Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑4 ta’ Settembru 2025 (1)

Kawża C‑199/24

ND

vs

Legal Newsdesk Sweden AB, li qabel kienet Garrapatica AB

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tad-data personali – Ipproċessar tad-data dwar il-kundanni kriminali – Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online, bi ħlas, ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali – Ibbilanċjar tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni)






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja) jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-ambitu tal-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/679 (2), f’sitwazzjoni fejn operatur ta’ database jirrifjuta li jilqa’ t-talba ta’ persuna biex tħassar data personali relatata mal-kundanna kriminali tagħha.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id‑dritt tal‑Unjoni

2.        L-Artikolu 85 tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta' espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.      Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta' espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni.

3.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.”

B.      Id-dritt Svediż

3.        Il-yttrandefrihetsgrundlagen (1991:1469) (il-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Libertà tal-Espressjoni (1991:1469), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Libertà tal-Espressjoni”) hija waħda mill-hekk imsejħa mediegrundlagar (il-Liġijiet Kostituzzjonali dwar il-Media), fl-Isvezja u tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kostituzzjonali, fost l-oħrajn, tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni u ta’ ċerti siti tal-Internet. L-għan huwa li tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar il-Libertà ta’ Espressjoni, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar it-trażmissjoni tal-programmi huma applikati għal ċertu tip ta’ databases jekk jeżisti ċertifikat ta’ pubblikazzjoni għall-attività. F’dan il-każ, inħareġ ċertifikat ta’ pubblikazzjoni għal Lexbase, li jfisser li d-database hija suġġetta għal protezzjoni kostituzzjonali.

4.        Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 1 tal-lagen (2018: 218) med kompletterande bestämmelser till EU: s dataskyddsförordning (il-Liġi (2018:218) dwar Dispożizzjonijiet Supplimentari għall-GDPR tal-Unjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”), il-GDPR ma japplikax meta dan imur kontra t-tryckfrihetsförordningen (il-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Libertà tal-Istampa, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa”) jew il-Liġi dwar il-Libertà tal-Espressjoni. Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ċerti artikoli tal-GDPR ma japplikawx għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq, b’mod partikolari, għall-finijiet ġurnalistiċi.

5.        Mill-Artikolu 14 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar il-Libertà ta’ Espressjoni jirriżulta li ebda organu pubbliku ma jista’, ħlief bis-saħħa ta’ din il-liġi, jaġixxi kontra persuna li abbużat mil-libertà ta’ espressjoni jew ikkontribwixxiet għal tali abbuż fil-kuntest ta’ programm jew ta’ azzjoni kontra l-programm għal tali raġuni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 11 tal-Kapitolu 1 tagħha jirriżulta li ma huwiex permess li korp pubbliku jipprojbixxi jew jostakola t-trażmissjoni, il-pubblikazzjoni jew ix-xandir lill-pubbliku ta’ programm, minħabba l-kontenut tiegħu, sakemm din il-miżura ma tibbenefikax minn appoġġ f’din il-liġi.

6.        Id-danni għal abbuż tal-libertà ta’ espressjoni minħabba l-kontenut ta’ programm jistgħu – skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 9 tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Espressjoni – ikunu bbażati biss fuq il-fatt li l-programm li huwa s-suġġett tat-talba għad-danni, jinkludi ksur tal-libertà tal-espressjoni. L-identifikazzjoni ta’ persuna bħala li għandha stil ta’ ħajja kriminali jew negliġenti jew li b’xi mod ieħor tipprovdi informazzjoni li tista’ tesponi persuna għall-għajb ta’ oħrajn tikkostitwixxi reat ta’ malafama u tikkostitwixxi ksur tal-libertà ta’ espressjoni skont l-Artikolu 1 taħt il-Kapitolu 5, tal-Liġi dwar il-Libertà ta’ Espressjoni u l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 7 tat-tryckfrihetsförordningen (1949:105) (id-Digriet dwar il-Libertà tal-Istampa (1949: 105)). Madankollu, ma għandhiex tkun punibbli jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ikun iġġustifikat li tingħata informazzjoni dwar din il-kwistjoni u l-persuna li tkun ipprovdietha tkun tista’ turi li l-informazzjoni kienet preċiża jew li kellha bażi raġonevoli biex temmen li l-informazzjoni kienet korretta.

