European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3988

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Latvja

(C/2025/3988)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Latvja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjanijiet nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)

Fit-30 ta' April 2021, il-Latvja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fil-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Latvja (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fl-8 ta' Diċembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jsir bil-kundizzjoni tal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Latvja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Latvja (7). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikoli 11 u 36 (1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta' aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(6)

Fis-26 ta' Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2025 tal-Latvja. Fl-istess jum, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2025, li fih il-Latvja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru meħtieġ jitwettaq rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (9) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)

Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)

Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal-Latvja. Huwa vvaluta l-progress tal-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Latvja. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet il-Latvja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali

(11)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal-Latvja: 5,9 % fl-2025, 3,6 % fl-2026, 3,4 % fl-2027, u 3,3 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' 15,5 % fl-2025, 19,7 % fl-2026, 23,8 % fl-2027, u 27,9 % fl-2028. Fid-29 ta' April 2025 il-Latvja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha (10), dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rrakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Latvja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Latvja fit-28 ta' April 2025, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil-Latvja tiddevja, u taqbeż, ir-rati massimi ta' tkabbir irrakkomandati tan-nefqa netta (11).

(13)

Abbażi ta' data vvalidata mill-Eurostat (12), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja naqas minn 2,4 % tal-PDG fl-2023 għal 1,8 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 44,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 46,8 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir fin-nefqa netta ta' 4,5 % fl-2024. Fir-rapport Annwali ta' Progress tal-2025, il-Latvja tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta' 3,9 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien ogħla milli fir-Rapport ta' Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal valutazzjoni differenti tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali fl-2024 (13). Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet newtrali fl-2024. Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (15). Dak ir-rapport ivvaluta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Latvja, billi fl-2025 id-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha kif xieraq, il-kriterju tad-defiċit huwa vvalutat bħala ssodisfat. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, f'dan l-istadju l-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tipproponi f'Ġunju li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(14)

Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mil-Latvja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta' 1,2 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata fil-livell ta' 2,5 % fl-2025 u 2,2 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,5 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta' 3,0 % fl-2025 u 1,7 % fl-2026.

(15)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni jiżdied għal 49,0 % fi tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 5,7 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 3,1 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda pprojettata tad-defiċit fl-2025 hija mmotivata minn fatturi ta' dħul u nefqa. Id-dħul huwa mistenni li jiġi affettwat b'mod negattiv minn tnaqqis fid-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu, minħabba r-riforma tas-sistema tat-taxxa fuq l-introjtu personali, u tnaqqis fl-introjtu mill-proprjetà, primarjament minħabba n-normalizzazzjoni tal-profittabbiltà tal-kumpaniji tal-Istat fis-setturi tal-enerġija u tal-forestrija, bħala riżultat ta' prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi. Fuq in-naħa tan-nefqa, it-tkabbir tal-kumpens tal-impjegati, il-pagamenti tal-imgħax u t-trasferimenti soċjali huma l-fatturi ewlenin wara ż-żieda fid-defiċit. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 5,7 % fl-2025. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'1,1 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 48,6 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi u d-defiċit primarju pprojettat.

(16)

In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 1,8 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma' 0,9 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Latvja.

(17)

In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fil-Latvja kienet tammonta għal 2,5 % tal-PDG fl-2021, 2,4 % tal-PDG fl-2022 u 3,1 % tal-PDG fl-2023 (16). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata fil-livell ta' 3,0 % tal-PDG fl-2024 u 3,3 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-Latvja tistma li n-nefqa fid-difiża hija ta' 3,0 % tal-PDG fl-2024 u ta' 3,3 % tal-PDG fl-2025. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lil-Latvja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża li tkun ogħla b'mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)

Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Latvja hija pprojettata li tikber b'5,7 % fl-2025 u 10,4 % tal-PDG b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Latvja fl-2025 huwa pprojettat li jkun taħt ir-rata massima ta' tkabbir rrakkomandata, kemm kull sena kif ukoll meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien.

(19)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 3,0 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied għal 49,5 % fi tmiem l-2026. Wara l-2026, fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 3,2 % tal-PDG fl-2027, u jonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2029. Min-naħa tiegħu, wara l-2026, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied għal 52,8 % fl-2027, u jonqos gradwalment għal 51,3 % fl-2029. Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern li jibqa' 3,1 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 4,4 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'0,3 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 49,3 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju pprojettat.

