European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/894

13.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/894

tal-5 ta’ Mejju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-FSE u fi ħdan il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kunsill tal-FSE, tar-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, u tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024.

(2)

Skont l-Artikoli 104 u 106 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE u l-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, rispettivament, huma stabbiliti mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 104(3) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(4)

Skont l-Artikoli 105(3) u 120 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE għandu jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi.

(5)

Skont l-Artikolu 107(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-FSE u fi ħdan il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, peress li d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura rispettivi tagħhom, u r-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-FSE u fi ħdan il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura, u r-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi rispettivi tagħhom tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ Deċiżjonijiet rispettivi tal-Kunsill tal-FSE u tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-FSE, stabbilit skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-FSE rigward ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, stabbilit skont l-Artikolu 106 tal-Ftehim fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (ĠU L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj).


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUNSILL TAL-FSE STABBILIT BIL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA (FSE) BEJN L-UNJONI EWROPEA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TAL-KENJA, MEMBRU TAL-KOMUNITÀ TAL-AFRIKA TAL-LVANT, MIN-NAĦA L-OĦRA,

ta’ …

fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), iffirmat f’Nairobi fit-18 ta’ Diċembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikolu 104 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE huwa stabbilit fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(2)

Skont l-Artikolu 104(3) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE għandu jistabbilixxi Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-FSE huma stabbiliti kif jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill tal-FSE

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj.

ANNESS

Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-FSE stabbilit bl-Artikolu 104 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Ir-rwol tal-Kunsill tal-FSE

Il-Kunsill tal-FSE stabbilit skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra, (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmija f’dak l-Artikolu.

Artikolu 2

Il-Kompożizzjoni u l-Presidenza

1.   Il-Kunsill tal-FSE huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Kenja fil-livell ministerjali jew il-persuni ddeżinjati minnhom.

2.   Il-Kunsill tal-FSE għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-kummerċ għall-Unjoni Ewropea, u mis-Segretarju tal-Kabinett rilevanti responsabbli għall-kummerċ internazzjonali għar-Repubblika tal-Kenja (il-“Kopresidenti”).

Artikolu 3

Segretarjat

1.   L-uffiċjali mid-dipartiment responsabbli għall-kummerċ internazzjonali għal kull Parti għandhom jaġixxu flimkien bħala Segretarjat tal-Kunsill tal-FSE (“is-Segretarjat”).

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li huwa l-membru tas-Segretarjat tal-Kunsill tal-FSE (is-“Segretarju”) għal dik il-Parti. Dak l-uffiċjal huwa meqjus li jkompli jaġixxi bħala Segretarju għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bil-ħatra ta’ Segretarju ġdid.

Artikolu 4

Laqgħat

1.   Skont l-Artikolu 104(5) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari, li ma jaqbżux perjodu ta’ sentejn, u b’mod straordinarju, kull meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, bil-qbil tal-Partijiet.

2.   Il-laqgħat għandhom isiru f’data u ħin miftiehma b’mod alternat fi Brussell u f’Nairobi, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kopresidenti.

3.   Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

4.   Laqgħa tista’ ssir wiċċ imb wiċċ, b’vidjokonferenza jew bi kwalunkwe mezz ieħor kif miftiehem mill-Partijiet.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet

Is- Segretarju għal kull Parti għandu, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel laqgħa, jinforma lis-Segretarju tal-Parti l-oħra dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Kenja, rispettivament. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

Artikolu 6

Aġenda tal-laqgħat

1.   Mill-inqas 21 jum qabel laqgħa, is-Segretarju tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa għandu jibgħat proposta għal aġenda proviżorja lill-Parti l-oħra, bi skadenza biex jipprovdi l-kummenti. Mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħa, is-Segretarjat għandu jfassal l-aġenda proviżorja, filwaqt li jqis il-kummenti mogħtija.

2.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-FSE fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti li ma jidhrux fl-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fl-aġenda bi ftehim reċiproku.

Artikolu 7

Stedina ta’ esperti

Il-kopresidenti jistgħu, bi ftehim reċiproku, jistiednu esperti (jiġifieri uffiċjali mhux governattivi) biex jattendu l-laqgħat tal-Kunsill tal-FSE sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi u biss għall-partijiet tal-laqgħa fejn jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.

Artikolu 8

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mis-Segretarju tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 15-il jum wara li tkun intemmet il-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kopresidenti. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lis-Sefretarju tal-Parti l-oħra.

2.   Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jiġbru fil-qosor kull punt fuq l-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:

(a)

id-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kunsill tal-FSE;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-Kopresidenti talab li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll

(c)

id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3.   Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill tal-FSE, meħuda bi proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 9(2), mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-FSE.

4.   Anness għall-minuti għandu jinkludi lista tal-ismijiet, it-titoli u l-kapaċità tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kunsill tal-FSE.

5.   Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti abbażi tal-kummenti riċevuti u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew sa kwalunkwe data oħra miftiehma mill-Kopresidenti. Ladarba approvati, is-Segretarjat għandu jistabbilixxi żewġ verżjonijiet oriġinali tal-minuti, u kull Parti għandha tirċievi verżjoni oriġinali waħda tal-minuti.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill tal-FSE jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fejn il-Ftehim jipprevedi dan. Il-Kunsill tal-FSE għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku, kif previst fl-Artikolu 105(1) tal-Ftehim.

2.   Fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kunsill tal-FSE jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.   It-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn Kopresident lill-Kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill tal-FSE permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Il-Parti l-oħra għandha jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti proponenti, biex tesprimi l-qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Jekk il-Parti l-oħra ma tesprimix il-qbil tagħha, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-FSE. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li jkunu ġew adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-qbil tagħha u għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tal-FSE skont l-Artikolu 8(3).

