20.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1407

tad-19 ta' Awwissu 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013 li jistipula miżuri ta' tranżizzjoni fis-settur taz-zokkor minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 41 u 16 tiegħu b'mod konġunt mal-punt 4 tat-Taqsima 3(a) tal-Anness IV tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 170/2013 (2) jistipula miżuri ta' tranżizzjoni fis-settur taz-zokkor minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni. It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta' dak ir-Regolament tittratta d-determinazzjoni u l-eliminazzjoni ta' kwantitajiet żejda ta' zokkor preżenti fil-Kroazja fid-data tal-adeżjoni tagħha. B'mod partikolari tistabbilixxi skadenzi għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta' zokkor, għall-eliminazzjoni tagħhom u għall-provi tal-eliminazzjoni li għandhom jingħataw mill-operaturi identifikati fil-Kroazja. Tiffissa wkoll perjodi ta' referenza li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-imposti għall-Kroazja jekk il-kwantitajiet żejda ta' zokkor ma jiġux eliminati.

(2)

Fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1345/2014 (3) ġew determinati l-kwantitajiet żejda ta' zokkor fil-Kroazja maħżuna qabel l-adeżjoni tagħha u li għandhom jiġu eliminati mis-suq tal-Unjoni a skapitu tal-Kroazja f'konformità mal-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013, kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 968/2014 (4).

(3)

Fl-ittra tagħha tad-19 ta' Mejju 2015, il-Kroazja infurmat lill-Kummissjoni li, filwaqt li tirrispetta l-obbligu li sat-30 ta' Settembru 2015, tiżgura l-eliminazzjoni mis-suq tal-kwantitajiet żejda taz-zokkor, kif determinati mill-Kummissjoni, hija esperjenzat diffikultajiet proċedurali mhux previsti fl-implimentazzjoni tal-obbligu biex iġġiegħel l-operaturi kkonċernati jeliminaw dawk il-kwantitajiet żejda u li tiħtieġ żmien addizzjonali biex tegħleb dawn id-diffikultajiet. Għalhekk jixraq li l-iskadenzi previsti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013 jiġu estiżi b'sitt xhur.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 9(1), “30 ta' Settembru 2015” tinbidel u ssir “31 ta' Marzu 2016”;

(2)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

“30 ta' Settembru 2015” tinbidel u ssir “31 ta' Marzu 2016”;

(b)

“31 ta' Mejju 2016” tinbidel u ssir “30 ta' Novembru 2016”;

(3)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, “31 ta' Diċembru 2015” tinbidel u ssir “30 ta' Ġunju 2016”;

(b)

Fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 2, “30 ta' Settembru 2015” tinbidel u ssir “31 ta' Marzu 2016”;

(4)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, “Il-Ħadd, 31 ta' Jannar 2016” tinbidel u ssir “Il-Ħadd, 31 ta' Lulju 2016”;

(b)

Il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu “30 ta' Settembru 2015” tinbidel u ssir “31 ta' Marzu 2016”;

(ii)

fit-tieni subparagrafu “31 ta' Mejju 2016” tinbidel u ssir “30 ta' Novembru 2016”;

(iii)

fit-tielet subparagrafu, “31 ta' Marzu 2016” tinbidel u ssir “30 ta' Settembru 2016”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 170/2013 tal-25 ta' Frar 2013 li jistipula miżuri ta' tranżizzjoni fis-settur taz-zokkor minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja (ĠU L 55, 27.2.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1345/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta' zokkor, isoglukożju u fruttożju fil-Kroazja (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 80).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 968/2014 tat-12 ta' Settembru 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 170/2013 li jistipula miżuri ta' tranżizzjoni fis-settur taz-zokkor minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja (ĠU L 272, 13.9.2014, p. 6).