47) jiġu adottati modalitajiet iddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) skont il-proċedura ta’ komitoloġija prevista fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Il-verb “jistgħu” juri li l-adozzjoni ta’ tali modalitajiet iddettaljati ma hijiex obbligatorja. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li ħalla l-għażla tal-adozzjoni ta’ tali modalitajiet għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni (48).
116. Wara dan, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni konkret tal-implimentazzjoni meħtieġa minn direttiva huwa ddeterminat min-natura tad-dispożizzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56 jidher li huwa suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sabiex jiġi invokat mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali (49). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti li l-fornituri jikkummerċjalizzaw materjal ta’ propagazzjoni mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dan il-materjal ikun intiż għal wieħed mill-għanijiet elenkati fil-punti (a) sa (ċ) tagħha (50). Barra minn hekk, kif tindika l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56, il-modalitajiet iddettaljati msemmija fih huma intiżi biss sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma tiġi kkontestata l-inkundizzjonalità ta’ din id-dispożizzjoni (51).
117. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll minn paragun tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/56 ma’ dik ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ regoli konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 8(3), tal-Artikolu 11(1), u tal-Artikolu 14(4) u (6) ta’ din id-direttiva, fejn, b’differenza mill-Artikolu 3(3), jintuża l-verb “għandhom/għandu/għandha” (52).
118. Il-Gvern Elleniku u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi madankollu jsostnu li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 98/56, peress li tippreġudika l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fiha. B’mod partikolari, in-neċessità li tiġi żgurata l-kwalità u s-saħħa tal-materjal ta’ propagazzjoni teħtieġ, minn tal-inqas, l-istabbiliment ta’ regolamenti adottati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali sabiex jirregolaw kemm il-lokalizzazzjoni tal-materjal kopert mid-deroga, kif ukoll il-modalitajiet tas-separazzjoni tiegħu minn materjal ieħor suġġett għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.
119. Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ modalitajiet iddettaljati fil-livell tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn dan is-sens (53). Għalhekk, nirrepeti l-osservazzjoni tiegħi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jidhirx li qies neċessarju li jadotta dawn ir-regoli fil-livell tal-Unjoni, u jippreferi jagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.
120. Madankollu, jekk Stat Membru jqis li, sabiex jimplimenta b’mod korrett l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56, huma mixtieqa modalitajiet iddettaljati, jidhirli li huwa jista’ jadotta tali regoli.
121. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, meta att tal-Unjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni speċifika, huma l-Istati Membri li huma, primarjament, responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu (54). Fil-kawża ineżami, fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-adozzjoni ta’ modalitajiet iddettaljati fil-livell tal-Unjoni, inqis li tali regoli jistgħu, bħala prinċipju, jiġu adottati fuq livell nazzjonali.
122. It-tieni, infakkar li l-modalitajiet iddettaljati fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu adottati wara proċedura ta’ komitoloġija, li hija, essenzjalment, mekkaniżmu ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha (Artikolu 291(3) TFUE). Dan jixhed, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jikseb l-involviment tal-Istati Membri fiċ-ċirkustanzi kollha.
123. It-tielet, l-adozzjoni ta’ modalitajiet iddettaljati fil-livell nazzjonali u l-assenza ta’ proċeduri uniformi fil-livell tal-Unjoni li jirriżultaw minn dan ma jidhrux li jippreġudikaw l-għanijiet tad-Direttiva 98/56, u lanqas, b’mod iktar partikolari, l-effett utli tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva. Dan l-approċċ jista’ fil-fatt josserva rekwiżiti nazzjonali partikolari fil-qasam tal-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, bħall-ħtieġa li jinkiseb l-istatus ta’ konservatur irreġistrat sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi invokata, kif semma l-Gvern Elleniku, jew rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni sabiex jittaffa r-riskju ta’ kontaminazzjoni, kif iddikjara l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi (55). Madankollu, il-modalitajiet iddettaljati adottati ma għandhomx jimponu piż eċċessiv fuq il-fornituri involuti fil-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.
124. Ir-raba’, billi jadotta modalitajiet iddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56, Stat Membru jaġixxi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 291(1) TFUE.
125. Għall-kuntrarju, Stat Membru li jqis li l-adozzjoni ta’ modalitajiet iddettaljati hija neċessarja għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56, iżda li jkun għadu ma adottax tali modalitajiet, ma jistax sempliċement jirrifjuta li japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dan l-artikolu, għad-detriment ta’ individwu, minħabba l-assenza ta’ modalitajiet iddettaljati fil-livell tal-Unjoni. Jekk ikollu jagħmel dan, Stat Membru jikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (56).