4.   Meta l-Kunsill tal-FSE jingħata s-setgħa skont il-Ftehim li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” jew“Rakkomandazzjoni”. Is-Segretarjat tal-Kunsill tal-FSE għandu jagħti lil kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni numru tas-serje progressiv, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprovdi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill tal-FSE għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji, awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi lil kull Parti.

Artikolu 10

Trasparenza

1.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jiltaqgħu fil-pubbliku.

2.   Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-FSE fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.   Id-dokumenti kollha ppreżentati minn Parti jenħtieġ li jitqiesu bħala kunfidenzjali, sakemm dik il-Parti ma tiddeċidix mod ieħor.

4.   L-aġendi proviżorji tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi qabel ma ssir il-laqgħa tal-Kunsill tal-FSE. Il-minuti tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi wara l-approvazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 8.

5.   Il-publikazzjoni tad-dokumenti msemmija skont il-paragrafi 2 sa 4 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data ta’ kull Parti.

Artikolu 11

Lingwi

1.   Il-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill tal-FSE għandha tkun l-Ingliż.

2.   Il-Kunsill tal-FSE għandu jadotta deċiżjonijiet dwar l-emendar tal-Ftehim fil-lingwi tat-testi awtentiċi tal-Ftehim. Id-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Kunsill tal-FSE, inkluż dik li permezz tagħha jiġu adottati dawn ir-regoli ta’ proċedura kif ukoll kwalunkwe emenda sussegwenti adottata f’konformità mal-Artikolu 13, għandhom jiġu adottati fil-lingwa ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

3.   Kull Parti għandha tkun responsabbli għat-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet u dokumenti oħra fil-lingwa/i uffiċjali tagħha stess, fejn rilevanti, u għandha tkopri l-infiq assoċjat ma’ tali traduzzjonijiet.

Artikolu 12

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tal-FSE, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza u fir-rigward tan-nefqa fuq vidjokonferenzi jew telekonferenzi, posta u telekomunikazzjoni.

2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

3.   In-nefqa marbuta mal-forniment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni lejn u mil-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill tal-FSE fil-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 13

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-FSE skont l-Artikolu 9.


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUNSILL TAL-FSE STABBILIT BIL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA (FSE) BEJN L-UNJONI EWROPEA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TAL-KENJA, MEMBRU TAL-KOMUNITÀ TAL-AFRIKA TAL-LVANT, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

rigward ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi

IL-KUNSILL TAL-FSE

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), iffirmat f’Nairobi fit-18 ta’ Diċembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikoli 105 u 120 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE huwa stabbilit fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(2)

Skont l-Artikolu 105(3) u l-Artikolu 120 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-FSE għandu jistabbilixxi Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi huma stabbiliti kif stipulat fl-Annessi 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fd-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill tal-FSE

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj.

ANNESS 1

Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim

I.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet tal-Parti VII (l-Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim, u dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“konsulent” tfisser individwu miżmum minn Parti biex jagħti pariri jew jassisti lil dik il-Parti b’rabta ma’ proċedura ta’ arbitraġġ;

(b)

“arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ;

(c)

“assistent” tfisser individwu li, skont it-termini tal-ħatra u skont id-direzzjoni u l-kontroll ta’ arbitru, iwettaq riċerka jew jassisti lil dak l-arbitru;

(d)

“il-Parti lmentatriċi” tfisser il-Parti li titlob l-istabbiliment ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 112 (Bidu tal-Proċedura ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim;

(e)

“medjatur” tfisser individwu li jkun intgħażel bħala medjatur f’konformità mal-Artikolu 111 (Medjazzjoni) tal-Ftehim;

(f)

“Parti li kontriha jkun sar l-ilment” tfisser il-Parti li allegatament tkun qed tikser dispożizzjoni koperta mill-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim (minn hawn “il quddiem imsejħa “dipożizzjoni koperta”).

II.   Notifiki

2.

Kwalunkwe talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor (minn hawn “il quddiem imsejħin “notifika”) ta’:

(a)

il-bord ta’ arbitraġġ għandhom jintbagħtu liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin;

(b)

Parti, indirizzata lill-bord ta’ arbitraġġ għandhom jiġu kkupjati lill-Parti l-oħra fl-istess ħin; kif ukoll

(c)

Parti, indirizzati lill-Parti l-oħra għandhom jiġu kkupjati lill-bord ta’ arbitraġġ fl-istess ħin.

3.

Kull notifika għandha ssir permezz tal-posta elettronika jew, fejn xieraq, b’kull mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni li jipprovdi rekord li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, tali notifika għandha titqies li ġiet ikkonsenjata fl-istess jum li tkun intbagħtet.

4.

In-notifiki għandhom jiġu indirizzati lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ għall-Unjoni Ewropea, u lid-dipartiment responsabbli għall-kummerċ internazzjonali tar-Repubblika tal-Kenja, rispettivament.

5.

Żbalji żgħar ta’ natura klerikali f’notifika relatata ma’ proċedura ta’ arbitraġġ jistgħu jiġu kkoreġuti bil-konsenja ta’ dokument ġdid li jindika l-bidliet b’mod ċar.

6.

Jekk l-iaħħar jum għall-konsenja ta’ dokument jaħbat f’jum mhux tax-xogħol għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew għall-gvern tar-Repubblika tal-Kenja, il-perjodu ta’ żmien għall-konsenja tad-dokument għandu jintemm fl-ewwel jum tax-xogħol li jmiss.

