IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2025
COM(2025) 761 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jevalwa s-sejbiet ewlenin tal-istudji pilota stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar
1.Sfond
Ir-Regolament (UE) 2016/792 jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għat-tixrid tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP, harmonised index of consumer prices), l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT, harmonised index of consumer prices at constant tax rates), l-indiċi tal-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet okkupati mis-sid (OOHPI, owner-occupied housing price index) u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (HPI, house price index). Dawn l-erba’ indiċijiet flimkien jissejħu l-“indiċijiet armonizzati”.
L-Artikolu 8 tar-Regolament jippermetti lill-Kummissjoni tniedi studji pilota, li jitwettqu fuq bażi volontarja mill-Istati Membri. Tista’ tagħmel dan kull meta tkun meħtieġa informazzjoni bażika mtejba biex jiġu kkompilati l-indiċijiet armonizzati jew meta jkun meħtieġ li l-indiċijiet armonizzati jsiru aktar komparabbli.
Il-baġit ġenerali tal-UE jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawn l-istudji pilota, fejn xieraq.
Dawn l-istudji jridu jivvalutaw il-fattibbiltà li tinkiseb informazzjoni bażika mtejba jew li jiġu adottati approċċi metodoloġiċi ġodda.
Il-Kummissjoni (il-Eurostat) trid tevalwa r-riżultati tal-istudji pilota f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-utenti ewlenin tal-indiċijiet armonizzati. Meta tagħmel dan, hija tqis il-benefiċċji ta’ informazzjoni bażika mtejba jew ta’ approċċi metodoloġiċi ġodda meta mqabbla mal-kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni ta’ indiċijiet armonizzati.
Kull 5 snin, f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2016/792, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa, jekk applikabbli, is-sejbiet ewlenin tal-istudji pilota. L-ewwel rapport ġie ppreżentat f’Diċembru 2020. Dan huwa t-tieni rapport, li għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Diċembru 2025.
L-ewwel rapport evalwa s-sejbiet ewlenin tal-istudji pilota għall-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2016-2017. Dan ir-rapport ikopri studji pilota appoġġati minn għotjiet mill-baġit ġenerali tal-UE għall-2018-2022. F’dawn l-aħħar snin, tnedew aktar ċikli, iżda l-istudji rilevanti għadhom għaddejjin u għadhom ma jistgħux jiġu evalwati.
Il-baġit totali impenjat għall-għotjiet għall-HICP matul l-2018-2022 kien ta’ EUR 5 548 290. Madwar 65 % ta’ dan l-ammont kien iddedikat għal studji pilota. Il-baġit impenjat għall-għotjiet għall-HPI/OOHPI kien ta’ EUR 2 640 861. Madwar 20 % ta’ dan l-ammont kien iddedikat għal studji pilota.
2.Studji pilota dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur
2.1.Ħarsa ġenerali
Kien hemm żewġ prijoritajiet wesgħin għall-istudji pilota dwar l-HICP: metodoloġiji mtejba u sorsi ġodda tad-data għall-HICP.
Dawn il-prijoritajiet jirriflettu l-ħtieġa kontinwa li l-HICP ikun rilevanti u jkollu metodoloġija soda. Il-ġbir tad-data jeħtieġ ukoll li jiġi mmodernizzat b’reazzjoni għall-bidliet fix-xejriet tal-konsum, fid-disponibbiltà tad-data u fl-ekonomija diġitali li qed tevolvi, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/792.
L-ewwel prijorità għal metodoloġiji ġodda għall-HICP hija li jittejbu l-għodod statistiċi użati biex jiġi kkompilat dan l-indiċi. L-għan huwa li l-HICP jibqa’ teoretikament sod, robust fid-dawl ta’ xejriet ta’ konsum li qed jinbidlu u konsistenti mal-aħjar prattika internazzjonali fil-kejl tal-prezzijiet. L-istudji ffinanzjati taħt din l-attività kienu jinvolvu ħidma fuq metodi biex tinqabad id-diġitalizzazzjoni, fuq l-aġġustament tal-kwalità u fuq metodi tal-indiċijiet multilaterali. Dawn it-temi jindirizzaw mistoqsijiet metodoloġiċi li ilhom pendenti u sfidi ġodda li jirriżultaw minn dinamika tal-konsum aktar kumplessa. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-HICP ikejjel l-inflazzjoni b’aktar akkuratezza u komparabbiltà madwar l-Istati Membri, filwaqt li jħejji għal standards statistiċi futuri.
