DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tista’ tiġi dedotta kjarament mill-ġurisprudenza – Remunerazzjoni tal-imħallfin tal-ewwel istanza – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Kompetenza tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-modalitajiet għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin – Rekwiżit ta’ remunerazzjoni li tirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku nazzjonali”

Fil-Kawża C‑372/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravni sud u Rijeci (il-Qorti Amministrattiva ta’ Rijeka, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura

B. B.

vs

Ministarstvo pravosuđa, uprave i digitalne transformacije Republike Hrvatske,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B. B., imħallef Kroat, u l-Ministarstvo pravosuđa, uprave i digitalne transformacije Republike Hrvatske (il-Ministeru għall-Ġustizzja, għall-Amministrazzjoni u għat-Trasformazzjoni Diġitali tar-Repubblika tal-Kroazja) dwar il-kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 4 taż-zakon o plaći i drugim materijalnim pravima pravosudnih dužnosnika (il-Liġi dwar is-Salarju u d-Drittijiet Sostantivi l-Oħra tal-Uffiċjali Ġudizzjarji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar’ il quddiem il-“Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji”), jipprovdi, fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu:

“Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra hija stabbilita billi s-salarju bażiku għall-kalkolu tar-remunerazzjoni jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent użat għall-uffiċjal ikkonċernat.

Is-salarju bażiku għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ mħallfin u uffiċjali ġudizzjarji oħra huwa ta’ EUR 706.50 gross.

Il-koeffiċjenti użati għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra huma stabbiliti:

[...]

8.

a)

għall-imħallfin tal-qrati muniċipali: 4.21,

b)

għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi: 4.21,

c)

għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi: 4.21,

d)

għall-viċi prosekuturi muniċipali: 4.21.”

Il-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

4

B. B. huwa mħallef li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fl-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, il-Kroazja). Fit‑22 ta’ Novembru 2023, huwa adixxa lill-Upravni sud u Rijeci (il-Qorti Amministrattiva ta’ Rijeka, il-Kroazja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-digriet tal-Ministeru għall-Ġustizzja, għall-Amministrazzjoni u għat-Trasformazzjoni Diġitali tar-Repubblika tal-Kroazja, tad-9 ta’ Ottubru 2023, li jiċħad l-ilment li huwa ressaq kontra d-digriet tal-President tal-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb), tal-10 ta’ Lulju 2023, li ffissa s-salarju tiegħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji. B. B. isostni li din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

5

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, mill‑1 ta’ Lulju 2023 sal‑1 ta’ Marzu 2025, is-salarju gross fix-xahar ta’ B. B. kien jammonta għal EUR 2 974.37, liema ammont jinkiseb billi jiġi mmultiplikat l-ammont tas-salarju bażiku għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra ta’ EUR 706.50 bil-koeffiċjent ta’ 4.21 previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji.

6

Skont il-qorti tar-rinviju, mid-data pprovduta mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika Kroat kif ukoll minn fatti magħrufa jirriżulta li, sad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji, is-salarju tal-imħallfin tal-ewwel istanza, bħal B. B., kien ta’ EUR 2 295.75, u dan l-ammont inkiseb billi l-ammont tas-salarju bażiku għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra ta’ EUR 652.20 ġie mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ 3.52. Din il-qorti żżid li, matul l-aħħar għoxrin sena, minn naħa, is-salarju gross ta’ mħallef tal-ewwel istanza żdied, minn EUR 2 187.72 għal EUR 3 063.61 u, min-naħa l-oħra, dan is-salarju żdied b’0.5 % sa 20 % għal kull sena ta’ servizz imwettqa sa minn sitt snin ta’ anzjanità. Matul dawn l-istess għoxrin sena, is-salarju nett medju fix-xahar fil-Kroazja żdied b’125 %, minn EUR 522.93 għal EUR 1 163.00. Għalhekk, filwaqt li, mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, is-salarju gross ta’ mħallef tal-ewwel istanza fl-ammont ta’ EUR 2 187.72 kien ekwivalenti għal 2.08 darba s-salarju gross ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika, li dak iż-żmien kien ta’ EUR 1 053.69, dan is-salarju, li ċertament issa jilħaq EUR 2 974.37, jikkorrispondi biss għal 1.77 darba dak ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika, li l-ammont tiegħu jammonta għal EUR 1679. Fir-rigward tas-salarju nett ta’ mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza, dan huwa ta’ EUR 2 020.79, li jikkorrispondi għalhekk għal 1.67 darba dak ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika.