Sfidi ta' politika ewlenin

(20)

Id-dħul mit-taxxa tal-Latvja għadu taħt il-medja tal-UE, fil-livell ta' 32,9 % tal-PDG fl-2023, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 39,0 %. It-taxxi fuq ix-xogħol u l-konsum huma s-sorsi ewlenin tad-dħul tal-Latvja, filwaqt li t-taxxi fuq il-kapital – inkluża t-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, it-taxxa fuq l-introjtu mill-kapital u t-taxxi fuq il-proprjetà – jirrappreżentaw sehem relattivament baxx tad-dħul totali mit-taxxa u tal-PDG meta mqabbel ma' Stati Membri oħra. Filwaqt li din id-diskrepanza ġenerali relattiva fid-dħul mit-taxxa tista' ma tkunx kwistjoni per se, il-kwistjoni ta' sorsi ġodda ta' finanzjament strutturali ssir rilevanti fl-isfond ta' pressjonijiet fuq terminu medju li qed jiżdiedu fuq il-finanzi pubbliċi, inklużi: (i) l-impenji tal-gvern biex isaħħaħ b'mod konsiderevoli s-sigurtà interna u esterna; (ii) ħtiġijiet sostanzjali ta' finanzjament biex jittejbu s-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa u l-kura soċjali; u (iii) l-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira kofinanzjati mill-UE (eż. Rail Baltica).

(21)

Filwaqt li r-riforma tat-taxxa li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2025 indirizzat xi aspetti relatati mat-tassazzjoni tal-kapital, l-impatt fiskali stmat fuq id-dħul mit-taxxa kapitali huwa pjuttost żgħir, li jammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2025 u fl-2026. Sadanittant, minkejja l-impenn tiegħu għat-tranżizzjoni lejn valuri ġodda tal-art u tal-proprjetà għat-tassazzjoni fuq il-proprjetà immobbli mill-2026, il-gvern għandu fil-mira gwadanji limitati f'termini ta' spazju fiskali u prinċipalment jippjana li jistabbilizza d-dħul mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli qrib il-medja storika.

(22)

Skont stħarriġ tas-sidien u l-maniġers tal-kumpaniji, fl-2023, l-ekonomija sotterranja kienet 3,6 punti perċentwali inqas milli fl-2022, li mmarka l-ewwel tnaqqis mill-2019. L-ekonomija sotterranja fl-2024 kompliet tonqos, u laħqet 21,4 % tal-PDG, li huwa 1,5 punti perċentwali inqas meta mqabbel mal-2023. Filwaqt li hemm modi differenti ta' kif jitkejjel id-daqs tal-ekonomija sewda u huwa diffiċli li tiġi stabbilita l-kawżalità diretta, l-enfasi persistenti tal-gvern fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika biex tiġi fformalizzata l-attività ekonomika tidher li naqqset it-tolleranza tal-kumpaniji għall-ekonomija sewda u r-rieda tagħhom li jipparteċipaw fiha. Fl-istess ħin, żviluppi pożittivi osservati fit-tnaqqis tal-ekonomija informali jeħtieġu sforzi kontinwi biex jiġu implimentati l-pjanijiet ta' azzjoni attwali.

(23)

Filwaqt li r-rieżamijiet annwali tan-nefqa kellhom l-għan li jagħmlu n-nefqa pubblika aktar effettiva, il-prattika attwali tipprevedi redditu tal-biċċa l-kbira tal-iffrankar (madwar 0,3 % tal-PDG kull sena) lill-ministeri settorjali involuti fil-proċess ta' rieżami. Minflok, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat ir-ridirezzjonar tal-finanzjament li jirriżulta lejn għadd limitat ta' oqsma ta' prijorità – bħad-difiża, il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali.

(24)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Anness V, il-kriterju 2.2 ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Latvja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. Il-Latvja diġà għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Latvja taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. Il-Latvja tista' tibbenefika mit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħha u t-titjib tal-istrateġiji ta' eżekuzzjoni biex tgħin fil-mitigazzjoni tad-dewmien u l-ostakli amministrattivi. Il-proġetti ta' kostruzzjoni ffinanzjati mill-UE jinsabu f'riskju ta' dewmien fil-konsenja minħabba l-kapaċità taħt pressjoni tas-settur tal-kostruzzjoni, ikkawżata minn domandi li jikkompetu, piż regolatorju u fatturi esterni. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)

L-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) qabdet ritmu aktar mgħaġġel fil-Latvja. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Latvja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, il-Latvja tkompli tiffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mar-reżiljenza ekonomika u soċjali, inkluż l-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġati, kif ukoll il-provvista edukattiva, it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-kompetittività reġjonali, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Latvja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (17) jestendu l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta' Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+.

