Edizzjoni Provviżorja
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)
30 ta’ Ġunju 2026 (*)
“Appell – Regolament (UE) 2017/2195 – Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”
Fil-Kawża C‑872/25 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑24 ta’ Diċembru 2025,
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn J. Nordstrom u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn B. Creve, avocat,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:
Swissgrid AG, stabbilita f’Aarau (l-Isvizzera),
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, O. Spineanu-Matei u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz tal-appell tagħha, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Ottubru 2025, Swissgrid vs ACER (T‑556/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:941), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni A‑009‑2022 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tad‑29 ta’ Ġunju 2023, li tiċħad bħala inammissibbli l-appell kontra d‑Deċiżjoni 16/2022 tal-ACER, tat‑30 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).
Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-appell
2 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli mressqa mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu jirrigwardaw deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-ACER huwa suġġett għall-ammissjoni tagħhom minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.
3 Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jkun ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ppreċiżati fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
4 Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti mar-rikors tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jfisser il-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.
5 Konformement mal-Artikolu 170b(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar it-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.
L-argumenti tal-appellanti
6 Insostenn tat-talba tagħha għall-ammissjoni tal-appell, l-ACER issostni li l-aggravju uniku tagħha jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ dan l-aggravju uniku, l-ACER tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal-ACER kiser l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), billi ddikjara inammissibbli l-appell ippreżentat minn Swissgrid AG kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża.
7 Dan l-aggravju uniku jinkludi żewġ partijiet.
8 Permezz tal-ewwel parti, l-ACER issostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-effett legali ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ Swissgrid, operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku fl-Isvizzera. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-esklużjoni de jure ta’ Swissgrid mill-pjattaforma Ewropea għall-proċess ta’ regolarizzazzjoni tal-iżbilanċi (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma IN”), li din il-kumpannija imputat lill-imsemmija deċiżjoni, kienet tirriżulta direttament mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6), il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih din l-istess deċiżjoni kienet ġiet adottata u l-assenza ta’ kompetenza tal-ACER sabiex tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid f’din il-pjattaforma.
9 Il-Qorti Ġenerali stess rrilevat, fil-punti 27, 28, 32 u 36 tas-sentenza appellata, li l-ammissjoni ta’ Swissgrid fuq il-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar tal-enerġija kienet iddeterminata jew mill-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, jew minn ftehim bilaterali konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, b’mod li kkonfermat li l-ACER ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid fil-pjattaforma IN. Kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni din l-assenza ta’ kompetenza, hija kien ikollha tiddeċiedi li l-esklużjoni ta’ Swissgrid mill-parteċipazzjoni fl-imsemmija pjattaforma ma kinitx tirriżulta mid-Deċiżjoni kontenzjuża u kien ikollha tiddeduċi li l-appell imressaq minn Swissgrid quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER ma setax, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għal din il-kumpannija.
10 L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali għalhekk imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kuntest tal-att ikkontestat u l-kompetenzi tal-korp li adottah għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat kontra dan l-att. L-ACER tinvoka, b’mod partikolari, id-digriet tal-11 ta’ April 2024, Atesos medical et vs Il‑Kummissjoni et (C‑491/23 P, EU:C:2024:320), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja qieset appell inammissibbli minħabba li l-effett legali li jaffettwa lir-rikorrenti kien jirriżulta minn regolament u mhux mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell.
11 Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, l-ACER issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni tal-motivi.
12 Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid fil-pjattaforma IN kienet eskluża skont ir-Regolament 2017/2195, filwaqt li ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li din il-kumpannija ma setgħetx tibqa’ żżomm il-parteċipazzjoni tagħha f’din il-pjattaforma wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 16/2022. Skont l-ACER, din it-tieni evalwazzjoni twassal sabiex jiġi ammess impliċitament li l-imsemmija kumpannija setgħet tipparteċipa fl-imsemmija pjattaforma qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Issa, l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195 ma ġiex emendat sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri fit-18 ta’ Diċembru 2017, li jfisser li, sa minn din id-data, is-sitwazzjoni legali ta’ Swissgrid baqgħet l-istess.
13 Fil-punti 62 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat il-kuntratti privati konklużi bejn l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 13/2020 tal-ACER, bħala li kellhom l-effett li jaċċettaw il-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid fl-imsemmija pjattaforma.