7

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ professjonijiet ġudizzjarji oħra, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li s-salarju ta’ mħallef jinsab fit-tnax mis-sittax-il skala ta’ salarju previsti fis-servizz ċivili u s-servizzi pubbliċi u jikkorrispondi għas-salarju tal-assistenti prosekuturi ta’ Općinski sud (qorti muniċipali, il-Kroazja). Min-naħa l-oħra, l-iskala tariffarja tal-onorarji tal-avukati applikabbli fil-Kroazja tipprevedi li, għar-redazzjoni ta’ rikors fil-kuntest ta’ tilwima amministrattiva u l-preżenza tal-avukat fis-seduta, dan għandu dritt għal remunerazzjoni ta’ EUR 2500, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

8

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji jikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif dedott mill-Artikolu 19(1) u (2) TUE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-ammont tas-salarju tal-imħallfin tal-ewwel istanza Kroati huwa baxx wisq meta mqabbel ma’ dak ta’ professjonijiet legali oħra, mas-salarju u mal-livell tal-għajxien medju fil-Kroazja kif ukoll meta mqabbel mal-proporzjon bejn is-salarju tal-imħallfin u s-salarju fix-xahar medju ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Is-salarju tal-imħallfin tal-ewwel istanza ma huwiex xieraq, u dan jikkomprometti l-indipendenza tagħhom u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, is-salarju tal-imħallfin jitħallas mill-baġit tal-Istat Kroat, li jippreġudika indirettament il-prinċipju ta’ indipendenza u ta’ awtonomija tal-poter ġudizzjarju, peress li l-ammont tagħhom jiddependi minn deċiżjonijiet tal-poter eżekuttiv u tal-poter leġiżlattiv.

9

Skont B. B., ir-remunerazzjoni ta’ mħallef indipendenti għandha tirrifletti r-responsabbiltajiet tiegħu, il-fatt li huwa jeżerċita personalment funzjoni ġudizzjarja ddefinita mill-Kostituzzjoni, kif ukoll il-livell tal-għajxien u s-sitwazzjoni soċjali fil-pajjiż li fih jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Issa, l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. B. B. jindika li s-salarju tiegħu żdied b’inqas minn 30 % matul l-aħħar għoxrin sena, filwaqt li s-salarju nett fix-xahar medju fir-Repubblika tal-Kroazja żdied bi kważi 125 % u jammonta għal madwar EUR 1160. B. B. jenfasizza li, sa mill-preżentata tal-azzjoni tiegħu, dispożizzjonijiet ġodda kellhom l-għan li jżidu b’mod sinjifikattiv is-salarji tal-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt is-servizz ċivili u s-servizzi pubbliċi, bl-eċċezzjoni tal-imħallfin. Barra minn hekk, wara ż-żieda kunsiderevoli fl-iskala tariffarja tal-onorarji tal-avukati li seħħet matul is-sena 2023, avukat li jkollu biss ir-responsabbiltà ta’ żewġ kawżi jista’ jirċievi remunerazzjoni ekwivalenti għal dik ta’ mħallef.

10

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upravni sud u Rijeci (il-Qorti Amministrattiva ta’ Rijeka), fid-deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Mejju 2024, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Awwissu 2024, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109).

12

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Marzu 2025, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkomunika din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

13

Fir-risposta tagħha tal‑24 ta’ April 2025, din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kellha l-intenzjoni li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari minħabba li din il-kawża kellha differenzi sinjifikattivi meta mqabbla mal-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, b’differenza mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din l-istess sentenza, il-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji ma tipprevedix l-iffissar tar-remunerazzjoni tal-imħallfin abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntest eżistenti fil-Kroazja. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-kriżi ekonomika li kienet iġġustifikat tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-imħallfin kienet intemmet matul is-sena 2016, b’tali mod li ma għad hemm ebda raġuni leġittima li tiġġustifika l-posponiment tal-aġġustament tar-remunerazzjoni tagħhom. L-imsemmija qorti tqis ukoll, essenzjalment, u b’analoġija mas-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 64 u 65), li d-dgħufija tal-proporzjon bejn is-salarju gross ta’ mħallef tal-ewwel istanza u s-salarju medju ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika, fil-perijodu bejn l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni u d-data li fiha B. B. ressaq l-azzjoni tiegħu, tirrifletti rigress fil-protezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura.

