Edizzjoni Provviżorja
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)
29 ta’ Ġunju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza – Skema ta’ għajnuna għall-investiment privat – Skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rifjut mill-awtorità kompetenti li tagħti għajnuna taħt din l-iskema – Rikors ġudizzjarju intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut – Effett retroattiv ta’ annullament ġudizzjarju possibbli tal-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut – Skadenza, matul il-proċedura ġudizzjarja, tat-terminu previst għall-għoti ta’ għajnuna taħt l-imsemmija skema ta’ għajnuna – Data li fiha l-għajnuna kkonċernata titqies li ngħatat – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1 – Għajnuna eżistenti”
Fil-Kawża C‑255/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2025, fil-proċedura
Technikes Anaktisis kai Diachorismou AE (ECORESET AE)
vs
Perifereia Attikis,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Technikes Anaktisis kai Diachorismou AE (ECORESET AE) u l-Perifereia Attikis (ir-Reġjun ta’ Attikis, il-Greċja) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba ta’ din il-kumpannija sabiex tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna għall-investiment privat għall-iżvilupp reġjonali u ekonomiku tal-pajjiż bit-titolu “Intraprenditorija ġenerali” (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna ‘Intraprenditorija ġenerali’”), awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament Nru 651/2014.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.”
Ir-Regolament Nru 651/2014
4 L-Artikolu 1(1)(a) u (b), u (2)(a) tar-Regolament Nru 651/2014 jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:
(a) l-għajnuna reġjonali;
(b) l-għajnuna lill-[impriżi żgħar u medji (SME)] f’għamla ta’ għajnuna għall-investiment, għajnuna operatorja u biex l-SMEs jkollhom aċċess għall-finanzjament;
[...]
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) l-iskemi fit-Taqsimiet 1 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15), 2, 3, 4, 7 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 44), u 10 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, jekk il-medja tal-ispiża annwali ta’ għajnuna mill-Istat teċċedi l-EUR 150 miljun, minn sitt xhur minn mindu jidħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għal perjodu itwal għal xi waħda minn dawn l-iskemi ta’ għajnuna wara li tkun evalwat il-pjan ta’ valutazzjoni rilevanti nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, fi żmien 20 jum ta’ ħidma mid-dħul fis-seħħ tal-iskema”.
5 Il-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
28. ‘data tal-għoti tal-għajnuna’ tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli”.
6 L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, jipprovdi:
“Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija minn skemi bħal dawn u għajnuna ad hoc ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat u jkunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna stabbiliti f’Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.”
Ir-Regolament (UE) 2015/1589
7 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(b) ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:
[...]
ii) għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];
[...]
(c) ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;
[...]”
Id-dritt Grieg
Il-Liġi 4399/2016
8 In-Nomos 4399/2016 “Thesmiko plaisio gia ti systasi kathestoton Enischyseon Idiotikon Ependyseon gia tin perifereiaki kai oikonomiki anaptyxi tis choras [...]” (il-Liġi 4399/2016 dwar qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna għall-investiment privat għall-iżvilupp reġjonali u ekonomiku tal-pajjiż [...]) tat‑22 ta’ Ġunju 2016 (FEK A’ 117), tistabbilixxi skemi ta’ għajnuna mill-Istat li minnhom tagħmel parti l-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” (Artikoli 37 sa 41).
L-Ordni 137926/2017
9 Permezz tal-Apofasi 137926/2017 tou Ypourgou kai tou Anapliroti Ypourgou Oikonomias kai Anaptyxis (l-Ordni 137926/2017 tal-Ministru u tal-Assistent Ministru għall-Ekonomija u għall-Iżvilupp) tal‑14 ta’ Diċembru 2017 (FEK B’ 4445)], it-tieni sejħa għal proġetti dwar l-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” daħlet fis-seħħ, għal baġit globali ta’ EUR 390 000 000.
10 Id-data tal-ftuħ tal-proċedura għall-preżentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment ġiet iffissata għall‑15 ta’ Diċembru 2017.