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.        Legal Newsdesk Sweden AB (iktar ’il quddiem il-“Legal Newsdesk”), konvenuta fil-kawża prinċipali, tamministra d-database Lexbase u tippubblika fiha d-data personali tal-persuni li kienu involuti fi proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, Legal Newsdesk tippermetti li jsiru riċerki fuq persuni u kumpanniji li kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali jew ta’ lmenti ċivili quddiem qorti Svediża. Il-Myndigheten för press, radio och tv (l-Awtorità Svediża tal-Istampa u tax-Xandir) (illum il-Mediemyndigheten (l-Aġenzija Svediża għall-Media)) ħarġet “utgivningsbevis” (iċ-ċertifikat ta’ nuqqas ta’ ostakolu legali għall-pubblikazzjoni li jagħti protezzjoni kostituzzjonali, iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat tal-pubblikazzjoni”) lil Lexbase.

8.        Fis‑17 ta’ Jannar 2011, ND, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali u d-deċiżjoni ta’ kundanna relevanti kienet disponibbli fuq Lexbase sax-xahar ta’ Frar 2024. Id-deċiżjoni ta’ kundanna tħassret mir-reġistru pubbliku tar-rekords kriminali. Għalkemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lil Legal Newsdesk tħassar id-data personali tiegħu, din ma tħassritx immedjatament, iżda biss wara kontroll ta’ rutina.

9.        ND adixxa lill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda) b’rikors intiż għall-kundanna ta’ Legal Newsdesk għall-ħlas ta’ danni fl-ammont ta’ 300 000 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 26 000), flimkien mal-interessi. Legal Newsdesk ikkontestat din it-talba u, b’dan il-mod, sostniet li l-kontenut ippubblikat fuq Lexbase kien kopert minn ċertifikat ta’ pubblikazzjoni. Madankollu, skont id-dritt nazzjonali, f’tali sitwazzjoni, il-GDPR ma japplikax bħala tali, peress li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa ggarantit mil-liġijiet kostituzzjonali dwar il-media, li jipprevedu biss il-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali tal-persuna responsabbli tal-ksur ta’ tali protezzjoni għall-malafama u d-dritt li jintalab kumpens f’dan ir-rigward.

10.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 85(2) tal-GDPR jawtorizza espliċitament lill-Istati Membri jipprevedu eżenzjonijiet u derogi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għal “finijiet ġurnalistiċi” u, b’mod iktar ġenerali, sabiex tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Madankollu, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għal “finijiet ġurnalistiċi”, il-GDPR ma jiddefinixxix x’għandu jinftiehem b’dawn il-finijiet. Barra minn hekk, anki jekk tali għanijiet kellhom ikopru kwalunkwe żvelar ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku, il-ġurisprudenza ma tiċċarax l-impatt tal-Artikolu 85 tal-GDPR fuq ir-rimedji legali li għandhom ikunu disponibbli għas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 79 u 82 tal-GDPR.

11.      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Marzu 2024, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Marzu 2024, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.            L-Artikolu 85(1) [tal-GDPR] jagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi flimkien ma’ dawk li għandhom jadottaw skont l-Artikolu 85(2) tar-regolament li jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet oħra minbarra dawk ġurnalistiċi jew għall-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: L-Artikolu 85(1) tal-GDPR jippermetti r-rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont dak ir-regolament mal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li jimplika li l-uniku rimedju ġudizzjarju disponibbli għal persuna li d-data personali tagħha tiġi pproċessata billi l-kundanni kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, bi ħlas, huwa l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali għal malafama jew azzjoni għad-danni għal malafama?

3.      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda: Attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet bi ħlas, mingħajr ipproċessar jew modifika, ta’ dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ kundanni kriminali tista’ tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 85(2) tal-GDPR?”

12.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Bulgaru, Finlandiż u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Mejju 2025.