(26)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f'oqsma ta' prijorità. Il-Latvja tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(27)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Latvja għandha tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mal-ambjent tan-negozju, l-aċċess għall-finanzi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport sostenibbli, il-ġestjoni tar-riżorsi, in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

(28)

Kif stabbilit fil-Kumpass għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b'mill-inqas 25 % u b'mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tissodisfa din l-ambizzjoni, il-Latvja jeħtieġ ukoll li tieħu azzjoni. 47 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fil-Latvja (18). Il-qafas regolatorju tal-Latvja jippreżenta ostaklu għall-investiment, pereżempju minħabba sistema ta' liċenzjar kumplessa żżejjed. Dawn il-kwistjonijiet huma partikolarment ta' piż f'setturi bħall-iżvilupp tal-proprjetà immobbli, u jenfasizzaw il-ħtieġa għal riformi biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju. Is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi huma kruċjali biex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u tingħata spinta lill-kompetittività, b'allinjament ma' inizjattivi usa' appoġġati mill-UE. Dan jista' jtejjeb ukoll il-fiduċja pubblika f'deċiżjonijiet governattivi bbażati fuq l-evidenza, jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ekonomija sewda, u, b'riżultat ta' dan, jixpruna l-progress ekonomiku sostenibbli.

(29)

In-negozji Latvjani jużaw is-sorsi tradizzjonali ta' finanzjament estern, bħas-self bankarju u s-suq kapitali, inqas ta' spiss min-negozji fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra tal-UE. Ir-rati ta' self tas-suq huma għoljin u r-rekwiżiti kollaterali huma stretti, b'mod partikolari fis-settur korporattiv, inkluż fost l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Dan jimmina l-kapaċità tan-negozji li jespandu u jpoġġi f'riskju l-possibbiltajiet għal investimenti f'oqsma ta' importanza strateġika, bħat-tranżizzjoni ekoloġika, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet, u proġetti għall-iżvilupp reġjonali. Ir-reġjun tal-fruntiera tal-Lvant tal-Latvja jistħoqqlu attenzjoni partikolari, b'aktar investiment biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjetali u ekonomika tiegħu. L-istimulazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju u l-promozzjoni ta' self pubbliku u skemi ta' garanzija biex jiġu ffaċilitati l-investimenti f'oqsma ta' importanza strateġika jistgħu jtejbu l-aċċess għall-finanzi.

(30)

L-investiment privat Latvjan fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħala perċentwal tal-PDG, huwa fost l-aktar baxxi fl-UE. In-negozji fil-Latvja jimpjegaw inqas riċerkaturi mill-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi simili. Il-valorizzazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u l-kooperazzjoni bejn in-negozju privat u l-akkademja hija limitata. Il-Gvern Latvjan diġà implimenta ftit passi importanti biex jirriforma s-sistema akkademika. Pereżempju, ir-rekwiżit tal-għarfien tal-lingwa Latvjana ġie rilassat għal diversi pożizzjonijiet akkademiċi, li jagħti lill-universitajiet Latvjani aktar possibbiltajiet biex jattiraw barranin b'talent. Il-Latvja tinsab fil-proċess li tirriforma s-sistema ta' riċerka u innovazzjoni tagħha biex ittejjeb il-ħolqien u ż-żamma tat-talenti, pereżempju billi żżid is-salarju tal-istudenti tad-dottorat. Implimentazzjoni b'suċċess ta' dawn ir-riformi, kif ukoll żieda fil-finanzjament tar-riċerka akkademika, jistgħu jżidu l-provvista ta' riċerkaturi mħarrġa sew lin-negozji. Barra minn hekk, il-Latvja għandha tistimula l-kooperazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika u tista' tikkunsidra inċentivi diretti tar-R&Ż għan-negozji, bħall-akkwist għall-innovazzjoni.