11 Wara diversi estensjonijiet, id-data tal-għeluq ta’ din il-proċedura ġiet iffissata għall‑21 ta’ Mejju 2018.
12 L-Ordni 137926/2017 kienet tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet sostantivi speċifiċi.
13 L-Artikolu 14(1), (5) u (6) ta’ din l-ordni kien jipprevedi metodu ta’ evalwazzjoni komparattiva bi klassifikazzjoni tal-partijiet interessati f’lista finali u bl-inklużjoni tagħhom f’din l-iskema ta’ għajnuna sakemm jiġu eżawriti l-baġits rispettivi ta’ kull organu ospitanti.
14 L-Artikolu 15 tal-imsemmija ordni kien jipprevedi l-possibbiltà li jitressqu lmenti.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 Fil‑21 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija kumpannija attiva fis-settur tar-riċiklaġġ tat-tagħmir elettriku u elettroniku, ressqet, fil-kuntest tat-tieni sejħa għal proġetti msemmija fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, talba intiża li tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” għal proġett ta’ investiment relatat mal-installazzjoni ta’ linja ġdida ta’ produzzjoni, li tinsab f’Aspropyrgos (il-Greċja), bil-għan li tiddiversifika l-produzzjoni tagħha, fejn l-ispejjeż totali eliġibbli ta’ dan il-proġett kienu jammontaw għal EUR 1 404 420.
16 Fit‑30 ta’ Awwissu 2018, evalwatur akkreditat qies li din it-talba kienet kompleta u li l-pjan ta’ investiment ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità previsti.
17 Sussegwentement, ġie stabbilit “kumitat ta’ evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment”. Dan tal-aħħar ikkonstata li xi dokumenti ta’ sostenn kienu nieqsa u talab kjarifiki kif ukoll informazzjoni addizzjonali.
18 Wara li ħa inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-pjan ta’ investiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u d-dokumenti relatati miegħu, dan il-kumitat iddeċieda li jiċħad dan il-pjan, minħabba, minn naħa, li l-kundizzjonijiet relatati mal-ispejjeż eliġibbli ma kinux ġew osservati u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi pjan ma kienx jirrigwarda attività ekonomika ġdida tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-reġjun.
19 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem kumitat ta’ eżami tal-ilmenti.
20 Fit‑28 ta’ Ġunju 2019, dan il-kumitat ċaħad dan l-ilment fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ legalità, iżda laqa’ dan l-ilment fir-rigward ta’ waħda minnhom. L-att ta’ ċaħda finali tal-imsemmi lment mill-imsemmi kumitat ġie kkomunikat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
21 Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, abbażi, b’mod partikolari, tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u tal-kumitat ta’ eżami tal-ilmenti, il-President tar-Reġjun ta’ Attikis adotta l-lista definittiva tal-proġetti ta’ investiment Nru 618644. Din il-lista ma kinitx tinkludi l-proġett ta’ investiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
22 Permezz tad-Deċiżjoni 140399 tal-Viċi President tal-Finanzi tar-Reġjun ta’ Attikis, tad‑19 ta’ Frar 2020, it-talba sabiex il-proġett ta’ investiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġi ammess għall-ibbenefikar mill-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” ġiet miċħuda, minħabba li ċerti kundizzjonijiet ta’ legalità ma kinux issodisfatti.
23 Fil‑15 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li huwa l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni “u ta’ kull att ieħor jew ta’ kull nuqqas ieħor tal-amministrazzjoni f’dan il-qasam”.
24 Dik il-qorti tirrileva li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) (a) tar-Regolament Nru 651/2014, il-Kummissjoni, li quddiemha tressaq il-fajl peress li l-baġit tal-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” kien jaqbeż il-limitu annwali ta’ EUR 150 miljun previst minn din id-dispożizzjoni, approvat l-abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni li kien ġie ppreżentat lilha mir-Repubblika Ellenika kif ukoll l-estensjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna sal‑31 ta’ Diċembru 2022.