III. Evalwazzjoni

A.      Domandi 1 u 2 — dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) u (2) tal-GDPR

13.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 85(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-uniku rimedju ġudizzjarju disponibbli għal persuna li d-data personali tagħha tiġi pproċessata billi l-kundanni kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, bi ħlas, huwa l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali għal malafama jew azzjoni għad-danni għal malafama.

1.      Fuq l-istruttura tal-Artikolu 85 tal-GDPR

14.      Għal dan l-għan, l-ewwel ser neżamina l-istruttura u l-oriġini tal-Artikolu 85 tal-GDPR.

15.      Skont l-Artikolu 85(1) tal-GDPR, l-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

16.      Din id-dispożizzjoni tirrifletti u tfittex li tirrikonċilja – terminu li jfakkar it-terminoloġija użata fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108 (3) – tliet drittijiet fundamentali distintivi u potenzjalment kontradittorji li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”): il-protezzjoni tad-data personali (4), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (5), u l-libertà tal-arti u x-xjenza (6).

17.      Peress li l-Artikolu 85(1) tal-GDPR fih il-kelma “inkluż”, nista’ niddeduċi li l-attività tal-ġurnaliżmu tikkostitwixxi waħda minn diversi sottokategoriji tal-kategorija usa’ tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni.

18.      Fir-rigward ta’ din is-subkategorija speċifika ta’ pproċessar għal finijiet ġurnalistiċi (7), l-Artikolu 85(2) tal-GDPR jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

19.      Fir-rigward tad-differenza u l-interazzjoni bejn l-Artikolu 85(1) u (2) tal-GDPR, filwaqt li l-ewwel wieħed jistabbilixxi l-mandat u l-prinċipju regolatorju ġenerali, it-tieni wieħed jipprevedi l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-oqsma speċifikament elenkati, billi jawtorizza espressament lill-Istati Membri jeżentaw u jidderogaw minn ċerti kapitoli tal-GDPR.

20.      Xi rimarki dwar din id-dispożizzjoni huma mixtieqa f’dan l-istadju.

21.      L-ewwel nett, kif tindika l-formulazzjoni tal-Artikolu 85(1) tal-GDPR (8), l-Istati Membri għandhom l-obbligu (u mhux sempliċi possibbiltà) li jirrikonċiljaw il-protezzjoni tad-data mal-libertà tal-espressjoni.

22.      It-tieni nett, mekkaniżmu speċifiku għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu huwa indikat biss għall-ipproċessar ta’ data għall-finijiet ġurnalistiċi jew finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja. L-Artikolu 85 tal-GDPR imkien ma jispeċifika jekk dan il-mekkaniżmu indikat jistax jintuża wkoll għal oqsma oħra li jaqgħu taħt il-libertà tal-espressjoni, iżda ma jikkostitwixxix l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

23.      It-tielet nett, skont l-Artikolu 85(2) tal-GDPR, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu eżenzjonijiet u derogi minn numru ta’ kapitoli tal-GDPR, u b’hekk jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni effettiv ta’ dawn il-kapitoli jekk dawn l-eżenzjonijiet u derogi jkunu neċessarji sabiex jiġu rrikonċiljati l-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-espressjoni. Iżda jindika li hemm sitwazzjonijiet fejn il-protezzjoni tad-data għandha tkun ristretta sabiex tkun kompatibbli u rikonċiljabbli mal-libertà tal-espressjoni.

24.      Ir-raba’ nett, meta l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 85 tal-GDPR, huma jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. Huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jfisser li din hija applikabbli għal dan l-eżerċizzju ta’ konċiljazzjoni (9).

25.      Il-ħames nett, il-kompitu tal-eżerċizzju effettiv tar-rikonċiljazzjoni jitħalla f’idejn l-Istati Membri. Hija r-responsabbiltà tagħhom li jikkalibraw din ir-relazzjoni f’konformità mat-tradizzjonijiet legali u kostituzzjonali tagħhom stess. Dan inevitabbilment iwassal għal ċerta disparità fil-livelli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni Ewropea, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tad-data kif ukoll fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, peress li żewġ drittijiet potenzjalment opposti jeħtieġ li jiġu rrikonċiljati. Issa, dan huwa preċiżament dak li ried il-leġiżlatur tal-Unjoni.

