|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2490 |
11.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2490
tal-10 ta’ Diċembru 2025
li jagħmel l-importazzjonijiet tal-urea li joriġinaw mir-Russja soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li jippermetti l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ urea li toriġina mir-Russja. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment imressaq fil-11 ta’ Awwissu 2025 minn Fertilizers Europe f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-urea. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa urea li toriġina mir-Russja, kemm jekk f’soluzzjoni milwiema kif ukoll jekk le, kemm jekk b’addittivi kif ukoll jekk le, u b’konċentrazzjonijiet li jvarjaw ta’ nitroġenu skont id-dilwizzjoni tas-soluzzjoni milwiema, li bħalissa hija kklassifikata taħt il-kodiċijiet NM 3102 10 12 , 3102 10 15 , 3102 10 19 u 3102 10 90 . Il-kodiċijiet NM huma pprovduti għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
|
(5) |
L-iskop tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(7) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. |
|
(8) |
Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 34,5 % u 78,9 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 86 % u 120 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fil-livell aktar baxx ta’ dumping jew ta’ dannu skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(9) |
Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(10) |
Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni. |
3. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(11) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-urea, kemm jekk f’soluzzjoni milwiema kif ukoll jekk le, kemm jekk b’addittivi kif ukoll jekk le, u b’konċentrazzjonijiet li jvarjaw ta’ nitroġenu skont id-dilwizzjoni tas-soluzzjoni milwiema,li bħalissa hija kklassifikata taħt il-kodiċijiet NM 3102 10 12 , 3102 10 15 , 3102 10 19 u 3102 10 90 u li joriġinaw mir-Russja.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2025/5240, 25.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5240/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2490/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)