SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/40/UE – Punt 40 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tqegħid fis-suq’ – Artikolu 23(2) u (3) – Infurzar tad-Direttiva 2014/40 – Għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Provvista ta’ kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi, b’indikazzjoni żbaljata tal-kontenut tan-nikotina fuq l-imballaġġ tagħhom, mid-distributur ta’ prodotti tat-tabakk u prodotti relatati lil bejjiegħ bl-imnut – Multa imposta fuq id-distributur – Prinċipju nulla poena sine culpa – Proporzjonalità tal-multa”
Fil-Kawża C‑665/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura
Staatssecretaris Jeugd, Preventie en Sport
vs
Diamond Flavours BV,
UEG Holland BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tas-Seba’ Awla, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal UEG Holland BV u Diamond Flavours BV, minn J. A. Jacobs, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u P. P. Huurnink, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. E. Schmidt u F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24), moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2, kif ukoll mal-Artikolu 20(2) u (4)(b)(i) tad-Direttiva 2014/40. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Diamond Flavours BV u UEG Holland BV, żewġ distributuri, fost oħrajn, ta’ kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi, minn naħa, u l-iStaatssecretaris Jeugd, Preventie en Sport (is-Segretarju tal-Istat għaż-Żgħażagħ, il-Prevenzjoni u l-Isport, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), min-naħa l-oħra, dwar multa imposta minn dan tal-aħħar fuq Diamond Flavours u UEG Holland talli qiegħdu fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom kienu jindikaw kontenut ineżatt ta’ nikotina. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2014/40
|
3 |
Il-premessi 8, 13 u 59 tad-Direttiva 2014/40 għandhom jinqraw kif ġej:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej: “L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward: […]
sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’).” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, għall-finijiet tagħha: “[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Sigaretti elettroniċi”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti tal-Unjoni. Din id-Direttiva ma tapplikax għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li huma soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2001/83/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69),] jew għar-rekwiżiti mniżżlin fid-Direttiva [tal-Kunsill 93/42/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82)]. 2. Il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar tali prodotti li biħsiebhom iqiegħdu fis-suq. In-notifika għandha tingħata f’għamla elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid intenzjonat fis-suq. […] Għandha tingħata notifika ġdida għal kull bidla sostanzjali tal-prodott. In-notifika għandha, skont jekk il-prodott ikunx sigarett elettroniku jew kontenitur ta’ rikarika, tinkludi t-tagħrif li ġej: […]
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Kooperazzjoni u infurzar”, jiddikjara, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tabakk u l-prodotti relatati li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, inklużi l-implimentazzjoni u l-atti ddelegati previsti hemmhekk, ma jitqegħdux fis-suq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti tat-tabakk u prodotti relatati ma jitqegħdux fis-suq jekk ma jkunx hemm konformità mal-obbligi ta’ rappurtar li jinsabu f’din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn il-pieni jiġu infurzati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kwalunkwe piena amministrattiva finanzjarja li tista’ tiġi imposta bħala riżultat ta’ ksur intenzjonat tista’ tkun tali li tinnewtralizza l-vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-ksur.” |
Ir-Regolament (UE) 2019/1020
|
8 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU 2019, L 169, p. 1), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti li huma soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni elenkata fl-Anness I (‘leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni’), dment li ma jkun hemm ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, li tirregola b’mod aktar speċifiku aspetti partikolari tal-infurzar u tas-sorveljanza tas-suq.” |
|
9 |
L-Anness I tar-Regolament 2019/1020, intitolat “Lista ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni”, jelenka l-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Fost dawn l-atti hemm, fil-punt 55 ta’ dan l-anness, id-Direttiva 2014/40. |
Id-dritt Olandiż
|
10 |
