European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1566

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika industrijali bħala strument biex jitnaqqsu d-dipendenzi u tingħata spinta lis-suq tal-UE għall-prodotti ekoloġiċi fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/1566)

Relatur:

Matteo Carlo BORSANI

Korelatur:

Dirk JARRÉ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.11.2023

Adozzjoni fil-plenarja

13.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

165/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Bħalissa l-UE qed tiffaċċja l-isfida tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Is-settur industrijali tal-UE jaqdi rwol kruċjali f’din it-tranżizzjoni, iżda bħalissa qed iħabbat wiċċu wkoll mal-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-Kummissjoni żviluppat politika industrijali għall-Patt Ekoloġiku, li tiffoka fuq is-semplifikazzjoni regolatorja, l-aċċess għall-finanzjament, it-tisħiħ tal-ħiliet, u ktajjen tal-provvista reżiljenti.

1.2.

Id-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetà u tal-ekonomija Ewropea tista’ toħloq ċiklu virtuż għall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, u għall-ambjent, u fl-istess ħin iżżid id-domanda għal prodotti dekarbonizzati mill-istess industriji. Idealment dan jiffaċilita proċess ta’ trasformazzjoni aktar ekoloġiku jekk l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, is-setturi l-oħrajn u l-unitajiet domestiċi jimxu lejn enerġija ekoloġika ladarba tkun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u bi prezzijiet raġonevoli u prevedibbli. Għalhekk, għandu jinħoloq qafas regolatorju ġdid għall-prezzijiet tal-enerġija li jibni fuq il-prezzijiet baxxi tal-enerġiji rinnovabbli u li jevita li jsegwi mill-qrib il-prezzijiet tal-gass.

1.3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-ħtieġa li l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jkunu involuti b’mod adegwat f’dan it-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-ambizzjonijiet tal-UE għan-newtralità klimatika fil-livelli kollha. Nirrakkomandaw li jiġu żviluppati politiki speċifiċi għas-settur f’konformità mal-ostakli u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-fergħat differenti tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Dan jista’ jkun possibbli wkoll billi jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-politiki industrijali, il-politiki kummerċjali u l-politiki dwar il-klima fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea.

1.4.

Għandhom jiġu evitati d-duplikazzjoni tar-regolamenti u r-regolamentazzjoni żejda, u leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta tal-UE soġġetta għal kontrolli stretti tal-kompetittività sabiex jinħoloq marġni ta’ manuvra regolatorja, u sabiex jiġu attirati u jinżammu l-investimenti fl-ekoloġizzazzjoni tal-kapaċità industrijali domestika.

1.5.

Il-KESE jinnota li l-Ewropa malajr stabbiliet miri ambizzjużi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda damet biex taġġorna l-kundizzjonijiet qafas biex tippermetti trasformazzjoni rapida. Minħabba l-istruttura attwali, dan huwa wkoll il-każ għall-politika industrijali għall-Patt Ekoloġiku u għall-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (1), għalkemm xi kwistjonijiet, bħaż-żieda fil-veloċità tal-għoti tal-permessi, saru aħjar.

1.6.