It-tieni prijorità hija li tiġi inkorporata data minn sorsi alternattivi ta’ data fl-HICP. L-għan huwa li jiġi mmodernizzat il-ġbir tad-data f’konformità mad-diġitalizzazzjoni tas-swieq bl-imnut sabiex jittejbu l-kopertura, l-effiċjenza u t-tempestività. L-istudji ffinanzjati koprew id-data tal-iskenners, id-data li ġiet scraped mill-web u l-inklużjoni ta’ sorsi differenti. Dan jirrifletti l-ħtieġa li l-istatistika dwar il-prezzijiet għall-konsumatur tiġi adattata għal ambjent fejn ħafna informazzjoni tinġabar b’mod elettroniku. Dan jeħtieġ mhux biss infrastruttura ġdida tal-IT iżda wkoll metodi statistiċi riveduti biex sorsi differenti jiġu inkorporati b’mod affidabbli.
Hemm xi trikkib kunċettwali bejn iż-żewġ prijoritajiet anke jekk dawn huma ppreżentati b’mod separat. Diversi proġetti nazzjonali neċessarjament kienu jkopru ż-żewġ prijoritajiet, bħall-applikazzjoni ta’ metodi ta’ indiċi multilaterali għad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew id-data li tiġi scraped mill-web. Ir-rapport jiddeskrivi din il-ħidma taħt is-suġġett metodoloġiku rilevanti u jipprovdi kontroreferenzi fejn dawn ikunu meħtieġa.
2.2.Ħidma li tlestiet
Studji pilota dwar metodi biex tinqabad id-diġitalizzazzjoni
Dawn l-istudji pilota eżaminaw kif l-HICP jista’ jadatta għal forom ġodda ta’ konsum fl-ekonomija diġitali. L-għan kien li jiġu identifikati l-metodi u s-sorsi tad-data għall-kejl tal-prezzijiet tas-servizzi bbażati fuq il-pjattaformi u x-xiri transfruntier fuq l-internet, u li jittejjeb id-disinn tal-kampjuni. Saret ħidma biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà li jinqabdu s-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva u ġew prodotti indiċijiet sperimentali mid-data amministrattiva. Studji oħra inkludew ix-xiri transfruntier fuq l-internet u żviluppaw metodi biex jikkwantifikaw l-ishma tal-infiq online u biex jinkorporawhom f’indiċijiet għal kategoriji bħall-ħwejjeġ u bħal xedd is-saqajn. It-twettiq parallel wera effetti li jistgħu jitkejlu fuq ir-rati annwali. Il-ħidma metodoloġika indirizzat ukoll id-disinn tal-kampjuni għad-diġitalizzazzjoni u ttestjat metodi ta’ allokazzjoni ottimizzati bbażati fuq in-nefqa u l-varjanza fil-prezzijiet.
Studji pilota dwar il-metodi għall-aġġustament tal-kwalità
Dawn l-istudji pilota eżaminaw kif il-bidliet fil-kwalità fil-prodotti jistgħu jinqabdu aħjar fl-HICP biex jitnaqqas il-bias mill-fatturat jew minn varar mill-ġdid. L-għan kien li jiġu ttestjati u rfinuti l-metodi u li jiġu żviluppati għodod fejn ma jaslux il-metodi tradizzjonali ta’ trikkib. L-istudji sabu li l-mudelli tas-serje kronoloġika edoniċi rriflettew id-dinamiċi tal-prezzijiet aġġustati għall-kwalità aħjar mill-medji bażiċi, speċjalment għall-oġġetti li l-mudelli tagħhom jinbidlu spiss. Ħidma oħra indirizzat il-varar mill-ġdid mis-supermarkets billi kkombinat l-indiċijiet multilaterali ma’ approċċi edoniċi biex tiġi ppreservata l-kontinwità. Proġetti ulterjuri ħolqu għajnuniet għall-kolletturi tal-prezzijiet, inklużi siġar tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-metodi ta’ aġġustament u karatteristiċi tal-prodott estiżi għad-data online u tal-iskenners.