III.   Ħatra tal-arbitri

7.

Jekk skont l-Artikolu 113 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) tal-Ftehim, arbitru jintgħażel bil-polza, il-Kopresident tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja tal-Parti lmentatriċi għandu jinforma minnufih lill-Kopresident tal-Kumitat ta’ Uffiċċjali Għolja tal-Parti li kontriha jkun sar l-ilment bid-data, il-ħin u l-post tal-għażla bil-polza. Il-Parti li kontriha jsir l-ilment tista’, jekk tagħżel hekk, tkun preżenti meta tittella’ dik il-polza. L-għażla għandha ssir bil-Parti jew bil-Partijiet li jkunu preżenti.

8.

Il-Kopresident tal-Kumitat ta’ Uffiċċjali Għolja tal-Parti lmentatriċi għandu jinnotifika, bil-miktub, lil kull individwu li jkun intgħażel biex iservi bħala arbitru dwar l-għażla tiegħu. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-konsenja ta’ tali notifika.

9.

L-arbitri għandhom jaċċettaw il-ħatra tagħhom billi jiffirmaw il-kuntratti tal-ħatra. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 112 (Bidu tal-Proċedura ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li, sa mhux aktar tard miż-żmien li l-arbitri magħżula kollha jkunu kkonfermaw id-disponibbiltà tagħhom, ikunu qablu dwar ir-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tal-arbitri u l-assistenti, u jkunu ħejjew il-kuntratti ta’ ħatra meħtieġa, bil-ħsieb li jiġu ffirmati minnufih. Ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards tad-WTO. Ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż ta’ assistent jew tal-assistenti ta’ arbitru ma għandhomx jaqbżu l-50 % tar-remunerazzjoni ta’ dak l-arbitru.

IV.   Laqgħa organizzazzjonali

10.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord ta’ arbitraġġ fi żmien sebat ijiem mill-istabbiliment tiegħu biex jiddeterminaw kwistjonijiet bħal dawn kif il-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inkluż l-iskeda tal-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ. L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f’din il-laqgħa permezz ta’ kwalunkwe mezz, inkluż bit-telefon, permezz ta’ vidjokonferenza jew mezzi elettroniċi oħra ta’ komunikazzjoni.

V.   Termini ta’ referenza

11.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor fi żmien ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, it-termini ta’ referenza tal-bord għandhom ikunu:

“li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FSE bejn l-UE u l-Kenja ċċitati mill-Partijiet, il-kwistjoni msemmija fit-talba tal-bord tal-arbitraġġ, li jagħmel sejbiet dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet koperti u l-konformità tal-miżura inkwistjoni ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, u li jippreżenta rapport f’konformità mal-Artikoli 114 (Rapport tal-Bord Interim) u 115 (Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ) ta’ dak il-Ftehim.”

12.

Jekk il-Partijiet jaqblu dwar termini ta’ referenza oħra, huma għandhom jinnotifikaw it-termini ta’ referenza miftiehma lill-bord tal-arbitraġġ fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-Regola 11.

VI.   Sottomissjonijiet bil-miktub

13.

Il-Parti li tilmenta għandha tippreżenta s-sottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tat-twaqqif tal-bord ta’ arbitraġġ. Il-Parti li kontriha jsir l-ilment għandha tippreżenta s-sottomissjoni bil-miktub tagħha mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data li fiha tkun irċeviet is-sottomissjoni bil-miktub tal-Parti lmentatriċi.

VII.   L-operat tal-bord ta’ arbitraġġ

14.

Il-president tat-tribunal tal-arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jiddelega l-awtorità lill-president biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

15.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim jew f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ kwalunkwe mezz, inkluż it-telefown, il-konferenza bil-vidjo jew mezzi elettroniċi oħra ta’ komunikazzjoni.

16.

L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord ta’ arbitraġġ, iżda l-bord ta’ arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu biex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

17.

L-abbozzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni u rapport għandu jibqa’ r-responsabbiltà esklussiva tal-bord ta’ arbitraġġ u ma għandux jiġi ddelegat.

18.

Meta tinqala’ kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mit-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim jew minn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, il-bord tal-arbitraġġ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, jista’ jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

19.

Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jiżgura soluzzjoni fil-pront tat-tilwima. Jekk il-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm bżonn li jiġi modifikat xi wieħed mill-perjodi ta’ żmien għall-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ għajr il-perjodi ta’ żmien stabbiliti fit-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim jew li jsir kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma lill-Partijiet bil-miktub bir-raġunijiet għall-modifika jew l-aġġustament u bil-perjodu ta’ żmien jew l-aġġustament meħtieġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jadotta l-modifika jew l-aġġustament wara konsultazzjoni mal-Partijiet.

VIII.   Sostituzzjoni

20.

Jekk Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi u għal dik ir-raġuni għandu jiġi sostitwit, dik il-Parti jenħtieġ li tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum mid-data li fiha tkun kisbet biżżejjed evidenza tal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-arbitru ma’ dawk ir-rekwiżiti.

21.

Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika msemmija fir-Regola 20. Dawn għandhom jinfurmaw lill-arbitru dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità u jistgħu jitolbu lill-arbitru biex jieħu passi biex jirrimedjah. Huma jistgħu wkoll, jekk jaqblu, ineħħu l-arbitru u jagħżlu arbitru ġdid skont l-Artikolu 113 (Stabbiliment tal-Bord tal-Arbitraġġ) tal-Ftehim.

22.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel arbitru, għajr il-president tal-bord ta’ arbitraġġ, kwalunkwe Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord ta’ arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun finali.

