European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1501

28.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1501

tal-25 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fis-17 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament oriġinali.

(2)

Fl-investigazzjoni li rriżultat fl-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(3)

Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 22,1 % sa 48,4 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar (“elementi tal-irbit” jew “il-prodott ikkonċernat”) għall-produtturi esportaturi miċ-Ċina inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun saru soġġetti għal rata ta’ dazju ta’ 39,6 % li hija r-rata tad-dazju medja ponderata tal-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun li nstabu li kienu qed jagħmlu dumping. L-ismijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness tar-Regolament oriġinali. Ġie impost dazju għall-pajjiż kollu ta’ 86,5 % fuq l-elementi tal-irbit minn kumpaniji fiċ-Ċina li ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

2.   TALBA U ANALIŻI

(4)

Il-kumpanija Moregood Hardware Technology (Nanjing) Co., Ltd. (“l-applikant”) ressqet talba lill-Kummissjoni biex tirċievi d-dazju anti-dumping għal produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw, minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd., li kienet ġiet inkluża bħala produttur esportatur li kkoopera mhux fil-kampjun fir-Regolament oriġinali.

(5)

L-applikant ipprovda informazzjoni li turi li Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. hija l-azzjonista ewlenija tiegħu.

(6)

Barra minn hekk, l-applikant ipprovda l-liċenzja tan-negozju tiegħu, li tikkonferma li ġie stabbilit f’Marzu 2025, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u għalhekk il-Kummissjoni kkonfermat li l-applikant ma setax jiġi rrapportat minn Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. bħala kumpanija relatata fiż-żmien meta twettaq l-eżerċizzju tal-kampjunar fl-investigazzjoni oriġinali. Peress li d-dazju applikabbli għall-entità Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. kien ibbażat fuq il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, l-inklużjoni tal-applikant ma tbiddilx is-sejbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li d-dazju anti-dumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. isir applikabbli għall-esportazzjonijiet tal-applikant.

(7)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li temenda l-Anness tar-Regolament oriġinali billi żżid lil Moregood Harware Technology (Nanjing) Co., Ltd. bħala produttur esportatur relatat ma’ Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. elennkat taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C837.

3.   DIVULGAZZJONI

(8)

L-applikant, l-industrija tal-Unjoni u partijiet interessati oħra ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom tqies xieraq li jiġi emendat l-Anness II tar-Regolament oriġinali billi jiżdied Moregood Hardware Technology (Nanjing) Co., Ltd. bħala produttur esportatur relatat ma’ Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd. elenkat taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C837.

(9)

Jenħtieġ li l-kodiċi addizzjonali TARIC C837, li qabel kien attribwit biss lil Shanghai Moregood Hardware Co., Ltd., japplika wkoll għal Moregood Hardware Technology (Nanjing) Co., Ltd.

(10)

Il-partijiet ngħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 (2) huwa emendat kif ġej:

“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANGHAI MOREGOOD HARDWARE CO., Ltd.

C837”

huwa sostitwit bi:

“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

SHANGHAI MOREGOOD HARDWARE CO., LTD.

Moregood Hardware Technology (Nanjing) Co., Ltd.

C837”

Artikolu 2

Il-kodiċi addizzjonali TARIC C837 li qabel kien attribwit lil SHANGHAI Moregood HARDWARE CO., LTD. għandu japplika għal SHANGHAI Moregood HARDWARE CO., LTD. u Moregood Hardware Technology (Nanjing) Co., Ltd.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/191/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1501/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)