Studji pilota dwar metodi multilaterali
Dawn l-istudji pilota esploraw kif il-metodi tal-indiċijiet multilaterali jistgħu jiġu applikati għall-bini ta’ serje tal-HICP minn settijiet kbar ta’ data b’fatturat għoli, bħal data tal-iskenners u data li tiġi scraped mill-web. Huma ttestjaw approċċi differenti u vvalutaw il-prestazzjoni tagħhom skont strateġiji alternattivi ta’ splicing u ta’ konkatenazzjoni. Diversi studji ffukaw fuq gruppi ta’ prodotti bħall-ikel, il-ħwejjeġ, l-apparati u l-elettronika; u wrew kif il-metodi jaħdmu kemm fi swieq stabbli kif ukoll f’dawk volatili. Ir-riċerka indirizzat ukoll sfidi bħal (i) l-estensjoni tal-indiċijiet maż-żmien, (ii) id-derivazzjoni ta’ stratifikazzjonijiet meta l-informazzjoni dwar il-prodott tkun limitata u (iii) l-inkorporazzjoni ta’ għodod ta’ validazzjoni fis-sistemi tal-produzzjoni. B’mod ġenerali, din il-ħidma pprovdiet evidenza soda dwar il-fattibbiltà u t-tfassil ta’ metodi multilaterali għall-istatistiċi dwar il-prezzijiet għall-konsumatur.
Studji pilota dwar id-data tal-iskenners
Diversi proġetti investigaw l-użu tad-data tal-iskenners mill-bejjiegħa bl-imnut għall-HICP. Il-fokus kien fuq il-proċessi minn tarf sa tarf li jvarjaw mill-akkwiżizzjoni u t-tindif tad-data sal-klassifikazzjoni u l-kompilazzjoni tal-indiċijiet. Saret ħidma biex jinbnew sistemi għall-ġestjoni ta’ settijiet kbar ta’ data billi ġew applikati filtri għall-outliers u billi tfasslu flussi tax-xogħol adattati għal oġġetti bi frekwenza għolja u b’fatturat għoli (bħall-ikel, ix-xorb, l-apparat domestiku u l-oġġetti ta’ kura personali). Xi proġetti pilota ttestjaw ukoll l-apprendiment awtomatiku għall-klassifikazzjoni tal-prodotti biex titnaqqas il-kodifikazzjoni manwali. Xi Stati Membri esploraw ukoll formuli tal-indiċi xierqa u ttestjaw indiċijiet bilaterali u strateġiji ta’ konkatenazzjoni għall-kompilazzjoni ta’ kull xahar.
Studji pilota dwar data li tiġi scraped mill-web
Dawn l-istudji pilota ttestjaw il-fattibbiltà tal-iscraping tal-web għall-HICP f’oqsma bħall-ħwejjeġ, l-elettronika, is-servizzi tat-trasport u l-prodotti tat-turiżmu (eż. in-nollijiet tal-ajru u l-pakketti tal-ivvjaġġar). Il-proġetti żviluppaw għodod awtomatizzati għall-iscraping, kultant flimkien mal-apprendiment awtomatiku għall-klassifikazzjoni tal-prodotti. Esploraw ukoll mudelli statistiċi biex itejbu l-kompilazzjoni tal-indiċijiet. F’xi każijiet, id-data li ġiet scraped mill-web kienet marbuta ma’ data tradizzjonali jew tal-iskenners biex jiġu prodotti indiċijiet sperimentali (eż. għal-laptops, għall-prezzijiet tal-lukandi u għall-elettronika għall-konsumatur). L-użu operazzjonali għadu limitat, iżda l-iscraping tal-web diġà ssostitwixxa l-ġbir manwali jew żdied miegħu għal ċerti gruppi ta’ prodotti u wera potenzjal ċar għal applikazzjoni usa’.