Id-Direttiva 2014/40 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Olandiż permezz tat-Tabaks- en rookwarenwet (il-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u Prodotti għat-Tipjip), tal‑10 ta’ Marzu 1988 (Stb. 1988, Nru 342) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk”), it-Tabaks- en rookwarenbesluit (id-Digriet dwar il-Prodotti tat-Tabakk u Prodotti għat-Tipjip), tal‑14 ta’ Ottubru 2015 (Stb. 2015, Nru 398) u t-Tabaks- en rookwarenregeling (ir-Regolament Ministerjali dwar il-Prodotti tat-Tabakk u Prodotti għat-Tipjip), tal‑10 ta’ Mejju 2016 (Stcrt. 2016, Nru 25446). |
|
11 |
Mill-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk jirriżulta li t-“tqegħid fis-suq” huwa t-tqegħid ta’ prodotti għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Il-kunċett ta’ “importatur ta’ prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati” huwa ddefinit, fid-dritt Olandiż, bħala li jindika l-proprjetarju jew persuna li għandha d-dritt li tiddisponi mill-prodotti tat-tabakk jew mill-prodotti relatati introdotti fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
12 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din il-liġi, tal-Artikolu 3.3 tad-Digriet dwar il-Prodotti tat-Tabakk u Prodotti għat-Tipjip u tal-Artikolu 3.10(1) tar-Regolament Ministerjali dwar il-Prodotti tat-Tabakk u Prodotti għat-Tipjip, huwa pprojbit li jitqiegħdu fis-suq pakketti individwali li ma jindikawx il-kontenut ta’ nikotina fil-kontenituri ta’ rikarika. Fil-każ ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, il-Ministru jista’ jimponi multa amministrattiva, konformement mal-Artikolu 11b(1) tal-imsemmija liġi. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
Spettur tan-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (l-Awtorità Olandiża għall-Kontroll tal-Prodotti tal-Ikel u tal-Konsum, il-Pajjiżi l-Baxxi) ħa kampjuni minn ħames kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li kien xtara mis-siti internet ta’ bejjiegħa bl-imnut differenti. Wara dan it-teħid ta’ kampjuni, dan l-ispettur ikkonstata li l-kontenut ta’ nikotina f’dawn il-kontenituri ta’ rikarika kien inqas minn dak imsemmi fuq il-pakkett individwali tal-imsemmija kontenituri. |
|
14 |
Il-bejjiegħa bl-imnut kienu kisbu l-kontenituri ta’ rikarika kkontrollati minn żewġ distributuri differenti. Min-naħa tagħhom, dawn id-distributuri kienu xtraw dawn il-kontenituri ta’ rikarika, qabel ma introduċewhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, mingħand manifattur stabbilit fi Franza, mingħand importatur stabbilit fl-Irlanda u mingħand importatur stabbilit fl-Ungerija. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 u tal‑25 ta’ Ottubru 2019, is-Segretarju tal-Istat impona ħames multi amministrattivi fuq l-imsemmija distributuri, fejn kull multa kienet tammonta għal EUR 450, talli dawn qiegħdu fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakkett individwali tagħhom isemmi kontenut ineżatt ta’ nikotina. |
|
16 |
L-istess distributuri ppreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra dawn il-multi. Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ April 2021, din il-qorti ddikjarat ir-rikorsi tagħhom fondati u annullat l-imsemmija multi minħabba li d-distributuri inkwistjoni ma kinux qiegħdu l-kontenituri ta’ rikarika kkonċernati għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, b’tali mod li dawn id-distributuri ma kinux “qegħduhom fis-suq”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
17 |
Is-Segretarju tal-Istat appella din is-sentenza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti tindika li preċedentement iddeċidiet, f’sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2022 (ECLI:NL:CBB:2022:510), li d-Direttiva 2014/40 ma tawtorizzax it-tqegħid fis-suq ta’ prodott tat-tabakk li l-kontenut ta’ nikotina tiegħu ma huwiex indikat fuq l-imballaġġ. L-imsemmija qorti żżid li l-amministrazzjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward u ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji għas-saħħa pubblika meta jkun hemm diverġenza bejn il-kontenut ta’ nikotina fil-kontenitur ta’ rikarika u l-indikazzjoni tiegħu fuq il-pakkett individwali ta’ dan il-kontenitur. |
|
19 |
Madankollu, hija tenfasizza li dan il-preċedent kien jikkonċerna bejjiegħ bl-imnut li kien iqiegħed kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi għall-bejgħ għall-konsumaturi fuq is-sit internet tiegħu stess. Għalhekk kien hemm “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u l-bejjiegħ bl-imnut seta’ jitqies bħala persuna li wettqet il-ksur. |
|
20 |
Min-naħa l-oħra, il-kawża prinċipali tqiegħed inkwistjoni l-provvista ta’ kontenituri ta’ rikarika minn “importatur”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-proprjetarju jew persuna li għandha d-dritt li tiddisponi minn prodotti tat-tabakk jew prodotti relatati introdotti fil-Pajjiżi l-Baxxi, mhux lill-konsumaturi iżda lil bejjiegħ bl-imnut. Għaldaqstant, f’din l-ipoteżi, teżisti inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, li tikkundizzjona l-obbligu tal-Istati Membri, taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, li jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati mhux konformi ma’ din id-direttiva ma jitqegħdux fis-suq. |
|
