European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3093

10.12.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3093

tat-13 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi speċifiċi biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 jipprevedi miżuri tekniċi għall-Baħar Baltiku.

(2)

Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja (“l-Istati Membri kkonċernati”) għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Baltiku. Fis-26 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri kkonċernati ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2019/1241, li tipproponi l-adozzjoni ta’ att delegat biex jiżdiedu apparati ta’ selettività ġodda fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241. Wara konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet ikkonċernati dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3094 (3) (4), BaltFish irrevedew ir-rakkomandazzjoni konġunta tagħhom billi talbu li tiddaħħal klawżola ta’ reviżjoni u li tiġi estiża l-applikazzjoni mdewma ta’ dan ir-Regolament minn 90 sa 120 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(3)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tipproponi miżuri tekniċi speċifiċi għall-protezzjoni tal-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku, li huma eżawriti ferm skont il-valutazzjoni annwali tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”) (5) (6), inkluża deroga mid-daqsijiet tal-malji permessi bħalissa. Għalhekk jenħtieġ li d-daqsijiet tal-malji biss li huma proposti f’dan ir-Regolament japplikaw fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 22-26 għas-sajd demersali meta s-sajd dirett għall-bakkaljaw ikun ipprojbit.

(4)

L-Istati Membri kkonċernati qablu li meta s-sajd dirett għall-bakkaljaw ikun ipprojbit, jeħtieġ li l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw jitnaqqsu meta jsir sajd għall-pixxiċatt fiż-żona prinċipali ta’ distribuzzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku (is-subdiviżjonijiet tal-ICES 22-26) b’mill-inqas 55 %, sabiex jiġi evitat aktar deterjorament ta’ dawn l-istokkijiet.

(5)

Għas-subdiviżjonijiet tal-ICES 22 sa 26, ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi l-użu ta’ apparat ta’ selezzjoni “Roofless” li għandu jiżdied jew mal-irkapti ta’ referenza, manka T90 modifikata (b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 125 mm u rinforz taċ-ċmusi bil-ħbula tat-tqassir tal-manka), jew ma’ manka b’malji kwadri (li tikkonsisti f’żewġ pannelli u daqs minimu tal-malji ta’ mill-inqas 125 mm).

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta l-apparat “Roofless” f’Novembru 2021 u kkonkluda (7) li l-effiċjenza tat-tnaqqis tal-bakkaljaw hija ogħla minn 75 % meta l-apparat “Roofless” jiġi kkombinat mal-manka T90 modifikata jew mal-manka b’malji kwadri. Meta kkombinata mal-irkapti ta’ referenza, l-effiċjenza tat-tnaqqis tal-qbid tkun ogħla minn 70 %. Skont l-STECF, l-apparat “Roofless” jirrilaxxa l-maġġoranza tal-bakkaljaw, irrispettivament mid-daqs tiegħu. Meta titqies l-evidenza dwar l-istatus tal-istokk, it-tnaqqis tal-mortalità ta’ individwi tal-bakkaljaw huwa essenzjali biex jiġi appoġġat l-irkupru tiegħu.

(7)

Għas-subdiviżjonijiet tal-ICES 24 sa 26, ir-rakkomandazzjoni konġunta tipproponi, minbarra l-kombinazzjonijiet tal-irkaptu u l-apparat imsemmija hawn fuq, il-possibbiltà li tintuża waħedha l-manka T90 modifikata. L-STECF ikkonkluda li, għall-prestazzjoni ottimali, jenħtieġ li l-manka T90 modifikata tintuża flimkien mal-apparat ta’ selezzjoni “Roofless”. Madankollu, anki waħedha, it-T90 modifikata tnaqqas il-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw b’medja ta’ 56 %.

(8)

Fir-rigward tal-manka b’malji kwadri, ir-rakkomandazzjoni konġunta ma tipproponix l-użu tagħha mingħajr l-apparat “Roofless” għaliex qatt ma tissodisfa l-mira meħtieġa għat-tnaqqis tal-qabdiet aċċessorji ta’ mill-inqas 55 %.

(9)

B’mod ġenerali, l-STECF ikkonkluda li l-irkapti u l-kombinazzjonijiet proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma mill-inqas ekwivalenti, f’termini ta’ xejriet ta’ sfruttament, għall-irkapti ta’ referenza u li l-qabdiet taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni se jitnaqqsu meta mqabbla mal-irkapti ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat biex jinkludi dawk l-irkapti u l-kombinazzjonijiet.

(10)

L-STECF iddikjara wkoll li l-mira proposta ta’ tnaqqis kwantitattiv tal-qabdiet aċċessorji ta’ 55 % hija marbuta mal-istruttura tad-daqs tal-popolazzjonijiet tal-bakkaljaw u tista’ teħtieġ aktar aġġustamenti. Ir-rakkomandazzjoni konġunta pproponiet reviżjoni annwali tal-miżuri mit-tielet sena ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri biex jiġi vvalutat jekk il-parametri tas-selettività humiex adattati għall-iskop tagħhom. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data f’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-qabdiet li jsiru permezz ta’ dan l-irkaptu jiġu rreġistrati separatament.