25 L-imsemmija qorti tosserva li, jekk, wara d-deċiżjoni tagħha, it-talba sabiex il-proġett ta’ investiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġi ammess għall-ibbenefikar mill-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali”, kienet, b’mod finali milqugħa, fid-dawl tal-effett retroattiv irrikonoxxut lid-deċiżjonijiet ta’ annullament mid-dritt Grieg, l-amministrazzjoni tkun meħtieġa tħallas l-għajnuna kkonċernata u tieħu kull miżura neċessarja sabiex tikkonforma ruħha b’mod sħiħ ma’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja, u dan b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.
26 F’dan ir-rigward, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-amministrazzjoni Griega ma tistax tikkontesta, bħala prinċipju, ir-rilevanza tar-rikors fil-kawża prinċipali jew is-suġġett ta’ din il-proċedura billi tinvoka l-eżawriment possibbli tal-baġit tas-sejħa għal proġetti kkonċernata jew l-ikkompletar tal-programm ta’ investiment fid-data tas-seduta miżmuma fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.
27 Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ggarantit b’mod sħiħ l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 20(1) tal-Kostituzzjoni Ellenika u fl-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51 tagħha.
28 Dik il-qorti tirreferi wkoll għall-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, li jiddefinixxi “għajnuna eżistenti” bħala “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”, u għall-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “għajnuna ġdida” tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”.
29 Is-Symvoulio tis Epikrateias(il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li, skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 651/2014 u 2015/1589 imsemmija fil-punti 24 u 28 ta’ dan id-digriet, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna awtorizzata ma jistax iseħħ wara d-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, jiġifieri, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali”, fil‑31 ta’ Diċembru 2022. Fil-każ kuntrarju, tali għajnuna għandha titqies bħala “għajnuna ġdida”, li, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti proċedurali previsti mir-Regolament Nru 651/2014, tikkostitwixxi għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.
30 Barra minn hekk, huwa jirreferi għall-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, li jiddefinixxi d-“data tal-għoti tal-għajnuna” bħala “id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli”, u għall-ġurisprudenza li skontha hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, id-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni għandha titqies li ngħatat. Fil-fehma tiegħu, fid-dritt Grieg, din hija d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ ċaħda tat-talba għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata. Konsegwentement, huwa jinnota li, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal għajnuna, il-fatt li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi l-illegalità possibbli ta’ din iċ-ċaħda tingħata f’data sussegwenti ma jaffettwax id-data ta’ għoti tal-għajnuna, l-istess bħall-kwistjoni tal-effett retroattiv ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja.
31 Huwa jirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, mill-mument li fih id-dritt li tingħata assistenza, ipprovduta permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jingħata lill-benefiċjarju abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha titqies li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 36).
32 Fl-aħħar nett, huwa jirreferi għall-punti 78 u 79 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dritt legali għal ħlas tkun tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, talbiet ġudizzjarji intiżi li jinkiseb il-benefiċċju sħiħ ta’ dan id-dritt għandhom jitqiesu li huma talbiet għall-ħlas tal-parti ta’ din l-għajnuna mill-Istat mhux irċevuta, u mhux bħala talbiet intiżi għall-għoti, mill-qorti adita, ta’ għajnuna mill-Istat distinta.
33 Is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iqis, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li, fil-prinċipju, ma kienx iktar possibbli li jiġu ammessi proġetti ta’ investiment sabiex huma jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” u li tingħata l-għajnuna individwali korrispondenti wara d-data tal‑31 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, fil-fehma tiegħu, ma jkunx hemm għoti ta’ għajnuna meta, wara din id-data, deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata l-illegalità ta’ att amministrattiv ta’ ċaħda ta’ talba għal għajnuna li tkun ġiet adottata qabel l-imsemmija data, u tannullaha b’effett retroattiv għad-data ta’ dan l-att.
