|
9.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 243/43 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1123
tat-8 ta’ Lulju 2021
li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni biex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 (2) dwar miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għadd ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti. |
|
(2) |
Il-premessa 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 tipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissospendi l-applikazzjoni tar-Regolament f’każ ta’ sospensjoni mill-Istati Uniti tal-kontromiżuri kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti mill-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-tilwim tad-WTO dwar inġenji tal-ajru ċivili kbar. |
|
(3) |
Fid-9 ta’ Marzu 2021, wara fehim li ntlaħaq mal-Istati Uniti biex jiġu sospiżi b’mod reċiproku l-miżuri kollha għal perjodu ta’ erba’ xhur, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/425 (3) li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li ssospenda l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 sal-10 ta’ Lulju 2021. |
|
(4) |
Fil-15 ta’ Ġunju 2021, il-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis u r-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Katherine Tai laħqu fehim dwar qafas kooperattiv għal inġenji tal-ajru ċivili kbar, fejn “kull naħa biħsiebha tissospendi l-applikazzjoni tal-kontromiżuri tagħha għal perjodu ta’ 5 snin”. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014, “fejn ikun meħtieġ li jsiru aġġustamenti għall-miżuri ta’ politika kummerċjali adottati skont ir-Regolament, soġġett għall-Artikolu 4(2) u (3), il-Kummissjoni tista’ tintroduċi kwalunkwe emenda xierqa skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(2)”. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakli għall-Kummerċ, imwaqqaf permezz tar-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 hija b’dan sospiża għal perjodu ta’ ħames snin mill-11 ta’ Lulju 2021. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal kull sospensjoni jew modifika ulterjuri, id-dazji previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 għandhom jerġgħu japplikaw b’effett mill-11 ta’ Lulju 2026 u inkluż.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50. emendat bir-Regolament (UE) 2015/1843 (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1) u bir-Regolament (UE) 2021/167 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1646 tas-7 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 373, 9.11.2020, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/425 tad-9 ta’ Marzu 2021 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1646 wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwima kummerċjali skont il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 84, 9.3.2021, p. 16).
(4) Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).