Jekk il-president tal-bord tal-arbitraġġ isib li l-arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, l-arbitru għandu jitneħħa u għandu jintgħażel arbitru ġdid sf’konformità mal-Artikolu 113 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) tat-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim.

23.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president, kwalunkwe Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lil wieħed mill-individwi l-oħra fis-sublista rilevanti ta’ presidenti stabbilita skont l-Artikolu 125 (Lista ta’ Arbitri) tal-Ftehim. Ismu jew isimha għandu jittella’ bil-polza mill-Kopresident tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja mill-Parti rikjedenti, jew mid-delegat tal-Kopresident. Id-deċiżjoni tal-persuna magħżula dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun finali. Jekk dik il-persuna ssib li l-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi, il-president għandu jitneħħa u għandu jintgħażel president ġdid f’konformità mal-Artikolu 113 (Stabbiliment tal-Bord tal-Arbitraġġ) tal-Ftehim.

IX.   Seduti ta’ Smigħ

24.

Fuq il-bażi tal-iskeda stabbilita skont ir-Regola 10, wara konsultazzjoni mal-Partijiet u mal-arbitri l-oħra, il-president tal-bord ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku mill-Parti fejn issir is-seduta ta’ smigħ.

25.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta’ smigħ għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti lmentatriċi tkun ir-Repubblika tal-Kenja u f’Nairobi jekk il-Parti lmentatriċi tkun l-Unjoni Ewropea. Il-Parti li kontriha jsir l-ilment għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta’ smigħ u tħallas l-ispejjeż tas-seduta tas-smigħ.

26.

Minkejja r-Regola 25, il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jiddeċiedi, fuq talba ta’ Parti, li jorganizza seduta ta’ smigħ virtwali jew ibrida u jagħmel arranġamenti xierqa, filwaqt li jqis id-drittijiet ta’ proċess ġust u l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza f’konformità mar-Regoli 40 sa 43.

27.

It-tribunal tal-arbitraġġ jista’ jitlob li jkun hemm seduti addizzjonali jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

28.

L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti tul is-seduti kollha.

29.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu s-seduta ta’ smigħ, irrispettivament minn jekk is-seduta ta’ smigħ tkunx miftuħa għall-pubbliku jew le:

(a)

rappreżentanti u konsulenti ta’ Parti; kif ukoll

(b)

assistenti, interpreti u persuni oħra li l-preżenza tagħhom tkun meħtieġa mill-bord.

30.

Sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta’ seduta ta’ smigħ, kull Parti għandha tagħti lill-bord ta’ arbitraġġ u lill-Parti l-oħra lista ta’ ismijiet tal-persuni li jkunu se jippreżentaw argumenti jew preżentazzjonijiet orali fis-seduta ta’ smigħ f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti u konsulenti oħra li jkunu se jattendu s-seduta ta’ smigħ.

31.

Il-bord tal-arbitraġġ għandu jiżgura li l-Partijiet jiġu ttrattati fuq l-istess livell u jingħataw biżżejjed żmien biex jippreżentaw l-argumenti tagħhom.

32.

Il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jindirizza direttament mistoqsijiet lil kwalunkwe miż-żewġ Partijiet f’kull ħin matul is-seduta ta’ smigħ.

33.

Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jara li r-reġistrazzjoni tas-seduta ta’ smigħ tingħata lill-Partijiet mill-aktar fis possibbli wara s-seduta ta’ smigħ.

34.

Kull Parti tista’ tagħmel sottomissjoni supplimentari bil-miktub dwar kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta ta’ smigħ fi żmien 10 ijiem mid-data tas-seduta ta’ smigħ.

X.   Mistoqsijiet bil-miktub

35.

Il-bord ta’ arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kwalunkwe mistoqsija sottomessa lil waħda mill-Partijiet għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra.

36.

Parti għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra b’kopja tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-bord ta’ arbitraġġ. Il-Parti l-oħra għandu jkollha l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar dik ir-risposta fi żmien ħamest ijiem mill-konsenja ta’ dik il-kopja.

XI.   Sospensjoni u terminazzjoni

37.

Fuq it-talba tal-Parti lmentatriċi, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jissospendi l-ħidma tiegħu fi kwalunkwe ħin għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar konsekuttivi. Fuq it-talba taż-żewġ Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ għandu jissospendi l-ħidma tiegħu fi kwalunkwe ħin għal perjodu miftiehem mill-Partijiet u li ma jaqbiżx it-12-il xahar konsekuttivi.

38.

Il-bord tal-arbitraġġ għandu jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni fuq it-talba taż-żewġ Partijiet. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni fuq it-talba tal-Parti lmentatriċi. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni fuq talba tal-Parti konvenuta jekk is-sospensjoni tkun intalbet miż-żewġ Partijiet. Il-Parti rikjedenti għandha tibgħat notifika lill-Parti l-oħra kif xieraq. Jekk il-bord tal-arbitraġġ ma jerġax jibda l-ħidma tiegħu mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni skont din ir-Regola, l-awtorità tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiskadi, u l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tintemm.

39.

Jekk il-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ tiġi sospiża, il-perjodi ta’ żmien rilevanti stabbiliti fit-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim għandhom jiġu estiżi bl-istess perjodu ta’ żmien li għalih tkun ġiet sospiża l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ.

XII.   Kunfidenzjalità

40.

Kull Parti u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni li tikkwalifika bħala kunfidenzjali skont ir-Regola 41. Jekk Parti tagħmel preżentazzjoni bil-miktub lill-bord ta’ arbitraġġ li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, għandha tipprovdi wkoll sottomissjoni mingħajr l-informazzjoni kunfidenzjali, li għandha ssir pubblika.