126. Konsegwentement, ir-risposta proposta tiegħi għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li d-deroga stabbilita fl-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva 98/56 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll għal ċerti varjetajiet ta’ basal tal-fjuri intiżi għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, anki jekk il-modalitajiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx adottati, skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.
V. Konklużjoni
127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
(1) L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali
għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux it-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkonstatat li ma kienx sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, bil-kundizzjoni li l-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta minnu ma jkunx intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.
(2) L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu t-tħawwil mill-ġdid ta’ materjal li, fl-istadju tal-kultivazzjoni, ġie kkonstatat li ma kienx sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-materjal ta’ propagazzjoni li jirriżulta huwiex intiż għall-kummerċjalizzazzjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.
(3) L-Artikolu 3(2)(c) u (3) tad-Direttiva 98/56
għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deroga stabbilita fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 98/56 tapplika wkoll għal ċerti varjetajiet ta’ basal tal-fjuri intiżi għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, anki jekk il-modalitajiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ġewx adottati, skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.
1 Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
2 Schipper, C., “Broken tulips: The beautiful curse”, is-sit tal-internet tal-Amsterdam Tulip Museum, is‑6 ta’ Diċembru 2017; disponibbli fuq https://amsterdamtulipmuseum.com/blogs/tulip-facts/broken-tulips-the-beautiful-curse. Għal deskrizzjoni ddettaljata tal-istorja tat-tulipani, ara Dash, M., Tulipomania, The Story of the World’s Most Coveted Flower & the Extraordinary Passions It Aroused, Three Rivers Press, New York, 2000.
3 Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 363).
4 Schipper, C., nota ta’ qiegħ il-paġna 2, op. cit., u Schipper, C., “How dangerous is the tulip breaking virus?”, is-sit tal-internet tal-Amsterdam Tulip Museum, il‑25 ta’ Ottubru 2017disponibbli fuq https://amsterdamtulipmuseum.com/blogs/tulip-facts/how-dangerous-is-the-tulip-breaking-virus.
5 Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1976 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi ta’ ħsara ta’ pjanti jew prodotti tal-pjanti (ĠU 1977, L 26, p. 20), li ġiet imħassra u ssostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU 2016, L 317, p. 4).
6 It-termini “kultivar” u “varjetà” jintużaw b’mod interkambjabbli mill-qorti tar-rinviju. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi biss għal “varjetà”.
7 Sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier (35/85, EU:C:1986:143, punt 9), u tas‑26 ta’ Marzu 2026, Isergartler (C‑618/24, EU:C:2026:251, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, EU:C:1978:214, punt 26), u tas‑26 ta’ Marzu 2026, Isergartler (C‑618/24, EU:C:2026:251, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Għall-faċilità ta’ riferiment, ser nuża b’mod interkambjabbli l-espressjonijiet “produzzjoni” u “tħawwil”.
10 Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013,Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u l‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Marzu 2026, Gonrieh (C‑819/25 PPU, EU:C:2026:252, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni ta’ pjanti ornamentali u pjanti ornamentali (ĠU 1991, L 376, p. 21).
12 Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 98/56.
13 Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - L-Inizjattiva SLIM (COM (1996) 559 final), Rapport tal-Kumissjoni dwar il-proġett pilota SLIM, p. 7 u l-Anness 1D, p. 11.
14 Enfasi miżjuda minni.
15 Enfasi miżjuda minni.
16 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Società agricola Vivai Maiorana et vs Il‑Kummissjoni (T‑116/20, EU:T:2021:632, punti 104 u 106).
17 Kundizzjonijiet fitosanitarji rilevanti tar-Regolament 2016/2031 (ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/56 u l-punt 10 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136) u mid-Direttiva 94/62 (ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/56, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tagħha).
18 Kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/56.
19 Ara l-punt 10 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
20 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 15), fejn ma ssir ebda distinzjoni bejn rekwiżiti relatati mal-isem, mal-forma, mad-daqs, mal-piż, mal-kompożizzjoni, mal-preżentazzjoni, mal-ittikkettjar jew mal-imballaġġ
21 Ara r-Rapport tat‑23 ta’ Diċembru 2002 mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (COM(2002) 761 final) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tat‑23 ta’ Diċembru 2002 mill-Kummissjoni”), p. 2, fejn huwa enfasizzat li t-terminu “fornitur” jiddeskrivi dawk impenjati b’mod professjonali fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-importazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni.
22 Ara, fl-istess sens, ir-Rapport tat‑23 ta’ Diċembru 2002 mill-Kummissjoni, p. 4.
23 Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
24 Eżempji ta’ azzjonijiet korrettivi jistgħu jinkludu t-trattament xieraq, l-ittikkettjar xieraq jew l-assenza ta’ riferiment għall-varjetajiet jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/56 ma jkunux issodisfatti.