F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza li l-iżgurar tal-finanzjament u l-appoġġ għall-investiment għat-tranżizzjoni ekoloġika huwa vitali wkoll. L-istrumenti ta’ politika għall-ħolqien tas-suq u l-politiki tal-konsumatur jistgħu wkoll jinċentivaw il-bidla lejn prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li kemm l-interventi min-naħa tad-domanda kif ukoll dawk min-naħa tal-provvista huma meħtieġa għal politika industrijali effettiva. L-interventi min-naħa tad-domanda jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-kontenut Ewropew fil-prodotti, l-implimentazzjoni ta’ akkwist pubbliku sostenibbli, u l-ħolqien ta’ suq għal prodotti ekoloġiċi. L-interventi min-naħa tal-provvista jistgħu jinvolvu l-ħolqien ta’ qafas regolatorju li jappoġġja mudelli ta’ produzzjoni b’teknoloġija nadifa, l-iffaċilitar tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija dekarbonizzata, u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi fit-tul biex jiġu ffaċilitati l-produzzjoni, l-aċċessibbiltà u l-konsum tal-elettriku u l-enerġija dekarbonizzati bi prezzijiet kompetittivi fuq livell globali hija importanti wkoll għall-kompetittività globali tal-industriji tal-UE — speċjalment l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li l-għanijiet ambizzjużi tal-UE dwar il-klima mhux se jintlaħqu mingħajr kundizzjonijiet ekwivalenti globali permezz ta’ politika kummerċjali mfassla tajjeb u strumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) b’saħħithom. Fil-fatt, jeħtieġ li l-UE tieħu azzjoni kontra l-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi billi ssaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-imsieħba għonja fir-riżorsi li jaderixxu mal-kummerċ ġust. Is-sorveljanza tas-suq jeħtieġ li tissaħħaħ biex tiggarantixxi li l-prodotti importati jkunu konformi u tiżgura li l-produzzjoni tagħhom tkun konformi mal-istandards u r-regolamenti tal-UE, inklużi dawk dwar il-kontenut tar-riċiklaġġ ta’ dawn il-prodotti.

1.9.

L-UE għandha timmira li tikseb l-objettivi klimatiċi tagħha u fl-istess ħin trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Fl-Istati Membri kollha jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. L-inizjattivi, l-investimenti u l-politiki f’dan il-qafas jeħtieġ li jinkludu wkoll miżuri mmirati għal komunitajiet b’introjtu baxx, ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u gruppi li saru vulnerabbli permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żviluppata l-kapaċità istituzzjonali u burokratika meħtieġa fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri, sabiex tiġi indirizzata l-governanza tal-politika industrijali għall-Patt Ekoloġiku, l-att dwar it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti u l-ħolqien ta’ swieq ekoloġiċi.

1.11.

Fl-istess ħin, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu politika industrijali strateġika biex jintensifikaw il-politiki industrijali settorjali u l-bidliet meħtieġa fis-sistema ta’ governanza tal-UE, u biex ikollhom dibattitu miftuħ u diskussjonijiet effettivi fis-soċjetà ċivili kollha dwar dawn il-kwistjonijiet. Dawn id-dibattiti għandhom ikunu konċiżi, aġli u li jagħtu riżultati fil-futur qrib.

1.12.

Kwalunkwe tentattiv biex tiġi stabbilita politika industrijali strateġika u settorjali se jfalli mingħajr intelligence strateġika dwar l-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u settorjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tanalizza modi u mezzi ġodda biex tiġbor u tanalizza d-data ewlenija għall-iżvilupp ta’ politika industrijali strateġika fil-futur. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll evalwazzjonijiet perjodiċi tal-politiki b’rabta mad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija sabiex jitkejjel l-impatt fuq il-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika tal-UE. Dawn għandhom isiru fil-livell tal-UE u jinkludu l-imsieħba soċjali.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1.

Fl-2019, il-produzzjoni industrijali fl-UE emettiet madwar 3,1 gigatunnellati (Gt) ta’ CO2 — inqas minn 9 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 għal dik is-sena. Min-naħa l-oħra, il-konsum fl-UE kien responsabbli għal 3,4 Gt ta’ emissjonijiet tas-CO2, li jirrappreżentaw 10 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-emissjonijiet tas-CO2 li ġejjin mill-produzzjoni ta’ oġġetti importati għall-konsum tal-UE bħalissa huma emessi f’pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari fiċ-Ċina (27 %), ir-Russja (12 %) u l-Istati Uniti (8 %) (data tal-2019 (2)).

2.2.

