31988R4235



Official Journal L 373 , 31/12/1988 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 6 P. 0256
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 6 P. 0256


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4235/88

tal-21 ta' Diċembru 1988

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 918/83 li jistabilixxi sistema tal-Komunità dwar eżenzjonijiet minn dazju

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu.

Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-riċerka xjentifika qed tespandi b'mod mgħaġġel; billi dawk il-kuntatti, li huma ta' mportanza konsiderevoli fid-dinja kemm issa kif ukoll fil-futur, għandhom ikunu nkoraġġiti;

Billi forma waħda ta' kooperazzjoni xjentifika għal stabilimenti ta' riċerka bażati fi Stat Membru hi li jiġu mpoġġija stallazzjonijiet, ħafna drabi b'riżultat ta' investiment konsiderevoli, għad-dispożizzjoni ta' riċerkaturi minn pajjiżi oħra, inklużi pajjiżi mhux membri; billi dan jippermettilhom li jagħmlu programmi ta' riċerka konġunta fil-kuntest ta' ftehim ta' kooperazzjoni magħmula bejn stabilimenti ta' riċerka f'diversi pajjiżi; billi, sabiex jispiċċaw xogħolhom b'suċċess, riċerkaturi jeħtieġu ċertu apparat li huma jimportaw għal użu fit-tul fi stabbilimenti ta' riċerka tal-Komunità;

Billi, minħabba t-tul tal-perijodi li għalihom l-apparat ikun użat, dawk l-importazzjonijiet ma jikkwalifikawx għal arranġamenti ta'importazzjoni temporanja introdotti permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3599/82 [1], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1620/85 [2];

Billi r-riċerka msemmija hi ta' natura mhux kummerċjali; billi l-apparat importat mhux intenzjonat biex itejjeb l-istallazzjonijiet ta' l-istabilimenti tal-Komunità li jservu ta' qafas għall-arranġamenti ta' kooperazzjoni hawn fuq imsemmija; billi l-apparat importat jibqa' l-proprjeta ta' persuna naturali jew legali residenti f'pajjiż mhux membru; billi s-sitwazzjonijiet imsemmija huma eċċezzjonali u mhux koperti permezz ta' l-’L-Artikoli 52 sa 59 tar-Regolament (KEE) Nru 918/83 [3], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1315/88 [4]; billi l-miżuri speċifiċi għandhom għalhekk ikunu ntrodotti biex tingħata għajnuna minn dazji ta' importazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej hu mdaħħal fir-Regolament (KEE) Nru 918/83:

"Artikolu 59a

1. Apparat importat għal skopijiet mhux kummerċjali minn jew għan-nom ta' stabiliment ta' riċerka xjentifika jew organizzazzjoni bażata barra mill-Komunità għandu jidħol ħieles minn drittijiet ta'mportazzjoni.

2. L-għajnuna għandha tingħata sakemm l-apparat:

(a) ikun maħsub għall-użu minn jew bi ftehim tal-membri jew rappreżentanti ta'l-istabilimenti u organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fil-kuntest u fil-limiti tal-ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika li l-għan tagħha hu li jsiru programmi ta' riċerka xjentifika internazzjonali fi stabilimenti ta' riċerka xjentifika bbażati fil-Komunità u approvati għal dak il-għan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(b) jibqa' l-proprjetà ta' persuna naturali jew legali residenti barra mill-Komunità matul il-waqfa tiegħu fit-territorju doganali tal-Komunità.

3. Skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament:

- apparat ifisser strumenti, apparat, makni u l-aċċessorji tagħhom inklużi biċċiet ta' rikambju u għodda disinjati b'mod speċjali għall-manutenzjoni tagħhom, spezzjoni, kalibrazzjoni jew tiswija, użati għall-fini ta' riċerka xjentifika,

- apparat maħsub għall-użu ta' riċerka xjentifika magħmula għal finijiet mhux ta' profitt hu kunsidrat li jkun "importat għal finijiet mhux kummerċjali".

Artikolu 59b

1. Apparat imsemmi fl-Artikolu 59a li jkun iddaħħal mingħajr il-ħlas ta' dazju b'mod konformi mal-kondizzjonijiet stabiliti fl-imsemmi Artikolu ma jistgħux jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, mingħajr notifika bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Jekk l-apparat jiġi misluf, mikri jew trasferit lil stabiliment jew organizzazzjoni jagħti jedd li jibbenefika minn għajnuna bis-saħħa ta' l-Artikolu 59a, l-għajnuna għandha tkompli tingħata sakemm l-istabiliment jew organizzazzjoni juża' l-apparat għal skopijiet li taw dritt għal dik l-għajnuna.

F'każijiet oħra, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 52 u 53, tislif, kiri jew trasferiment għandu jkun suġġett għal pagament ta' dazju minn qabel, bir-rata applikabbli fid-data tas-self, kirja jew trasferiment, bbażata fuq it-tip ta' apparat u l-valur doganali aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

3. Stabilimenti jew organizzazzjonijijet imsemmija fl-Artikolu 59a (1) li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet biex jikkwalifikaw għal għajnuna jew li jkunu qed jipproponu li jużaw l-apparat imdaħħal mingħajr il-ħlas ta' dazju għal skopijiet minbarra dawk li jinsabu f'dak l-Artikolu għandhom jinfurmaw b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.

4. Apparat użat minn stabilimenti jew organizzazzjonijiet li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jkunu ntitolawhom għal għajnuna għandhom ikunu suġġetti għad-dazju rilevanti bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawk il-kondizzjonijiet ma jkunux aktar mitmuma, fuq il-bażii tat-tip tal-artikolu u l-valur tad-dwana aċċertat u aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Mingħajr preġudizzju għal l-Artikoli 52 u 53, apparat użat mill-istabiliment jew organizzazzjoni li bbenefika mill-għajnuna għal skopijiet minbarra dawk provduti fl-Artikolu 59a għandu jkun suġġett għad-dazju rilevanti kalkulat bħala applikabbli fid-data li fiha jitpoġġa għal użu ieħor, abbażi tat-tip ta' apparat u l-valur tad-dwana aċċertat u aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1989.

Dan għandu japplika b'effett mill-1 ta' Lulju 1989.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fil-21 ta' Diċembru 1988.

Għall- Kunsill

Il-President

V. Papandreou

[1] ĠU L 376, tal-31.12.1982, p. 1

[2] ĠU L 155, ta' l-14.6.1985, p. 54.

[3] ĠU L 105, tat-23.4.1983, p. 1.

[4] ĠU L 123, tas-17.5.1988, p. 2.

--------------------------------------------------