31988D0363



Official Journal L 177 , 08/07/1988 P. 0057 - 0058
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 26 P. 0241
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 26 P. 0241


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-13 ta’ Ġunju 1988

li tikkonċedi deroga lir-Renju Unit u tiffissa l-kondizzjonijiet tas-saħħa ekwivalenti li jridu jiġu rispettati rigward it-tqattigħ tal-laħam frisk

(88/363/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [1], kif l-aħħar emendata bir-Regolament Nru 3805/87 [2], u b’mod partikolari Artikolu 13 tagħha,

Billi, skond Artikolu 13 tad-Direttiva 64/433/KEE skond il-proċedura f’Artikolu 16, id-derogi mill-paragrafu 45(ċ) ta’ Anness I jistgħu jingħataw, fuq talba, lil kull Stat Membru li jipprovdi garanziji simili; billi dawn id-derogi jridu jiffissaw il-kondizzjonijiet tas-saħħa li huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk ta’ l-Anness imsemmi;

Billi l-awtoritajiet tar-Renju Unit, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 1987, ippreżentaw lill-Kummissjoni talba għal deroga mill-paragrafu 45(ċ) ta’ Anness I mad-Direttiva 64/433/KEE għat-tqattigħ tal-laħam taċ-ċanga, tal-muntun u tal-majjal frisk; billi din it-talba tipproponi kondizzjonijiet tas-saħħa; billi huwa meħtieġ li l-kondizzjonijiet tas-saħħa ffissati bħala alternattiva fid-deroga mitluba fuq it- tqattigħ ta’ laħam frisk ikunu għall-inqas ekwivalenti għal dawk tal-paragrafu 45(ċ) ta’ Anness I mad-Direttiva 64/433/KEE;

Billi l-kondizzjonijiet tas-saħħa proposti mir-Renju Unit huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-paragrafu 45(ċ) ta’ Anness I mad-Direttiva 64/433/KEE;

Billi l-miżuri provvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minkejja l-paragrafu 45(ċ) ta’ l-Anness I mad-Direttiva 64/433/KEE, ir-Renju Unit jista’ jawtorizza t-tqattigħ tal-laħam taċ-ċanga, tal-muntun u tal-majjal frisk skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Viċi-President

[1] ĠU Ċ 121, tad- 29.7.1964, p. 2012/64.

[2] ĠU L 357, tad-19.12.1987, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-kondizzjonijiet speċjali għat-tqattigħ tal-karkassi tal-bhejjem tal-fart, tal-muntun u tal-majjal

1. Il-karkassi, li joriġinaw minn fuq l-art tal-biċċerija, wara li jitkessħu fil-kmamar tar-refriġerazzjoni li joperaw f’temperatura ta’ l-arja fit-tarf tal-ħruġ ta’ l-evaporaturi hekk illi karkassi jistgħu jiġu mkessħa għal temperatura interna ta’ +7 oĊ fi żmien 48 siegħa rigward il-karkassi tal-bhejjem tal-fart u fi żmien 20 siegħa rigward il-karkassi tal-muntun u tal-majjal, jiġu ttrasportati għall-fondijiet tat-tqattigħ, li t-temperatura tagħhom ma taqbiżx it- +12 oĊ, li jinsabu fl-istess grupp ta’ bini bħall-magni tat-tkessiħ.

2. Il-laħam jiġi ttrasferit f’ħidma waħda.

3. Il-karkassi jiġu mdħħla fil-kamra tat-tqattigħ u jitneħħielhom il-għadam qabel ma tintlaħaq temperatura interna ta’ +7 oĊ jekk it-tqattigħ isir fi żmien 48 siegħa mit-tmiem tal-ħidmai tal-qtil għall-karkassi tal-bhejjem tal-fart u 20 siegħa għall-karkassi tal-muntun u tal-majjal.

4. Il-ħin bejn minn meta l-laħam jidħol fil-kamra tat-tqattigħ u meta jiġi suġġettat għal aktar refriġerazzjoni ma jaqbiżx is-60 minuta.

5. Malli jitqatta’ u jiġi pakkeġġjat, il-laħam jiġi ttrasportat għal kmamar approprjati tar-refriġerazzjoni.

--------------------------------------------------