L-ekosistema tal-industrija intensiva fl-enerġija tkopri firxa wiesgħa ta’ setturi, bħas-setturi tas-sustanzi kimiċi, tal-azzar, tal-karta, tal-plastik, tal-estrazzjoni u tal-barrieri, tar-raffineriji, tas-siment, tal-injam, tal-gomma, tal-metall mhux ferruż, tal-ħġieġ, taċ-ċeramika u tal-fibra magħmula mill-bniedem. Dawn is-setturi huma kkaratterizzati minn intensità għolja ta’ enerġija u karbonju, u mill-fatt li huma l-punti tat-tluq ta’ ħafna ktajjen tal-valur, li jipprovdu materja prima, ipproċessata u intermedja. L-industrija intensiva fl-enerġija (EII) timpjega 7,8 miljun ruħ fl-Ewropa u tipprovdi valur miżjud ta’ EUR 549 biljun (4,55 % tat-total tal-UE). Fl-2019, kienet responsabbli għal 22 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE.

2.3.

Waqt li l-politika industrijali qed iżżid il-miżuri biex tnaqqas l-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi fuq il-bijosfera, il-kriżi tal-enerġija qed twassal lill-pajjiżi tal-UE biex jiddependu minn pajjiżi oħra li għandhom kostijiet tal-enerġija aktar baxxi u impronti tal-karbonju ogħla. Dan ikompli jiftaħ it-triq għal kompetituri minn reġjuni b’kostijiet tal-enerġija aktar baxxi, li jirriżulta f’żieda f’daqqa ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx (ħafna drabi b’impronta tal-karbonju ferm ogħla), u telf tas-sehem mis-suq globali. Dan huwa potenzjalment ta’ ħsara għall-Patt Ekoloġiku tal-UE u juri l-ħtieġa urġenti għal politika industrijali tal-UE b’saħħitha li tkun kapaċi tiżgura reżiljenza ekonomika u awtonomija strateġika miftuħa.

2.4.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-era attwali tista’ titqies bħala rinaxximent tal-politika industrijali fl-Ewropa. Il-politika industrijali għall-Patt Ekoloġiku tal-UE, ippubblikata reċentement mill-Kummissjoni Ewropea, tiffoka fuq:

—

ambjent regolatorju prevedibbli u semplifikat;

—

aċċess aktar rapidu għall-finanzjament;

—

titjib tal-ħiliet; u

—

kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti.

2.5.

Barra minn hekk, l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti għandu l-għan li jagħti bidu għal investimenti massivi fil-ktajjen tal-valur tal-industrija b’emissjonijiet żero netti, inklużi l-EIIs.

2.6.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE żiedet il-miri klimatiċi ambizzjużi tagħha biex tnaqqas l-impatt tal-attivitajiet ekonomiċi fuq il-bijosfera, li wassal għal żieda sinifikanti f’regolamenti l-ġodda għas-snin li ġejjin.

2.7.

Miżuri effettivi għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema għandhom jiġu implimentati b’mod uniformi fil-livell tal-UE, u l-istess jgħodd għall-politiki ta’ assistenza (inkluż appoġġ monetarju jew servizzi għall-ħaddiema affettwati fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija). Huma meħtieġa wkoll inizjattivi tax-xogħol immirati għar-reġjuni l-aktar affettwati mit-trasformazzjoni industrijali, li jinvolvu komunitajiet b’introjtu baxx, ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u gruppi li saru vulnerabbli minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika.

3.   Il-ġestjoni tat-tranżizzjoni fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija u l-ħolqien ta’ swieq ekoloġiċi tal-UE

Id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija: benefiċċju reċiproku fit-tfassil tal-politika

3.1.

L-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija se jkollhom impatt deċiżiv fuq il-proċess ta’ trasformazzjoni ġenerali, speċjalment fuq emittenti kbar ta’ gassijiet serra u konsumaturi ta’ materja prima. Konsegwentement, tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tas-CO2 derivati mill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija se jinfluwenza l-effiċjenza tat-trasformazzjoni, kif imkejla mir-redditu tal-enerġija fuq l-investiment (3) u l-impatt fuq il-klima approssimat mill-użu tal-enerġiji rinnovabbli fil-proċess.

3.2.

Is-soluzzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni għandhom ikunu ċċentrati fuq il-ħtiġijiet u l-ostakli speċifiċi li kull settur differenti jiltaqa’ magħhom fil-proċess tiegħu stess. Għalhekk, il-politiki speċifiċi għas-settur jistgħu jirrappreżentaw l-aħjar għażla.