41.

Informazzjoni kunfidenzjali tikkonsisti minn:

(a)

informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali;

(b)

informazzjoni li hija protetta mili ssir disponibbli għall-pubbliku skont il-Ftehim;

(c)

informazzjoni li hija protetta biex ma ssirx disponibbli għall-pubbliku, fil-każ ta’ informazzjoni mill-Parti li tilmenta, skont il-liġi tal-Parti li tilmenta, u fil-każ ta’ informazzjoni mill-Parti li kontriha jkun sar l-ilment, skont il-liġi tal-Parti li kontriha jkun sar l-ilment; jew

(d)

informazzjoni li l-iżvelar tagħha jimpedixxi l-infurzar tal-liġi.

42.

Jekk il-Partijiet ma jaqblux dwar jekk l-informazzjoni tikkwalifikax bħala kunfidenzjali, il-bord ta’ arbitraġġ għandu jiddeċiedi, fuq it-talba ta’ Parti, wara konsultazzjoni mal-Partijiet.

43.

Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’seduta magħluqa jekk is-sottomissjoni u l-argumenti ta’ xi Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir fil-magħluq.

XIII.   Trasparenza

44.

Kull Parti għandha tippubblika minnufih:

(a)

talba għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 110(2) (Konsultazzjonijiet) tal-Ftehim;

(b)

talba mill-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 112 (Bidu tal-Proċedura ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim;

(c)

id-data tat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 113(5) (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) tal-Ftehim, il-limitu taż-żmien għas-sottomissjonijiet amicus curiae stabbilit mill-bord skont ir-Regola 51 (a), u l-lingwa ta’ ħidma għall-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ stabbilita f’konformità mar--Regoli 55 jew 56;

(d)

is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħha fil-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ;

(e)

soluzzjoni miftiehma reċiprokament skont l-Artikolu 119 (Soluzzjoni Miftiehma Reċiprokament) tal-Ftehim; u

(f)

ir-rapporti u d-deċiżjonijiet finali tal-bord tal-arbitraġġ.

45.

Kwalunkwe smigħ tal-bord tal-arbitraġġ għandu jkun miftuħ għall-pubbliku.

46.

Persuni fiżiċi ta’ Parti jew persuni ġuridiċi stabbiliti f’Parti jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet amicus curiae lill-bord tal-arbitraġġ skont ir-Regola 51.

47.

Ir-Regoli 44 u 45 għandhom ikunu soġġetti għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali kif stabbilit fir-Regoli 40 sa 43.

XIV.   Kuntatti ex parte

48.

It-tribunal tal-arbitraġġ ma għandux jiltaqa’ jew jikkomunika ma’ Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

49.

Arbitru ma għandu jiddiskuti l-ebda aspett tas-suġġett tal-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fin-nuqqas tal-arbitri l-oħra.

50.

Parti ma għandu jkollha l-ebda kuntatt ma’ arbitru. Kwalunkwe kuntatt bejn Parti u persuna li tkun qed tiġi kkunsidrata għall-għażla bħala arbitru għandu jkun limitat għal kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà ta’ dik il-persuna u l-kuntratt tal-ħatra.

XV.   Sottomissjonijiet amicus curiae

51.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ, il-bord ta’ arbitraġġ jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba minn persuni fiżiċi ta’ Parti jew minn persuni ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta’ Parti li jkunu indipendenti mill-gvernijiet tal-Partijiet (minn hawn “il quddiem imsejħa “sottomissjonijiet amicus curiae”), dment li dawn:

(a)

jaslu għand il-bord tal-arbitraġġ sa data stabbilita mill-bord tal-arbitraġġ u li ma għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita għall-ewwel sottomissjoni bil-miktub tal-Parti li kontriha jkun sar l-ilment;

(b)

ikunu konċiżi, u fi kwalunkwe każ ma jkunux itwal minn 15-il paġna, inkluż kwalunkwe anness, u ttajpjati bi spazju doppju;

(c)

huma direttament rilevanti għal kwistjoni fattwali jew legali li tkun qed tiġi kkunsidrata mill-bord tal-arbitraġġ;

(d)

ikun fihom deskrizzjoni tal-persuna li tkun qed tagħmel is-sottomissjoni, inkluż, jekk applikabbli, in-nazzjonalità jew il-post tal-istabbiliment ta’ dik il-persuna, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus legali tagħha, l-objettivi ġenerali tagħha, is-sors tal-finanzjament tagħha u kwalunkwe entità ta’ kontroll;

(e)

jispeċifikaw in-natura tal-interess li l-persuna għandha fil-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ; kif ukoll

(f)

jiġu abbozzati fil-lingwa ta’ ħidma determinata skont ir-Regoli 55 jew 56.

52.

Is-sottomissjonijiet amicus curiae għandhom jintbagħtu lill-Partijiet għall-kummenti. Il-Partijiet jistgħu jippreżentaw il-kummenti, fi żmien għaxart ijiem wara d-data tal-konsenja tagħhom lill-Partijiet.

53.

Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jelenka fir-rapport tiegħu s-sottomissjonijiet amicus curiae kollha li jkun irċieva skont ir-Regola 51. Il-bord ta’ arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza fir-rapport tiegħu l-argumenti li jkunu saru f’dawk is-sottomissjonijiet. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jindirizza argumenti li jsiru fih, huwa għandu jqis ukoll kwalunkwe kumment magħmul mill-Partijiet skont ir-Regola 52.

XVI.   Każijiet urġenti

54.