Studji pilota dwar l-inkorporazzjoni ta’ prezzijiet minn sorsi differenti ta’ data
Dawn l-istudji pilota investigaw kif flussi differenti ta’ data jistgħu jiġu magħquda biex jittejbu l-kopertura, it-tempestività u l-akkuratezza tal-HICP. Il-fokus ewlieni kien fuq il-kirjiet u fuq oqsma oħra fejn id-data tradizzjonali mill-istħarriġiet hija għalja jew mhux kompluta. Saret ħidma fuq l-inklużjoni ta’ data amministrattiva dwar il-kirjiet privati mill-federazzjonijiet tal-industrija. Din żiedet sostanzjalment in-numru ta’ osservazzjonijiet u d-dettall ġeografiku disponibbli. Studji oħra esploraw l-użu ta’ data dwar ir-reklamar online u ta’ settijiet ta’ data tas-sidien tal-kera professjonali għall-indiċijiet tal-kiri. Huma ttestjaw metodi edoniċi u ta’ tqabbil tal-mudelli sabiex jinkludu din id-data. Proġetti pilota usa’ żviluppaw flussi ta’ xogħol biex jgħaqqdu d-data tal-iskenners, id-data scraped mill-web u d-data mill-istħarriġiet fuq il-post fi flussi ta’ xogħol integrati biex jindirizzaw l-isfidi tal-klassifikazzjoni, tal-imputazzjoni u tal-konsistenza bejn is-sorsi.
3.Studji pilota dwar l-indikaturi tal-prezzijiet tad-djar
3.1.Ħarsa ġenerali
L-istudji pilota dwar l-indikaturi tal-prezzijiet tad-djar iffukaw fuq tliet prijoritajiet ewlenin: (i) it-titjib tal-frekwenza u tat-tempestività tal-HPI u tal-OOHPI, (ii) li jagħmlu l-ponderazzjoni tal-OOHPI aktar komparabbli u (iii) l-indirizzar ta’ kwistjonijiet metodoloġiċi speċifiċi fil-kompilazzjoni tal-OOHPI.
L-ewwel sett ta’ proġetti kellu l-għan li jesplora jekk l-indikaturi ta’ kull xahar jew rapidi setgħux jiġu prodotti aktar spiss mill-frekwenza trimestrali u mill-iskadenza ta’ 85 jum meħtieġa bħalissa mir-Regolament (UE) 2016/792. Dan biex tiżdied ir-rilevanza ta’ dawn l-indikaturi għall-utenti u biex potenzjalment l-OOHPI jiġi inkorporat fl-HICP. It-tieni grupp ta’ proġetti kien imfassal biex jallinja l-ponderazzjonijiet tal-OOHPI mar-Regolament (UE) 2023/1470 biex jipproduċi serje kronoloġika armonizzata u aġġornata. Fl-aħħar nett, saret ħidma fuq kwistjonijiet ta’ kejl biex isir tentattiv biex jiġi mtejjeb it-trattament tal-komponenti tal-art u tal-istruttura u biex jiġu rfinuti s-subindiċijiet (bħal abitazzjonijiet mibnija mis-sidien stess, rinnovazzjonijiet u tiswijiet kbar).
Dawn l-attivitajiet flimkien kellhom l-għan li jsaħħu l-pedamenti metodoloġiċi tal-HPI u tal-OOHPI, li jtejbu l-komparabbiltà bejn l-Istati Membri u li jħejju għal integrazzjoni futura mal-istatistika dwar il-prezzijiet għall-konsumatur.