14 Barra minn hekk, billi qieset, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma IN fid-dawl tar-Regolament 2017/2195 ma setgħetx tneħħi kull dubju dwar il-possibbiltà għal din il-kumpannija li tkompli tipparteċipa f’din il-pjattaforma, il-Qorti Ġenerali introduċiet kriterju ġdid, relatat mal-eżistenza ta’ dubju, sabiex tevalwa l-effetti legali ta’ att. Tali kriterju huwa irrilevanti u jmur kontra l-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Istat tad-dritt u l-prinċipju iura novit curia. Skont l-ACER, ma seta’ jeżisti ebda dubju dwar dan il-punt, peress li l-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid f’din il-pjattaforma kienet eskluża b’mod ċar fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 27 sa 33 u 35 sa 39 tas-sentenza appellata.
15 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha meta affermat, minn naħa, li l-ACER kienet kompetenti sabiex teskludi lil Swissgrid mill-parteċipazzjoni fil-pjattaforma IN u, min-naħa l-oħra, li din l-esklużjoni kienet iddeterminata mill-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, jew, alternattivament, minn ftehim bilaterali.
16 Skont l-ACER, dawn l-iżbalji kellhom effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fin-nuqqas ta’ dawn, il-Qorti Ġenerali kienet tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER u tiċħad it-tieni motiv ta’ Swissgrid.
17 L-ACER issostni li l-kwistjoni legali mqajma mill-appell tagħha tmur ferm lil hinn mill-ambitu ta’ din il-kawża u hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
18 Din il-kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “effett legali dirett” li joħloq “applikazzjoni doppja” flimkien mal-kriterju ta’ inċidenza diretta u individwali previst fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 263 TFUE. Hija tikkonċerna, b’mod partikolari, il-possibbiltà għal qorti jew għal istanza amministrattiva tal-appell li ma tislitx il-konsegwenzi, waqt l-eżami tagħha tal-ammissibbiltà ta’ appell, mill-konstatazzjonijiet diġà fformulati fil-motivi l-oħra tad-deċiżjoni tagħha, li skonthom l-effett legali dirett allegat jirriżulta minn att ta’ livell ogħla mill-att appellat.
19 L-ewwel nett, tali possibbiltà tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-ambitu tal-att appellat u l-kompetenzi tal-korp li adottah għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat kontra dan l-att. Sussegwentement, tali possibbiltà tista’ twassal sabiex jiġu adottati motivi kontradittorji fil-kawżi kollha li fihom qorti jew istanza amministrattiva tal-appell għandha, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ appell, tevalwa l-effetti legali ta’ att ta’ livell ogħla mill-att appellat. Fl-aħħar nett, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, li jikkonsisti f’li jitqies li jista’ jkun hemm dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ regolament quddiem il-qorti, jimponi fuq il-korpi amministrattivi tal-appell li jistaqsu, waqt l-eżami tal-appelli li jitressqu quddiemhom, jekk il-Qorti Ġenerali jistax ikollha dubju, fatt li jippreġudika l-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, kif imfakkra, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
20 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu juri li l-kwistjonijiet imqajma fl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Capella vs EUIPO, C‑766/25 P, EU:C:2026:276, punt 15).
21 Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, f’każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut huwa intiż li jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21 u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Capella vs EUIPO, C‑766/25 P, EU:C:2026:276, punt 16).
22 Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom l-appell ikun ibbażat, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni tad-dritt imqajma minn kull aggravju, tispeċifika jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fid-dawl tal-kriterju invokat. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aggravji tal-appell, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tispeċifika d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li ma ġietx osservata mis-sentenza appellata jew mid-digriet appellat, tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball kellu influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat. Fejn l-iżball ta’ liġi invokat ikun jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tfisser, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat li l-appellant qiegħed jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li allegatament ma ġewx osservati, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti għaliex tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Capella vs EUIPO, C‑766/25 P, EU:C:2026:276, punt 17).
23 Konformement mal-prinċipju li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, dan għandu juri li, indipendentement mill-punti ta’ liġi li huwa jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li jmorru lil hinn mill-ambitu tas-sentenza appellata u, b’mod definittiv, dak tal-appell tiegħu (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 17, u tat‑18 ta’ Novembru 2025, EUIPO vs Versiontech, C‑411/25 P, EU:C:2025:943, punt 23).
24 Din il-prova timplika fiha nnifisha li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll is-sinjifikat ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ ineżami, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (digrieti tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 18, u tat‑18 ta’ Novembru 2025, EUIPO vs Versiontech, C‑411/25 P, EU:C:2025:943, punt 24).