14

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li, ċertament, il-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji kienet is-suġġett ta’ emenda ġdida li hija applikabbli mill-1 ta’ Marzu 2025 u li għandha l-għan li tallinja l-bażi ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ma’ dik applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-persunal tas-servizz ċivili tal-Istat u tas-servizzi pubbliċi. Madankollu, minkejja din ir-riforma, ir-remunerazzjoni grossa tal-imħallfin tal-ewwel istanza hija ekwivalenti għal dik li tikkorrispondi għat-tielet grad ta’ remunerazzjoni previst għall-uffiċjali tal-Istat u dawk tas-servizz pubbliku, u dan mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni s-supplimenti ta’ remunerazzjoni kollha li jibbenefikaw minnhom ċerti kategoriji ta’ uffiċjali. Barra minn hekk, minkejja din l-emenda ġdida tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji, l-imħallfin baqgħu preklużi milli jeżerċitaw kwalunkwe attività oħra, milli jirċievu rigali u milli jirċievu kwalunkwe dħul ieħor. Barra minn hekk, huma baqgħu ma jibbenefikawx minn allowance tal-mard identika għal dik imħallsa lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tas-servizzi pubbliċi. Fl-aħħar nett, imħallef Kroat baqa’ jkollu remunerazzjoni inqas minn dik ta’ ħafna kollegi tiegħu li għandhom taħriġ ta’ livell għoli, irrispettivament mill-professjoni tagħhom.

15

Fid-dawl tal-elementi ġodda li hija semmiet fir-risposta tagħha tal‑24 ta’ April 2025, l‑Upravni sud u Rijeci (il-Qorti Amministrattiva ta’ Rijeka) adattat il-kliem tad-domandi preliminari tagħha, li huma redatti kif ġej:

“1)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal- [Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 [tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji], li abbażi tagħhom ġie adottat id-digriet amministrattiv ikkontestat mir-rikorrent [fil-kawża prinċipali], u li jiddeterminaw is-salarju bażiku (mingħajr supplimenti) u li jistabbilixxu b’mod partikolari l-bażi u l-koeffiċjent tas-salarju ta’ mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza [fil-Kroazja]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, peress li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 [ta’ din il-liġi] iwassal għal sitwazzjoni iktar sfavorevoli għall-indipendenza tal-imħallfin tal-qrati tal-ewwel istanza u peress li l-Istat Membru kontinwament jevita li jistabbilixxi sistema ta’ salarju konformi mar-rekwiżiti ta’ setgħa ġudizzjarja indipendenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali hija obbligata tagħmel dak kollu li huwa legalment awtorizzat sabiex tiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura, b’mod partikolari, li jiġi ffissat, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2023 u l-1 ta’ Marzu 2025, is-salarju gross bażiku tar-rikorrent bħala mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza, mingħajr supplimenti, għal ammont ta’ salarju gross fix-xahar għas-sena kurrenti li jinkiseb billi jiġi mmultiplikat l-ammont tas-salarju gross medju fix-xahar fis-sena preċedenti ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika [fil-Kroazja] b’koeffiċjent (2.08) li jikkorrispondi għar-ratio li kien fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-[Unjoni] bejn is-salarju gross ta’ mħallef ta’ qorti speċjalizzata tal-ewwel istanza u s-salarju gross medju ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika [fil-Kroazja]?

3)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali (inkluża l-aħħar emenda tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji [...] fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2025) li ma tinkludi ebda implimentazzjoni tal-kriterju previst mill-Unjoni fil-qasam tal-gradi ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin u lanqas ebda determinazzjoni tal-grad ta’ remunerazzjoni (fuq, b’kollox, [sittax-il] grad ta’ remunerazzjoni) previst għall-uffiċjali tal-Istat u għall-membri tal-persunal pubbliku li jkun xieraq għar-remunerazzjoni ta’ mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ħlas tas-salarji tal-imħallfin mill-baġit tal-Istat, li huwa adottat u implimentat mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja u mill-Parlament tar-Repubblika tal-Kroazja bħala detenturi tas-setgħat eżekuttivi u leġiżlattivi, b’tali mod li dawn tal-aħħar jeżerċitaw influwenza indiretta fuq l-indipendenza tal-ġudikatura?

5)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur tar-Repubblika tal-Kroazja huwa obbligat, fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-salarju tal-imħallfin, li jiddetermina dan is-salarju b’tali mod li ż-żieda tiegħu tiġi aġġustata skont iż-żieda fis-salarju medju [fil-Kroazja] matul l-istess perijodu?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

17

Għandu jitfakkar ukoll li l-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex awtorizzata tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda sempliċement tippronunzja ruħha dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, konformement mal-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu mit-tilwima pendenti quddiemhom il-konsegwenzi konkreti tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 43).