3.2.Ħidma li tlestiet
Studji pilota dwar l-iżvilupp ta’ HPI u/jew ta’ OOHPI f’intervalli ta’ kull xahar u fi żmien skadenza iqsar
Ir-Regolament (UE) 2016/792 jirrikjedi li l-HPI u l-OOHPI jiġu prodotti f’intervalli trimestrali u wara 85 jum kalendarju mit-tmiem tat-trimestru ta’ referenza. Dawn il-proġetti analizzaw jekk l-indiċijiet jistgħux jiġu prodotti f’intervalli ta’ kull xahar u fi żmien skadenza iqsar. Dan sabiex tiżdied ir-rilevanza tagħhom għall-utenti u fl-aħħar mill-aħħar biex l-OOHPI jkun jista’ jiġi inkorporat fl-HICP. Dawn il-proġetti koprew ir-riċerka dwar is-sorsi tad-data (eż. l-iscraping tal-web) u t-tekniki ta’ stima jew ta’ estrapolazzjoni. Fejn is-sorsi tad-data ta’ kull xahar kienu differenti mis-sorsi tad-data użati bħalissa għall-indiċijiet trimestrali, il-metodi għat-tagħqid ta’ dawn is-sorsi kellhom jiġu investigati.
Studji pilota fi tliet Stati Membri esploraw il-fattibbiltà tal-produzzjoni ta’ indikaturi tal-prezzijiet tad-djar aktar tempestivi u frekwenti. L-ewwel objettiv kien li jinbidel il-proċess tal-ġbir tad-data jew li jiġu esplorati sorsi differenti tad-data. It-tieni objettiv inkiseb billi nstabu metodi ta’ stima li jippermettu li jiġi kkalkolat indiċi affidabbli bi ftit (jew b’inqas) data disponibbli. Instabu wkoll settijiet ta’ data aktar preċiżi, li rriżultaw f’indiċijiet affidabbli bi frekwenza ogħla. L-istudji użaw sorsi ġodda ta’ data bħall-prezzijiet tal-kostruzzjoni, informazzjoni li ġiet scraped mill-web u settijiet ta’ data amministrattivi mtejba. Meta għamlu dan, huma wrew kemm il-potenzjal li jżidu l-frekwenza u t-tempestività tal-indiċijiet tal-prezzijiet kif ukoll il-limitazzjonijiet.
Studji pilota dwar it-titjib tal-ponderazzjonijiet tal-OOHPI
L-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Eurostat b’ponderazzjonijiet tal-OOHPI skont id-diżaggregazzjoni stabbilita fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2020/1148 . Din il-leġiżlazzjoni ma speċifikatx is-sorsi tad-data jew il-metodi biex tiġi żgurata l-komparabbiltà, u għalhekk il-Eurostat beda jaħdem fuq att ta’ implimentazzjoni biex jistabbilixxi standards ta’ kwalità komuni. Dan il-proċess wassal għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1470, li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet dettaljati għal dawn il-ponderazzjonijiet.
F’dan l-isfond, żewġ Stati Membri li ħadu sehem fil-proġetti pilota rrevedew u aġġornaw il-piżijiet u l-indiċijiet tagħhom. Dawn ingħataw ukoll l-opportunità li jwettqu proġetti f’dan il-qasam. Dawn il-proġetti kienu mistennija jipproduċu ponderazzjonijiet konsistenti mar-Regolament. Is-serje kronoloġika aġġornata tal-piżijiet mill-2010 ’il quddiem imbagħad setgħet tiġi kkompilata u d-data li rriżultat setgħet tintbagħat lill-Eurostat.
Studji pilota f’żewġ Stati Membri vvalutaw is-sorsi tal-ponderazzjonijiet u l-allinjament tagħhom mal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni għall-OOHPI u għall-HPI. Il-kwistjonijiet esplorati inkludew l-aġġornament tal-ponderazzjonijiet għall-aħħar trimestru tas-sena preċedenti, kif meħtieġ mir-Regolament. Ġew ikkunsidrati wkoll ir-rilevanza u l-fattibbiltà tal-kalkolu ta’ ponderazzjoni għal “Abitazzjonijiet eżistenti li huma ġodda għall-unitajiet domestiċi” (li huwa wkoll subindiċi tal-OOHPI).