F’każijiet ta’ urġenza kif imsemmi fil-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim, il-bord tal-arbitraġġ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, għandu jaġġusta, kif xieraq, il-perjodi ta’ żmien stabbiliti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Il-bord ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet b’tali aġġustamenti.

XVII.   Lingwa ta’ ħidma u traduzzjoni

55.

Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 110 (Konsultazzjonijiet) tal-Ftehim, u mhux aktar tard mil-laqgħa organizzattiva msemmija fir-Regola 10, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni għall-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ.

56.

Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, il-lingwa li biha jkun ġie nnegozjat il-Ftehim għandha tkun il-lingwa ta’ ħidma għall-proċedura tal-bord ta’ arbitraġġ.

57.

Ir-rapporti u d-deċiżjonijiet tal-bord ta’ arbitraġġ għandhom jinħarġu fil-lingwa ta’ ħidma.

58.

Jekk Parti tissottometti dokument b’lingwa li ma tkunx il-lingwa ta’ ħidma, hija għandha fl-istess ħin tissottometti traduzzjoni tiegħu fil-lingwa tal-ħidma bi spejjeż tagħha stess.

XVIII.   Perjodi ta’ żmien

59.

Il-perjodi ta’ żmien kollha stabbiliti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum ta’ wara l-att li jirreferu għalih, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

60.

Kwalunkwe perjodu ta’ żmien stabbilit f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jista’ jiġi modifikat bi qbil reċiproku tal-Partijiet.

61.

Il-bord jista’ fi kwalunkwe ħin jipproponi lill-Partijiet biex jimmodifikaw kwalunkwe perjodu ta’ żmien stabbilit f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, filwaqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet għal tali proposta.

XIX.   Kostijiet

62.

Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-bord tal-arbitraġġ.

63.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, il-Partijiet għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-ispejjeż għal kwistjonijiet organizzattivi, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri, u jaqsmuhom b’mod ugwali.

XX.   Proċeduri oħra

64.

Il-perjodi ta’ żmien stabbiliti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-perjodi ta’ żmien speċjali previsti għall-preżentazzjoni ta’ rapport jew deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 115 (Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ), l-Artikolu 116 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda biex Tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ), l-Artikolu 117 (Rimedji Temporanji f’każ ta’ Nuqqas ta’ Konformità) u l-Artikolu 118 (Rieżami ta’ Kwalunkwe Miżura Meħuda biex Tikkonforma wara l-Adozzjoni ta’ Miżuri Approprjati) tat-Titolu II (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim (Soluzzjoni tat-Tilwim).

XXI.   Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi

65.

Il-Kunsill tal-FSE jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi.

ANNESS 2

Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri u l-Medjaturi

I.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kandidat” tfisser individwu li jkun qed jiġi kkunsidrat għall-għażla bħala arbitru skont l-Artikolu 113 (Stabbiliment tal-Bord tal-Arbitraġġ) jew l-Artikolu 125 (Lista ta’ Arbitri) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim;

(b)

“medjatur” tfisser individwu li jkun intgħażel bħala medjatur f’konformità mal-Artikolu 111 (Medjazzjoni) tal-Parti VII (Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim; u

(c)

“arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ.

II.   Prinċipji regolatorji

2.

Sabiex jiġu ppreservati l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-kandidati u larbitri għandhom:

(a)

jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta;

(b)

ikunu indipendenti u imparzjali;

(c)

jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess dirett jew indirett;

(d)

jevitaw kondotta mhux xierqa jew preġudizzju u dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew preġudizzju;

(e)

josservaw standards għoljin ta’ kondotta;

(f)

ma jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni jew gvern fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim; u

(g)

ma jkunux influwenzati mill-interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, lealtà lejn xi Parti jew biża’ mill-kritika.

3.

L-arbitri ma għandhomx jidħlu, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċettaw xi benefiċċju li jista’ b’xi mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, fit-twettiq xieraq ta’ dmirijiethom.

4.

L-arbitri ma għandhomx jużaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-bord tal-arbitraġġ biex javvanzaw xi interessi personali jew privati. L-arbitri għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu l-impressjoni li oħrajn huma f’pożizzjoni speċjali biex jinfluwenzawhom.

5.

L-arbitri ma għandhomx iħallu relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, familjari jew soċjali passati jew preżenti jinfluwenzaw il-kondotta jew il-ġudizzju tagħhom.

6.

L-arbitri għandhom jevitaw li jidħlu fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwistaw kwalunkwe interess finanzjarju li x’aktarx jaffettwa l-imparzjalità tagħhom jew li jista’ raġonevolment joħloq dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew preġudizzju.

III.   Obbligi ta’ divulgazzjoni

7.

Qabel l-aċċettazzjoni tal-ħatra tagħhom bħala Arbitru skont l-Artikolu 113 (It-Twaqqif tal-Bord tal-Arbitraġġ) tal-Ftehim, il-kandidati li jintalbu jservu bħala arbitru għandhom jirċievu kopja ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta u jiżvelaw kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni passata jew preżenti li x’aktarx taffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom jew li tista’ toħloq b’mod raġonevoli dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew preġudizzju. Għal dak l-għan, il-kandidati għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex isiru konxji ta’ kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni bħal dawn.

8.

L-obbligu ta’ divulgazzjoni huwa dmir kontinwu li jirrikjedi li l-arbitri jagħmlu sforzi raġonevoli f’kull ħin biex isiru konxji ta’ kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fil-paragrafu 7 li tista’ tinqala’ matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, u li jiddivulgawh mill-aktar fis possibbli li jsiru jafu bih.

9.