34 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kemm fid-data li fiha l-President tar-Reġjun ta’ Attikis adotta l-lista definittiva tal-proġetti ta’ investiment Nru 618644, jiġifieri fl‑10 ta’ Ottubru 2019, li fiha l-proġett ta’ investiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ġiex inkluż, kif ukoll fid-data li fiha l-Viċi President tal-Finanzi tar-Reġjun ta’ Attikis ċaħad it-talba sabiex dan il-proġett ta’ investiment jiġi ammess għall-ibbenefikar mill-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali”, jiġifieri fid‑19 ta’ Frar 2020, din l-iskema ta’ għajnuna kienet għadha fis-seħħ. Dik il-qorti tqis li, għaldaqstant, fil-każ li hija kienet tilqa’ r-rikors fil-kawża prinċipali, ma tistax tqum il-kwistjoni ta’ għoti, permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha stess, ta’ għajnuna mill-Istat illegali.
35 L-imsemmija qorti tenfasizza madankollu li l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tirreferi għal kawża simili, li kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE (C‑653/23, EU:C:2025:517).
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 107(1) TFUE u l-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 651/2014] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għajnuna mill-Istat, bħal dik prevista mill-iskema ta’ għajnuna [‘Intraprenditorija ġenerali’], ‘tingħata’ fil-mument li fih il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti mis-sejħa għal proġetti, fatt li jikkorrispondi f’dan il-każ għall-mument li fih l-awtorità kompetenti tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba, anki meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-għoti tal-għajnuna u li tannulla l-att ta’ ċaħda tat-talba?
2) Jew, għall-kuntrarju, il-kisba ta’ dritt ċert għall-għoti tal-għajnuna hija effettiva fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja rilevanti, b’mod li, f’tali każ, hija d-deċiżjoni ġudizzjarja nnifisha li tagħti ‘għajnuna ġdida’ illegali?
3) Ir-risposta għad-domanda [preċedenti] tkun differenti skont jekk, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali rilevanti, l-annullament ta’ dan l-att amministrattiv minħabba illegalità għandux effett retroattiv, hekk kif huwa l-każ fil-Greċja, jew għandu effett biss għall-futur? ”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
37 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Mejju 2025, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE (C‑249/23, EU:C:2023:517).
38 Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Lulju 2025, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkomunika dik is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.
39 Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru205, dik il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kellha l-intenzjoni żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari
Fuq id-domandi preliminari
40 Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat meta r-risposta għal domanda preliminari magħmula tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.
41 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, minkejja d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE (C‑653/23, EU:C:2025:517). Għaldaqstant hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża.
42 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8, u d-digriet tat‑13 ta’ Frar 2020, flightright, C‑606/19, EU:C:2020:101, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Skont dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47, kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 F’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna “Intraprenditorija ġenerali” ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(2) jew (3) TFUE u eżentata mill-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 651/2014. Din l-iskema ta’ għajnuna tikkostitwixxi għalhekk implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament. Id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-imsemmija skema skont l-imsemmi regolament ġiet estiża permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2022. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-istess skema ta’ għajnuna tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 u l-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, moqrija fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tagħti effett retroattiv lil annullament, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta indebitament lil impriża l-benefiċċju ta’ għajnuna individwali taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni, bil-konsegwenza li din l-għajnuna titqies li ngħatat fid-data li fiha din l-awtorità kienet irrifjutatha indebitament, minkejja li din id-deċiżjoni ġudizzjarja ngħatat wara d-data ta’ skadenza tat-terminu previst għall-għoti ta’ għajnuna taħt din l-iskema ta’ għajnuna.