(11)

Dan ir-Regolament huwa kkomplementat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3094 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ apparat ta’ selettività biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku.

(12)

Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex il-bastimenti jiġu mgħammra b’apparati ta’ selettività ġodda, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn 120 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-9 ta’ April 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3094 tas-27 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċertu apparati selettivi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku previsti fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/3094, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3094/oj).

(4)   Tagħmir selettiv għas-sajd fil-Baħar Baltiku (regoli dettaljati ġodda) (europa.eu) .

(5)   https://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2021/2021/cod.27.24-32.pdf.

(6)   https://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2021/2021/cod.27.22-24.pdf.

(7)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/14840948/STECF+PLEN+21-03.pdf/0909ec89-4bf6-4eeb-bb94-e2cf5a19bc92.


ANNESS

Fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241, fil-Parti B, jiżdied il-punt 1.3 li ġej:

“1.3.

Miżuri speċifiċi għas-sajd demersali meta s-sajd dirett għall-bakkaljaw huwa pprojbit

1.3.1.

B’deroga mill-punt 1.1. u mill-ewwel entrata tat-tabella fil-punt 1.2., ħlief għan-nota 1 f’qiegħ il-paġna, il-miżuri speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 22-26 meta s-sajd dirett għall-bakkaljaw ikun ipprojbit u meta attivitajiet oħra tas-sajd ma jkunux ipprojbiti f’dawn is-subdiviżjonijiet:

1.3.1.1.

Fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 22 sa 26, il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għandhom jużaw:

(i)

apparat ta’ selezzjoni “Roofless”* flimkien mal-ispeċifikazzjonijiet tal-irkaptu stabbiliti fil-punt 1.1, kwalunkwe rkaptu ġdid li huwa approvat mill-Kummissjoni u li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-Regolament, jew

(ii)

manka T90 modifikata billi jiżdied id-daqs minimu tal-malji għal mill-inqas 125 mm u billi jiġu rinforzati ċ-ċmusi bil-ħbula tat-tqassir tal-manka (manka T90 modifikata), flimkien ma’ apparat ta’ selezzjoni “Roofless” jew,

(iii)

manka b’malja kwadra magħmula minn żewġ pannelli bl-istess materjal tax-xibka bħat-tieqa tal-ħruġ tal-manka tat-tip Bacoma stabbilita fil-punt 1.1, u daqs minimu tal-malja ta’ mill-inqas 125 mm, flimkien ma’ apparat ta’ selezzjoni “Roofless”.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-apparati ta’ selezzjoni stabbiliti hawn fuq huma pprovduti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3094 (*1).

1.3.1.2.

Minbarra l-konfigurazzjonijiet tal-irkaptu speċifikati fil-punt 1.3.1.1., fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 24 sa 26, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jistgħu jużaw ukoll il-manka T90 modifikata msemmija fil-punt 1.3.1.1. (ii) mingħajr l-apparat ta’ selezzjoni “Roofless”.

1.3.2.

Meta jużaw il-konfigurazzjonijiet tal-irkaptu msemmija fil-punt 1.3.1., il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jimlew paġna separata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd stampat jew jirrapportaw il-qabdiet fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd elettroniku separatament mill-qabdiet li jkunu saru b’konfigurazzjonijiet oħra tal-irkaptu u għandhom jirreġistraw liema konfigurazzjoni tal-irkaptu tkun intużat.

1.3.3.

Kull Stat Membru tal-bandiera għandu, kull sena sal-1 ta’ April, jibgħat lill-Kummissjoni d-data u l-informazzjoni xjentifika rilevanti, inklużi l-kwantitajiet ta’ bakkaljaw li jirriżultaw mis-sajd bil-konfigurazzjonijiet tal-irkaptu msemmija fil-punt 1.3.1. imqassma skont iż-żoni rilevanti. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta d-data sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu ta’ kull sena rilevanti, mit-tielet sena tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

1.3.4.

Mit-tielet sena tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni kull sena għandha tivvaluta jekk l-istruttura tat-tul tal-istokkijiet tal-bakkaljaw li potenzjalment tinbidel għandhiex impatt fuq l-effiċjenza tat-tnaqqis tal-qabdiet aċċessorji tal-irkapti alternattivi msemmija fil-punt 1.3.1.

1.3.5.

Abbażi tal-informazzjoni xjentifika rilevanti, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu fi kwalunkwe waqt jaqblu dwar rakkomandazzjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jitolbu lill-Kummissjoni timmodifika l-miżuri stabbiliti fil-punti 1.3.1 sa 1.3.4 hawn fuq.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3094 tas-27 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċertu apparati selettivi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku previsti fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/3094, 10.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3094/oj).” ”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3093/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)