21 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-Segretarju tal-Istat impona sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali fuq id-distributuri kkonċernati. Minn dan isegwi li l-Artikolu 48(1) tal-Karta u, għaldaqstant, il-prinċipju nulla poena sine culpa (ebda piena mingħajr ħtija) huma applikabbli. Issa, dan il-prinċipju jeżiġi ħtija u għalhekk responsabbiltà għat-twettiq tal-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn id-distributuri humiex responsabbli talli qiegħdu fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakkett individwali tagħhom fih indikazzjoni żbaljata tal-kontenut ta’ nikotina tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-natura potenzjalment eċċessiva tal-oneru li t-teħid ta’ kampjuni tal-prodotti kkonċernati jista’ jfisser għall-imsemmija distributuri. |
|
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
23 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2, u mal-Artikolu 20(4)(b)(i) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom jinkludu indikazzjoni ineżatta tal-kontenut ta’ nikotina tagħhom ma jitqegħdux fis-suq huwa limitat għall-istadju tal-provvista ta’ dawn il-kontenituri ta’ rikarika minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
24 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, iż-żewġ distributuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqisu li l-ewwel domanda hija inammissibbli minħabba li din ma tikkorrispondix għall-punt li fuqu l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-awtoritajiet Olandiżi ma pprevedewx il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva fuq distributur fil-każ fejn il-likwidu preżenti f’kontenitur ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi jkollu kontenut ta’ nikotina inqas minn dak imsemmi fuq l-imballaġġ u dan il-kontenitur ta’ rikarika jinsab għand bejjiegħ bl-imnut. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li jkollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 15; tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C‑231/89, EU:C:1990:386, punti 19 u 20, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54). |
|
26 |
Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jkun possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, BosmanC‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55). |
|
27 |
Issa, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq preċiżament tikseb l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, li jinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, sabiex tiddetermina jekk huwiex possibbli li distributur ta’ kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi jiġi kkundannat minħabba li dan biegħ, lil bejjiegħ bl-imnut u mhux lil konsumatur, prodott mhux konformi ma’ wieħed mill-obbligi ta’ din id-direttiva. |
|
28 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
29 |
Adita reċentement għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, li jinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ma jitqegħdux fis-suq prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakkett individwali tagħhom ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, ma huwiex limitat għall-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit, C‑717/23, EU:C:2025:351, punt 52). |
|
30 |
Issa, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 għandu portata trażversali sa fejn huwa intiż sabiex il-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati mhux konformi ma’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jitqegħdux fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit, C‑717/23, EU:C:2025:351, punt 39). |
|
31 |
Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-imsemmija direttiva u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet. L-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ sanzjonijiet tikkonċerna d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2014/40, ikun liema jkun l-istadju tal-katina ta’ provvista li għalih japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, u għalhekk ma hijiex limitata għall-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk mhux konformi minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit, C‑717/23, EU:C:2025:351, punt 40). |
|
32 |
Din l-interpretazzjoni, li tgħid li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri għandu japplika fi kwalunkwe stadju tal-katina ta’ provvista, mingħajr ma jillimita ruħu għal dak tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi, hija kkorroborata wkoll mill-kuntest leġiżlattiv usa’ li fih taqa’ d-Direttiva 2014/40, b’mod partikolari r-Regolament 2019/1020, li japplika, konformement mal-Artikolu 2 u mal-punt 55 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament għall-prodotti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/40 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit, C‑717/23, EU:C:2025:351, punti 42 sa 46). |
|
33 |
Sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi ddikjarat fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 8 u 59 tal-imsemmija direttiva, dan l-obbligu ta’ kontroll jippreżumi l-eżerċizzju ta’ sorveljanza fl-istadji differenti tal-katina ta’ provvista, billi jiġi żgurat li, għal kull tranżazzjoni li twassal sabiex il-prodott finalment jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Bundesminister für Gesundheit, C‑717/23, EU:C:2025:351, punt 51). |
|
34 |
Il-fatt li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-bejgħ ta’ kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda esklużivament is-sigaretti elettroniċi, jinsisti espressament, fil-paragrafu 1 tiegħu, dwar l-obbligu tal-Istati Membri għandhom jiżguraw “li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw [mal-imsemmija direttiva] u mal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti tal-Unjoni”. |
|
35 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 20(4)(b)(i) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom jinkludu indikazzjoni ineżatta tal-kontenut ta’ nikotina tagħhom ma jitqegħdux fis-suq ma huwiex limitat għall-istadju tal-provvista ta’ dawn il-kontenituri ta’ rikarika minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
Fuq it-tieni domanda
|
36 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, it-tieni domanda ma tirrigwarda ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
37 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Confédération paysanne (Bettieħ u tadam tas-Saħara tal-Punent), C‑399/22, EU:C:2024:839, punt 40). |
|
38 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sanzjonijiet li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt is-sistema tas-sanzjonijiet li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw fuq il-bażi tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi multa amministrattiva ta’ natura kriminali sabiex jiġi ssanzjonat operatur ekonomiku li jkun qiegħed fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom jinkludu indikazzjonijiet ineżatti dwar il-kontenut ta’ nikotina, minkejja li dawn l-indikazzjonijiet jikkorrispondu għal dawk tan-notifika ppreżentata, taħt l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, mill-“manifattur” jew mill-“importatur” li mingħandu dan l-operatur akkwista dawn il-kontenituri. |
|
40 |
Mill-kliem tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, it-tieni nett, li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u, it-tielet nett, li kull sanzjoni amministrattiva finanzjarja li tista’ tiġi imposta wara ksur intenzjonali tista’ tkun ta’ natura li tinnewtralizza l-vantaġġ finanzjarju miksub permezz ta’ dan il-ksur. |
|
41 |
Minbarra din l-aħħar preċiżazzjoni, li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi nnewtralizzat il-vantaġġ finanzjarju miksub permezz ta’ ksur għan-natura intenzjonali ta’ dan tal-aħħar, id-Direttiva 2014/40 għalhekk ma fihiex regoli dwar l-istabbiliment tas-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli minbarra dik li teżiġi n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva ta’ dawn is-sanzjonijiet. Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi dedott li, permezz tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, l-Istati Membri jżommu l-awtonomija tagħhom fid-determinazzjoni ta’ din is-sistema. |
|
42 |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, dawn huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23; tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro‑Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 39, kif ukoll tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 41). |
|
43 |
Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-domanda sottostanti għat-tieni domanda hija dik tal-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 u, b’mod partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
44 |
Issa, fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali sistema ma hijiex, fiha nnifisha, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C‑326/88, EU:C:1990:291, punt 19; tas‑27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C‑177/95, EU:C:1997:89, punt 36; tal‑11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, EU:C:2002:440, punt 47, kif ukoll tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 47). |
|
45 |
Fil-fatt, sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma hijiex sproporzjonata meta tkun ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-persuni kkonċernati josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni u meta l-għanijiet imfittxija jkollhom interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-istabbiliment ta’ tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C‑326/88, EU:C:1990:291, punt 19; u tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 48). |
|
46 |
F’dan il-każ, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2014/40 tfittex, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, b’mod partikolari taż-żgħażagħ. |
|
47 |