4.Evalwazzjoni tal-istudji pilota
Il-Kummissjoni tevalwa u tapprova r-rapporti finali dwar l-istudji pilota. Ir-riżultati jiġu kondiviżi mal-istituti nazzjonali tal-istatistika, mal-pajjiżi tal-EFTA u mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-proġetti ġew ippreżentati f’workshops annwali u r-rapporti finali ġew iċċirkolati permezz ta’ pjattaforma online, sabiex is-sejbiet ikunu jistgħu jiġu kondiviżi u diskussi mill-uffiċjali tal-istatistika. Dan l-iskambju jgħin biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u jibni fehim komuni tal-għażliet metodoloġiċi, u dan min-naħa tiegħu jgħin biex tittejjeb il-komparabbiltà tal-HICP.
L-istudji pilota dwar il-ħidma metodoloġika saru b’għodod u b’approċċi ġodda għall-HICP. Il-metodi tal-indiċijiet multilaterali ġew ittestjati b’mod estensiv u ntwerew li huma robusti f’ħafna gruppi ta’ prodotti. Dan jipprovdi evidenza qawwija li huma jistgħu jtejbu l-kontinwità u l-komparabbiltà. Il-ħidma fuq l-aġġustament tal-kwalità kkonfermat ukoll li t-tekniki edoniċi jtejbu t-trattament tal-varar mill-ġdid tal-prodotti u t-tibdil rapidu fil-kwalità.
Il-proġetti dwar id-diġitalizzazzjoni indirizzaw il-kanali tal-konsum emerġenti u t-tfassil mill-ġdid tal-kampjuni tal-HICP, filwaqt li qiesu d-disponibbiltà tad-data online. L-indiċijiet sperimentali għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi tat-trasport ġew ikkalkolati minn data amministrattiva fuq il-pjattaformi ta’ kondiviżjoni. Intużaw ukoll stħarriġiet biex tinġabar in-nefqa transfruntiera fuq l-internet. L-istudji dwar it-tfassil tal-kampjuni wrew li l-effiċjenza tista’ tiżdied billi r-riżorsi jiġu allokati mill-ġdid skont il-ponderazzjonijiet tan-nefqa u l-varjanza fil-prezzijiet. Dawn l-approċċi wrew metodi vijabbli għall-indirizzar tad-diġitalizzazzjoni fi ħdan l-HICP.
Il-proġetti pilota ttestjaw u estendew ukoll l-użu ta’ sorsi ġodda tad-data. Il-proġetti fuq id-data tal-iskenners u fuq id-data li ġiet scraped mill-web espandew il-firxa ta’ sorsi alternattivi. Il-ħidma fuq id-data tal-iskenners għaddiet mill-analiżi tal-fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ produzzjoni. Xi Stati Membri diġà qed jużaw is-sistemi ta’ produzzjoni għal gruppi magħżula ta’ prodotti u oħrajn qed jippreparaw biex jużawhom. Il-proġetti ħolqu rutini għall-ipproċessar tad-data, żviluppaw għodod ta’ apprendiment awtomatiku għall-klassifikazzjoni u ttestjaw metodi għall-immaniġġar tal-attributi neqsin. Id-data tal-iskenners wriet li hija effettiva biex twessa’ l-kopertura u żżid il-frekwenza tal-osservazzjoni, filwaqt li tnaqqas il-kostijiet tal-ġbir ukoll.
Il-proġetti tal-iscraping tal-web urew il-potenzjal tal-ġbir awtomatizzat tad-data f’oqsma ta’ konsumaturi differenti. Inkisbet esperjenza fit-tekniki ta’ scraping, fil-klassifikazzjoni u fil-kollegament mal-istrutturi eżistenti tal-HICP. Diversi proġetti pilota ttestjaw ukoll l-inklużjoni ta’ diversi sorsi. Dan wera li l-kombinament tad-data tal-iskenners, tad-data li tiġi scraped mill-web u tad-data amministrattiva hija fattibbli u ttejjeb il-kopertura.