25 Id-Direttiva 91/682 ma kinitx tinkludi din id-dispożizzjoni.
26 Il-premessa 3 tad-Direttiva 98/56.
27 Ara l-Anness tar-Rapport tat‑23 ta’ Diċembru 2002 mill-Kummissjoni, p. 8.
28 Ara, f’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/66/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tiddikjara l-ħtiġiet dwar it-tikketta jew dokument ieħor li jkun produċa l-fornitur skond id-Direttiva 98/56 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 450); mill-informazzjoni meħtieġa fuq it-tikketta, għandu għalhekk ikun possibbli li jiġi ttraċċat il-materjal ġenitur. Ara wkoll, fl-istess sens, ir-Rapport tat‑23 ta’ Diċembru 2002 mill-Kummissjoni, p. 4.
29 Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025 (C‑717/23, EU:C:2025:351; iktar ’il quddiem is-“sentenza Bundesminister für Gesundheit”, EU:C:2025:351).
30 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).
31 Is-sentenza Bundesminister für Gesundheit (punt 34).
32 Is-sentenza Bundesminister für Gesundheit (punt 52).
33 Ara s-sentenza Bundesminister für Gesundheit (punt 51), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2025:29 punt 70).
34 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 Premessa 8 tad-Direttiva 2014/40.
36 Sentenza Bundesminister für Gesundheit (punti 49 sa 51).
37 Din id-dispożizzjoni sussegwentement saret l-Artikolu 37 TKE. Dan huwa issa l-Artikolu 43 TFUE.
38 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punti 26 u 27). Fid-duttrina, ara Barnard, C., The Substantive Law of the EU: The Four Freedoms, is-seba’ edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2022, p. 581, u Slot, P. J., “Harmonisation”, European Law Review, No 21(5), 1996, Nru 21(5), p. 378 sa 387, p. 382 u 383.
39 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Almirall (C‑589/24, EU:C:2026:217, punt 41). Fid-duttrina, ara Slot, P. J., nota ta’ qiegħ il-paġna 37, op. cit., p. 388, u Weatherill, S., “Maximum versus minimum harmonization: Choosing between unity and diversity in the search for the soul of the internal market”, f’Nic Shuibhne, N. u Gormley, L.W. (edituri), From Single Market to Economic Union: Essays in Memory of John A. Usher, Oxford University Press, Oxford, 2012, p. 192.
40 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C‑323/93, EU:C:1994:368, punti 34 u 35), u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, AFAÏA (C‑228/23, EU:C:2024:829, punt 71).
41 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Almirall (C‑589/24, EU:C:2026:217, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tiegħi f’Almirall (C‑589/24, EU:C:2025:776, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermitel (251/78, EU:C:1979:252, punti 14 sa 20), u tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punti 27 sa 31) u l-konklużjonijiet tiegħi f’Almirall (C‑589/24, EU:C:2025:776, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37), u tal‑5 ta’ Marzu 2026, AESTE (C‑210/24, EU:C:2026:145, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari r-riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Società agricola Vivai Maiorana et vs Il‑Kummissjoni (T‑116/20, EU:T:2021:632, punti 104 u 106).
46 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti tfittex li tippreżerva d-diversità ġenetika tal-varjetajiet inkwistjoni bħala tali, jiġifieri eżenti mill-VJT.
47 “Können”, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, “podrán”, fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola, “peuvent”, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, “possono”, fil-verżjoni bil-lingwa Taljana, “można”, fil-verżjoni bil-lingwa Pollakka, u “podem”, fil-verżjoni bil-lingwa Portugiża.
48 Ara, a contrario, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑521/14, EU:T:2015:976, punti 50, 52, 53, u 70).
49 Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑521/14, EU:T:2015:976, punti 53).
50 Fir-rigward tan-natura preċiża tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/56, ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 27).
51 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punti 32 u 33).
52 “Devem”, fil-verżjoni bil-lingwa Portugiża tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/56. Il-verżjoni Portugiża taż-żewġ dispożizzjonijiet l-oħra msemmija u l-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, bil-lingwa Spanjola, bil-lingwa Taljana, bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Pollakka tat-tliet dispożizzjonijiet imsemmija, kollha jużaw espressjonijiet li jinkludu obbligu li tittieħed azzjoni.
53 Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, HDI Global u MS Amlin Insurance (C‑771/22 u C‑45/23, EU:C:2024:644, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1995, Nutral vs Il‑Kummissjoni (C‑476/93 P, EU:C:1995:401, punt 14). Ara, fid-duttrina, K. Lenaerts, u P. Van Nuffel, EU Constitutional Law, Oxford University Press, Oxford, 2021, p. 565.
55 Ara l-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 33). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 22), u tat‑3 ta’ Settembru 2014, GMAC UK (C‑589/12, EU:C:2014:2131, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).