Issa, tali għan jaqa’ taħt l-interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 49, u tad‑29 ta’ April 2015, Léger, C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 57), li tista’ tiġġustifika l-ħolqien, mill-Istati Membri, ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva. Tali sistema hija, barra minn hekk, ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-persuni kkonċernati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/40. |
|
48 |
Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanza partikolari dwar il-fatt li l-kontenuti ta’ nikotina, li wasslu għas-sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma konformi ma’ dawk innotifikati mill-manifattur u mill-importaturi tal-prodotti kontenzjużi fuq il-bażi tal-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din in-notifika hija intiża, konformement mal-premessa 13 tal-imsemmija direttiva, li tiffaċilita l-missjoni regolatorja tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, u mhux sabiex tippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jintervjenu iktar ’il quddiem fil-katina ta’ distribuzzjoni jeħilsu mir-responsabbiltà tagħhom. |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, dawn is-sanzjonijiet ma jidhrux li huma ta’ natura li jinnewtralizzaw il-vantaġġ finanzjarju miksub permezz tal-ksur – fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’tali ipoteżi, l-imsemmija sanzjonijiet ma jirrikjedux il-prova ta’ element intenzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40. |
|
50 |
F’tali ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu għalhekk jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi multa amministrattiva ta’ natura kriminali sabiex tissanzjona operatur ekonomiku li jkun qiegħed fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom jinkludu indikazzjonijiet ineżatti dwar il-kontenut ta’ nikotina, minkejja li dawn l-indikazzjonijiet jikkorrispondu għal dawk tan-notifika ppreżentata, skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40, mill-“manifattur” jew mill-“importatur” li mingħandu dan l-operatur akkwista dawn il-kontenituri. |
|
51 |
Għaldaqstant, filwaqt li l-Istati Membri, fid-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur, għandhom obbligu jadottaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan huwa wkoll il-każ meta jiġu evalwati l-elementi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 54; tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro‑Team u Spirál‑Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 43, kif ukoll tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekostroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 46). |
|
52 |
Dan jimplika li ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 45, kif ukoll tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekostroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 47). Huwa għalhekk li l-applikazzjoni ta’ multa b’ammont fiss għal kull ksur ta’ ċerti obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr modulazzjoni tal-ammont ta’ din il-multa skont il-gravità tal-ksur, tista’ tidher sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 41, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 50). |
|
53 |
F’dan il-każ, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tippermetti individwalizzazzjoni tal-imsemmija sanzjonijiet. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont tal-multi imposti fuq iż-żewġ distributuri inkwistjoni huwa indipendenti miċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-indikazzjoni tal-kontenut ta’ nikotina li għaliha kienu responsabbli hija ogħla minn dik li realment tinsab fil-kontenituri ta’ rikarika mqiegħda fis-suq. |
|
54 |
Għaldaqstant l-applikazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja ta’ ammont fiss għal kull ksur ta’ ċerti obbligi previsti mil-liġi nazzjonali b’applikazzjoni tad-Direttiva 2014/40, mingħajr aġġustament fl-ammont ta’ din is-sanzjoni pekunjarja skont il-gravità tal-ksur, kif tidher li tipprevedi l-iskema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2014/40, jiġifieri li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, b’mod partikolari taż-żgħażagħ (ara, b’analoġija, sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punti 62 sa 64 u 66, kif ukoll tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 53). |
|
55 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi multa amministrattiva ta’ natura kriminali sabiex jiġi ssanzjonat operatur ekonomiku li qiegħed fis-suq kontenituri ta’ rikarika għal sigaretti elettroniċi li l-pakketti individwali tagħhom jinkludu indikazzjonijiet ineżatti dwar il-kontenut ta’ nikotina, minkejja li dawn l-indikazzjonijiet jikkorrispondu għal dawk tan-notifika ppreżentata, skont l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, mill-“manifattur” jew mill-“importatur” li mingħandu dan l-operatur akkwista dawn il-kontenituri, meta l-ammont ta’ din il-multa ma jistax jiġi aġġustat skont il-gravità tal-ksur billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.