Il-kandidati u l-arbitri għandhom jikkomunikaw kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna ksur attwali jew potenzjali ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta lill-Partijiet għall-konsiderazzjoni tagħhom.

IV.   Dmirijiet tal-Arbitri

10.

Mal-aċċettazzjoni tal-ħatra tagħhom, l-arbitri għandhom ikunu disponibbli biex iwettqu u għandhom iwettqu dmirijiethom bir-reqqa, malajr u b’mod ġust u b’diliġenza matul il-proċedimenti.

11.

L-arbitri għandhom jikkunsidraw biss il-kwistjonijiet imqajma fil-proċedimenti u meħtieġa għal deċiżjoni jew rapport. Huma m’għandhomx jiddelegaw dak id-dmir lil xi persuna oħra.

12.

L-assistenti għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti għall-arbitri fil-Partijiet II (Prinċipji ta’ Tmexxija), III (Obbligi ta’ divulgazzjoni) u VII (Kunfidenzjalità) mutatis mutandis. L-arbitri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa biex jiżguraw li l-assistenti tagħhom ikunu konxji ta’ dawk l-obbligi u li jikkonformaw magħhom.

V.   Dmirijiet tal-kandidati potenzjali

13.

L-individwi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 125 (Lista ta’ Arbitri) tal-Ftehim tal-Ftehim għandhom josservaw standards għoljin ta’ kondotta u jevitaw kondotta mhux xierqa jew id-dehra tagħha. L-individwi inklużi, jew ikkunsidrati għall-inklużjoni, f’dik il-lista għandhom jikkomunikaw lill-Partijiet mingħajr dewmien kwalunkwe kwistjoni li tista’ tiġġustifika kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

VI.   Obbligi ta’ Arbitri Preċedenti

14.

Arbitri preċedenti għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu d-dehra li kienu preġudikati fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew li ħadu vantaġġ minn kwalunkwe deċiżjoni jew rapport tal-bord ta’ arbitraġġ.

15.

Arbitri preċedenti għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Parti VII (Kunfidenzjalità) ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta.

VII.   Kunfidenzjalità

16.

L-arbitri ma għandhomx jiżvelaw jew jużaw, fi kwalunkwe ħin, kwalunkwe informazzjoni mhux pubblika dwar il-proċedimenti jew miksuba matul il-proċedimenti li għalihom ikunu nħatru, ħlief għall-finijiet ta’ dawk il-proċedimenti. B’mod partikolari, ma għandhomx jiżvelaw jew jużaw tali informazzjoni biex jiksbu vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn, jew biex jaffettwaw b’mod negattiv l-interess ta’ oħrajn.

17.

L-arbitri ma għandhomx jiżvelaw deċiżjoni jew rapport tal-bord tal-arbitraġġ jew ta’ partijiet minnhom qabel il-pubblikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu XIII (Trasparenza) tar-Regoli ta’ Proċedura għas-Soluzzjoni tat-Tilwim.

18.

L-arbitri ma għandhom, fl-ebda ħin, jiżvelaw id-deliberazzjonijiet ta’ bord tal-arbitraġġ, jew il-fehma ta’ xi arbitru, u lanqas ma għandhom jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar il-proċedimenti li għalihom ikunu nħatru jew dwar il-kwistjonijiet ikkontestati fil-proċedimenti.

VIII.   Spejjeż

19.

L-arbitri għandhom iżommu rekord u jagħtu rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedimenti u tal-ispejjeż tagħhom, kif ukoll tal-ħin u l-ispejjeż ta’ assistent, jekk applikabbli.

IX.   Medjaturi

20.

Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu japplika għall-medjaturi, mutatis mutandis.

ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUMITAT TA’ UFFIĊJALI GĦOLJA STABBILIT BIL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA (FSE) BEJN L-UNJONI EWROPEA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TAL-KENJA, MEMBRU TAL-KOMUNITÀ TAL-AFRIKA TAL-LVANT, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’…

fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT TA’ UFFIĊJALI GĦOLJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), iffirmat f’Nairobi fit-18 ta’ Diċembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikoli 106 u 107 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 106(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja huwa stabbilit fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(2)

Skont l-Artikolu 107(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja

Għall-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L, 2024/1648, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1648/oj.

ANNESS

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja stabbilit bl-Artikolu 106 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja

Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja stabbilit skont l-Artikolu 106 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kenja, Membru tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra, (minn hawn “il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 106(5) tal-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Kompożizzjoni u l-Presidenza

1.   Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Kenja u kopresedut minnhom, f’konformità mal-Artikolu 106 tal-Ftehim, jew minn dawk iddeżinjati minnhom.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal għoli jew tas-Segretarju Prinċipali li jkun inkarigat mill-kopresidenza tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għal dik il-Parti (il-“Kopresident”). Dak l-uffiċjal għoli jew Segretarju Prinċipali jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta l-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bil-ħatra ta’ Kopresident ġdid.

Artikolu 3

Segretarjat

1.   L-uffiċjali mid-dipartiment responsabbli għall-Kummerċ għal kull Parti għandhom jaġixxu flimkien bħala Segretarjat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja. (“is-Segretarjat”)

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja (is-Segretarju) għal dik il-Parti. Dak l-uffiċjal huwa meqjus li jkompli jaġixxi bħala Segretarju għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bil-ħatra ta’ Segretarju ġdid.

Artikolu 4

Laqgħat

1.   Skont l-Artikolu 106(3) tal-Ftehim, u soġġett għal kwalunkwe ordni li tista’ tingħata mill-Kunsill tal-FSE, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u jista’ jorganizza laqgħat straordinarji kull meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, fi kwalunkwe ħin miftiehem mill-Partijiet. Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jiltaqa’ wkoll qabel il-laqgħat tal-Kunsill tal-FSE.