46 Skont il-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, id-data tal-għoti tal-għajnuna hija dik li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
47 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha l-benefiċċjarji ta’ għajnuna mill-Istat ikunu ngħataw id-dritt li jirċevuha permezz ta’ miżura speċifika huwa marbut mal-kisba minn dawn il-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna u mal-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti l-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, hija f’dik id-data li tali miżura tkun tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, id-data li fiha l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li ngħatat. Għal dan il-għan, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għajnuna mogħtija f’data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għal din l-għajnuna ma tkunx għadha fis-seħħ għandha, minħabba l-fatt li din tkun għajnuna ġdida, tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE u ma tistax tiġi implimentata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi li “għajnuna eżistenti” tfisser għajnuna awtorizzata, fatt li jinkludi l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “għajnuna ġdida” tfisser kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali li ma tkunx għajnuna eżistenti, inkluża kull modifika ta’ għajnuna eżistenti.
51 Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE (C‑653/23, EU:C:2025:517, punti 13, 14, 17, 20, 21, 24 u 25), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat każ li huwa l-oppost ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih, skont id-dritt nazzjonali, meta deċiżjoni ġudizzjarja tkun ikkonstatat, wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-għoti ta’ għajnuna individwali li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni, in-natura illegali ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-għoti ta’ din l-għajnuna, il-qrati nazzjonali setgħu biss jordnaw l-adozzjoni ta’ atti amministrattivi favorevoli għall-futur (ex nunc).
52 F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 107(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li għajnuna individwali li taqa’ taħt skema nazzjonali ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni ma tistax titqies li “ngħatat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Tratta FUE, fid-data li fiha l-awtorità kompetenti nazzjonali rrifjutat indebitament li tagħti l-għajnuna lil individwu li jkun talabha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, meta deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata n-natura illegali ta’ dan ir-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 30).
53 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument li fih il-benefiċjarju jingħata d-dritt ċert li ser jirċievi għajnuna mill-Istat skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha titqies li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li għajnuna mill-Istat bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies li ngħatat f’data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għal din l-għajnuna kienet fis-seħħ, hija għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna awtorizzata” u, għaldaqstant, bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, indipendentement mill-fatt li din titħallas wara t-tmiem tal-validità tal-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni. Tali interpretazzjoni ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, peress li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, huwa fid-data li fiha jkun ingħata d-dritt ċert li persuna ser tirċievi għajnuna mill-Istat li miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-ħlas ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara l-iskadenza tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata jqiegħed lill-persuna li tkun talbet l-għajnuna fis-sitwazzjoni li hija kellha tkun tinsab fiha li kieku l-awtorità kompetenti kienet aġixxiet legalment u b’hekk jippermetti preċiżament li jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kompetittiv fis-suq (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punti 35 u 36).
55 Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna individwali meqjusa li ngħatat fid-data li fiha l-awtorità kompetenti indebitament irrifjutat li tagħti l-għajnuna lil individwu li jkun talabha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, iżda mħallsa lil dan l-individwu b’eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli adottat fuq ordni f’deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura illegali tar-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, TOODE, C‑653/23, EU:C:2025:517, punt 37).
56 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 u l-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 651/2014, moqrija fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tagħti effett retroattiv lil annullament, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta indebitament lil impriża l-benefiċċju ta’ għajnuna individwali taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni, bil-konsegwenza li din l-għajnuna titqies li ngħatat fid-data li fiha din l-awtorità kienet irrifjutatha indebitament, minkejja li din id-deċiżjoni ġudizzjarja ngħatat wara d-data ta’ skadenza tat-terminu previst għall-għoti ta’ għajnuna taħt din l-iskema ta’ għajnuna.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE], u l-punt 28 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE], moqrija fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tagħti effett retroattiv lil annullament, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta indebitament lil impriża l-benefiċċju ta’ għajnuna individwali taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea, bil-konsegwenza li din l-għajnuna titqies li ngħatat fid-data li fiha din l-awtorità kienet irrifjutatha indebitament, minkejja li din id-deċiżjoni ġudizzjarja ngħatat wara d-data ta’ skadenza tat-terminu previst għall-għoti ta’ għajnuna taħt din l-iskema ta’ għajnuna.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.