(31)

Fl-2024, 74 % tal-elettriku tal-Latvja kien iġġenerat minn sorsi rinnovabbli, bl-idroenerġija tammonta għal 51 % tat-total. Madankollu, l-ishma tal-produzzjoni solari u eolika, ta' 8 % u 4 %, rispettivament, kienu għadhom ferm aktar baxxi milli fil-Litwanja u fl-Estonja, u taħt il-medja tal-UE. Hemm lok għal aktar diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż billi tiġi sfruttata l-enerġija eolika u mix-xemx, u billi tiżdied il-produzzjoni minn dawn is-sorsi. B'mod partikolari, minkejja xi azzjoni limitata ppjanata skont il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jitħaffu u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti ta' permessi għal proġetti ġodda tal-enerġija solari u eoliċi. Il-Latvja jenħtieġ li tieħu azzjoni ulterjuri wkoll biex tippromwovi l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, bħall-istimulazzjoni tal-ħżin tal-enerġija proprjetà tal-konsumaturi finali u l-parteċipazzjoni f'riżorsi tal-enerġija distribwiti u fis-servizzi tal-ibbilanċjar u tal-flessibbiltà. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiddefinixxi b'mod ċar ir-rwoli ta' ċerti parteċipanti fis-suq tal-enerġija, bħall-aggregaturi tad-domanda fuq skala żgħira. Separatament, l-applikazzjonijiet għall-permessi għall-konnessjoni mal-grilja għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jaqbżu b'mod konsiderevoli l-kapaċità disponibbli tan-network tal-elettriku, u huwa għalhekk li l-ħruġ ta' permessi ġodda ilu wieqaf minn Lulju 2023. Minkejja xi żviluppi leġiżlattivi pożittivi fl-2025, hemm lok għal aktar azzjoni regolatorja biex tittejjeb il-ġestjoni tal-kju tal-grilja.

(32)

Is-setturi tal-bini u tat-trasport huma kruċjali kemm mill-perspettiva tal-enerġija kif ukoll minn dik tal-klima. Filwaqt li bħalissa qed jitħaddmu jew qed jiġu ppjanati skemi sinifikanti tal-effiċjenza enerġetika, dawn għadhom jiddependu żżejjed fuq il-finanzjament pubbliku, fil-biċċa l-kbira tal-UE. Il-Latvja tista' tibbenefika minn żieda fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini pjuttost antik tagħha billi: (i) tattira finanzjament privat addizzjonali; (ii) tiffavorixxi l-istrumenti finanzjarji u l-għażliet ta' tnaqqis tar-riskji minflok l-iskemi tal-effiċjenza enerġetika bbażati fuq l-għotjiet; u (iii) l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur tas-servizzi tal-enerġija bħala faċilitatur ewlieni tas-suq għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Fis-settur tat-trasport, li għadu jiddependi ħafna fuq il-prodotti taż-żejt, il-potenzjal għal aktar elettrifikazzjoni u dekarbonizzazzjoni ġenerali huwa sinifikanti wkoll. Minkejja xi miżuri pożittivi, fis-seħħ jew antiċipati, il-Latvja tista' tagħmel aktar biex tippromwovi l-użu ta' vetturi elettriċi u l-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju kemm għat-trasport pubbliku kif ukoll għal dak privat. B'mod parallel, investiment addizzjonali biex jiġi estiż in-network tal-irriċarġjar ikun ta' benefiċċju wkoll. Barra minn hekk, barra mis-setturi tal-bini u tat-trasport, minħabba s-sehem għoli u dejjem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita nazzjonali tal-elettriku, il-promozzjoni ta' aktar elettrifikazzjoni tista' tkun strateġija effettiva biex titnaqqas l-intensità ġenerali tal-karbonju u tiżdied is-sigurtà tal-enerġija.

(33)

Il-Latvja jeħtieġ li taċċellera l-progress tagħha lejn ekonomija ċirkolari sabiex tilħaq l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari tal-UE. L-indikaturi tal-pajjiż għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli għadhom lura mill-medja tal-UE, u l-impronta materjali tiegħu qed tkompli tiżdied. Għalkemm il-Latvja tejbet is-sistema ta' ġestjoni tal-iskart tagħha, hija għadha tarmi kważi nofs l-iskart muniċipali tagħha u tinsab f'riskju li ma tilħaqx il-mira tal-2025 għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali.

