9.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/267

tat-8 ta’ Frar 2023

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss ikel ġdid awtorizzat u elenkat fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid li jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. Abbażi tad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament, ikel tradizzjonali minn pajjiż terz jitqies bħala ikel ġdid.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

(3)

Fit-28 ta’ Marzu 2019, il-kumpanija DOMENICODELUCIA SPA (“l-applikant”) ressqet notifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni ġewż tal-Canarium ovatum Engl. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. L-applikant talab li l-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. jiġi kkunsmat bħala tali mill-popolazzjoni ġenerali.

(4)

In-notifika tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283. B’mod partikolari, id-data ppreżentata mill-applikant turi li l-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. għandu storja ta’ użu sikur bħala ikel fil-Filippini.

(5)

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-13 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet in-notifika valida lill-Istati Membri u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(6)

Ma tressqux oġġezzjonijiet debitament motivati b’rabta mas-sikurezza għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-ikel inkwistjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew mill-Awtorità fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Fit-13 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità ppubblikat ir-Rapport Tekniku tagħha dwar in-notifika tal-ġewż tal-Canarium ovatum Engl. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz (3). F’dak ir-rapport, l-Awtorità kkonkludiet li d-data disponibbli dwar il-kompożizzjoni u l-istorja tal-użu mitlub tal-ġewż tal-Canarium ovatum Engl. ma tqajjimx tħassib dwar is-sikurezza.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tawtorizza t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz u taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid skont dan.

(9)

Fir-rapport tagħha, l-Awtorità nnutat ukoll fuq il-bażi ta’ evidenza ppubblikata limitata dwar l-allerġija tal-ikel relatata mal-ġewż tal-Canarium ovatum Engl., li jistgħu jkunu mistennija reazzjonijiet allerġiċi wara l-konsum tal-ġewż tal-Canarium ovatum Engl. B’mod partikolari, l-istudji wrew reattività in vitro inkroċjata tal-ġewż tal-Canarium ovatum Engl. mal-ġewż tal-anakardju u mal-ġewż tal-Indja. Huwa importanti li l-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ ikel li jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi tingħata b’mod ċar biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati li jkunu sikuri għalihom. Għalhekk, jixraq li l-ġewż tal-Canarium ovatum Engl. li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi jkun ittikkettat b’mod xieraq skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

Il-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. jenħtieġ li jiġi inkluż bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. huwa awtorizzat li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

Il-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. għandu jiġi inkluż bħala ikel tradizzjonali minn pajjiż terz fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)   EFSA Supporting publication 2022:EN-7314.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat):

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet fejn jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

Rekwiżiti oħra

“Ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl.

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

1.

Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Ġewż tal-Canarium ovatum’ u/jew ‘Ġewż tal-Pili’ u/jew ‘Ġewż tal-Pili (Canarium ovatum)’.

2.

It-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom il-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. għandu jkollu stqarrija li l-ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl. jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi lill-konsumaturi b’allerġiji magħrufa għall-ġewż tal-anakardju u għall-ġewż tal-Indja. Din id-dikjarazzjoni għandha tidher qrib ħafna tal-lista tal-ingredjenti jew, fin-nuqqas ta’ lista tal-ingredjenti, qrib ħafna ta’ isem l-ikel.”

 

Mhux speċifikat

 

(2)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet):

Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Ġewż imnixxef tal-Canarium ovatum Engl.

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel tradizzjonali jikkonsisti mill-ġewż imnixxef mhux inkaljat tal-Canarium ovatum Engl. (familja: Burseraceae) komunement magħrufa bħala ġewż tal-Pili. Il-ġewż tal-Pili jiġi prodott biss minn pjanti tal-Canarium ovatum engl. tal-varjetajiet Laysa, Magnaye, M. Orolfo, Lanuza u Magayon u jista’ jitqiegħed fis-suq bil-qoxra jew mingħajrha. Il-parti li tittiekel tal-ġewża hija l-qalba.

Firxa tipika ta’ kompożizzjoni:

 

Xaħam: 57-73 %

 

Proteini: 11-15 %

 

Ilma: 1-5 %

 

Karboidrati: 8-16,5 %

 

Irmied: 2,8-3,4 %

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

Moffa u ħmira: ≤ 100 CFU/g

 

Għadd totali tal-kolonja f’temperatura ta’ 30 °C: ≤ 10 000 CFU/g

 

Koliformi: ≤ 100 CFU/g

 

Escherichia coli: ≤ 10 CFU/g

 

Staphylococcus aureus: Assenza f’25 g

 

Salmonella spp.: Assenza f’25 g

 

Listeria monocytogenes: Assenza f’25 g

 

Anaerobi li jnaqqsu s-sulfit: ≤ 10 UJK/g

CFU: Colony Forming Units (Unitajiet li jiffurmaw kolonji)”