18

F’dan il-każ, minkejja d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109). Għaldaqstant hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża.

19

Kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ewwel u t-tielet sal-ħames domanda

20

Permezz tal-ewwel u tat-tielet sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li r-remunerazzjoni tal-imħallfin hija ddeterminata, mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, billi s-salarju bażiku tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent li jikkorrispondi għall-kategorija tal-imħallef ikkonċernat.

21

Fl-ewwel lok, minkejja li, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura għandha tkun iggarantita fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u ta’ dak eżekuttiv ta’ Stat Membru, is-sempliċi fatt li dawn il-poteri jkunu involuti fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin la huwa, bħala tali, ta’ natura li joħloq dipendenza tal-imħallfin fuq l-imsemmija poteri u lanqas li joħloq dubji dwar l-indipendenza tagħhom jew l-imparzjalità tagħhom. Meta jfasslu l-baġit tagħhom u jarbitraw bejn id-diversi partiti ta’ spejjeż pubbliċi, l-Istati Membri għandhom fil-fatt marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li jinkludi d-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u, b’mod partikolari, tar-remunerazzjoni tal-imħallfin. Il-poter leġiżlattiv u l-poter eżekuttiv nazzjonali jinsabu fil-fatt fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku partikolari tal-Istat Membru li fih dan il-baġit għandu jitfassal u sabiex l-indipendenza tal-ġudikatura tiġi ggarantita (sentenzi tal-25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 51, u tal-5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin), C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 22).

22

Xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma għandhomx joħolqu, f’moħħ il-partijiet fi proċeduri, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-Imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom. Għal dan l-għan, il-karti, ir-rapporti u d-dokumenti l-oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 52 u 53, u kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin), C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 23).

23

Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jeżiġi li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ikunu oġġettivi, prevedibbli, stabbli u trasparenti, b’tali mod li jkun eskluż kull intervent arbitrarju tal-awtorità leġiżlattiva u mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 56).

24

Issa, billi jipprevedi li l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin huwa ddeterminat billi ammont bażiku jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent meqjus li jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet ta’ mħallef, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

25

Barra minn hekk, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tal 25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 10 u 25), il-Qorti tal-Ġustizzja ma qegħditx f’dubju tali modalitajiet ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin Pollakki u Litwani. Fi kwalunkwe każ, ebda element tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippermetti li jinftiehem għal liema raġunijiet il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin Kroati, kif previsti mil-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji, ma humiex oġġettivi.

26

Fit-tielet lok, l-imħallfin għandhom jirċievu remunerazzjoni li l-livell tagħha jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom, li jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku tal-Istat Membru kkonċernat, fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tiegħu. Minn din il-perspettiva, huwa xieraq li r-remunerazzjoni medja tal-imħallfin titqabbel mas-salarju medju fl-imsemmi Stat. Barra minn hekk, għalkemm għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-salarji ta’ professjonijiet legali oħra, minn dan ma jistax jiġi dedott li r-remunerazzjoni tal-imħallfin ma tistax tkun inqas mir-remunerazzjoni medja ta’ professjonisti legali oħra, b’mod partikolari ta’ dawk li jeżerċitaw professjoni libera, bħall-avukati, peress li dawn jinsabu manifestament f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-imħallfin. Iktar minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi benefiċċji u allowances li l-imħallfin jirċievu b’żieda mas-salarju ordinarju bażiku tagħhom (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 58 u 61 sa 64, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance tal-irtirar tal-imħallfin), C‑762/23, EU:C:2025:400, punti 35 u 36).

27

Għalkemm, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-kompitu li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, hija tista’, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati kemm fuq il-proċessi tal-kawżi prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub li hija jkollha, b’tali mod li tali qorti tkun tista’ tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 1991, Newton, C‑356/89, EU:C:1991:265, punt 10, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 77).

28

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li s-salarju gross bażiku tal-imħallfin tal-ewwel istanza huwa ekwivalenti għal 1.77 darba s-salarju gross ta’ ħaddiem impjegat minn persuna ġuridika, li barra minn hekk ma huwiex speċifikat jekk jikkorrispondix għas-salarju gross medju f’dan l-Istat Membru, u li dan il-proporzjon jibqa’ sinjifikattiv.