25 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tistabbilixxi bi preċiżjoni u ċarezza l-aggravju uniku invokat fil-kuntest tal-appell, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 u tidentifika kemm il-punti kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li allegatament ma ġewx osservati.
26 Fil-fatt, mit-talba għall-ammissjoni jirriżulta li l-ACER tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, għall-ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-kuntest tal-att appellat u l-kompetenzi tal-korp li adottah għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ appell. Hija tinvoka, b’mod partikolari, id-digriet tal‑11 ta’ April 2024, Atesos medical et vs Il‑Kummissjoni et (C‑491/23 P, EU:C:2024:320), li l-fatti tiegħu huma simili għall-fatti ta’ dan il-każ ineżami. Skont l-ACER, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, il-kuntest li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari, l-ewwel, il-fatt li l-esklużjoni de jure ta’ Swissgrid mill-parteċipazzjoni fil-pjattaforma IN kienet tirriżulta mir-Regolament 2017/2195 u, it-tieni, l-assenza ta’ kompetenza tal-ACER sabiex taċċetta l-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid f’din il-pjattaforma.
27 Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punti 11 sa 14 ta’ dan id-digriet, l-ACER tinvoka l-ksur tal-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-Istat tad-dritt u tal-prinċipju iura novit curia. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli adottat motivi kontradittorji fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Swissgrid fl-imsemmija pjattaforma u fir-rigward tal-kompetenza tal-ACER sabiex teskludi tali parteċipazzjoni.
28 Fit-tieni lok, it-talba għall-ammissjoni tal-appell tesponi b’mod suffiċjenti sa fejn l-iżbalji allegati kellhom influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, l-ACER issostni li, mingħajr il-ksur allegat, il-Qorti Ġenerali kienet tadotta evalwazzjoni oħra tal-effett legali tad-deċiżjoni kontenzjuża u kienet tiddeċiedi li l-appell imressaq minn Swissgrid kontra din id-deċiżjoni ma setax ikun ta’ benefiċċju għaliha.
29 Fit-tielet lok, l-ACER tidentifika l-kwistjoni tad-dritt imqajma mill-aggravju uniku tagħha, bħala li tirrigwarda, essenzjalment, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ambitu tal-adozzjoni tal-att appellat u tal-kompetenzi tal-korp li adottah fl-evalwazzjoni tal-kriterju tal-inċidenza diretta u individwali previst fl-Artikolu 263 TFUE u riprodott fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942.
30 Fir-raba’ u l-aħħar lok, it-talba għall-ammissjoni tesponi b’mod suffiċjenti r-raġunijiet konkreti li għalihom l-aggravju uniku jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
31 Fil-fatt, l-ewwel nett, billi ssostni li din il-kwistjoni tista’ tqum ukoll fil-kawżi kollha li fihom qorti jew istanza amministrattiva tal-appell tintalab tevalwa l-effetti legali ta’ att ta’ livell ogħla mill-att appellat sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ appell, l-ACER turi li l-kwistjoni legali hekk imqajma tmur lil hinn mill-ambitu tal-appell tagħha, peress li tikkonċerna, lil hinn minn dan il-każ, il-kundizzjonijiet li fihom l-ammissibbiltà ta’ appell għandha tiġi evalwata.
32 It-tieni nett, l-ACER tenfasizza li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata joħloq riskju ta’ inċertezza legali, sa fejn dan imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni u, b’mod partikolari, dik imfakkra fil-punti 61 sa 64 tad‑digriet tal‑11 ta’ April 2024, Atesos medical et vs Il‑Kummissjoni et (C‑491/23 P, EU:C:2024:320).
33 Finalment, it-tielet nett, l-ACER tirrileva li, billi qieset li jista’ jkun hemm dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ regolament quddiem il-qorti, il-Qorti Ġenerali introduċiet kriterju ġdid u irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “effett legali dirett” tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni. Tali approċċ jimponi fuq il-korpi tal-appell amministrattivi, waqt l-eżami tal-appelli mressqa quddiemhom, li jfittxu jekk il-Qorti Ġenerali jistax ikollha tali dubju, b’mod li l-preżunzjoni ta’ legalità ta’ dawn l-atti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Istat tad-dritt u l-prinċipju iura novit curia jitqiegħdu f’dubju.
34 Fid-dawl tal-elementi esposti mill-ACER, din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li dan l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, l-appell għandu jiġi ammess.
Fuq l-ispejjeż
36 Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-Regoli.
37 Skont l-Artikolu 137 tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.
38 Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell hija milqugħa, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:
1) L-appell huwa ammess.
2) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.