26.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 85 tal-GDPR fl-ebda każ ma jipprevedi bażi legali li tippermetti lill-Istati Membri jiddikjaraw il-GDPR fl-intier tiegħu inapplikabbli għal ċerti sitwazzjonijiet. Dan huwa minnu kemm għall-paragrafu 1 kif ukoll għall-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt, jiena nargumenta li l-Artikolu 85 tal-GDPR ma jipprovdix bażi legali għal-leġiżlazzjoni Svediża li tiddikjara l-GDPR bħala inapplikabbli sa fejn dan ikun f’kunflitt mal-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-libertà tal-espressjoni.

2.      Fuq ir-rabta bejn l-Artikolu 85(1) u (2) tal-GDPR

27.      Kif intqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 85 tal-GDPR ma jgħid xejn dwar jekk huwiex possibbli li wieħed jirrikorri għall-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni f’konnessjoni ma’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-espressjoni li ma jikkostitwixxux ipproċessar għal skopijiet ġurnalistiċi (10). Stat Membru jista’ jipprevedi eżenzjonijiet u derogi mill-Kapitoli II-VII u IX anki meta dawn ma jkunux jikkonċernaw finijiet ġurnalistiċi?

28.      Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu eżenzjonijiet u derogi għal kapitoli sħaħ tal-GDPR.

29.      L-ewwel, il-fatt li l-Artikolu 85(2) tal-GDPR jelenka bir-reqqa għadd ta’ kapitoli tal-GDPR li għandhom jiġu ristretti jindika li dan japplika biss għall-kwistjoni speċifika indirizzata f’dan il-paragrafu, jiġifieri l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi.

30.      It-tieni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 85(3) tal-GDPR, li tobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tad-dritt tagħha li huma adottaw skont il-paragrafu 2, ftit li xejn tagħmel sens jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu, anki skont l-Artikolu 85(1), jipprevedu eżenzjonijiet u derogi għall-kapitoli tal-GDPR elenkati fl-Artikolu 85(2). L-Artikolu 85(3) tal-GDPR ifittex li jqiegħed lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tippermettilha twettaq eżerċizzju ta’ skrinjar bir-reqqa meta l-Istati Membri jkunu derogaw minn kapitoli speċifiċi tal-GDPR. Dan l-għan jiġi kompromess jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu, skont l-Artikolu 85(1) tal-GDPR, jipprovdu eżenzjonijiet u derogi li ma jkunux suġġetti għal obbligu ta’ kommunikazzjoni.

31.      It-tielet, l-eżami tal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-GDPR huwa informattiv. Dan juri li l-Kummissjoni, fl-abbozz inizjali tagħha (li mbagħad sar) l-Artikolu 85 tal-GDPR, isegwi l-loġika tal-predeċessur ta’ din id-dispożizzjoni fid-Direttiva 95/46/KE (11), intiża li tillimita l-konċiljazzjoni tal-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-espressjoni għall-ipproċessar imwettaq biss għal finijiet ġurnalistiċi. F’din il-linja ta’ ħsieb, hija pproponiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni tkun komposta minn żewġ paragrafi, li essenzjalment jixbhu l-Artikolu 85(2) u (3) tal-GDPR (12). Il-Parlament ipprova jestendi r-reġim propost għal-libertà tal-espressjoni b’mod ġenerali. Ġie propost li r-referenza għal “finijiet ġurnalistiċi” titħassar u tiġi sostitwita b’“kull meta jkun neċessarju” (13). Madankollu, dik il-proposta fl-aħħar mill-aħħar ma ġietx implimentata.

32.      Minn dan jirriżulta l-Artikolu 85 tal-GDPR fil-forma attwali tiegħu. Li kieku kien possibbli għal Stat Membru li jadotta l-istess miżuri kemm taħt l-Artikolu 85(1) kif ukoll taħt l-Artikolu 85(2) tal-GDPR, il-pożizzjoni tal-Parlament li ġiet miċħuda f’dak l-istadju preċedenti, fil-fatt, tipprevali.