29

Barra minn hekk, ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni l-allowances li jibbenefikaw minnhom l-imħallfin Kroati fl-ewwel istanza, b’mod partikolari l-allowance għall-anzjanità li twassal għal żieda fis-salarju tal-imħallfin ta’ bejn 0.5 % u 20 % għal kull sena ta’ servizz imwettqa minn sitt snin ta’ servizz u li hija ta’ natura li żżid b’mod sinjifikattiv ir-remunerazzjoni tagħhom.

30

Iktar minn hekk, sabiex jiġi vverifikat sa fejn ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-data li tinsab fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2025) 375 final), tal-1 ta’ Lulju 2025, intitolata “Scoreboard tal-Ġustizzja 2025 fl-[Unjoni Ewropea]” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2025, Curtea de Apel Bucureşti (Tneħħija ta’ allowance għall-irtirar tal-imħallfin) (C‑762/23, EU:C:2025:400, punt 43). Issa, mill-grafika 35 li tinsab f’din il-komunikazzjoni jirriżulta li l-proporzjon bejn ir-remunerazzjoni grossa tal-imħallfin tal-ewwel istanza Kroati fil-bidu tal-karriera u s-salarju medju f’dan l-Istat Membru, li huwa ta’ 1.77, huwa paragunabbli għall-proporzjon li jista’ jiġi osservat fi Stati Membri oħra, bħar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja jew ir-Renju tal-Isvezja. Dan il-proporzjon huwa saħansitra ogħla minn dak li jeżisti fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fis-Slovenja.

31

Barra minn hekk, il-fatt li, għal raġunijiet baġitarji, il-leġiżlatur ta’ Stat Membru ma żiedx ir-remunerazzjoni tal-imħallfin nazzjonali, b’tali mod li l-proporzjon inkwistjoni naqas, ma jistax neċessarjament jitqies bħala tnaqqis tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt f’dan l-Istat Membru. Huma biss ċirkustanzi partikolari li jissostanzjaw ir-rieda ta’ dan il-leġiżlatur li jikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu taħt l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u li jippreġudikaw il-garanziji tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jistgħu juru ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 64 u 65).

32

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li, għar-redazzjoni ta’ rikors fil-kuntest ta’ tilwima amministrattiva u l-preżenza tiegħu fis-seduta, avukat jirċievi, fil-Kroazja, remunerazzjoni ta’ EUR 2500, VAT inkluża, ċertament, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji Ewropej stabbilit fl‑2020 mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) (p. 67), sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-ġudikatura u, b’mod iktar wiesa’, il-kwalità tal-ġustizzja fi Stat tad-dritt, “[i]l-politiki tal-ġustizzja għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-salarji ta’ professjonijiet legali oħra sabiex irendu attraenti l-professjoni ta’ mħallef għall-prattikanti legali bi kwalifiki għoljin”. Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punt 26 ta’ dan id-digriet, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura ma jipprekludix li r-remunerazzjoni tal-imħallfin tiġi stabbilita f’livell inqas minn dak tar-remunerazzjoni medja ta’ professjonisti legali oħra, sa fejn dawn manifestament jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-imħallfin.

33

Għalhekk, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji kiser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 83).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel u għat-tielet sal-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li r-remunerazzjoni tal-imħallfin hija ddeterminata, mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, billi s-salarju bażiku tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent li jikkorrispondi għall-kategorija tal-imħallef ikkonċernat, sakemm din id-determinazzjoni ma tkunx taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ poter arbitrarju, iżda tkun ibbażata fuq modalitajiet oġġettivi, prevedibbli, stabbli u trasparenti u tiżgura lill-imħallfin livell ta’ remunerazzjoni li jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet li huma jeżerċitaw, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-imsemmi Stat Membru u tas-salarju medju fih.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif hija tista’ tistabbilixxi mill-ġdid id-dritt tal-imħallfin għal remunerazzjoni li tirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom fil-każ li l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar is-Salarju tal-Uffiċjali Ġudizzjarji jikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE.

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet sal-ħames domanda u fl-assenza ta’ elementi ta’ natura li jistabbilixxu li l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jikser dan il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li r-remunerazzjoni tal-imħallfin hija ddeterminata, mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv ta’ dan l-Istat Membru, billi s-salarju bażiku tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali ġudizzjarji l-oħra jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent li jikkorrispondi għall-kategorija tal-imħallef ikkonċernat, sakemm din id-determinazzjoni ma tkunx taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ poter arbitrarju, iżda tkun ibbażata fuq modalitajiet oġġettivi, prevedibbli, stabbli u trasparenti u tiżgura lill-imħallfin livell ta’ remunerazzjoni li jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet li huma jeżerċitaw, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-imsemmi Stat Membru u tas-salarju medju fih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.