(34)

In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet ikompli jkun ta' piż fuq it-tkabbir ekonomiku u jnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni lejn ekonomija innovattiva, diġitali u ekoloġika. It-tixjiħ tal-popolazzjoni qed iwassal għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol u hemm rati għoljin ta' postijiet tax-xogħol battala f'setturi ewlenin bħall-kostruzzjoni, il-manifattura, l-iżolament, il-forestrija u l-kura tas-saħħa. It-tbassir fit-tul juri li fid-deċennji li ġejjin, dawn in-nuqqasijiet se jikbru u saħansitra jsiru aktar b'saħħithom. Kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba jistgħu jgħinu biex jattiraw u jżommu ħaddiema tas-sengħa, inkluż f'setturi bħall-kura tas-saħħa u l-kura soċjali. Il-proporzjon baxx ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics), u n-nuqqas ta' riċerkaturi f'dawn l-oqsma, huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tisħiħ tal-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Latvja, speċjalment fis-settur privat. Il-Latvja tinsab fil-proċess li tiżviluppa qafas ta' tagħlim sostenibbli għall-adulti; madankollu, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim u l-involviment ta' persuni qiegħda u persuni f'riskju ta' qgħad f'miżuri ta' politika biex jgħinu lin-nies isibu jew jibqgħu jaħdmu hija aktar baxxa mill-medja tal-UE. Il-livell relattivament baxx u dejjem jonqos ta' kompetenza diġitali joħloq ukoll riskju sinifikanti għall-produttività. Biex tiġi rilaxxata l-provvista tax-xogħol li għadha mhux sfruttata, il-miżuri ta' titjib u ta' tiġdid tal-ħiliet jistgħu jkunu aktar immirati, inkluż għal persuni b'livell baxx ta' ħiliet u madwar ir-reġjuni. Il-kollaborazzjoni mal-impjegaturi tista' tiġi intensifikata billi jiżdied l-użu ta' programmi ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol u taħriġ tal-impjegati mmexxi u ffinanzjat mill-impjegaturi biex ikomplu jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.

(35)

Il-Latvja għadha tiffaċċja livelli persistentement għoljin ta' inugwaljanza u riskji sinifikanti ta' faqar u esklużjoni soċjali, b'impatt partikolari fuq il-persuni akbar fl-età. In-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali fir-rigward tal-PDG hija baxxa u naqset minn 14,0 % fl-2022 għal 13,5 % fl-2023, filwaqt li l-impatt tat-trasferimenti soċjali għajr il-pensjonijiet f'termini ta' mitigazzjoni tal-inugwaljanza fl-introjtu għadu wieħed mill-aktar baxxi fl-UE. Barra minn hekk, l-iżgurar ta' appoġġ adegwat għall-introjtu għall-persuni akbar fl-età jibqa' sfida ewlenija. Konsegwentement, is-sistema ta' protezzjoni soċjali tonqos milli tneħħi proporzjon konsiderevoli tal-popolazzjoni mill-faqar jew mill-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, disparitajiet soċjoekonomiċi sinifikanti bejn ir-reġjuni jaffettwaw il-forniment ta' servizzi soċjali mill-muniċipalitajiet minkejja l-introduzzjoni tal-basket ta' servizzi minimi. Fl-aħħar nett, in-nefqa pubbliku fuq il-kura fit-tul u l-kura fid-dar għadha inadegwata minħabba x-xejriet demografiċi.

(36)

In-nefqa pubblika baxxa fuq il-kura tas-saħħa u stil ta' ħajja li huwa ħażin għas-saħħa huma r-raġunijiet ewlenin għall-eżiti ħżiena tal-popolazzjoni fil-qasam tas-saħħa. L-aċċess għall-kura tas-saħħa ffinanzjata pubblikament fil-Latvja huwa ristrett mill-ambitu limitat tal-pakkett tal-benefiċċji tal-istat, li jirriżulta f'pagamenti għoljin mill-but għall-kura tas-saħħa. Il-piż finanzjarju ta' dan jaffettwa l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx b'mod sproporzjonat. Konsegwentement, il-Latvja għandha waħda mill-ogħla rati ta' ħtiġijiet awtodikjarati mhux issodisfati għall-kura medika. Barra minn hekk, il-Latvja qed tiffaċċja nuqqas ta' ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, speċjalment tal-infermiera, li jkompli jdgħajjef l-għoti ta' servizzi tas-saħħa. Il-gvern ippropona abbozz ta' liġi għar-riforma tal-finanzjament għall-kura tas-saħħa; madankollu, il-proposta tonqos milli timpenja ruħha għal sehem ogħla tal-PDG għas-settur.

(37)

Hemm nuqqas ta' akkomodazzjoni affordabbli ta' kwalità, prinċipalment minħabba investimenti baxxi fl-akkomodazzjoni. In-nuqqas ta' akkomodazzjoni jimmina l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk, l-istokk tad-djar eżistenti huwa ta' kwalità baxxa, b'mod partikolari f'termini ta' effiċjenza enerġetika, li jpoġġi pressjoni finanzjarja fuq l-unitajiet domestiċi minħabba ż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija.