33.      Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkustanzi speċifiċi, fuq il-bażi tal-Artikolu 85(1) tal-GDPR, jillimitaw id-drittijiet li jinsabu fil-GDPR. Il-kundizzjonijiet preċiżi li fihom dan huwa possibbli huma, fir-rigward ta’ din il-kawża, ipotetiċi u jmorru lil hinn mill-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju.

3.      L-ebda eżenzjoni jew deroga mill-Kapitolu VIII tal-GDPR

34.      Barra minn hekk, la l-Artikolu 85(1) tal-GDPR u lanqas, fir-realtà, ebda dispożizzjoni oħra tal-GDPR, ma jippermettu lill-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet irrikonoxxuti lis-suġġetti tad-data taħt il-Kapitolu VIII (dwar rimedji, responsabbiltà u pieni), peress li dan iwassal sabiex tiġi evitata l-ommissjoni espressa ta’ dan il-kapitolu fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

35.      Mill-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tat-tixrid ta’ data dwar reati kriminali huwa ggarantit biss permezz ta’ responsabbiltà kriminali għal malafama u l-possibbiltà li jintalab kumpens f’dan ir-rigward. Dan għandu l-konsegwenza li d-dritt nazzjonali inkwistjoni jeskludi direttament diversi rimedji previsti fil-Kapitolu VIII fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali protetta mil-libertà ta’ espressjoni skont id-dritt nazzjonali, bħat-tressiq ta’ lment skont l-Artikolu 77 tal-GDPR, peress li l-awtorità superviżorja ma tidhirx li għandha s-setgħa li timponi sanzjonijiet kriminali jew li tagħti danni. Għall-istess raġunijiet, id-dritt nazzjonali inkwistjoni jidher li jeskludi kwalunkwe ordni kontra l-kontrollur skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR.

36.      Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 85(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-uniku rimedju ġudizzjarju disponibbli għal persuna li d-data personali tagħha tiġi pproċessata billi l-kundanni kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, bi ħlas, huwa l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali għal malafama jew azzjoni għad-danni għal malafama.

B.      Domanda 3 — dwar il-kunċett ta’ “finijiet ġurnalistiċi” skont it-tifsira tal-Artikolu 85(2) tal-GDPR

37.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet bi ħlas, mingħajr ipproċessar jew modifika, ta’ dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ kundanni kriminali tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ ġurnaliżmu msemmi fl-Artikolu 85(2) tal-GDPR (14).

38.      Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju sempliċement titlob kjarifika dwar jekk din il-kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85(2) tal-GDPR. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk l-Isvezja – fil-każ li l-Artikolu 85(2) tal-GDPR ikun applikabbli – tirrikonċiljax b’mod korrett il-libertà tal-espressjoni mal-protezzjoni tad-data.

39.      Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk id-database ta’ Legal Newsdesk tikkorrispondix għal finijiet ġurnalistiċi.

40.      Fl-assenza ta’ definizzjoni ċara, il-punt tat-tluq sabiex jiġi interpretat xi jfisser it-terminu “finijiet ġurnalistiċi” għandu jkun it-tifsira ordinarja tiegħu. F’dan il-każ, id-dizzjunarji awtorevoli joffru definizzjoni pjuttost stretta tat-terminu “ġurnaliżmu”: “ix-xogħol ta’ ġbir u ta’ abbozzar ta’ aħbarijiet għal gazzetti, rivisti, siti tar-radju, tat-televiżjoni jew ta’ siti ta’ informazzjoni online; stejjer ta’ ġrajjiet kurrenti li jinkitbu” (15); “ix-xogħol ta’ artikli tal-kitba għal gazzetti, rivisti, televiżjoni jew radju” (16).

41.      F’dan l-istadju, wieħed jista’ jibbaża ruħu ħafna fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, prekursur għall-Artikolu 85 tal-GDPR. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċetti relatati mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, bħall-ġurnaliżmu, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (17), li juri li r-rikonċiljazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-espressjoni ma ssegwix il-loġika klassika tal-eċċezzjoni legali. Barra minn hekk, l-attivitajiet sistematiċi ta’ ġbir u pubblikazzjoni ta’ listi komprensivi ta’ data fiskali personali mir-reġistri pubbliċi u sussegwentement ippubblikati jistgħu jikkwalifikaw bħala “attivitajiet ġurnalistiċi” jekk l-għan tagħhom ikun l-iżvelar ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku, irrispettivament mill-mezz użat biex jiġu trażmessi. Ma humiex biss irriżervati għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, u jistgħu jkollhom l-għan li jsir qligħ (18).