2.   Il-laqgħat għandhom isiru f’data u ħin miftiehma fi Brussell u f’Nairobi b’mod alternat, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kopresidenti.

3.   Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-kKopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

4.   Laqgħa tista’ ssir wiċċ imb wiċċ, b’vidjokonferenza jew bi kwalunkwe mezz ieħor kif miftiehem mill-Partijiet.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet

Is-Segretarju għal kull Parti għandu, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel laqgħa, jinforma lis-Segretarju tal-Parti l-oħra dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Kenja, rispettivament. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

Artikolu 6

Aġenda tal-laqgħat

1.   Mill-inqas 21 jum qabel laqgħa, is-Segretarju tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa għandu jibgħat proposta għal aġenda proviżorja lill-Parti l-oħra, bi skadenza biex jipprovdi kummenti. Mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħa, is-Segretarjat għandu jfassal l-aġenda proviżorja, filwaqt li jqis il-kummenti mogħtija.

2.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti li ma jidhrux fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda bi qbil reċiproku.

Artikolu 7

Stedina ta’ esperti

Il-Kopresidenti jistgħu, bi ftehim reċiproku, jistiednu esperti (jiġifieri uffiċjali mhux governattivi) biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi u biss għall-partijiet tal-laqgħa fejn jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.

Artikolu 8

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mis-Segretarju tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 15-il jum mit-tmiem tal-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kopresidenti. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.

2.   Fejn dawn ir-regoli japplikaw għal-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati jew tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, il-minuti tal-laqgħat ta’ dawk il-kumitati għandhom isiru disponibbli għal kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja jew tal-Kunsill tal-FSE, kif xieraq.

3.   Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jiġbru fil-qosor kull punt fuq l-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:

(a)

id-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-Kopresidenti jkun talab li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll

(c)

id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

4.   Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja meħuda bi proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 9(2), mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja.

5.   Anness għall-minuti għandu jinkludi wkoll lista tal-ismijiet, it-titoli u l-kapaċità tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja.

6.   Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti abbażi tal-kummenti riċevuti u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew sa kwalunkwe data oħra miftiehma mill-Kopresidenti. Ladarba approvati, is- żewġ verżjonijiet oriġinali tal-minuti għandhom jiġu stabbiliti mis-Segretarjat u kull Parti għandha tirċievi verżjoni waħda oriġinali tal-minuti.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fejn il-Ftehim jipprevedi dan. Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku, kif previst fl-Artikolu 107 tal-Ftehim.

2.   Fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.   It-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn Kopresident lill-Kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja. Il-Parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti proponenti, biex tesprimi l-qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Jekk il-Parti l-oħra ma tesprimix il-qbil tagħha, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja. L-abbozzi tad-deċiżjonijiet jew tar-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-qbil tagħha u għandhom jiġu rreġistrati fil-laqgħa tal-minuti tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja skont l-Artikolu 8(3).

4.   Meta l-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja jkollu s-setgħa skont il-Ftehim li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat għandu jassenja numru tas-serje progressiv għal kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, jispeċifika id-data tal-adozzjoni tagħha u jipprovdi deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji, awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi wieħed lil kull Parti.

Artikolu 10

Trasparenza

1.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jiltaqgħu fil-pubbliku.

2.   Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.   Id-dokumenti kollha ppreżentati minn Parti jenħtieġ li jitqiesu bħala kunfidenzjali, sakemm dik il-Parti ma tiddeċidix mod ieħor.

4.   L-aġendi proviżorji tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandhom isiru pubbliċi qabel issir il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja. Il-minuti tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi wara l-approvazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 8.

5.   Il-publikazzjoni tad-dokumenti msemmija skont il-paragrafi 2 sa 4 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data ta’ kull Parti.

Artikolu 11

Lingwi

1.   Il-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandha tkun l-Ingliż.

2.   Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jadotta deċiżjonijiet bil-lingwa ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Kull Parti għandha tkun responsabbli għat-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet u dokumenti oħra fil-lingwa/i uffiċjali tagħha stess, fejn rilevanti, u għandha tkopri l-infiq assoċjat ma’ tali traduzzjonijiet.

Artikolu 12

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spiża li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja, b’mod partikolari fir-rigward tan-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza u fir-rigward tan-nefqa fuq vidjokonferenzi jew telekonferenzi, posta u telekomunikazzjoni.

2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

3.   In-nefqa marbuta mal-forniment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni lejn u mil-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja fil-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 13

Kumitati Speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti skont il-Ftehim

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, skont l-Artikolu 107 tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja jista’ jistabbilixxi taħt l-awtorità tiegħu kumitati speċjalizzati responsabbli biex jittrattaw suġġetti speċifiċi skont il-Ftehim. Għal dak l-għan, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u l-kompiti ta’ tali kumitati speċjalizzati.

2.   Skont l-Artikolu 107 tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu joħroġ direttivi lil, u jissorvelja l-kumitati speċjalizzati u l-korpi l-oħra kollha stabbiliti skont il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt maħtura minn kumitati speċjalizzati jew korpi oħra stabbiliti skont il-Ftehim. Il-korrispondenzi, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ kull kumitat speċjalizzat rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja fl-istess ħin.

4.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat tal-Uffiċjali Għolja, dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti skont il-Ftehim.

Artikolu 14

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b’deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Għolja f’konformità mal-Artikolu 9.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/894/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)