3.3.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-politiki industrijali, il-politiki kummerċjali u l-politiki dwar il-klima.

3.4.

Madankollu, il-proċessi leġiżlattivi u regolatorji jirrappreżentaw qafas burokratiku kumpless, u b’hekk f’ċerti każijiet jagħmlu l-investimenti ekoloġiċi inqas attraenti għall-industriji. Biex jinħoloq marġni ta’ manuvra regolatorja u biex jiġu attirati u jinżammu l-investimenti ekoloġiċi, kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta tal-UE għandha tkun soġġetta għal kontrolli stretti tal-kompetittività.

3.5.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi evalwazzjoni perjodika tal-politiki relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, u tkejjel l-impatt fuq il-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika.

3.6.

Il-ħolqien ta’ swieq u ambjenti tan-negozju stabbli u prevedibbli huwa essenzjali wkoll biex jippermetti lill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jibdew il-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom u jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni.

3.7.

L-approċċ strateġiku taċ-Ċina u s-suċċess enormi tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti jeħtieġu rispons strateġiku u konvinċenti mill-Ewropa. L-Ewropa ilha pperċepita bħala fuq quddiem nett tal-aġenda ekoloġika minn mindu nħoloq il-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-2019. Madankollu, għalkemm l-UE trid titqies bħala fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni ekoloġika, l-investimenti tagħha dwar din il-kwistjoni huma ferm iżgħar minn dawk taċ-Ċina, u inqas aġli minn dawk tal-Istati Uniti. Is-sussidji fuq il-produzzjoni u l-allowances ta’ taxxa tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti qed iwasslu lill-kumpaniji tal-UE biex jirrilokaw l-investimenti tagħhom fit-teknoloġija ekoloġika fl-Istati Uniti għad-detriment tal-Ewropa. L-Ewropa trid tirriforma s-sistema ta’ governanza biex tkun tista’ tikkompeti mal-Istati Uniti u ċ-Ċina.

3.8.

Barra minn hekk, il-koordinazzjoni bejn oqsma ta’ politika differenti għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ kuljum, u mhux fi proċess uniku li jieħu fit-tul.

3.9.

Kwalunkwe tentattiv biex tiġi stabbilita politika industrijali strateġika jeħtieġ intelligence strateġika dwar l-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u settorjali. Għandhom jiġu analizzati modi u mezzi ġodda biex tinġabar u tiġi analizzata d-data ewlenija għall-iżvilupp ta’ politika industrijali strateġika fil-futur.

Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE biex jiġu evitati d-dipendenzi

3.10.

Fis-snin li ġejjin, l-UE se jkollha bżonn ammonti kbar ta’ materja prima kritika u strateġika biex tissodisfa r-rekwiżiti tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u fl-istess ħin tippreserva l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa. L-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija huma fornituri importanti ta’ materjali u prodotti biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika f’setturi oħra tal-ekonomija, iżda fl-istess ħin huma wkoll konsumaturi ta’ enerġija rinnovabbli u prodotti ekoloġiċi li se jkunu prodotti minn dawn tal-aħħar. Għalhekk provvista stabbli se tkun essenzjali. Barra minn hekk, il-prodotti downstream li huma strateġiċi u kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE għandhom jingħataw ukoll attenzjoni speċjali.

3.11.

F’diversi studji, l-UE u l-JRC diġà identifikaw prodotti u teknoloġiji li huma kruċjali għall-isforzi biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati meta jitfasslu politiki futuri tal-UE (4). L-industrija tal-UE tinsab f’kompetizzjoni ma’ importazzjonijiet distorti minn pajjiżi terzi li, f’xi każijiet, jibbenefikaw minn prezzijiet tal-enerġija rregolati mill-Istat u sussidji sinifikanti. Għalhekk, il-kriżi attwali tal-enerġija fl-Ewropa toħloq theddida eżistenzjali għall-bażi industrijali tal-Ewropa.

