European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2493

5.11.2026

DEĊIŻJONI (UE) 2026/2493 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2026

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2026/004 FI/Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (2), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal persuni b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-iktar fis possibbli.

(2)

Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (bil-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3) emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 (4), u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3)

Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Finlandja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 17 tal-Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) (5) Reviżjoni 2 (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) fir-reġjuni tal-livell 2 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) (6) ta’ Etelä-Suomi (FI1C) u ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġi mmobilizzat il-FEG biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 102 560 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja.

(5)

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2026, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 102 560 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-21 ta’ Ottubru 2026.

Magħmul fi Strażburgu, il-21 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. DOOLEY


(1)   ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/691/oj.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1755/oj).

(7)  COM(2026) 555.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2493/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)