(38)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Latvja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2025 u l-2026 il-Latvja tieħu azzjoni biex:

1.

Jissaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fl-21 ta' Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-konċessjoni skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża. Tagħmel il-finanzi pubbliċi adatti biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet ta' nefqa strutturali dejjem jiżdiedu inkluż fid-difiża, il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali, pereżempju billi twessa' t-tassazzjoni għal sorsi inqas detrimentali għat-tkabbir, billi tmexxi attivitajiet informali jew mhux iddikjarati fl-ekonomija formali, u tidderieġi mill-ġdid in-nefqa lejn oqsma ta' prijorità bbażati fuq rieżamijiet tan-nefqa pubblika.

2.

Bil-ħsieb tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.

Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji. Ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, inkluż billi tistimula l-kompetizzjoni fis-swieq finanzjarji u tippromwovi skemi ta' self pubbliku u ta' garanzija biex jiġu ffaċilitati l-investimenti ta' importanza strateġika, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika, l-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet, u l-iżvilupp reġjonali. Tiffaċilita l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi ssegwi aktar riformi fis-sistema tal-edukazzjoni għolja, biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-akkademja.

4.

Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u żżid is-sigurtà tal-enerġija billi taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment l-enerġija eolika u solari. Ittejjeb il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi u l-ġestjoni tal-kju tal-grilja tal-elettriku, u tippromwovi l-ħżin tal-enerġija, ir-rispons tad-domanda u s-soluzzjonijiet ta' flessibbiltà bbażati fuq is-suq. Tnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja u finali, u l-intensità tal-karbonju billi ssaħħaħ il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, speċjalment fis-settur tal-bini, u billi tippromwovi aktar elettrifikazzjoni. Taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, speċjalment it-trasport bit-triq, billi tippromwovi l-użu ta' vetturi elettriċi, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' fjuwils tat-trasport rinnovabbli u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar. Iżżid l-effiċjenza fir-riżorsi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz tal-ekoinnovazzjoni u tal-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi.

5.

Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, b'mod partikolari fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), u fi speċjalizzazzjonijiet oħra meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, għar-riċerka u għad-diġitalizzazzjoni, kif ukoll fis-setturi soċjali u tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid immirati, u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali biex tnaqqas l-inugwaljanza, inkluż billi ttejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija u l-aċċess għal servizzi soċjali ta' kwalità, b'mod partikolari l-kura fid-dar, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà fiskali. Issaħħaħ l-adegwatezza u l-aċċessibbiltà tas-sistema tas-saħħa biex ittejjeb l-eżiti tas-saħħa, inkluż billi tipprovdi riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, twessa' l-pakkett tal-benefiċċji statutorji u tnaqqas il-pagamenti mill-but. Iżżid id-disponibbiltà u l-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż permezz ta' rinnovazzjonijiet.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Latvja (ST 10157/2021).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja (ST 15569/2023).

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Latvja (ĠU C, C/2025/652, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/652/oj).

(8)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L, 306, 23.11.2011, p. 25).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).

(10)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(11)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti lil-Latvja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3970, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3970/oj).

(12)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.

(13)  Il-Kummissjoni ma tikklassifikax ċerti miżuri ta' dħul bħala miżuri fiskali diskrezzjonarji, eż. pagamenti addizzjonali ta' dividendi minn kumpaniji statali b'ishma konġunti u impatti sekondarji fuq id-dħul mit-taxxa. L-impatt fuq id-dħul tat-tieni ċiklu mhuwiex miżura fiskali diskrezzjonali iżda jidħol fit-tbassir tal-Kummissjoni permezz ta' effetti makroekonomiċi. Pagamenti addizzjonali ta' dividendi minn kumpaniji statali b'ishma konġunti jidħlu wkoll fit-tbassir tal-Kummissjoni iżda mhumiex ittrattati bħala miżuri fiskali diskrezzjonali peress li ma jinvolvux il-bidliet fil-politika “normali” tad-dividendi, eż. aġġustamenti għall-proporzjon tal-iżborż tad-dividendi.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 4.6.2025, COM(2025) 615 final.

(16)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.

(17)  Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.

(18)   “Business” attitudes towards corruption in the EU' Flash Report (L-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE), Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3988/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)