3.12.

Il-politika tal-UE dwar il-klima u l-industrija għandha tkun allinjata biex tippromovi l-impenn tal-industrija tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak globali. Għalhekk, l-UE għandha tkompli tipprovdi protezzjoni għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju lill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Barra minn hekk, meta titqies il-ħtieġa urġenti li tiġi promossa l-elettrifikazzjoni tal-proċessi industrijali, il-Kummissjoni għandha temenda l-linji gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tan-negozjar tal-gassijiet serra wara l-2021. Il-lista ta’ setturi eliġibbli għall-kumpens tal-kostijiet indiretti tal-karbonju mgħoddija mill-prezzijiet tal-elettriku għandha tiġi estiża biex tirrifletti l-prezzijiet ogħla attwali tal-elettriku, u biex tinkludi setturi u subsetturi f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li għandhom potenzjal sinifikanti għall-elettrifikazzjoni.

3.13.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni li jiżgura provvisti bażiċi tal-enerġija bi prezzijiet regolati u stabbli.

3.14.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-politika industrijali għall-Patt Ekoloġiku jeżistu fuq il-karta iżda għad iridu jissarrfu f’interventi ta’ politika. Barra minn hekk, l-UE għandha tinvesti biex toħloq il-kapaċità istituzzjonali u burokratika meħtieġa fl-Istati Membri biex tittratta l-governanza tat-trasformazzjoni lejn emissjonijiet żero netti u biex toħloq swieq ekoloġiċi.

4.   Swieq ekoloġiċi u l-attributi ta’ politika industrijali effettiva tal-UE

4.1.

Il-perkors ambizzjuż ta’ dekarbonizzazzjoni lejn in-newtralità karbonika jinvolvi trasformazzjoni radikali tal-industrija Ewropea, u jeħtieġ żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi, primarjament permezz ta’ spinta lill-investimenti u l-ħolqien ta’ swieq għal prodotti ekoloġiċi (abbażi tal-indikatur tal-impronta tal-karbonju).

4.2.

Il-produzzjoni industrijali dekarbonizzata jista’ jkollha żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-produzzjoni industrijali konvenzjonali u intensiva fil-karbonju. Dan huwa dovut għal riskji ogħla fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, spejjeż operatorji ogħla u spejjeż tal-input ogħla. Dawk li jfasslu l-politika għandhom għadd ta’ għażliet biex jintervjenu fuq in-naħa tal-provvista jew tad-domanda tal-emissjonijiet tas-CO2. Min-naħa tal-provvista dan jista’ jinkludi s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM), kif ukoll l-appoġġ pubbliku għall-investiment, l-innovazzjoni, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-inputs tal-enerġija. Il-miżuri min-naħa tad-domanda jistgħu jiffukaw fuq l-akkwist pubbliku ekoloġiku, speċifikament billi jipprovdu informazzjoni dwar prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Interventi min-naħa tad-domanda

4.3.

Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti industrijali b’emissjonijiet baxxi tiffaċċja ostakli sistemiċi. L-ekoloġizzazzjoni tal-industrija tal-UE għandha titwettaq flimkien ma’ kampanji effettivi ta’ sensibilizzazzjoni, sussidji b’rabta mal-output u miżuri simili biex tiġi żgurata żieda bla xkiel fid-domanda għal prodotti tas-suq ekoloġiku.

4.4.

Partijiet sinifikanti tal-ktajjen tal-valur industrijali bħalissa jinsabu barra mill-pajjiż, u dan jirriżulta f’vulnerabbiltajiet identifikabbli għall-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa. Għalhekk, l-UE għandha tippromovi l-kontenut Ewropew fil-prodotti fil-ktajjen tal-valur globali. L-akkwist pubbliku għandu jinċentiva prodotti magħmula minn komponenti li joriġinaw mill-UE. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħtu lill-kontribuzzjoni tas-sostenibbiltà u tar-reżiljenza tal-offerta piż li jvarja bejn 15 % u 30 % tal-kriterji tal-għoti. Dan imur lil hinn minn sempliċi kriterji ta’ prezz (baxx) u huwa allinjat mal-prinċipju ta’ “l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża”. Dan għandu jwassal għal approċċ aktar vinkolanti dwar is-sostenibbiltà/l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża.