L-istudji kkonfermaw li l-innovazzjoni metodoloġika u sorsi ġodda tad-data huma marbuta mill-qrib. Ħafna studji koprew iż-żewġ prijoritajiet billi applikaw metodi multilaterali għad-data tal-iskenners jew għad-data li ġiet scraped mill-web. Huma ċċaraw ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu inkorporati b’suċċess tekniki ġodda. Xi studji ma wasslux għal użu immedjat, madankollu pprovdew approċċi ttestjati li jgħinu biex jimmodernizzaw gradwalment l-HICP u l-HPI u jistabbilixxu l-bażi għal statistika aktar akkurata u tempestiva fil-futur.
L-istudji pilota dwar l-indikaturi tal-prezzijiet tad-djar ikkontribwew għall-progress f’diversi oqsma li huma ċentrali għall-iżvilupp futur tal-HPI u tal-OOHPI. Il-ħidma fuq it-titjib tat-tempestività u tal-frekwenza wriet li kompilazzjoni ta’ kull xahar hija teknikament possibbli. Dan huwa partikolarment il-każ meta jintużaw rekords amministrattivi, data tal-kostruzzjoni jew sorsi li jiġu scraped mill-web. Dawn l-istudji enfasizzaw ukoll id-diffikultajiet prattiċi biex jiġu żgurati kopertura suffiċjenti, stabbiltà tal-aċċess għad-data u konsistenza bejn l-indiċijiet ta’ kull xahar u trimestrali. Madankollu, ir-riżultati jipprovdu bażi għall-valutazzjoni ta’ kif l-indikaturi rapidi jew ta’ kull xahar jistgħu eventwalment jiżdiedu mal-qafas trimestrali eżistenti u jagħmlu l-istatistika aktar rilevanti għall-użu għall-politika.
Proġetti ulterjuri indirizzaw il-kwalità u l-komparabbiltà tal-ponderazzjonijiet tal-OOHPI u t-trattament ta’ kwistjonijiet kunċettwali. Il-ħidma fuq il-ponderazzjonijiet ippermettiet lill-Istati Membri jittestjaw kif is-sorsi nazzjonali jistgħu jiġu adattati għar-Regolament (UE) 2023/1470 biex tittejjeb il-konsistenza tas-serje storika u jkunu jistgħu jsiru aġġornamenti aktar regolari. Dawn il-proġetti pilota kienu ta’ natura esploratorja u mhux ir-riżultati kollha huma lesti għall-użu operazzjonali. Madankollu, ipprovdew evidenza siewja, iċċaraw l-isfidi metodoloġiċi u kkontribwew għall-bażi ta’ għarfien komuni meħtieġa biex jittejbu l-indikaturi tal-prezzijiet tad-djar fost l-Istati Membri.
5.Konklużjonijiet
L-istudji pilota ffinanzjati matul l-2018-2022 taw kontribut sinifikanti għat-titjib tal-istatistika tal-prezzijiet tal-UE. Dawn saħħew il-bażijiet metodoloġiċi u tad-data tal-HICP u kkontribwew għall-progress fl-indikaturi tal-prezzijiet tad-djar. Dan jgħin lill-Istati Membri jadattaw għad-diġitalizzazzjoni, għal sorsi ġodda tad-data u għal standards statistiċi li qed jevolvu. Lil hinn mill-outputs immedjati tagħhom, il-proġetti (i) espandew ir-riżerva ta’ għarfien komuni, (ii) tejbu l-komparabbiltà bejn l-Istati Membri u (iii) urew kif l-innovazzjoni tista’ tiġi applikata fil-prattika. Il-Kummissjoni tqis li l-istudji pilota huma għodda essenzjali għall-modernizzazzjoni li għaddejja tal-istatistika tal-prezzijiet u se tkompli tappoġġahom. Hija tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jużaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ finanzjament li toffri għall-istudji pilota.