42.      Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-għanijiet ġurnalistiċi ma humiex neċessarjament marbuta ma’ media tradizzjonali bħall-gazzetti, ir-radju u t-televiżjoni (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-eżenzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 japplikaw mhux biss għall-impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni, iżda wkoll għal kull persuna li teżerċita attività ġurnalistika (20), b’tali mod li, bħala prinċipju, anki l-bloggers u l-individwi jistgħu jinvokaw l-Artikolu 85(2) tal-GDPR.

43.      Barra minn hekk, il-fatt li l-pubblikazzjoni ta’ data fid-dominju pubbliku ssir għal skopijiet ta’ lukru ma jipprekludix, prima facie, li din il-pubblikazzjoni titqies bħala attività mwettqa “għal finijiet ġurnalistiċi biss”. Kull kumpannija ser tfittex li tagħmel profitt mill-attivitajiet tagħha. Ċertu suċċess kummerċjali jista’ wkoll jikkostitwixxi l-kundizzzjoni sine qua non tal-eżistenza tal-attività professjonali tal-ġurnaliżmu (21).

44.      Issa, f’kawża li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni vidjo ta’ aġenti tal-pulizija li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’għassa tal-pulizija fuq sit internet ta’ vidjos pubbliċi jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jitqies li kull informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, li timplika data personali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet ġurnalistiċi” u tibbenefika għalhekk mill-eżenzjonijiet jew mid-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 (22).

45.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li tagħti marġni kunsiderevoli ta’ manuvra lill-qrati tar-rinviju sabiex jiddeterminaw jekk effettivament jeżistix ipproċessar għall-finijiet ġurnalistiċi fil-kawżi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza l-kwistjoni dwar jekk pubblikazzjoni għandhiex bħala għan uniku “l-iżvelar ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku” (23).

46.      Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika din il-ġurisprudenza għall-kawża li għandha quddiemha, abbażi tal-informazzjoni msemmija, ma naħsibx li t-trattament minn Legal Newsdesk huwa intiż għall-iżvelar ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku (24). Dan jinvolvi biss l-użu ta’ bażi ta’ data li fiha hija tagħti aċċess biss għal deċiżjonijiet ġudizzjarji kriminali, mingħajr ipproċessar jew editjar ulterjuri ta’ din id-data. Niddubita kemm din l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali tiġi ppubblikata sabiex tinġibed l-attenzjoni tas-soċjetà għal kwistjoni partikolari. Għall-kuntrarju, wieħed iħalli l-impressjoni, kif sostniet ukoll b’mod konvinċenti l-Kummissjoni, li Legal Newsdesk tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni biss ta’ dawk li jħallsu għaliha, mingħajr ebda indikazzjoni li l-kumpannija għandha l-intenzjoni, b’mod iktar ġenerali, li tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għal din l-informazzjoni.

47.      Wara li kkunsidra l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, insibha diffiċli li nipproponi li attività bħal din għandha titqies li titwettaq għal finijiet ġurnalistiċi.

48.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 85(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, mingħajr ipproċessar jew modifika, ta’ dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ kundanni kriminali, ma tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ġurnalistiċi.

IV.    Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Attunda tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Attunda, l-Isvezja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-uniku rimedju ġudizzjarju disponibbli għal persuna li d-data personali tagħha tiġi pproċessata billi l-kundanni kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, bi ħlas, huwa l-bidu ta’ proċeduri kriminali għal malafama jew għal talba għad-danni minħabba malafama.

(2)      L-Artikolu 85(2) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, mingħajr ipproċessar jew modifika, ta’ dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ kundanni kriminali, ma tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ġurnalistiċi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 2).