Ekoloġizzazzjoni tal-akkwist pubbliku

4.5.

L-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jibbenefikaw mill-ekoloġizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, li għadha ma għamlitx progress kbir fl-emissjonijiet tas-CO2. Dan jista’ jkun ukoll mod kif jinħolqu swieq għal prodotti ekoloġiċi. It-Tassonomija tal-UE (5) — maħluqa biex tappoġġja l-investiment sostenibbli billi tiddefinixxi kriterji ċari fil-livell tal-industrija dwar x’inhu meqjus bħala attività ekoloġika — tista’ tintuża wkoll għall-akkwist pubbliku, ir-R&Ż, l-innovazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment.

Interventi min-naħa tal-provvista

4.6.

F’dan il-kuntest, kundizzjonijiet qafas regolatorji adatti għall-mudelli tal-produzzjoni tat-teknoloġija nadifa jwasslu għas-suċċess tal-politika kollha tad-dekarbonizzazzjoni u jikkomplementaw l-ambizzjonijiet tan-newtralità klimatika tal-UE fil-prattika u fil-livelli kollha.

4.7.

L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi fit-tul biex jiġu ffaċilitati l-produzzjoni, l-aċċessibbiltà u l-konsum tal-elettriku u l-enerġija dekarbonizzati bi prezzijiet kompetittivi fuq livell globali hija importanti wkoll għall-kompetittività tal-industriji tal-UE — speċjalment l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Huwa meħtieġ qafas ċar u konċiż għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku u roża b’kostijiet kompetittivi, kif ukoll mekkaniżmi li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema għall-industriji bbażati fuq l-idroġenu.

4.8.

Fil-qafas tal-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika (6) propost mill-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-listi attwali tal-materja prima kritika u tal-materja prima strateġika għandhom jiġu kkomplementati b’materjali rilevanti għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali li jistgħu jsiru kritiċi u strateġiċi fil-futur (aluminju, ferro-ligi, grafit sintetiku, fidda), u b’materja prima sekondarja ta’ wara l-konsum (eż. ruttam tal-metalli).

Politika kummerċjali

4.9.

L-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet mhu se jintlaħaq mingħajr kundizzjonijiet ekwivalenti globali permezz ta’ politika kummerċjali mfassla tajjeb u TDIs b’saħħithom biex jipproteġu l-industrija tal-UE minn kompetizzjoni inġusta u dumping minn pajjiżi terzi. L-UE għandu jkollha l-għan li tiżgura implimentazzjoni aktar rapida tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ, twettaq investigazzjonijiet aktar rapidi u aktar effiċjenti u tippermetti l-implimentazzjoni aktar wiesgħa tal-miżuri proviżorji.

4.10.

L-introduzzjoni ta’ CBAM għandha l-għan li tevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tinċentiva d-dekarbonizzazzjoni globali. L-UE għandha tieħu l-passi meħtieġa kollha biex tiżgura li s-CBAM ma jwassalx għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi nħawi oħra tad-dinja.

4.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tas-CBAM fl-indirizzar tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-merkanzija prodotta fl-UE għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Dan għandu jsir matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni qabel ma titwettaq il-miżura. Jekk dan ir-rapport jikkonkludi li hemm riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-merkanzija prodotta fl-UE, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva biex tindirizza dawn ir-riskji. Barra minn hekk, trid tiġi analizzata firxa wiesgħa ta’ miżuri b’saħħithom kontra ċ-ċirkomvenzjoni matul il-perjodu tranżitorju, u sussegwentement jiġu applikati għall-importazzjonijiet.

4.12.

