|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2563 |
18.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2563
tal-24 ta’ Novembru 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fl-34 sessjoni tal-Assemblea tagħha dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Kodiċi dwar l-Allerti u l-Indikaturi u għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġu protetti l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem. |
|
(2) |
L-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), fl-34 sessjoni tagħha li ser issir mill-24 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru 2025 (“A 34”), mistennija tadotta emendi għall-Kodiċi dwar l-Allerti u l-Indikaturi (il-“Kodiċi”) u għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (il-“Linji Gwida għall-Istħarriġ tal-HSSC”). |
|
(3) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni matul l-A34, peress li wħud mill-emendi proposti għall-Kodiċi u għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ tal-HSSC (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi, 2025”) jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-Kodiċi, 2025 għaliex ser jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-istrumenti tal-OMI li ġew adottati jew emendati minn meta ġie adottat il-Kodiċi u, b'hekk, jiġu eliminati l-kontradizzjonijiet, l-ambigwitajiet u r-ridondanzi mhux meħtieġa. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ tal-HSSC, 2025, peress li ser iqisu l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023. |
|
(6) |
L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni waqt l-A 34. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn ikunu jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fl-34 sessjoni tal-Assemblea tagħha għandha tkun ta' qbil mal-adozzjoni ta’:
|
(a) |
il-Kodiċi dwar l-Allerti u l-Indikaturi, 2025, kif jinsab fl-Anness 14 tad-dokument MSC 110/21/Add.2 tal-OMI, u r-revoka konsegwenti tar-Riżoluzzjoni A.1021 (26) tal-Assemblea tal-OMI; u |
|
(b) |
il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC) 2025, kif jinsabu fl-Anness 3 tad-dokument III 11/16/Add.1 tal-OMI, u r-revoka konsegwenti tar-Riżoluzzjoni A.1186 (33) tal-Assemblea tal-OMI. |
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1 tkopri l-emendi proposti sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u sa fejn kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma lkoll membri tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjoni stipulata fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.
Artikolu 3
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LØKKE RASMUSSEN
(1) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/45/oj).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/391/oj)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2563/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)