3      Ara l-preambolu tal-Konvenzjoni oriġinali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1981 għall-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, disponibbli fuq https://rm.coe.int/1680078b37 Din il-konvenzjoni ġiet aġġornata b’mod eżawrjenti fl-2018 permezz tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (CETS Nru 223 — disponibbli fuq https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list?module=treaty-detail&treatynum=223). F’dan ir-rigward, ġew introdotti rekwiżiti ġodda għar-rappurtar ta’ ksur tad-data, tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi u mekkaniżmi mtejba għall-flussi transkonfinali tad-data. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1)(b) tal-Konvenzjoni riveduta issa jelenka l-libertà tal-espressjoni expressis verbis bħala raġuni għal-limitazzjoni tal-protezzjoni tad-data. Il-Protokoll għadu ma daħalx fis-seħħ, peress li dan jeħtieġ ir-ratifika ta’ mill-inqas 38 mill-Partijiet għall-Konvenzjoni, huma biss 33 minn dawn il-partijiet li attwalment irratifikaw il-Protokoll (ara https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list?module=treaty-detail&treatynum=223). It-test ikkonsolidat jista’ jiġi kkonsultat fuq https://rm.coe.int/convention-108-convention-for-the-protection-of-individuals-with-regar/16808b36f1.


4      L-Artikolu 8 tal-Karta.


5      L-Artikolu 11 tal-Karta.


6      L-Artikolu 13 tal-Karta.


7      Kif ukoll għal finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.


8      “L-Istati Membri għandhom …”.


9      Ara wkoll, f’dan is-sens, Schiedermair, S., f’Ehmann, E. and Selmayr, M. (eds), Datenschutz-Grundverordnung, Kommentar, 3rd edition, C.H. Beck, Munich, 2022, il-punt 4 tal-Artikolu 85.


10      Għal raġunijiet ta’ konvenjenza, b’riferiment għall-Artikolu 85(2) tal-GDPR, issa mhux ser nirreferi għall-kunċett ta’ “espressjoni akkademika, artistika jew letterarja”, peress li din il-kawża ma tittrattax dawn il-kwistjonijiet.


11      Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


12      Ara l-Artikolu 80 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) COM/2012/011 final – 2012/0011 (COD), adottata fil‑25 ta’ Jannar‑2012, mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis‑27 ta’ Jannar 2012.


13      Ara l-Artikolu 80 tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit‑12 ta’ Marzu 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru.../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), adottat permezz tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat‑12 ta’ Marzu 2014 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data] [COM(2012)0011 – C7–0025/2012 – 2012/0011 (COD).


14      Għalkemm it-terminu “ġurnalistiku” ma jinsabx fil-formulazzjoni tad-domanda, konformement mal-proposta tal-Kummissjoni, nipproponi li d-domanda tiġi rriformulata b’mod marġinali f’dan is-sens, peress li huwa ċar li l-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar il-kunċett ta’ “finijiet ġurnalistiċi” u mhux (ukoll) dwar il-kunċett tal-“finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja”.


15      Ara d-definizzjoni proposta fl-Oxford Advanced Learner’s Dictionary, disponibbli fuq https://www.oxfordlearnersdictionaries.com/definition/english/journalism?q=journalism.


16      Ara d-definizzjoni proposta fil-Cambridge Learner’s Dictionary, disponibbli fuq https://dictionary.cambridge.org/dictionary/learner-english/journalism.


17      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56), u tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C-345/17, EU:C:2019:122, punt 51).


18      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 61).


19      Dan huwa rifless ukoll fil-premessa 153 tal-GDPR, li hija l-ekwivalenti deskrittiv tal-Artikolu 85 tal-GDPR u li ssemmi espressament il-“qasam awdjoviżiv”.


20      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 58). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Satakunnan Markkinapörssi and Satamedia (C‑507/07, EU:C:2008:266, punt 65).


21      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 59).


22      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 58). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Buivids (C‑345/17, EU:C:2018:780, punt 55).


23      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 62), u tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C-345/17, EU:C:2019:122, punt 59).


24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, wara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża waslet għall-konklużjoni li f’dan il-każ ma kienx hemm ipproċessar għall-finijiet ġurnalistiċi. Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), 21 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs  Il‑Finlandja (CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, § 22).