Is-sorveljanza tas-suq jeħtieġ li tissaħħaħ biex tiggarantixxi l-konformità tal-oġġetti importati, inkluż dwar il-kontenut tar-riċiklaġġ ta’ dawn l-oġġetti. L-UE għandha tikkunsidra l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tar-regolamenti tal-UE dwar l-importazzjoni ta’ prodotti industrijali u l-kummerċ elettroniku biex tippromovi prodotti sostenibbli u ġusti.

Finanzjament u investimenti

4.13.

Il-konsistenza tal-politiki fir-regolamenti tal-UE hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u jiġu attirati investimenti nodfa, u biex jiġu appoġġjati t-tranżizzjoni ekoloġika u l-kompetittività tal-industrija. Se jkunu meħtieġa wkoll strumenti ta’ politika prudenti għall-ħolqien tas-suq biex jiġi rikonoxxut u prijoritizzat bis-sħiħ il-valur ta’ materjali industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u biex tiżdied id-domanda għal prodotti magħmula minn dawn il-materjali.

4.14.

Il-finanzjament huwa meħtieġ ukoll biex tingħata spinta lir-riċerka u l-iżvilupp sabiex l-UE tkun fuq quddiem nett tas-sostenibbiltà. Is-semplifikazzjoni tal-proċess ta’ applikazzjoni għall-finanzjament pubbliku hija kruċjali biex jiġu aċċellerati l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà.

4.15.

Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ proġetti ta’ investiment u innovazzjoni li huma maħsuba biex jippromovu l-kompetittività ekonomika u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. L-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ prijorità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet bħall-estrazzjoni, ir-raffinar, u l-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ hija meħtieġa wkoll biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista għall-industriji tal-UE. Il-proċeduri aċċellerati għall-għoti ta’ permessi fil-livell nazzjonali u aċċess aktar faċli għall-finanzjament se jkunu kritiċi biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika f’dawn il-ktajjen tal-valur. Matul dan il-proċess huwa essenzjali li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti fi ħdan is-suq uniku tal-UE. Opportunitajiet ġodda għal sussidji nazzjonali taħt il-qafas temporanju ta’ kriżi jipprivileġġaw lill-Istati Membri għonja, fejn qed naraw xejra lejn aktar miżuri nazzjonali ta’ finanzjament.

L-ekonomija ċirkolari

4.16.

Sabiex tiġi promossa ċ-ċirkolarità, l-enfasi tal-UE għandha tkun fuq it-teknoloġiji u l-faċilitajiet ta’ appoġġ għall-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ. F’dan ir-rigward, l-ekonomija ċirkolari tista’ tkun strument għad-dekarbonizzazzjoni u għaż-żieda fid-domanda għal prodotti riċiklati, permezz tal-ħolqien ta’ swieq għal dawn tal-aħħar. Sfortunatament, il-leġiżlazzjoni nnifisha qed tfixkel ir-riċiklaġġ tal-iskart. Huma meħtieġa semplifikazzjonijiet biex tingħata spinta lill-attivitajiet ta’ riċiklaġġ.

Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2023) 161 final.

(2)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20220524-1

(3)  Ir-redditu tal-enerġija fuq l-investiment huwa kejl tal-enerġija netta prodotta minn sors tal-enerġija, meta mqabbel mal-ammont ta’ enerġija investit fl-estrazzjoni, it-trasport, u l-konverżjoni tiegħu f’forma li tista’ tintuża, eż. l-ammont ta’ enerġija użata għall-produzzjoni ta’ pannell solari vis-à-vis l-enerġija prodotta minn dan il-pannell matul il-ħajja tiegħu.

(4)  Ara Carrara, S. et al., Supply chain analysis and material demand forecast in strategic technologies and sectors in the EU — A foresight study, (Analiżi tal-katina tal-provvista u tbassir tad-domanda għall-materjali f’teknoloġiji u setturi strateġiċi fl-UE — Studju ta’ prospettiva) l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2023, doi:10.2760/386650, JRC132889 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. It-Tassonomija tal-UE, ir-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà Korporattiva, il-Preferenzi dwar is-Sostenibbiltà u d-Dazji Fiduċjarji: Nidderieġu l-Finanzi lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 72).

(6)  COM (2023) 160.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1566/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)